Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0210/2022Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0210/2022

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-24-25 ta' Marzu 2022, inklużi l-aħħar żviluppi tal-gwerra kontra l-Ukrajna u s-sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja u l-implimentazzjoni tagħhom

5.4.2022 - (2022/2560(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Iratxe García Pérez, Marek Belka, Pedro Marques, Tonino Picula
f'isem il-Grupp S&D

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0197/2022

Proċedura : 2022/2560(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0210/2022

B9‑0210/2022

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-24-25 ta' Marzu 2022, inklużi l-aħħar żviluppi tal-gwerra kontra l-Ukrajna u s-sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja u l-implimentazzjoni tagħhom

(2022/2560(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukrajna, partikolarment dik tal-1 ta' Marzu 2022 dwar l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna[1],

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25 ta' Marzu 2022,

 wara li kkunsidra l-Karta tan-NU,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi għadha għaddejja l-aggressjoni illegali, mhux ipprovokata u mhux ġustifikata kontra u l-invażjoni tal-Ukrajna mill-Federazzjoni Russa;

B. billi, f'konformità mal-Karta tan-NU u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali, l-istati kollha jgawdu minn sovranità ugwali u "għandhom iżommu lura fir-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom milli jirrikorru għat-theddid jew għall-użu tal-forza kontra l-integrità territorjali jew l-indipendenza politika ta' kwalunkwe Stat"; billi fis-16 ta' Marzu 2022, il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja ordnat lill-Federazzjoni Russa tissospendi minnufih l-operazzjonijiet militari tagħha fit-territorju tal-Ukrajna;

C. billi l-Federazzjoni Russa kienet qed twettaq ksur gravi tad-dritt umanitarju internazzjonali fl-Ukrajna;

D. billi eluf ta' ċivili Ukreni tilfu ħajjithom jew ġew feruti fl-aggressjoni u fl-invażjoni Russa mill-24 ta' Frar 2022, filwaqt li kważi 6,5 miljun ċittadini Ukreni ġew spostati internament u aktar minn 4 miljun ħarbu lejn pajjiżi ġirien, u dan żied ma' aktar minn 14 000 persuna, kemm il-persunal militari kif ukoll il-popolazzjoni ċivili, li tilfu ħajjithom fit-tmien snin preċedenti bħala riżultat tal-okkupazzjoni tal-Krimea mill-Federazzjoni Russa u l-kunflitt li ġġenerat fl-Ukrajna tal-lvant;

E. billi l-UE adottat erba' pakketti ta' sanzjonijiet kontra l-Federazzjoni Russa b'reazzjoni għall-aggressjoni u l-invażjoni tagħha; billi dawn is-sanzjonijiet jinkludu sanzjonijiet individwali, miżuri finanzjarji, sanzjonijiet ekonomiċi – inkluż fl-oqsma tat-trasport, l-enerġija, id-difiża, il-metalli u l-oġġetti ta' lussu – restrizzjonijiet fuq il-propaganda tal-media, miżuri diplomatiċi u restrizzjonijiet fuq ir-relazzjonijiet mar-reġjuni ta' Donetsk u Luhansk li mhumiex ikkontrollati mill-gvern; billi l-UE qed tippjana aktar sanzjonijiet kontra l-Federazzjoni Russa; billi l-UE adottat ukoll sanzjonijiet kontra l-Belarussja b'reazzjoni għall-involviment tagħha fl-aggressjoni u fl-invażjoni Russa;

F. billi l-implimentazzjoni tas-sanzjonijiet tal-UE kontra l-Federazzjoni Russa għadha mhux uniformi f'xi oqsma minħabba n-natura mhux ċara tal-assi finanzjarji Russi, oqfsa legali diverġenti fl-Istati Membri, kapaċitajiet istituzzjonali limitati jew nuqqas ta' rieda politika;

1. Itenni l-kundanna tiegħu bl-aktar mod qawwi possibbli tal-aggressjoni militari illegali, mhux ipprovokata u mhux ġustifikata kontra u l-invażjoni tal-Ukrajna mill-Federazzjoni Russa, kif ukoll l-involviment tal-Belarussja fiha; jikkundanna wkoll, bl-aktar mod qawwi possibbli, l-ibbumbardjar indiskriminat tal-bliet, l-immirar intenzjonat taż-żoni residenzjali u tal-infrastruttura ċivili, id-devastazzjoni ta' Mariupol, id-deportazzjoni furzata tas-sindki u ta' ċittadini oħra, u l-użu ta' munizzjon ipprojbit – li kollha jammontaw għal ksur gravi tad-dritt umanitarju internazzjonali – fl-Ukrajna mir-Russja;

2. Jesprimi r-rabja u l-għadab tiegħu dwar l-atroċitajiet imwettqa kontra l-popolazzjoni ċivili tal-Ukrajna fi bliet u rħula okkupati mill-forzi Russi bħal Bucha, Hostomel u Irpin, kif muri mill-iskoperta ta' oqbra tal-massa u mill-prova ta' eżekuzzjonijiet u persekuzzjonijiet; jitlob lill-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) biex tinvestiga dawn l-atti mwettqa mill-forzi militari Russi u biex tressaq quddiem il-ġustizzja u żżomm rendikont ta' dawk kollha responsabbli għall-awtorizzazzjoni, it-twettiq u l-ħabi ta' tali atti ta' min jistmellhom, li jammontaw għal delitti tal-gwerra;

3. Jitlob lill-Federazzjoni Russa ttemm minnufih l-atti kollha ta' vjolenza kontra l-popolazzjoni ċivili u ttemm minnufih l-attivitajiet militari kollha fl-Ukrajna; itenni t-talba tiegħu għall-irtirar bla kundizzjoni tal-forzi militari u paramilitari u Russi kollha u t-tagħmir militari kollu mit-territorju sħiħ tal-Ukrajna u għar-rispett sħiħ lejn l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna fil-fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment tagħha;

4. Jitlob għall-ħolqien ta' passaġġi sikuri u kurituri umanitarji għall-persuni kollha li jaħarbu mill-gwerra, b'mod partikolari t-tfal, kemm minorenni mhux akkumpanjati kif ukoll dawk li jaħarbu mal-familji tagħhom; jitlob li kull tifel jew tifla li jfittxu kenn jiġu ttrattati l-ewwel u qabel kollox bħala tifel jew tifla, u li tiġi żgurata l-protezzjoni għall-persuni kollha li jaħarbu mill-Ukrajna, irrispettivament mill-isfond soċjali jew etniku tagħhom, mill-ġeneru, mill-orjentazzjoni sesswali, mill-kapaċità jew mill-istatus ta' migrazzjoni; ifaħħar lill-Istati Membri, kif ukoll lil pajjiżi oħra fil-viċinat tal-Ukrajna, għar-rispons rapidu u pożittiv tagħhom għall-fluss ta' aktar minn 4 miljun refuġjat li qed jaħarbu mill-gwerra; jilqa' l-attivazzjonii tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja[2]; jitlob għall-promozzjoni ta' mekkaniżmi għad-distribuzzjoni tar-refuġjati fost l-Istati Membri, inkluż it-trasport ikkoordinat malajr għar-refuġjati, b'mod partikolari għal tfal mhux akkumpanjati u tfal b'diżabilità li jirrikjedu kura speċifika;

5. Jikkundanna bil-qawwa r-retorika Russa li tindika rikors possibbli għall-użu ta' armi ta' qerda massiva mill-Federazzjoni Russa u jenfasizza li kwalunkwe użu bħal dan ma jkunx aċċettabbli u jintlaħaq b'konsegwenzi serji; barra minn hekk, jikkundanna t-teħid mill-forzi Russi ta' faċilitajiet u siti nukleari attivi jew li ma għadhomx jintużaw fit-territorju tal-Ukrajna, filwaqt li jenfasizza li l-immaniġġjar tajjeb ta' dawn il-faċilitajiet huwa kwistjoni kruċjali tas-saħħa għar-reġjun kollu; jissottolinja r-rwol kruċjali tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika fl-iżgurar tas-sikurezza tal-faċilitajiet nukleari fl-Ukrajna;

6. Jiddenunzja l-kampanji kontinwi ta' diżinformazzjoni tal-Federazzjoni Russa mmirati lejn l-UE u l-Istati Membri tagħha permezz ta' mezzi tal-media bħal Russia Today u Sputnik; itenni l-appoġġ tiegħu għal sanzjonijiet b'saħħithom b'rispett sħiħ tal-libertà tal-media; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jidentifikaw l-involviment moħbi kollu tal-media tal-Istat Russu fin-networks tal-media online u offline ibbażati fl-UE bl-objettiv li jissospendu minnufih u bis-sħiħ l-involviment finanzjarju u editorjali tagħhom jew tipi oħra ta' involviment madwar l-UE; jitlob għall-appoġġ għall-ġurnalisti Russi indipendenti u għall-mezzi tal-media biex jissaħħu u jkunu jistgħu jkomplu joperaw minkejja l-ambjent tax-xogħol dejjem aktar ripressiv tagħhom; jitlob li jissaħħu r-riżorsi u l-operazzjonijiet tal-UE mmirati lejn l-iżgurar ta' komunikazzjoni proattiva, multilingwi u strateġika tal-UE dwar l-aggressjoni u l-invażjoni Russa;

7. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimmobilizzaw il-mezzi finanzjarji kollha possibbli b'appoġġ għall-Ukrajna; jisħaq fuq l-importanza li tiġi provduta assistenza umanitarja ta' emerġenza kontinwa lill-Ukrajna, u lill-Moldova, f'kooperazzjoni mal-aġenziji umanitarji tan-NU u ma' organizzazzjonijiet sħab internazzjonali oħra; jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li jistabbilixxi Fond Fiduċjarju ta' Solidarjetà għall-Ukrajna u jistenna li l-Parlament se jkollu rwol sħiħ fl-istabbiliment, fl-implimentazzjoni, fis-superviżjoni u fl-iskrutinju tiegħu;

8. Itenni l-appoġġ tiegħu għall-għajnuna difensiva kollha pprovduta lill-forzi armati tal-Ukrajna offruti individwalment mill-Istati Membri u kollettivament permezz tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF); jilqa' d-deċiżjoni li tiżdied l-assistenza lill-Ukrajna permezz tal-EPF b'EUR 500 miljun oħra u jitlob għal żieda ulterjuri f'kontribuzzjonijiet konkreti biex jissaħħu b'mod urġenti l-kapaċitajiet ta' difiża tal-Ukrajna, kemm b'mod bilaterali kif ukoll taħt l-EPF;

9. Jesprimi s-solidarjetà mhux diviża tiegħu mal-poplu tal-Ukrajna u l-aspirazzjonijiet qawwija tagħhom li jittrasformaw lil pajjiżhom fi Stat Ewropew demokratiku u prosperu; jirrikonoxxi r-rieda tal-Ukrajna li tkun involuta fil-proġett Ewropew, kif espressa permezz tal-applikazzjoni tagħha għas-sħubija fl-UE ppreżentata fit-28 ta' Frar 2022; itenni t-talba tiegħu lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jaħdmu lejn l-għoti tal-istatus ta' kandidat tal-UE lill-Ukrajna, f'konformità mal-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u abbażi tal-mertu, u, sadanittant, ikomplu jaħdmu lejn l-integrazzjoni tagħha fis-suq uniku tal-UE skont il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni[3];

10. Itenni l-appoġġ tiegħu għall-movimenti ta' kontra l-gwerra fil-Federazzjoni Russa u fil-Belarussja kontra l-aggressjoni u l-invażjoni Russa;

11. Jilqa' u jappoġġja bil-qawwa l-erba' pakketti ta' sanzjonijiet adottati mill-UE f'unità b'reazzjoni għall-aggressjoni u l-invażjoni Russa; ifakkar li l-għan ta' dawn is-sanzjonijiet huwa li jimminaw il-kapaċità tal-Federazzjoni Russa li tkompli l-gwerra tagħha fl-Ukrajna billi ddgħajjef l-ekonomija u l-bażi industrijali tagħha, b'mod partikolari l-kumpless industrijali-militari tagħha; jenfasizza li l-unità u s-solidarjetà fost l-Istati Membri huma kruċjali biex tinżamm l-effettività tar-rispons tal-UE kontra l-aggressjoni militari Russa u għalhekk jistieden lill-Istati Membri kollha biex jikkontribwixxu biex tiġi żgurata pożizzjoni b'saħħitha u magħquda fil-Kunsill u biex jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' solidarjetà għall-UE bl-għan li jiġu bbilanċjati l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali inevitabbli tas-sanzjonijiet għall-UE nnifisha;

12. Jitlob lill-UE tadotta sanzjonijiet severi ulterjuri li jirriflettu l-eskalazzjoni bla waqfien tal-aggressjoni Russa u l-attroċitajiet xokkanti mwettqa mill-forzi militari Russi, li bla dubju jammontaw għal delitti tal-gwerra;

13. Jitlob li tiżdied l-effettività tas-sanzjonijiet eżistenti, fost l-oħrajn billi jiġu esklużi, f'koordinazzjoni mas-sħab internazzjonali tal-UE li jaħsbuha bl-istess mod, il-banek kollha mill-Federazzjoni Russa mis-sistema tas-SWIFT u billi jiġi pprojbit kwalunkwe bastiment marittimu li jtajjar il-bandiera Russa, irreġistrat, proprjetà ta', mikri, operat jew b'xi mod ieħor marbut mar-Russja, inkluż Sovicomflot, mid-dħul fl-ilmijiet territorjali tal-UE u mit-trakkar fil-portijiet tal-UE;

14. Jisħaq fuq l-importanza tal-implimentazzjoni immedjata u sħiħa tas-sanzjonijiet eżistenti kollha tal-UE kontra l-Federazzjoni Russa; itenni t-talba tiegħu li jinżamm approċċ koerenti lejn dawn is-sanzjonijiet mingħajr ebda eżenzjoni biex jiġu akkomodati l-interessi nazzjonali jew settorjali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jsaħħu l-effettività ta' dawn is-sanzjonijiet billi jsaħħu l-infurzar tagħhom, ifasslu strateġiji komprensivi biex jeqirdu flus Russi li nkisbu b'mod ħażin mis-sistema finanzjarja tal-UE, filwaqt li jipprevjenu ċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet, inkluż permezz tal-anonimità offruta mit-trasferimenti tal-kriptoassi, iżidu l-kapaċitajiet ta' traċċar u identifikazzjoni, it-tmiem tal-impunità għal dawk li jinstigaw li ma jwettqux diliġenza dovuta xierqa f'dan il-qasam, u t-tkomplija tal-koordinazzjoni mill-qrib tagħhom ma' alleati transatlantiċi u ma' sħab internazzjonali oħra li għandhom l-istess fehma; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja sistematikament l-implimentazzjoni ta' dawn is-sanzjonijiet madwar l-Istati Membri u tippermetti skambju tal-aħjar prattiki, b'mod partikolari dwar l-implimentazzjoni ta' sanzjonijiet kontra oligarki Russi;

15. Jesprimi tħassib dwar rapporti li f'diversi Stati Membri, individwi ssanzjonati jistgħu jkomplu jużaw l-assi ffriżati tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw il-proposti biex jiġu mwaqqfa u kkonfiskati b'mod permanenti l-assi ffriżati ta' individwi ssanzjonati; jenfasizza li r-rikavati ta' konfiska permanenti, f'konformità mad-dritt tal-vittma għar-restituzzjoni, ikollhom ikunu ta' benefiċċju għall-poplu tal-Ukrajna permezz ta' għajnuna umanitarja u difensiva, assistenza għar-refuġjati u appoġġ imsaħħaħ għall-Fond Fiduċjarju ta' Solidarjetà għall-Ukrajna, bil-possibbiltà li tali fondi jiġu riallokati għar-rikostruzzjoni tar-reġjuni, il-bliet, il-bliet u l-irħula affettwati mill-gwerra fl-Ukrajna u jew biex jiġu kkumpensati l-vittmi tal-aggressjoni Russa;

16. Jitlob li l-ambitu tal-miżuri restrittivi mmirati kontra persuni u entitajiet jitwessa' b'mod sinifikanti u li dawn jimmiraw il-membri kollha tal-istat u tal-elit ekonomiku qrib il-president Russu u n-networks personali tiegħu, kif ukoll il-membri tal-familja tagħhom; f'dan ir-rigward, itenni t-talbiet tiegħu biex jitnaqqas in-numru ta' rappreżentanti diplomatiċi u konsulari Russi u jesprimi l-appoġġ tiegħu għal dawk l-Istati Membri li keċċew lill-membri tal-persunal tar-rappreżentazzjonijiet diplomatiċi Russi li l-attivitajiet tagħhom kienu relatati mas-servizzi militari jew tal-intelliġenza;

17. Jitlob li jkun hemm pakkett ġdid ta' sanzjonijiet imsaħħa skont ir-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem biex tissanzjona aktar individwi u entitajiet, b'mod partikolari l-oligarki Russi, persuni kummerċjali prominenti, uffiċjali anzjani, dawk kollha affiljati mal-Wagner Group, u dawk kollha responsabbli għal, involuti fi jew assoċjati ma' ksur u abbużi severi tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tal-aggressjoni u l-invażjoni Russa; jitlob, barra minn hekk li r-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem eżistenti ikun ikkumplimentat bi strument iddedikat għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u għall-adozzjoni rapida ta' sanzjonijiet immirati kontra individwi u entitajiet responsabbli għal korruzzjoni ta' livell għoli fir-Russja u l-Belarussja;

18. Jieħu nota tas-sanzjonijiet imposti fuq il-Federazzjoni Russa fl-oqsma tal-arti, il-kultura, l-edukazzjoni, ix-xjenza u l-isport; jikkunsidra li dawn l-oqsma, flimkien mad-djalogu tas-soċjetà ċivili, huma oqsma li jistgħu jikkontribwixxu għall-bini ta' rabtiet ma' Federazzjoni Russa demokratika fil-futur; jitlob, madankollu, għal assigurazzjonijiet li l-ebda membru tal-familja ta' individwi qrib l-elit tal-istat u ekonomiku li jappoġġja l-gwerra kontra l-Ukrajna ma jista' jaċċessa boroż ta' studju ffinanzjati mill-UE jew kwalunkwe programm ieħor ta' appoġġ fil-qasam tal-edukazzjoni u r-riċerka; jissottolinja l-importanza li tingħata attenzjoni lill-kummerċ ta' oġġetti kulturali bil-għan li jiġi evitat it-traffikar tal-massa ta' xogħlijiet u artefatti mill-Ukrajna;

19. Jissottolinja li r-reġim ta' sanzjonijiet tal-UE kontra l-Federazzjoni Russa jrid jibqa' fis-seħħ mill-inqas sakemm ikun hemm waqfien sħiħ u permanenti mill-ġlied u sakemm it-truppi Russi u dawk sponsorjati jkunu kompletament irtirati mit-territorju rikonoxxut internazzjonalment tal-Ukrajna;

20. Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Kummissjoni biex jintensifikaw l-involviment tagħhom f'pajjiżi li għadhom ma ngħaqdux mal-UE fl-introduzzjoni ta' sanzjonijiet kontra l-Federazzjoni Russa, bl-użu tas-saħħa tal-UE u l-firxa sħiħa tal-għodod disponibbli tagħhom għal dak il-għan; jiddeplora n-nuqqas ta' allinjament ta' ċerti pajjiżi kandidati tal-UE mas-sanzjonijiet tal-UE; jitlob li jiġi stabbilit pjan ċar ta' azzjoni vis-à-vis pajjiżi mhux tal-UE li qed jiffaċilitaw l-evażjoni tas-sanzjonijiet mill-Federazzjoni Russa;

21. Jinnota bi tħassib serju l-isforzi persistenti mill-Federazzjoni Russa biex tiddestabbilizza l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u tinterferixxi fil-proċessi demokratiċi tagħhom; jiddenunzja, għal darb'oħra, dawk il-pajjiżi fil-Balkani tal-Punent li esprimew appoġġ għall-Federazzjoni Russa wara l-aggressjoni tagħha u jfaħħar l-appoġġ għas-sanzjonijiet muri minn dawk li huma alleati ewro-Atlantiċi; jiddeplora n-nuqqas ta' allinjament tas-Serbja mas-sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja, li jagħmel ħsara lill-proċess ta' adeżjoni tagħha mal-UE, u jtenni l-aspettattiva tiegħu li l-kandidati għall-adeżjoni mal-UE jallinjaw mhux biss mal-acquis tal-UE iżda wkoll mal-politika estera u ta' sigurtà komuni tal-UE;

22. Jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għad-deċiżjoni tal-Prosekutur tal-QKI li jiftaħ investigazzjoni dwar is-sitwazzjoni fl-Ukrajna bbażata fuq allegati delitti tal-gwerra u reati kontra l-umanità u jissottolinja l-importanza ta' ħidma u ta' progress rapidu sabiex tiġi żgurata l-evidenza meħtieġa; jitlob, għalhekk, għal appoġġ finanzjarju u prattiku għall-ħidma importanti tal-QKI, eż. permezz tad-dokumentazzjoni tal-evidenza; jinnota li l-ġuriżdizzjoni tal-QKI, mil-lum, ma tistax tiġi estiża għar-reat ta' aggressjoni; jappoġġja, b'konsegwenza ta' dan, l-istabbiliment ta' tribunal speċjali b'enfasi fuq ir-reat ta' aggressjoni sabiex jikkomplementa l-proċedimenti mressqa quddiem il-QKI u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem; jappoġġja l-inizjattiva li jiġi stabbilit uffiċċju interim f'The Hague li jippermetti lill-prosekuturi u lill-investigaturi Ukreni u dawk internazzjonali jwettqu l-ħidma preparatorja meħtieġa għall-istabbiliment tat-tribunal, inkluż il-ġbir ta' evidenza dwar ir-reat ta' aggressjoni li qed jitwettaq fit-territorju tal-Ukrajna; jitlob lill-Kummissjoni tagħmel il-finanzjament disponibbli biex ikopri l-kost tal-istabbiliment u t-tħaddim ta' uffiċċju interim għal perjodu inizjali ta' erba' xhur; jitlob li l-evidenza preliminari tar-reati msemmija hawn fuq tiġi protetta kif xieraq sabiex tiġi ppreservata bil-garanziji legali kollha meħtieġa;

23. Jirrikonoxxi li sanzjonijiet effettivi kontra l-Federazzjoni Russa u l-fluss ta' miljuni ta' refuġjati li jaħarbu mill-Ukrajna bħala riżultat tal-aggressjoni u l-invażjoni Russa qed jiġġeneraw sfidi ekonomiċi u soċjali inevitabbli madwar l-UE u l-Istati Membri tagħha; jitlob għal miżuri ta' kumpens u provvisti alternattivi ta' merkanzija u sorsi tal-enerġija sabiex jitnaqqsu dawn l-impatti negattivi, kif ukoll għal miżuri effettivi kontra l-ispekulazzjoni inaċċettabbli li tkompli taggrava, inkluż billi wieħed jitgħallem mill-miżuri ta' suċċess implimentati mill-UE b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19;

24. Jinnota bi tħassib id-domanda mill-Federazzjoni Russa li l-Istati Membri jibdew iħallsu għall-konsenji tal-gass bir-rublu Russu minn April 2022 'il quddiem; jisħaq li l-Federazzjoni Russa jeħtiġilha tirrispetta d-dispożizzjonijiet fil-kuntratti tal-enerġija tagħha u li l-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtiġilhom ma jaċċettaw l-ebda deċiżjoni unilaterali li jagħmlu pagamenti bir-rublu Russu skont dawn il-kuntratti;

25. Jesprimi tħassib dwar il-konsegwenzi negattivi tal-aggressjoni u tal-invażjoni Russa fis-suq intern tal-enerġija tal-UE, li wasslu għal żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija għall-individwi u għan-negozji u żieda fin-numru ta' persuni li jesperjenzaw faqar enerġetiku, li jaffettwa, b'mod partikolari, lill-aktar persuni vulnerabbli bl-inqas dħul; jitlob lill-Kummissjoni tesplora modi kif ittaffi l-impatt taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija fuq il-familji bi dħul aktar baxx; jitlob b'mod urġenti lill-Istati Membri jinvestu f'alternattivi rinnovabbli u jikkoordinaw politiki ekonomiċi sabiex jindirizzaw iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija;

26. Jitlob li jsir progress lejn embargo sħiħ fuq l-importazzjonijiet Russi tal-gass, taż-żejt u tal-faħam malajr kemm jista' jkun u għalhekk li titħaffef l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni propost mill-Kummissjoni għall-indipendenza enerġetika mill-Federazzjoni Russa fi żmien konkret, li tħaffef kemm jista' jkun l-isforzi konġunti biex jitneħħew gradwalment l-importazzjonijiet ta' prodotti tal-enerġija Russi, biex jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' solidarjetà biex jitnaqqsu l-konsegwenzi soċjali ta' dan il-proċess u biex jintemm b'mod definittiv il-proġett Nord Stream 2;

27. Jisħaq, għal darb'oħra, fuq l-importanza tad-diversifikazzjoni tar-riżorsi tal-enerġija, tat-teknoloġiji u tar-rotot tal-provvista, flimkien ma' aktar investiment fl-effiċjenza enerġetika, fl-enerġija rinnovabbli, fis-soluzzjonijiet tal-ħżin tal-gass u tal-elettriku u f'investimenti sostenibbli fit-tul f'konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew; jenfasizza l-importanza li jiġu żgurati provvisti tal-enerġija sostenibbli mis-sħab kummerċjali tal-UE permezz ta' ftehimiet ta' kummerċ ħieles eżistenti u futuri, li tkompli tnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq ir-Russja, b'mod partikolari għall-materja prima; jitlob, barra minn hekk, li jiġu stabbiliti riżervi strateġiċi komuni tal-enerġija u mekkaniżmi għall-akkwist tal-enerġija fil-livell tal-UE bil-għan li tiżdied is-sigurtà tal-enerġija filwaqt li titnaqqas id-dipendenza esterna fuq l-enerġija u l-volatilità tal-prezzijiet;

28. Jesprimi tħassib serju dwar l-impatt li l-aggressjoni u l-invażjoni Russa qed ikollhom fuq is-sigurtà tal-ikel fl-Ukrajna, fl-Ewropa u lil hinn minnha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-komunità internazzjonali jipprovdu lill-poplu tal-Ukrajna bi programm ta' għajnuna umanitarja robusta għall-ikel; jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat li s-settur agrikolu tal-Ukrajna jkun jista' jiffunzjona kif suppost mill-ġdid malajr kemm jista' jkun, filwaqt li jsiru l-isforzi kollha possibbli biex jiġi ssalvagwardjat l-istaġun li jmiss taż-żrigħ u tal-produzzjoni u biex ikunu jistgħu jiġu ttrasportati u jiġu pprovduti kurituri tal-ikel sikuri lejn u mill-pajjiż;

29. Ifakkar li l-UE hija l-akbar importatur u esportatur fid-dinja ta' prodotti agrikoli, tas-sajd u tal-akkwakultura; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tantiċipa kontrosanzjonijiet potenzjali mill-Federazzjoni Russa li jistgħu jaffettwaw is-sigurtà tal-ikel fl-UE u biex tidentifika u tiftaħ swieq ġodda biex tirridirezzjona l-esportazzjoni tal-prodotti tal-ikel tal-UE bl-għan li tkompli tiddiversifika l-provvista minn u l-esportazzjoni lejn pajjiżi mhux tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimmonitorjaw mill-qrib is-swieq għall-prodotti agrikoli, tas-sajd u tal-akkwakultura, filwaqt li jagħtu attenzjoni partikolari lill-ispekulazzjoni tal-prezzijiet, is-sikurezza tal-ikel u s-sigurtà tal-provvista tal-ikel fuq perjodu ta' żmien medju u twil f'konformità mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-iżgurar tal-integrità tas-suq uniku;

30. Jinnota bi tħassib l-inċertezzi finanzjarji u ekonomiċi prodotti mill-aggressjoni u l-invażjoni Russa; jinnota li s-swieq finanzjarji qed jiffaċċjaw theddid attwali jew potenzjali fir-rigward tal-esponiment għall-kontropartijiet Russi tagħhom, il-volatilità fil-prezzijiet tal-komoditajiet, id-deterjorament tal-prospetti tat-tkabbir, iż-żieda fl-inflazzjoni u fir-riskji operazzjonali, inklużi attakki ċibernetiċi u l-interkonnettività tal-IT mal-Federazzjoni Russa; iħeġġeġ lill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Kummissjoni jimmonitorjaw u jindirizzaw dawn ir-riskji;

31. Jieħu nota li la l-fond NextGenerationEU u lanqas il-flessibbiltà skont il-qafas finanzjarju pluriennali attwali tal-2021-2027 ma huma biżżejjed biex ikopru l-ħtiġijiet finanzjarji ġġenerati mill-gwerra fl-Ukrajna; ifakkar li dawn l-istrumenti ma kinux imfassla biex jindirizzaw l-isfidi l-ġodda li jirriżultaw mill-aggressjoni u l-invażjoni Russa u fl-istess ħin iżommu l-investimenti fil-programmi u l-politiki tal-UE, inklużi prijoritajiet importanti bħat-tranżizzjonijiet ġusti, ekoloġiċi u diġitali; jitlob lill-Kummissjoni, għalhekk, biex twettaq, bħala prijorità, analiżi fil-fond tal-impatti fuq il-baġits tal-UE għall-2022 u l-2023 u l-qafas finanzjarju pluriennali għall-2021-2027, inkluż sabiex jiġu ddeterminati l-pertinenza u l-iskeda tar-reviżjoni ta' dan tal-aħħar; jistenna li tali reviżjoni tqis l-implikazzjonijiet fit-tul tal-gwerra fl-Ukrajna;

32. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lin-Nazzjonijiet Uniti, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukrajna, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa, u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Belarussja.

Aġġornata l-aħħar: 6 ta' April 2022
Avviż legali - Politika tal-privatezza