MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tad-drittijiet tan-nisa
5.4.2022 - (2022/2571(RSP))
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Pedro Marques, Maria Arena, Tonino Picula, Udo Bullmann, Elena Yoncheva, Maria Noichl, Mónica Silvana González
f'isem il-Grupp S&D
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0198/2022
B9‑0205/2022
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tad-drittijiet tan-nisa
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan, b'mod partikolari dik tas-16 ta' Settembru 2021[1],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-28 ta' Marzu 2022 magħmula mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà f'isem l-Unjoni Ewropea li titlob l-ftuħ mill-ġdid immedjat tal-iskejjel sekondarji għall-bniet fl-Afganistan,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-23 ta' Marzu 2022 magħmula mill-President tad-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għar-Relazzjonijiet mal-Afganistan dwar it-tħabbira tat-Taliban tal-estenzjoni tal-projbizzjoni fuq l-edukazzjoni għal studenti nisa 'l fuq mis-sitt grad,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU Nru 2626 (2020) tal-10 ta' Marzu 2020 dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Afganistan, ippreżentat matul is-46 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU mit-22 ta' Frar sad-19 ta' Marzu 2021,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, irratifikata mill-Afganistan fl-2003,
– wara li kkunsidra l-Liġi Afgana dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal li ġiet ratifikata fil-5 ta' Marzu 2019,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni tat-18 ta' Frar 2017 dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan, min-naħa l-oħra[2],
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE għall-Promozzjoni u għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal, dwar it-Tfal u l-Konflitti Armati, u dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Rifuġjati, iffirmata f'Ġinevra fit-28 ta' Lulju 1951, u l-Protokoll tal-1967 tagħha,
– wara li kkunsidra l-Patt Globali tan-NU għal Migrazzjoni Sikura, Ordnata u Regolari u l-Patt Globali tan-NU dwar ir-Rifuġjati, li segwew id-Dikjarazzjoni ta' New York għar-Rifuġjati u l-Migranti adottata unanimament mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fid-19 ta' Settembru 2016,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi t-Taliban ħataf il-poter fl-Afganistan f'Awwissu 2021 wara l-irtirar tat-truppi tan-NATO u Alleati; billi stabbilixxa mill-ġdid l-Emirat Iżlamiku tal-Afganistan u ħatar gvern magħmul minn irġiel biss, inklużi diversi membri mir-reġim Taliban mill-1996 sal-2001, li xi wħud minnhom huma mfittxija fuq akkużi ta' terroriżmu;
B. billi kważi tmien xhur wara li t-Taliban ħataf il-kontroll fl-Afganistan, is-sitwazzjonijiet politiċi, ta' sigurtà, tad-drittijiet tal-bniedem u umanitarji baqgħu ħżiena; billi l-ħtiġijiet umanitarji qedgħin dejjem jiżdiedu; billi l-Afganistan issa għandu l-ogħla numru ta' persuni li qed jiffaċċjaw livelli ta' emerġenza ta' insigurtà tal-ikel fid-dinja; billi n-nisa u l-bniet huma f'riskju partikolari ta'
malnutrizzjoni, ta' vjolenza bbażata fuq il-ġeneru u ta' żwiġijiet tat-tfal minħabba sforzi biex jiġi ffaċilitat in-nuqqas ta' ikel fil-familji;
C. billi l-pajjiż għadu estremament insigur; billi l-organizzazzjonijiet terroristiċi, inkluż il-grupp reġjonali tal-Istat Iżlamiku IS Khorasan u Al-Qaeda huma attivi fil-pajjiż; billi l-vjolenza, il-qtil kif ġie ġie u mmirat u l-iżgumbramenti sfurzati u ksur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem huma mifruxa; billi matul il-konflitti armati, in-nisa storikament sofrew konsegwenzi agħar, billi ġarrbu vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, sfruttament sesswali u vjolenza sesswali bħala arma tal-gwerra;
D. billi l-aċċess tan-nisa għall-kura tas-saħħa u l-informazzjoni dwar saħħithom qed ikompli jitqiegħed f'riskju, peress li ma humiex permessi jaċċessaw kliniċi u tobba mingħajr ma jkunu akkumpanjati minn qarib maskili; billi trattamenti urġenti jew li jsalvaw il-ħajjiet jistgħu jsiru impossibbli taħt restrizzjonijiet bħal dawn; billi l-kontraċettivi moderni, kif ukoll il-kura ta' qabel it-twelid u ta' wara t-twelid, spiss ma jkunux disponibbli;
E. billi l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Unit għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji jistma li fl-2022 aktar minn nofs il-popolazzjoni se tkun teħtieġ assistenza umanitarja; billi f'Jannar 2022, in-NU nedew l-akbar appel li qatt sar tagħhom (USD 4.4 biljun) għall-assistenza umanitarja għal pajjiż wieħed biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet enormi fl-Afganistan; billi sal-lum 13 % biss tal-mira tal-baġit hija ffinanzjata; billi 3 miljun tifel u tifla jinsabu f'riskju ta' mewt minn malnutrizzjoni akuta; billi l-Afganistan qed jiffaċċja prezzijiet li dejjem qed jiżdiedu u skarsezza dejjem tikber ta' importazzjonijiet agrikoli u għajnuna alimentari, b'mod partikolari l-qamħ, bħala riżultat tal-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna; billi l-UE wegħdet EUR 113 miljun f'finanzjament umanitarju ġdid għas-sena 2022, inkluż EUR 18 miljun f'appoġġ għar-refuġjati Afgani u l-komunitajiet ospitanti tagħhom fl-Iran u fil-Pakistan; billi ċ-ċifra kumulattiva mwiegħda mit-Tim Ewropa fil-konferenza tad-donaturi tal-Afganistan ammontat għal EUR 525 miljun;
F. billi fl-2021, aktar minn 710 000 persuna ġew spostati internament fl-Afganistan, li żiedu mal-4 miljun persuna li diġà ġew spostati fil-pajjiż; billi kważi 6.5 miljun Afgan qed jgħixu bħala refuġjati fl-Iran u fil-Pakistan;
G. billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem iddeterjorat b'rata mgħaġġla; billi l-lista ta' individwi vulnerabbli u f'riskju tkopri l-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni inklużi n-nisa, il-bniet, il-komunità LGBTI, il-minoranzi etniċi u reliġjużi, l-attivisti tas-soċjetà ċivili, l-akkademiċi, il-ġurnalisti, l-avukati, l-imħallfin, l-artisti, u l-politiċi u l-impjegati taċ-ċivil mill-Gvern Afgan preċedenti; billi l-possibbiltajiet li jaħarbu huma rari u n-nies huma mġiegħla jibqgħu fil-pajjiż minkejja r-riskji li jiffaċċjaw kuljum;
H. billi ġew irrapportati qtil ekstraġudizzjarju u repressjoni tal-libertà ta' espressjoni; billi ħafna ksur u abbuzi tad-drittijiet tal-bniedem ma jiġux irrapportati minħabba n-nuqqas ta' mekkaniżmu xieraq ta' monitoraġġ tad-drittijiet tal-bniedem u ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili taħt il-ħakma Talibana;
I. billi n-nisa u l-bniet qed jiġu miċħuda d-drittijiet fundamentali tagħhom u huma esklużi mill-parteċipazzjoni fil-ħajja pubblika fl-Afganistan; billi jiffaċċjaw diskriminazzjoni u vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, qtil, żwieġ sfurzat u tat-tfal, intimidazzjoni u fastidju; billi hemm biża' ġustifikata li l-Liġi dwar l-Eliminazzjoni tal-Vjolenza Kontra n-Nisa, li timponi pieni kriminali għal żwiġijiet tat-tfal u għal żwiġijiet furzati, għal vjolenza domestika u għal bosta abbużi oħra kontra n-nisa, se titħassar;
J. billi l-parteċipazzjoni ugwali u sinifikanti tan-nisa fit-tmexxija politika u fl-attiviżmu hija prekondizzjoni għad-demokrazija; billi t-Taliban ma ppreveda l-ebda parteċipazzjoni kontinwa tan-nisa fi rwoli ta' tmexxija fl-Afganistan, u qed jippersegwita mexxejja, uffiċjali u attivisti nisa, kif ukoll akkademiċi, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisati, impjegati taċ-ċivil, tobba u artisti nisa, u juża l-forza letali biex jinfirxu l-protesti dwar id-drittijiet tan-nisa; billi hemm rapporti li t-Talibani qegħdin jittraċċaw individwi li ħadmu mal-awtoritajiet preċedenti u wara jwettqu qtil b'vendetta;
K. billi ħafna nisa ġew imkeċċija mill-impjieg tagħhom wara l-kollass tal-Gvern Afgan, u ġew skortati d-dar minn membri tat-Taliban; billi ġew infurmati li l-membri maskili tal-familja tagħhom se jissostitwixxuhom fuq il-post tax-xogħol; billi n-nisa għadhom miċħuda l-aċċess għas-suq tax-xogħol f'ħafna partijiet tal-pajjiż;
L. billi l-mara Afgana ġiet irrifjutata l-ivvjaġġar bl-arju sakemm ma jkunux akkumpanjati minn qarib maskili; billi n-nisa ġew miċħuda aċċess għal attivitajiet sportivi u spazji pubbliċi bħal parks;
M. billi l-gvern interim Taliban ma jinkludi l-ebda mara, u fl-2021 neħħa l-Ministeru tal-Affarijiet tan-Nisa; billi r-reġim Taliban mill-1996 sal-2001 kien responsabbli għal uħud mill-aktar repressjoni fundamentali u inumana tan-nisa fid-dinja; billi r-reġim attwali tat-Taliban ma wera l-ebda sinjal li biddel dan ir-rigward, u b'hekk qed jirrevoka l-progress li sar f'dawn l-aħħar 20 sena;
N. billi l-bniet li għandhom aktar minn 12-il sena huma mcaħħda mill-edukazzjoni fl-Afganistan; billi t-Taliban wiegħed li l-access għall-iskejjel se jerga' jitkompla għall-bniet li għandhom aktar minn 12-il sena; billi għaddew kważi 200 jum minn meta saret din il-weġħda u l-bniet baqgħu pprojbiti mill-iskejjel; billi l-iskejjel u l-universitajiet ġew isseparati skont il-ġeneru u ġie introdott kodiċi restrittiv tal-ilbies għall-bniet; billi dan jista' jwassal ukoll għal numru aktar baxx ta' bniet li jidħlu fl-edukazzjoni primarja, peress li l-perspettiva tal-edukazzjoni għolja jew tal-impjieg bi qligħ tidher li ma tistax tintlaħaq fil-futur; billi dan jinvolvi r-riskju ta' ġenerazzjoni mitlufa ta' bniet li bilkemm jafu kif jaqraw u jiktbu;
O. Billi l-bniet u n-nisa Afgani organizzaw protesti paċifiċi b'mod kuraġġuż, u talbu li d-dritt tagħhom għall-edukazzjoni jiġi rrispettat;
P. billi kien hemm kundanna mifruxa fost il-komunità internazzjonali tal-projbizzjoni kontinwa fuq l-edukazzjoni tal-bniet, inkluż mill-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Iżlamika; billi l-Bank Dinji ffriża proġetti li jammontaw għal USD 600 miljun b'reazzjoni għall-projbizzjoni, fost it-tħassib li l-inizjattivi tiegħu mhux se jkunu jistgħu jipprovdu servizzi għan-nisa u għall-bniet;
Q. billi l-Afganistan għandu wieħed mill-ogħla numri ta' persuni b'diżabilità per capita u qed jiffaċċjaw stigma, diskriminazzjoni u nuqqas ta' appoġġ; billi n-nisa u l-bniet b'diżabilità huma f'riskju partikolati li l-ħtiġijiet tagħhom jiġu injorati u li jiffaċċjaw diskriminazzjoni intersezzjonali;
R. billi għad hemm lakuni konsiderevoli fil-livell u fl-aċċessibbiltà ta' appoġġ u servizzi psikosoċjali pprovduti mill-Istati Membri tal-UE lil refuġjati u lil persuni evakwati Afgani, li esperjenzaw trawma enormi u ħsara psikoloġika;
S. billi l-UE stabbiliet ħames prijoritajiet ewlenin għall-involviment fl-Afganistan, jiġifieri: li tippermetti liċ-ċittadini Afgani u lil dawk barranin id-dritt li jitilqu mill-pajjiż; li tirrispetta d-dritt tagħhom għal-libertajiet, inkluża l-libertà ta' moviment; li tipprovdi aċċess għall-edukazzjoni, għall-parteċipazzjoni fil-ħajja pubblika u għall-assistenza umanitarja; li tipprevjeni l-proliferazzjoni tat-terroriżmu fit-territorju Afgan; u li tistabbilixxi gvern inklużiv u rappreżentattiv;
T. billi s-sistemi ta' kontrolli Talibani li għandhom data bijometrika sensittiva li titħalla lura mid-donaturi tal-Punent, inklużi sistemi ta' identità diġitali u ta' pagi li fihom id-data personali u bijometrika tal-Afgani, li jistgħu jintużaw biex jiġu mmirati dawk meqjusa avversarji;
1. Jiddeplora bil-qawwa d-deterjorament kontinwu tas-sitwazzjoni politika, ekonomika, umanitarja, tad-drittijiet tal-bniedem u tas-sigurtà fl-Afganistan mit-teħid tal-kontroll tat-Taliban f'Awwissu 2021; jikkundanna bil-qawwa l-persekuzzjoni tad-difensuri u tal-ġurnalisti tad-drittijiet tal-bniedem, il-qtil ekstraġudizzjarju u r-repressjoni tal-libertà ta' espressjoni; jikkundanna b'mod partikolari r-repressjoni tad-drittijiet tan-nisa u tal-bniet, fost l-oħrajn id-drittijiet tagħhom għal-libertà ta' moviment, għall-aċċess għall-edukazzjoni u għall-parteċipazzjoni fil-ħajja pubblika; iħeġġeġ lill-UE tagħmel sforzi diplomatiċi pubbliċi biex tipproteġi lid-dimostranti u lil difensuri oħra tad-drittijiet;
2. jesprimi dispjaċir dwar il-fatt li ma sar l-ebda progress fuq il-ħames parametri referenzjarji li magħhom huwa marbut l-involviment tal-UE mal-gvern Taliban de facto; itenni l-appoġġ kontinwu tiegħu għall-validità ta' dawn il-parametri referenzjarji, inklużi d-drittijiet tan-nisa u tal-bniet bħall-aċċess għall-edukazzjoni u l-parteċipazzjoni sħiħa u ugwali fil-ħajja pubblika;
3. jesprimi s-solidarjetà profonda tiegħu man-nisa u l-bniet Afgani; jitlob li l-UE żżid l-appoġġ politiku u finanzjarju tagħha għall-attivisti tad-drittijiet tan-nisa fl-Afganistan u li tiggarantixxi s-sikurezza tagħhom b'kull mod possibbli;
4. Jiddispjaċih ħafna dwar il-projbizzjoni kontinwa tal-edukazzjoni sekondarja tal-bniet; jissottolinja li l-aċċess għall-edukazzjoni huwa dritt universali u mhux privileġġ ibbażat fuq il-ġeneru; jisħaq li Afganistan paċifiku u inklużiv se jirrikjedi parteċipazzjoni ugwali tal-irġiel u tan-nisa fl-edukazzjoni, fl-impjiegi u fil-ħajja ċivika;
5. Ifakkar fil-wegħdiet Talibani li l-aċċess tan-nisa għall-edukazzjoni se jerġa' jitkompla; jinsisti, għalhekk, li t-Taliban issa jaderixxi mal-impenji tiegħu stess u jistabbilixxi mill-ġdid id-dispożizzjonijiet għall-bniet kollha fil-partijiet kollha tal-pajjiż biex jattendu b'mod regolari l-iskola biex jirċievu edukazzjoni sekondarja komprensiva u ta' kwalità; iħeġġeġ lit-Taliban jistabbilixxi u josserva skeda ta' żmien ċara għat-tkomplija tal-klassijiet mingħajr dewmien;
6. Ifaħħar il-qlubija tal-bniet u tan-nisa li jieħdu sehem fil-protesti, li jagħmluhom, de facto, l-unika forza ta' oppożizzjoni li fadal fl-Afganistan; iħeġġeġ lit-Taliban jiżgura l-libertà ta' għaqda u espressjoni paċifika, inkluż bħala mezz biex in-nies ilissnu t-tħassib tagħhom u jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jipparteċipaw fi protesti pubbliċi;
7. Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Kummissjoni jinvolvu ruħhom mal-awtoritajiet de facto tal-Afganistan biex jitolbu l-post fejn jinsabu n-nisa li kienu qed jipprotestaw u li huma maħsuba li ġew detenuti u sparixxew talli talbu d-drittijiet tagħhom, biex jappellaw għar-rilaxx immedjat u mingħajr kondizzjoni tagħhom u li jitolbu li t-Taliban iwaqqaf b'mod immedjat dawn il-prattiki rbitrarji u extraġudizzjarji, li huma kontra d-dritt internazzjonali;
8. Jiddispjaċih ħafna dwar il-fatt li l-progress miksub f'20 sena f'dak li jirrigwarda d-drittijiet tan-nisa u tal-bniet u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri issa jinsab taħt theddida serja; itenni l-pożizzjoni tiegħu li dan il-progress irid jiġi salvagwardjat u mmonitorjat bir-reqqa; jisħaq li d-dritt għall-edukazzjoni u l-impjiegi, il-ħelsien mill-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, l-aċċess għall-kura tas-saħħa u l-parteċipazzjoni sħiħa fit-teħid tad-deċiżjonijiet fil-ħajja politika, pubblika u ċivika lokali u nazzjonali jridu jkunu talbiet ewlenin tal-komunità internazzjonali fi djalogu mat-Talibani;
9. Jikkundanna l-fatt li n-nisa għandhom ftit jew l-ebda opportunità li jaħarbu minn żieda fil-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru; jitlob li jinfetħu mill-ġdid postijiet ta' kenn għall-abbuż domestiku, li ngħalqu, sabiex in-nisa jiġu pprovduti b'żona sikura mill-vjolenza domestika u l-possibbiltà li jitilqu lil min abbużahom;
10. Jitlob l-istabbiliment ta' gvern rappreżentattiv u elett li fih in-nisa u l-gruppi ta' minoranza jistgħu jipparteċipaw b'mod sinifikanti; ifakkar li l-iżvilupp fit-tul tal-Afganistan se jiddependi fuq l-obbligu ta' rendikont, il-governanza tajba, il-provvista sostenibbli tas-sigurtà tal-bniedem, inkluż it-tnaqqis tal-faqar u l-ħolqien ta' opportunitajiet ta' impjieg, l-aċċess għas-servizzi soċjali u tas-saħħa, l-edukazzjoni, u l-protezzjoni tal-libertajiet fundamentali u tad-drittijiet tal-bniedem;
11. Jinnota li l-involviment mat-Taliban huwa meħtieġ għall-forniment ta' servizzi bażiċi u aċċess umanitarju; jissottolinja li dan ma jammontax għal rikonoxximent tal-awtoritajiet Talibani de facto bħala gvern leġittimu; Jissottolinja li l-finanzjament umanitarju għandu jsir aċċessibbli b'mod flessibbli permezz ta' sistema bankarja li tiffunzjona u għandu jiġi pprovdut lil NGOs kredibbli u lil organizzazzjonijiet ibbażati fil-komunità li joperaw fl-Afganistan, inklużi organizzazzjonijiet lokali tan-nisa;
12. Jilqa' r-rapport tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-Afganistan u l-estensjoni tal-mandat tal-Missjoni ta' Assistenza tan-Nazzjonijiet Uniti fl-Afganistan (UNAMA); jinnota li l-UNAMA twettaq funzjonijiet vitali ta' monitoraġġ, involviment u rapportar fin-nuqqas ta' ħafna organizzazzjonijiet internazzjonali u missjonijiet diplomatiċi; iħeġġeġ lill-UNAMA tqiegħed il-monitoraġġ u l-involviment tad-drittijiet tal-bniedem fil-qalba tal-ħidma tagħha, b'reazzjoni għall-isfidi speċifiċi fil-pajjiż;
13. Iħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet u lill-istituzzjonijiet internazzjonali, b'mod partikolari lill-Qorti Kriminali Internazzjonali, biex jindirizzaw is-sitwazzjoni li qed tmur għall-agħar għan-nisa fl-Afganistan u jinvestigaw id-delitt ta' apartheid potenzjali tal-ġeneru li hemm;
14. Jisħaq id-dritt fundamentali ta' dawk affettwati mill-konflitt u mill-persekuzzjoni li jfittxu s-sikurezza, irrispettivament min-nazzjonalità, mir-razza, mill-etniċità, mir-reliġjon, mill-età, mill-ġeneru, mill-identità tal-ġeneru, mid-diżabilità jew mill-orjentazzjoni sesswali; jitlob għal assistenza koordinata u umana għal dawk li qed jaħarbu mill-ħakma Talbana; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kunsill biex ikunu lesti b'kapaċità akbar ta' akkoljenza, biex jappoġġjaw prekorsi sikuri għall-persuni li jeħtieġu protezzjoni u biex jiżviluppaw programmi ambizzjużi ta' risistemazzjoni għar-refuġjati Afgani; jissottolinja l-ħtieġa li tiġi mmitigata l-vulnerabbiltà għall-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru u li jiġi żgurat l-aċċess għall-kura tas-saħħa, inklużi s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi u l-provvisti bażiċi tal-iġjene, u li jiġi pprovdut appoġġ psikoloġiku komprensiv għal dawk li jaħarbu mill-pajjiż;
15. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li n-nisa u ż-żgħażagħ li telqu mill-Afganistan ikunu jistgħu jkomplu l-edukazzjoni tagħhom f'pajjiżi oħra; jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' modi innovattivi biex ikomplu jagħtu s-setgħa lin-nisa u liż-żgħażagħ Afgani, b'mod partikolari billi jipprovdu boroż ta' studju biex jistudjaw fl-iskejjel u fl-universitajiet Ewropej u fl-edukazzjoni online ta' kwalità għolja; ifakkar fil-ħtieġa li jiġi żgurat li d-drittijiet tan-nisa jiġu rrispettati fil-pajjiżi ġirien lejn l-Afganistan, b'mod partikolari l-Pakistan, l-Iran u t-Turkija, li diġà qed jospitaw migranti Afrikani;
16. Itenni t-tħassib estrem tiegħu dwar is-sitwazzjoni umanitarja li qed tiddeterjora; jilqa' l-impenji li saru sa issa mill-komunità internazzjonali fil-konferenza tad-donaturi tan-NU, u jħeġġeġ lill-pajjiżi biex iżidu u jikkoordinaw l-assistenza umanitarja tagħhom mal-aġenziji tan-NU u mal-organizzazzjonijiet mhux governattivi, inkluż billi joħolqu kurituri umanitarji għall-għoti ta' għajnuna alimentari, ilma, sanità, u mediċina;
17. Jirrikonoxxi li lil hinn mill-assistenza umanitarja immedjata, il-bini mill-ġdid tal-ekonomija Afgana se jirrikjedi t-tkomplija tal-għajnuna għall-iżvilupp u t-tneħħija tal-iffriżar tar-riżervi barranin; jinnota li l-kondizzjonijiet politiċi ma jippermettux li jittieħdu dawn il-passi filwaqt li t-Taliban jonqos milli jirrispetta d-drittijiet bażiċi tal-bniedem;
18. Iħeġġeġ lill-UE u lid-donaturi kollha kkonċernati jagħmlu pubbliċi t-tipi ta' data mitlufa jew potenzjalment maqbuda mit-Taliban minn sistemi bijometriċi li ffinanzja jew bena fl-Afganistan, l-arkitettura ta' dawn is-sistemi, il-valutazzjonijiet tal-impatt dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tad-data mwettqa qabel u matul iċ-ċiklu tal-ħajja ta' dawn is-sistemi, u l-passi li ħadet l-UE biex tinforma lis-suġġetti tad-data dwar x'ġara mid-data tagħhom, bil-għan li tiżgura li n-nies kollha fl-Afganistan li jistgħu jkunu f'periklu ta' ritaljazzjoni minħabba data potenzjalment maqbuda mit-Taliban jkunu konxji tar-riskji possibbli ta' ritaljazzjoni, u li dan jitqies bis-sħiħ matul il-proċeduri ta' applikazzjoni għall-ażil;
19. Jemmen li l-UE għandu jkollha rwol ewlieni fil-finanzjament ta' azzjonijiet speċifiċi ħalli tikkontribwixxi biex ittaffi l-kriżi umanitarja u tippreserva l-kisbiet soċjali ta' dawn l-aħħar għoxrin sena, inkluż l-appoġġ għall-iżvilupp rurali u l-agrikoltura, il-kura tas-saħħa, l-enerġija, l-edukazzjoni u l-governanza lokali;
20. Jissottolinja li ħafna mid-dispożizzjonijiet meħtieġa biex jinbena mill-ġdid is-settur privat u jinħolqu impjiegi fl-Afganistan, bħaż-żieda fil-flus għax-xogħol, is-servizzi bankarji privati, l-iskemi ta' garanzija ta' kreditu u l-aċċess għall-finanzjament għall-imprendituri u l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, jistgħu jagħmlu b'mod partikolari kontribuzzjonijiet siewja għall-ħolqien tal-impjiegi għan-nisa u għall-indipendenza ekonomika tagħhom;
21. Itenni l-appoġġ tiegħu għal sanzjonijiet immirati tan-NU; iħeġġeġ il-kontinwazzjoni ta' sanzjonijiet speċifiċi mmirati lejn mexxejja Talibani individwali, filwaqt li jiġi żgurat li tali restrizzjonijiet ma jipprevjenux tranżazzjonijiet finanzjarji leġittimi relatati mal-assistenza umanitarja u l-forniment ta' servizzi;
22. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u lill-Mibgħut Speċjali tal-UE fl-Afganistan.