MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-impatt tal-gwerra kontra l-Ukrajna fuq in-nisa
26.4.2022 - (2022/2633(RSP))
skont l-Artikolu 136(5) tar-Regoli ta' Proċedura
Robert Biedroń
f'isem il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi B9‑0219/2022
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-impatt tal-gwerra kontra l-Ukrajna fuq in-nisa
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 8, 10, 78 u 83 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) tas-17 ta' Lulju 1998,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra, speċjalment il-Konvenzjoni (IV) dwar il-Protezzjoni ta' Persuni Pajżani fi Żmien ta' Gwerra,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU tal-20 ta' Diċembru 1993 dwar l-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà tal-31 ta' Ottubru 2000 u r-riżoluzzjonijiet ta' segwitu tagħha li ġejjin: 1820 (19 ta' Ġunju 2008); 1888 (30 ta' Settembru 2009); 1889 (5 ta' Ottubru 2009); 1960 (16 ta' Diċembru 2010); 2106 (24 ta' Ġunju 2013); 2122 (18 ta' Ottubru 2013); 2242 (13 ta' Ottubru 2015); 2467 (23 ta' April 2019) u 2493 (29 ta' Ottubru 2019),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tat-30 ta' Awwissu 1961 dwar it-Tnaqqis tal-Apolidija,
– wara li kkunsidra l-Patt Globali tan-NU dwar ir-Refuġjati tal-2018,
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni Ġenerali Nru 38 (2020) tal-Kumitat tan-NU għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni kontra n-Nisa tas-6 ta' Novembru 2020 dwar it-traffikar ta' nisa u bniet fil-kuntest tal-migrazzjoni globali,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tal-11 ta' Mejju 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul),
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta' Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta' influss bil-massa ta' persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta' dawn[1] (Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 tal-4 ta' Marzu 2022 li tistabbilixxi l-eżistenza ta' influss bil-massa ta' persuni spostati mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja[2],
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI[3],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' April 2021 dwar l-Istrateġija tal-UE dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin 2021-2025 (COM(2021)0171),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Marzu 2022 bit-titolu "Nilqgħu lil dawk li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna: Inħejju l-Ewropa biex tkun tista' tissodisfa l-ħtiġijiet" (COM(2022)0131),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tat-8 ta' Marzu 2022 dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika (COM(2022)0105),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Marzu 2022 dwar l-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna[4],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' April 2022 dwar il-protezzjoni tal-UE tat-tfal u ż-żgħażagħ li qed jaħarbu minħabba l-gwerra fl-Ukrajna[5],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2020 dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri fil-politika estera u ta' sigurtà tal-UE[6],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-Ġeneru (Gender Action Plan, GAP) III – Aġenda ambizzjuża għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-għoti tas-setgħa lin-nisa fl-azzjoni esterna tal-UE" (JOIN(2020)0017),
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar l-impatt tal-gwerra kontra l-Ukrajna fuq in-nisa (O-00000/2022 – B9‑0000/2022),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi,
A. billi l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja ġiegħlet lil għadd kbir ta' persuni jaħarbu mill-pajjiż; billi mill-bidu tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna fl-24 ta' Frar 2022, skont il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR), madwar 5 miljun rifuġjat ħarbu mill-Ukrajna lejn l-UE[7]; billi madwar 90 % ta' dawn ir-rifuġjati huma nisa u tfal[8];
B. billi 7.1 miljun[9] persuna oħra ġew spostati internament fl-Ukrajna, inklużi n-nisa u t-tfal li jeħtieġu kura medika u tas-saħħa mentali, possibbiltajiet ta' impjieg, edukazzjoni xierqa għat-tfal u akkomodazzjoni u protezzjoni kontra vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru; billi 13.5 % ta' dawk li għadhom kif ġew spostati kellhom esperjenza preċedenti bi spostament matul l-2014-2015; billi l-ispostament intern qed ipoġġi pressjoni fuq il-muniċipalitajiet tal-Ukrajna, billi n-nisa fir-reġjuni meqjusa bħala reġjuni ta' tranżitu huma affettwati b'mod speċifiku; billi jeħtieġ li jiġi stabbilit appoġġ xieraq għall-muniċipalitajiet li jospitaw persuni spostati internament;
C. billi n-nisa spiss jiġu fl-UE ma' wliedhom jew mat-tfal tal-familja estiża u l-ħbieb tagħhom; billi s'issa ġew irreġistrati madwar 2 300 minorenni mhux akkumpanjati; billi r-rapporti mill-organizzazzjonijiet internazzjonali jistmaw numri ogħla; billi t-tfal minn istituzzjonijiet tal-kura bħall-orfanatrofji mhumiex meqjusa mhux akkumpanjati; billi aktar minn 2 300 tifel u tifla ġew maħtufa u spostati bil-forza lejn ir-Russja;
D. billi madwar 2.8 miljun persuna ħarbu lejn il-Polonja, madwar 763 000 persuna ħarbu lejn ir-Rumanija, 476 000 lejn l-Ungerija u 346 000 lejn is-Slovakkja; billi proporzjon sinifikanti tar-rifuġjati qed ikomplu jivvjaġġaw lejn Stati Membri oħra; billi mill-Polonja, madwar miljun rifuġjat iċċaqalqu lejn Stati Membri oħra, b'1.5 miljun rifuġjat jibqgħu fil-Polonja, u b'hekk il-Polonja saret il-pajjiż tal-UE bl-ogħla proporzjon ta' rifuġjati per capita; billi t-tieni pajjiż f'din il-klassifikazzjoni bħalissa huwa l-Awstrija, segwit mir-Repubblika Ċeka u mbagħad mill-Estonja[10]; billi n-nisa mingħajr kuntatti f'pajjiżi bħall-Polonja jiġu akkomodati fid-dormitorji pubbliċi u fis-swali sportivi; billi hemm bżonn li wieħed imur lil hinn minn dawn is-soluzzjonijiet temporanji u jiġu żviluppati soluzzjonijiet sistemiċi biex jiġi żgurat li n-nisa ma jibqgħux f'postijiet pubbliċi ta' kenn fejn jiffaċċjaw il-faqar u aktar trawma; billi hemm ħtieġa urġenti ta' akkomodazzjoni sikura għan-nisa, b'mod partikolari n-nisa tqal, in-nisa anzjani u l-vittmi ta' vjolenza sesswali;
E. billi madwar 428 000 rifuġjat telqu mill-Ukrajna u għaddew mill-Moldova; billi għad hemm madwar 100 000 rifuġjat li qed joqogħdu fil-Moldova, u dan ipoġġi pressjoni qawwija fuq l-infrastruttura u s-servizzi tal-pajjiż; billi fil-kuntest tal-Pjattaforma ta' Solidarjetà tal-UE, seba' Stati Membri tal-UE inklużi l-Awstrija, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Litwanja, in-Netherlands u Spanja, kif ukoll in-Norveġja, s'issa wegħdu li jilqgħu 14 500 persuna li qed jgħaddu mill-Moldova;
F. billi n-nisa u l-bniet huma partikolarment f'riskju matul il-kriżijiet umanitarji u ta' spostament, peress li, b'mod sproporzjonat, ikomplu jkunu vittmi ta' diskriminazzjoni bbażata fuq in-normi tal-ġeneru u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru; billi filwaqt li l-ewwel wasliet ta' rifuġjati li kienu qed jaħarbu mill-Ukrajna kellhom fil-biċċa l-kbira kuntatti fl-UE, il-maġġoranza tal-persuni li jaslu issa ma għandhomx punt ta' kuntatt jew network ta' appoġġ fl-UE;
G. billi ċ-ċittadini tal-UE, is-soċjetà ċivili u l-Istati Membri rreaġixxew għar-rifuġjati li deħlin mill-Ukrajna b'ġenerożità ta' solidarjetà bla preċedent; billi għall-ewwel darba l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea wassal għad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja (TPD), li tipprovdi lill-benefiċjarji, għal mill-inqas sena bil-possibbiltà ta' estensjoni, b'permessi ta' residenza u aċċess għall-impjiegi, għal akkomodazzjoni xierqa, għall-assistenza soċjali jew għal mezzi ta' sussistenza jekk ikun meħtieġ, għall-kura tas-saħħa u medika, u, għall-minorenni, għall-edukazzjoni, kif ukoll għall-opportunità ta' riunifikazzjoni tal-familji;
H. billi l-applikazzjoni tat-TPD kienet pjuttost irregolari u mill-inqas tmien Stati Membri għażlu li ma jinkludux persuni b'permessi ta' residenza fit-tul u ċittadini oħra ta' pajjiżi terzi fl-Ukrajna fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha; billi r-rifuġjati rikonoxxuti fl-Ukrajna u oħrajn bi protezzjoni ekwivalenti spiss ma jkunux jistgħu jivvjaġġaw fl-UE peress li d-dokumenti tal-ivvjaġġar tagħhom mhumiex rikonoxxuti minn xi Stati Membri; billi dan huwa problematiku ħafna għan-nisa li qed jiffaċċjaw it-tieni spostament tagħhom[11];
I. billi s'issa, il-biċċa l-kbira tal-isforzi biex tittaffa s-sitwazzjoni tar-rifuġjati, li l-parti l-kbira tagħhom huma nisa, twettqu mill-NGOs li joperaw fuq il-post, mis-soċjetà ċivili u mill-voluntiera, iżda wkoll mill-gvernijiet u mill-awtoritajiet lokali; billi huwa meħtieġ appoġġ kontinwu biex tiġi żgurata kooperazzjoni tajba bejn l-organizzazzjonijiet f'livell lokali u dawk internazzjonali, u billi l-koordinazzjoni tagħhom ilha titjieb mill-bidu tal-kunflitt u l-fluss tar-rifuġjati; billi l-entitajiet lokali qed iwettqu parti importanti mill-organizzazzjoni fil-pajjiżi ospitanti; billi l-Istati Membri għandhom obbligu legali li jiżguraw il-protezzjoni tar-rifuġjati skont id-dritt internazzjonali u tal-UE, inkluża t-TPD, u għalhekk jeħtieġ li jżidu l-isforzi tagħhom biex jiffaċilitaw il-koordinazzjoni fil-prattika u jiżguraw distribuzzjoni aħjar tal-kompiti;
J. billi għandha tingħata attenzjoni speċjali lis-sitwazzjoni tar-rifuġjati nisa li qed jesperjenzaw diskriminazzjoni intersezzjonali, bħan-nisa Rom, in-nisa mingħajr Stat, in-nisa b'diżabilità, in-nisa migranti, in-nisa diskriminati minħabba r-razza u l-persuni LGBTIQ+, inklużi n-nisa transġeneru li l-identità tagħhom tista' ma tiġix rikonoxxuta, speċjalment fil-Polonja u fl-Ungerija, fejn ittieħdu miżuri kontra l-persuni LGBTIQ+; billi għandha tingħata wkoll attenzjoni speċjali lin-nisa diskriminati minħabba n-nisel Afrikan u liċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi fil-qsim tal-fruntieri; billi d-diskriminazzjoni u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru li dawn il-gruppi ta' nisa qed jesperjenzaw fil-fruntieri spiss ma jiġux irrapportati u ma jiġux iddokumentati, u dan ifisser li jibqgħu inviżibbli;
K. billi n-nisa akbar fl-età, speċjalment dawk mingħajr punti ta' kuntatt fl-UE, spiss ikunu f'riskju ta' iżolament mingħajr rabtiet familjari jew komunitarji usa'; billi dawn huma partikolarment vulnerabbli minħabba l-ostakli lingwistiċi u n-nuqqas ta' aċċess għas-servizzi soċjali u ta' appoġġ, inkluż l-aċċess għall-mediċini u għall-ikel;
L. billi l-gwerra fl-Ukrajna qed ikollha impatt fuq in-nisa, inklużi dawk li qed jiffaċċjaw diskriminazzjoni intersezzjonali, b'modi speċifiċi u qed taggrava l-inugwaljanzi li kienu jeżistu qabel; billi l-biċċa l-kbira tal-unitajiet domestiċi fl-Ukrajna issa qed jiddependu min-nisa u jinsabu f'sitwazzjonijiet prekarji u vulnerabbli ħafna minħabba n-nuqqasijiet serji li hemm ta' provvisti tal-ikel, tal-ilma u tal-enerġija fl-Ukrajna;
M. billi ħafna nisa baqgħu fl-Ukrajna u mmobilizzaw għall-kumbattiment jew biex jagħtu appoġġ f'forma oħra li mhix kumbattiment; billi n-nisa jirrappreżentaw madwar 15 % tal-forzi militari tal-Ukrajna u bħalissa hemm madwar 300 000 mara fil-kamp tal-battalja; billi n-nisa jikkostitwixxu wkoll it-tieni linja ta' difiża, li tipprovdi appoġġ f'forma oħra li mhix kumbattiment kif ukoll loġistika vitali, li tinkludi assistenza fl-evakwazzjoni tal-popolazzjoni ċivili; billi hemm nisa li tħallew fl-Ukrajna, jew ma tħallewx jitilqu mill-pajjiż, bħal dawk li jaħdmu f'infrastrutturi kritiċi, jew li ma jkunux lesti jew f'pożizzjoni li jitilqu mill-pajjiż;
N. billi hemm għadd dejjem akbar ta' rapporti mhux uffiċjali mis-superstiti, iżda wkoll rapporti ta' intelliġenza, dwar il-vjolenza sesswali fil-kunflitt; billi qed jiżdiedu r-rapporti li l-istupru, il-fastidju sesswali, it-tortura, l-eżekuzzjonijiet tal-massa u l-ġenoċidju qed jintużaw dejjem aktar mill-armata Russa bħala armi tal-gwerra kontra l-popolazzjoni ċivili fl-Ukrajna;
O. billi l-użu ta' vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru (GBV) bħala arma huwa delitt tal-gwerra u għalhekk għandu jiġi pproċessat skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt internazzjonali u l-Istatut ta' Ruma tal-QKI, b'mod partikolari l-Artikoli 7 u 8 tiegħu, li jiddefinixxu l-abbuż sesswali, l-iskjavitù sesswali, il-prostituzzjoni furzata, it-tqala furzata u l-isterilizzazzjoni furzata jew kwalunkwe forma ta' vjolenza sesswali bħala reati kontra l-umanità u delitti tal-gwerra u tqis it-tortura u delitti serji oħra tal-gwerra, kemm jekk tali atti jitwettqu b'mod sistematiku kif ukoll jekk le matul kunflitti internazzjonali jew interni, inklużi dawk relatati ma' vjolenza sesswali u vjolenza oħra kontra n-nisa u l-bniet;
P. billi r-rekord reali fit-twassil tal-ġustizzja fil-QKI għall-vittmi ta' vjolenza sesswali għadu baxx, u billi hemm każijiet ta' kundanni f'dak il-qasam li ġew mibdula (is-sentenza kontra Jean Pierre Bemba mir-Repubblika Demokratika tal-Kongo);
Q. billi n-nuqqas ta' disponibbiltà u aċċessibbiltà ta' servizzi xierqa ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru għar-rifuġjati, inkluż fiċ-ċentri ta' akkoljenza, jibqa' ta' tħassib sinifikanti; billi huwa vitali li r-rispons għal din il-kriżi jinkludi servizzi ta' prevenzjoni tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u ta' rispons immedjat;
R. billi l-ispostament enormi u l-fluss tar-rifuġjati minħabba l-gwerra fl-Ukrajna qed iwasslu għall-kundizzjonijiet ta' żieda qawwija fit-traffikar tal-bnedmin; billi hemm rapporti sinifikanti mhux uffiċjali dwar ir-riskji tat-traffikar tal-bnedmin fir-rigward tar-rifuġjati, b'mod partikolari n-nisa u t-tfal mhux akkumpanjati, li spiċċaw f'idejn it-traffikanti jew li huma rrapportati nieqsa, bit-traffikanti spiss jabbużaw mis-sitwazzjoni vulnerabbli tar-rifuġjati billi jippreżentaw ruħhom bħala fornituri tat-trasport, kemm bil-karozza fuq kull naħa tal-fruntieri kif ukoll fl-istazzjonijiet tal-ferrovija jew tax-xarabank;
S. billi bħalissa hemm madwar 80 000 mara li qed jistennew li jwelldu fl-Ukrajna; billi s-sitwazzjoni diffiċli fil-prattika qed tirriżulta f'nuqqas ta' aċċess xieraq għas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati għan-nisa li għadhom fil-pajjiż; billi l-aċċess għas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati (SRHR) qed isir ukoll dejjem aktar diffiċli għar-rifuġjati li jaslu fl-UE;
T. billi n-nisa jesiġu aċċess għall-firxa sħiħa ta' servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva inklużi l-kontraċezzjoni, il-kontraċezzjoni ta' emerġenza, il-kura legali u sikura f'każ ta' abort, il-kura qabel it-twelid u l-assistenza b'ħila matul il-ħlas; billi l-aċċess għall-kontraċezzjoni ta' emerġenza huwa mfixkel b'mod sever mill-ostakli fil-Polonja u fl-Ungerija, minħabba r-rekwiżiti ta' preskrizzjoni; billi fil-każ tal-Polonja, tar-Rumanija u tas-Slovakkja hemm ostakli ekonomiċi għall-aċċess ta' tali servizzi fundamentali tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati peress li mhumiex koperti minn skemi ta' assigurazzjoni jew sussidji tas-saħħa pubblika, li jirriżultaw f'ostakli sinifikanti għall-ispejjeż peress li r-rifuġjati jridu jħallsu l-ispejjeż kollha minn buthom jew ifittxu għajnuna mill-organizzazzjonijiet lokali tas-soċjetà ċivili biex ikopru l-ispejjeż għalihom; billi fil-Polonja, hemm fis-seħħ projbizzjoni kważi totali fuq l-abort;
U. billi l-avukati u l-NGOs jirċievu mijiet ta' telefonati minn nisa tqal li qed jaħarbu mill-Ukrajna li ma jistgħux itemmu t-tqala tagħhom minħabba l-projbizzjoni de facto tal-abort fil-Polonja; billi l-abort mediku fil-bidu tat-tqala mhuwiex legali fis-Slovakkja u mhuwiex disponibbli fl-Ungerija; billi ħafna nisa ġew stuprati matul il-kunflitt mill-aggressuri Russi, l-aċċess għall-kontraċezzjoni ta' emerġenza, il-profilassi ta' wara l-esponiment u s-servizzi ta' abort sikur u legali fl-Ukrajna u fil-pajjiżi ospitanti u ta' tranżitu huwa kruċjali; billi l-pajjiżi ospitanti kollha inkluża l-Polonja jeħtiġilhom jissodisfaw l-obbligu tagħhom, inkluż skont id-dritt nazzjonali, li jiggarantixxu aċċess għall-kura f'każ ta' abort għan-nisa li jkunu nqabdu tqal bħala riżultat ta' stupru;
V. billi l-leġiżlazzjoni tal-Ukrajna tippermetti l-maternità surrogata u l-Ukrajna tirrappreżenta aktar minn kwart tas-suq tal-maternità surrogata kummerċjali tad-dinja u kull sena fil-pajjiżi jitwieldu madwar 2 000 sa 2 500 tarbija permezz ta' maternità surrogata; billi, minħabba l-gwerra, l-ommijiet surrogati qed jiffaċċjaw diffikultajiet kbar biex jieħdu ħsieb it-tqala tagħhom; billi xi aġenziji tal-maternità surrogata talbu lill-ommijiet surrogati biex ma jaħarbux mill-Ukrajna qabel it-twelid; billi l-gwerra għamlitha impossibbli għal ħafna ġenituri li jiltaqgħu mat-tfal tagħhom li jkunu għadhom kemm twieldu;
1. Jerġa' jafferma l-kundanna tiegħu, bl-aktar termini b'saħħithom possibbli, tal-aggressjoni militari illegali, mhux ipprovokata u mhux ġustifikata tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna u l-invażjoni tagħha,u jikkundanna kwalunkwe delitt tal-gwerra mwettaq kontra l-popolazzjoni ċivili, inklużi n-nisa u l-bniet fid-diversità kollha tagħhom;
2. Itenni t-talbiet tiegħu biex l-istituzzjonijiet tal-UE jaħdmu għall-għoti malajr tal-istatus ta' kandidat tal-UE lill-Ukrajna, f'konformità mal-Artikolu 49 tat-TUE u abbażi tal-mertu, u, sadanittant, li jkomplu jaħdmu għall-integrazzjoni tal-Ukrajna fis-suq uniku tal-UE skont il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni sabiex in-nisa u l-bniet tal-Ukrajna jiġu protetti b'mod adegwat;
3. Ifaħħar is-solidarjetà li wrew iċ-ċittadini tal-UE, is-soċjetà ċivili, l-Istati Membri u l-UE nnifisha lejn l-Ukrajna u n-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna; jinnota li mill-bidu tal-gwerra, saru sforzi biex tittaffa s-sitwazzjoni tar-rifuġjati nisa li jaħarbu mill-Ukrajna permezz tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li joperaw fuq il-post, b'mod partikolari l-organizzazzjonijiet lokali tan-nisa, kif ukoll il-voluntiera, l-awtoritajiet lokali, u l-gvernijiet lokali u nazzjonali, b'mod partikolari dawk tal-Istati Membri u l-pajjiżi ġirien, kif ukoll l-organizzazzjonijiet internazzjonali;
4. Jisħaq li kwalunkwe tip ta' diskriminazzjoni, inkluż abbażi tan-nazzjonalità, tal-istatus ta' residenza, tat-twemmin jew tar-reliġjon, tar-razza, tal-kulur, tal-etniċità, tal-ġeneru, tal-età, tal-orjentazzjoni sesswali, tal-identità tal-ġeneru, tal-isfond soċjoekonomiku, tal-karatteristiċi ġenetiċi, tad-diżabilità jew tal-lingwa mhijiex aċċettabbli u trid tiġi pprevenuta b'mod attiv;
5. Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura implimentazzjoni korretta u sħiħa tat-TPD fis-27 Stat Membru u tiżgura li r-rifuġjati nisa li jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna jibbenefikaw bis-sħiħ mid-drittijiet minquxa fiha, speċjalment fir-rigward tas-servizzi tas-saħħa, tal-maternità, tal-indukrar tat-tfal u tal-aċċess għas-suq tax-xogħol; jikkunsidra li l-Kumitat Parlamentari ta' Assoċjazzjoni UE-Ukrajna, skont il-mandat aġġornat tiegħu, għandu jkollu r-rwol li jimmonitorja l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva fl-Istati Membri li jmissu mal-Ukrajna; jappella għal implimentazzjoni bla xkiel u uniformi biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tat-TPD għal ċittadini ta' pajjiżi terzi b'permess ta' residenza fit-tul u għal gruppi oħra ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna;
6. Jikkundanna bil-qawwa l-użu tal-vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru bħala arma tal-gwerra u jisħaq li dan jikkostitwixxi delitt tal-gwerra, kif ukoll vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru fiċ-ċentri ta' tranżitu fl-Ukrajna u madwar l-UE; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-għadd dejjem jikber ta' rapporti ta' traffikar tal-bnedmin, vjolenza sesswali, sfruttament, stupru u abbuż li jiffaċċjaw in-nisa u t-tfal li jaħarbu mill-Ukrajna u li jaslu fl-Ewropa; jistieden lill-pajjiżi tal-UE jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa u tal-bniet fiċ-ċentri ta' akkoljenza u jiżguraw li jkunu disponibbli minnufih servizzi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru u mogħdijiet ta' riferiment u mekkaniżmi ta' lment fi ħdan il-komunitajiet f'lingwi u f'formati aċċessibbli għall-gruppi kollha; jistieden lill-UE u lill-pajjiżi ospitanti u ta' tranżitu jiggarantixxu aċċess għas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttivi u d-drittijiet relatati, b'mod partikolari l-kontraċezzjoni ta' emerġenza, il-profilassi ta' wara l-esponiment u l-kura f'każ ta' abort, inkluż għas-superstiti tal-istupru; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw lill-organizzazzjonijiet lokali, nazzjonali u internazzjonali li jipprovdu servizzi u kenn lil superstiti ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru fost in-nisa rifuġjati u l-bniet;
7. Jilqa' l-inklużjoni tan-nisa li jaħarbu minn kunflitt armat u t-talba biex jingħata appoġġ speċifiku fil-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru; jinnota li l-ispostament u l-fluss tar-rifuġjati mill-gwerra fl-Ukrajna fil-biċċa l-kbira huma abbażi tal-ġeneru; jistieden lill-UE tadotta rispons sensittiv għall-ġeneru għall-kriżi u tipprijoritizza l-protezzjoni mill-vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru u l-aċċess għar-rifuġjati kollha li jaħarbu mill-Ukrajna, inklużi dawk li għadhom fil-pajjiż, għal servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva essenzjali;
8. Jenfasizza l-ħtieġa ta' appoġġ speċjalizzat għan-nisa u għall-bniet li huma superstiti ta' vjolenza jew li raw vjolenza u abbuż sesswali u jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu programmi ta' appoġġ bħal dawn b'appoġġ u b'konsulenza adegwati fejn tidħol is-saħħa psikoloġika u mentali biex jegħlbu l-esperjenza trawmatika tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu stabbiliti mekkaniżmi xierqa ta' rapportar u ta' dokumentazzjoni fl-Ukrajna u fl-UE, inkluż għall-koordinazzjoni tal-ġbir tax-xhieda tal-vittmi, sabiex issir il-prosekuzzjoni tal-każijiet quddiem il-QKI u l-awturi tar-reati jinżammu responsabbli; jistieden lill-UE tappoġġja dawn l-isforzi permezz ta' fondi u b'għarfien espert u loġistika; jisħaq fuq l-importanza li tiġi stabbilita pjattaforma biex jiġu rreġistrati l-każijiet ta' vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru relatati mal-gwerra anke sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet adegwati għal dan, bħal interpreti speċjalizzati;
9. Jissottolinja li n-nisa u l-bniet jeħtieġu aċċess kontinwu għas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati (SRHS) matul il-kunflitt u l-ispostament, inkluż l-aċċess għal twelid sikur, servizzi ta' ppjanar tal-familja, abort legali u sikur jew ġestjoni klinika tal-istupru; jitlob li jsir disponibbli finanzjament għall-provvista ta' SRHS essenzjali u li jsalvaw il-ħajja f'konformità mal-Pakkett Minimu ta' Servizz Inizjali tan-NU; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li tipprovdi ċentri tal-klassifikazzjoni medika (triage hubs) fil-pajjiżi ospitanti biex joffru kura tas-saħħa urġenti lir-rifuġjati u tagħmel arranġamenti għat-trasferiment immedjat tagħhom lejn Stati Membri oħra tal-UE; jenfasizza li dawn iċ-ċentri ta' triage jeħtieġu li jidentifikaw ħtiġijiet sensittivi għaż-żmien għall-SRHS, bħall-kontraċezzjoni ta' emerġenza, il-kura legali u sikura f'każ ta' abort u l-kura tal-emerġenza ostetrika kif ukoll esperti dwar il-vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw miżuri addizzjonali, fondi u mekkaniżmi tal-UE biex jirrispondu għall-protezzjoni tal-vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru u l-ħtiġijiet tal-SRHR tal-Ukreni, b'mod partikolari billi tintalab l-inklużjoni ta' komoditajiet tas-saħħa sesswali u riproduttiva fil-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili u billi jintbagħtu kittijiet tas-saħħa dinjituża, inklużi kontraċettivi u kittijiet tas-saħħa sesswali riproduttiva f'pakketti u konvojs umanitarji lill-Ukrajna u lill-pajjiżi ġirien ta' tranżitu jew ospitanti tar-rifuġjati b'mod partikolari fejn meħtieġ biex jingħelbu r-restrizzjonijiet nazzjonali fuq l-SRHR;
10. Jisħaq li t-traffikar tal-bnedmin għall-isfruttament sesswali u għal skopijiet oħra jibqa' wieħed mill-akbar riskji għan-nisa u għat-tfal li jaħarbu mill-Ukrajna li jinsabu f'sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli; jinnota li anke qabel il-gwerra, in-nisa tal-Ukrajna kienu fost l-aktar vittmi komuni tat-traffikar tal-bnedmin lejn l-UE; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiggarantixxu s-sikurezza u l-libertà mill-isfruttament sesswali għan-nisa rifuġjati u għall-bniet, inkluż billi jipprovdu trasport sikur u koordinat bejn l-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-UE jidentifikaw u jipproċessaw malajr in-networks tat-traffikar li jibbenefikaw mill-isfruttament sesswali tan-nisa u l-bniet rifuġjati; Iħeġġeġ lill-UE tappoġġja lill-Ukrajna fl-investiment f'miżuri ta' sensibilizzazzjoni u ta' prevenzjoni kontra t-traffikar min-naħa tal-Ukrajna, pereżempju billi xxerred informazzjoni dwar dawn ir-riskji;
11. Jilqa' l-attivazzjoni mill-Kummissjoni ta' kooperazzjoni fi ħdan in-network ta' rapporteurs nazzjonali dwar it-traffikar tal-bnedmin u, f'dan ir-rigward, l-attivazzjoni tal-kooperazzjoni tal-pulizija dwar il-ġlieda kontra t-traffikar, inkluż fuq il-pjattaforma EMPACT, u l-iskjerament ta' timijiet tal-Europol fil-pajjiżi li jmissu mal-Ukrajna; jitlob li dawn l-isforzi jiġu appoġġjati b'riżorsi finanzjarji suffiċjenti fil-livell tal-UE;
12. Jilqa' l-pjan komuni ta' 10 punti ppreżentat lill-ministri tal-intern fit-28 ta' Marzu 2022 li jinkludi l-pjan tal-Kummissjoni għal koordinazzjoni Ewropea aktar b'saħħitha dwar l-akkoljenza ta' persuni li jaħarbu mill-gwerra kontra l-Ukrajna; jinnota li skont il-pjan ta' 10 punti, qed jiġu proposti proċeduri operattivi standard u linji gwida għall-akkoljenza u l-appoġġ tat-tfal u t-trasferiment ta' minorenni mhux akkumpanjati; jilqa' l-iżvilupp fi ħdan il-pjan ta' 10 punti ta' pjan komuni kontra t-traffikar ibbażat fuq l-istrateġija tal-UE dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin (2021-2025), taħt it-tmexxija tal-Koordinatur tal-UE Kontra t-Traffikar; jitlob l-adozzjoni rapida tiegħu; jappella għal investiment addizzjonali f'miżuri kontra t-traffikar fl-Ukrajna, bħal numru tal-helpline madwar l-UE speċifikament għal rifuġjati vittmi jew għal dawk f'riskju ta' traffikar tal-bnedmin jew ta' vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru, mingħajr ħlas u mmonitorjat fl-Ukrajna;
13. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu l-koordinazzjoni fil-faċilitajiet ta' qsim tal-fruntieri u ta' akkoljenza, jiżguraw reġistrazzjoni preċiża tar-rifuġjati u l-aċċess tagħhom għad-dokumentazzjoni meħtieġa; jilqa' l-programm ta' reġistrazzjoni għall-voluntiera li jgħinu lir-rifuġjati, sabiex iżommu rendikont tal-persuni li jipprovdu l-għajnuna; jistieden lill-Kummissjoni tkompli ssaħħaħ l-isforzi f'termini ta' prevenzjoni u ta' indirizzar ta' reati li jistgħu jiffaċċjaw in-nisa rifuġjati, bħat-traffikar tal-bnedmin, il-vjolenza, l-isfruttament u l-abbuż sesswali u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru; jistieden lill-forzi tal-pulizija tal-Istati Membri u lill-Europol jimmonitorjaw u jwettqu kampanji ta' sensibilizzazzjoni fil-punti ta' tranżitu użati mit-traffikanti, bħall-istazzjonijiet tal-ferroviji u tal-karozzi tal-linja, il-pompi tal-petrol, l-awtostradi jew l-ajruporti, li permezz tagħhom jistgħu jdaħħlu b'mod illegali lill-vittmi tagħhom, kif ukoll iċ-ċentri ta' akkoljenza tar-rifuġjati fejn jistgħu jiġu mmirati;
14. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu użu mill-assistenza offruta mill-aġenziji tal-UE fir-rigward tal-akkoljenza ta' rifuġjati nisa; jenfasizza l-ħtieġa ta' pjattaforma ta' reġistrazzjoni madwar l-UE kollha għall-persuni li japplikaw għal protezzjoni temporanja, kif propost mill-Kummissjoni, li hija partikolarment meħtieġa biex tappoġġja l-isforzi ta' traċċar u riunifikazzjoni ta' minorenni mhux akkumpanjati, iżda wkoll fir-rigward ta' dawk f'riskju ta' traffikar, bħan-nisa u l-bniet;
15. Jistieden lill-Kummissjoni tħejji u tniedi malajr gwida uniformi għall-akkoljenza u l-appoġġ tat-tfal, speċjalment il-bniet żgħar kif ukoll in-nisa anzjani, inkluż matul il-proċeduri għat-trasferiment ta' tfal mhux akkumpanjati, l-għoti ta' kura alternattiva interim u r-riunifikazzjoni tat-tfal mal-membri tal-familja;
16. Jisħaq li l-Istati Membri ospitanti jipprovdu appoġġ lill-miljuni ta' rifuġjati li jaħarbu mill-Ukrajna, b'mod partikolari n-nisa u t-tfal, li għandhom impatt fuq is-servizzi soċjali, il-kura tas-saħħa, l-indukrar tat-tfal u l-edukazzjoni tagħhom; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni twettaq analiżi dettaljata tal-ħtiġijiet u tadatta l-politiki eżistenti, inklużi l-istrumenti finanzjarji bħall-fondi strutturali, filwaqt li żżomm approċċ li jqis kwistjonijiet ta' ġeneru; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja lill-Istati Membri kemm jista' jkun f'dan il-kompitu, filwaqt li tagħti attenzjoni speċjali lin-nisa u lill-bniet żgħażagħ; ifaħħar l-isforzi tal-Istati Membri f'dik li hija l-kondiviżjoni tar-responsabbiltà permezz tal-Pjattaforma ta' Solidarjetà u jinkoraġġixxi aktar titjib ta' din il-kooperazzjoni;
17. Jinnota li huwa essenzjali li r-rifuġjati nisa jiksbu aċċess għall-għajxien, inkluża l-kapaċità li jaħdmu u jaqilgħu introjtu mill-aktar fis possibbli; jappella għal programmi speċjali u korsijiet tal-lingwa, kif ukoll aċċess universali għall-indukrar tat-tfal, biex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol tal-UE;
18. Jisħaq li għandhom jitqiesu l-ħtiġijiet tan-nisa li jesperjenzaw diskriminazzjoni intersezzjonali minħabba l-isfond razzjali jew etniku, id-diżabilità, in-nazzjonalità, l-orjentazzjoni sesswali, l-identità jew l-espressjoni tal-ġeneru tagħhom, inklużi dawk li esperjenzaw vjolenza sesswali, b'mod partikolari billi jiġu pprovduti arranġamenti sikuri u xierqa ta' akkoljenza jew kura u jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni fil-punti ta' qsim tal-fruntiera; jissottolinja l-ħtieġa li tinġabar u tiġi analizzata data diżaggregata skont il-ġeneru, l-età, id-diżabilità, in-nazzjonalità u l-punt tad-destinazzjoni (jekk ikun magħruf) bil-għan li jiġi appoġġjat l-ippjanar għal żmien fit-tul u fil-qosor tas-servizzi u tal-faċilitajiet xierqa; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li n-nisa Rom li jaħarbu mill-Ukrajna ma jiġux diskriminati u jkunu jistgħu jiċċaqilqu fl-UE; jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu l-protezzjoni tagħhom fl-implimentazzjoni tat-TPD;
19. Jilqa' l-finanzjament tal-UE pprovdut għar-rifuġjati li jaħarbu mill-Ukrajna, inkluż permezz tal-programm ta' Assistenza fl-Irkupru għall-Koeżjoni u għat-Territorji tal-Ewropa (REACT-EU), il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) u l-Azzjoni ta' Koeżjoni għar-Rifuġjati fl-Ewropa (CARE), li jippermetti lill-pajjiżi u lir-reġjuni tal-UE jipprovdu appoġġ ta' emerġenza lin-nies li jaħarbu mill-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja; jitlob li dawn il-fondi jkunu sensittivi għall-ġeneru; jinsisti li dan il-Parlament għandu jissorvelja kif jintefqu l-fondi, b'mod partikolari f'pajjiżi bi ksur kontinwu tal-istat tad-dritt bħall-Polonja u l-Ungerija; itenni li l-prinċipju tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tal-ibbaġitjar skont il-ġeneru huwa prinċipju ewlieni tal-UE;
20. Jirrimarka li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jeħtieġu appoġġ finanzjarju u materjali dirett akbar mill-UE u mill-Istati Membri tagħha biex jiffaċilitaw il-koordinazzjoni fil-prattika u jiżguraw distribuzzjoni aħjar tad-diversi responsabbiltajiet; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu l-koordinazzjoni tal-assistenza umanitarja f'kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, inklużi l-UNHCR, in-Nisa tan-NU, il-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Popolazzjoni, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u aġenziji oħra tan-NU, kif ukoll l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni u l-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, u li jiġi żgurat aċċess immedjat u dirett għall-finanzjament għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jipprovdu assistenza lir-rifuġjati tal-Ukrajna, b'mod partikolari għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, għall-organizzazzjonijiet tal-SRHR u tad-drittijiet tan-nisa u għad-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem, fl-Istati Membri kollha ta' tranżitu u li jospitaw ir-rifuġjati, u b'mod partikolari f'pajjiżi li jimponu restrizzjonijiet fuq l-SRHR; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvolvu lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u jikkonsultaw magħhom u mal-awtoritajiet lokali dwar id-disponibbiltà tal-finanzjament u l-mod kif dan jintefaq u jiġi allokat;
21. Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jikkonsultaw mill-qrib mal-organizzazzjonijiet li jiġġieldu għad-drittijiet tan-nisa, tal-bniet u tal-gruppi emarġinati, speċjalment fil-prattika, iżda wkoll meta jieħdu deċiżjonijiet ta' politika relatati ma' din il-gwerra; jappella għal appoġġ partikolari għad-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem li għadhom attivi fl-Ukrajna, u għall-protezzjoni tagħhom;
22. Jisħaq fuq il-ħidma kbira tal-NGOs u tal-gruppi attivisti biex jgħinu lin-nisa b'aċċess għall-SRHR u l-fatt li l-membri tagħhom qed ipoġġu l-libertà tagħhom f'riskju, bħal Justyna Wydrzyńska, li ġiet ikkundannata skont il-liġi drakonjana kontra l-abort tal-Polonja talli pprovdiet pilloli ta' abort mediku lil mara oħra; jistieden lill-Kummissjoni tipproteġi u tappoġġja lil dawn id-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem kontra kwalunkwe persekuzzjoni li jistgħu jiffaċċjaw;
23. Jenfasizza d-diffikultà speċifika li jħabbtu wiċċhom magħha l-familji LGBTIQ+ meta jaqsmu l-fruntieri; jisħaq li t-tfal ta' koppji tal-istess sess jissograw li jiġu separati minn ġenitur wieħed jew mit-tnejn li huma; jistieden lill-Istati Membri jqisu l-familji u s-sħubijiet de facto fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja;
24. Ifakkar fis-sitwazzjoni diffiċli u l-ostakli għall-persuni transġeneru inklużi n-nisa trans jew in-nisa transġeneru u intersesswali bil-markatur tal-ġeneru maskili fil-passaporti tagħhom, li ma jitħallewx jaħarbu mill-Ukrajna; ifakkar li l-persuni transġeneru li d-dokumenti ta' identità tagħhom ma jikkorrispondux mal-identità tagħhom ma jistgħux jgħaddu minn punti ta' kontroll interni u jistgħu jiġu esklużi minn miżuri ta' protezzjoni ċivili; jirrimarka li l-kampijiet ta' akkoljenza stabbiliti għalihom mill-voluntiera u mis-soċjetà ċivili ma għandhomx il-kapaċità li jilqgħu lil kulħadd; jisħaq li l-persuni transġeneru għandhom diffikultajiet biex jaċċessaw trattamenti ormonali; ifakkar li trattamenti bħal dawn u mediċini speċifiċi oħra għall-persuni transġeneru u intersesswali huma kklassifikati bħala essenzjali mid-WHO u għalhekk għandhom jiġu inklużi f'pakketti ta' għajnuna umanitarja; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tgħin fl-appoġġ finanzjarju u fil-koordinazzjoni tal-UE f'dan ir-rigward; jistieden lill-UE titlob lill-Ukrajna tissimplifika l-proċeduri biex tippermetti lil dawn in-nisa jaħarbu mill-Ukrajna; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jipprovdu mediċini u medikazzjoni xierqa wara li dawn in-nisa jkunu qasmu l-fruntiera;
25. Iqis li jeħtieġ li jiġi stabbilit appoġġ xieraq għall-muniċipalitajiet fl-Ukrajna li jospitaw persuni spostati internament sabiex il-persuni spostati internament ikunu jistgħu jibqgħu f'pajjiżhom qabel ma s-sitwazzjoni tippermetti li jirritornaw lejn djarhom; jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ħtiġijiet tan-nisa u tal-bniet spostati internament;
26. Ifakkar fir-riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà u r-riżoluzzjonijiet sussegwenti kollha tagħha u jappella għall-implimentazzjoni tagħhom; jinsisti dwar l-inklużjoni tan-nisa fid-diversità kollha tagħhom u fil-gruppi emarġinati fil-prevenzjoni, fir-riżoluzzjoni, fil-medjazzjoni u fin-negozjati għall-paċi, tul il-binarji kollha u għalhekk jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jistabbilixxu task force li fiha jiġu inklużi n-nisa u s-soċjetà ċivili fil-prattika; jitlob li l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) jipprovdi assistenza fil-forma ta' fondi ta' taħriġ għan-nisa u għall-NGOs fl-Ukrajna sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw fl-isforzi ta' riżoluzzjoni tal-kunflitti u ta' bini mill-ġdid wara l-kunflitt; jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni speċifika lill-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-isforzi tagħhom biex itemmu din il-gwerra;
27. Jenfasizza s-sitwazzjoni diffiċli li qed tiffaċċja l-Moldova fir-rigward tal-infrastruttura u s-servizzi taħt pressjoni tagħha; jilqa' l-wegħdiet ta' rilokazzjoni skont il-Pjattaforma ta' Solidarjetà biex il-Moldova tiġi megħjuna fl-isforzi tagħha biex tospita r-rifuġjati li jaħarbu mill-Ukrajna; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jkomplu bl-isforzi tagħhom biex jassistu aktar lill-Moldova billi jaqsmu r-responsabbiltà u jipprovdu assistenza speċifika ħalli jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tan-nisa u tal-bniet rifuġjati;
28. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lin-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tal-Ewropea u l-President, lill-Gvern u l-Parlament tal-Ukrajna.
- [1] ĠU L 212, 7.8.2001, p. 12.
- [2] ĠU L 71, 4.3.2022, p. 1.
- [3] ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1.
- [4] Testi adottati, P9_TA(2022)0052.
- [5] Testi adottati, P9_TA(2022)0120.
- [6] ĠU C 404, 6.10.2021, p. 202.
- [7] https://data2.unhcr.org/en/situations/ukraine
- [8] https://www.unrefugees.org/emergencies/ukraine/
- [9] https://www.iom.int/news/71-million-people-displaced-war-ukraine-iom-survey
- [10]https://data2.unhcr.org/en/situations/ukraine#:~:text=Share%20this%20page%3A-,Ukraine%20Situation%3A%20Moldova%20Refugee%20Border%20Monitoring,(14%2D03%2D2022)&text=Almost%20three%20million%20refugees%20have,displaced%20to%20Moldova%20(UNHCR)
- [11]https://ecre.org/wp-content/uploads/2022/03/Information-Sheet-%E2%80%93-Access-to-territory-asylum-procedures-and-reception-conditions-for-Ukrainian-nationals-in-European-countries.pdf