Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0241/2022Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0241/2022

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni attwali tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Moldova

2.5.2022 - (2022/2651(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Viola Von Cramon‑Taubadel, Francisco Guerreiro, Markéta Gregorová, Ignazio Corrao, Jordi Solé
f'isem il-Grupp Verts/ALE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0240/2022

Proċedura : 2022/2651(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0241/2022
Testi mressqa :
B9-0241/2022
Testi adottati :

B9‑0241/2022

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni attwali tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Moldova

(2022/2651(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Moldova,

 wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-enerġija atomika u l-istati membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra[1],

 wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tal-Kunsill adottati mill-2014 'l hawn dwar il-miżuri restrittivi tal-UE kontra r-Russja fuq l-Ukrajna,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Versailles tal-10 u l-11 ta' Marzu 2022,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni, tad-29 ta' April 2022, tal-Viċi President / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Josep Borrell, dwar l-inċidenti riċenti ta' sigurtà fir-reġjun tat-Transnistrija,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Federazzjoni Russa bdiet gwerra ta' aggressjoni kontra l-Ukrajna fl-24 ta' Frar 2022; billi l-gwerra qed taffettwa s-sigurtà u l-istabbiltà reġjonali, kif ukoll is-sitwazzjoni soċjoekonomika tal-ġirien tal-Ukrajna, u kkawżat kriżi umanitarja, b'miljuni ta' rifuġjati li telqu mill-Ukrajna; billi l-Moldova ħadet aktar minn 400 000 rifuġjat, u b'hekk saret il-pajjiż bl-ogħla numru ta' rifuġjati mill-Ukrajna per capita;

B. billi fil-25 ta' April 2022, ġiet irrapportata splużjoni minn lanċatur tal-granati fil-bini tal-hekk imsejjaħ ministeru tas-sigurtà tal-Istat tat-Transnistrija, u r-reġim separatista f'Tiraspol tefa' t-tort għal din l-isplużjoni fuq l-Ukrajna, li min-naħa tagħha kkundannat l-attakk bħala operazzjoni ta' bandiera falza min-naħa tas-servizz sigriet Russu; billi fis-26 ta' April, ġie rrapportat li r-radjutrażmettitur ta' Mayak fi Grigoriopol ġie splodut, u billi fis-27 ta' April ġew sparati tiri madwar id-depożitu ta' munizzjon ta' Cobasna;

C. billi l-inċidenti li ġew irrapportati reċentement fir-reġjun tat-Transnistrija tar-Repubblika tal-Moldova huma ta' detriment għas-sigurtà u għall-istabbiltà tar-Repubblika tal-Moldova; billi mindu bdiet il-gwerra Russa kontra l-Ukrajna kien hemm tħassib dwar operazzjonijiet potenzjali ta' bandiera falza fil-Moldova; billi r-retorika tar-reġim Russu, inklużi affermazzjonijiet ta' evidenza ta' oppressjoni fuq il-popolazzjoni li titkellem bir-Russu fit-Transnistrija, flimkien ma' dawn l-inċidenti reċenti, tista' potenzjalment tistabbilixxi l-pretest għal inkursjoni militari min-naħa tar-Russja; billi r-Russja għad għandha madwar 1 600 truppa fit-Transnistrija;

D. billi fl-2021 Gazprom ħolqot b'mod artifiċjali kriżi fil-provvista tal-gass fir-Repubblika tal-Moldova u billi l-UE pprovdiet lill-Moldova b'EUR 60 miljun permezz ta' programm ġdid ta' appoġġ baġitarju sabiex jiġi mmitigat l-impatt taż-żidiet fil-prezzijiet fuq l-aktar persuni vulnerabbli;

E. billi hemm diversi rapporti tal-intenzjoni allegata tal-Federazzjoni Russa li toħloq pont fuq l-art li jwassal għat-Transnistrija u li tokkupa r-reġjun u possibbilment anke l-bqija tal-Moldova, skont informazzjoni mill-intelligence u dikjarazzjonijiet pubbliċi minn uffiċjali Russi u Belarussi ta' gradi għolja;

1. Jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-gwerra ta' aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata u illegali, tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna, kif ukoll l-involviment tal-Belarussja f'din il-gwerra, u jesiġi lir-Russja ttemm minnufih kull attività militari fl-Ukrajna u tirtira mingħajr kundizzjonijiet il-forzi u t-tagħmir militari kollha mit-territorju kollu rikonoxxut internazzjonalment tal-Ukrajna;

2. Jistieden lill-atturi responsabbli jevitaw id-destabbilizzazzjoni tas-sitwazzjoni fit-Transnistrija u jevitaw kwalunkwe eskalazzjoni tal-gwerra fit-territorju tal-Moldova; jilqa' r-reazzjonijiet kostruttivi min-naħa tal-awtoritajiet Moldovani, li qed jgħinu biex tinżamm il-kalma fil-pajjiż u biex ikompli jiġi promoss ambjent li jwassal għas-soluzzjoni tal-kunflitt;

3. Jinsab f'solidarjetà mal-Moldova u jtenni l-appoġġ sod tiegħu għas-sovranità u l-integrità territorjali tar-Repubblika tal-Moldova fi ħdan il-fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment tagħha, inkluż status speċjali għar-reġjun tat-Transnistrija;

4. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-eżerċizzji militari mwettqa fil-passat mill-forzi militari Russi fit-Transnistrija u jistieden lill-Federazzjoni Russa tirtira kompletament u mingħajr kundizzjonijiet l-forzi u l-armamenti militari tagħha mir-reġjun tat-Transnistrija b'mod ordnat, f'konformità mat-talbiet ripetuti tal-awtoritajiet Moldovani u fir-rigward tas-sovranità u l-integrità territorjali tar-Repubblika tal-Moldova;

 Jilqa' l-fatt li l-UE żiedet l-appoġġ tagħha għall-Moldova matul dawn l-aħħar ftit xhur, b'mod partikolari l-assistenza umanitarja permezz tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lill-Istati Membri jappoġġjaw aktar lill-Moldova hija u tindirizza l-impatt tal-gwerra Russa kontra l-Ukrajna, kif ukoll l-aggressjoni Russa kontra l-Moldova nnifisha, u jistedinhom jesploraw miżuri bħall-għoti ta' appoġġ dirett tal-baġit, il-liberalizzazzjoni tat-trasport bit-triq, l-iffaċilitar tal-aċċess għax-xogħol għall-Moldovani fl-UE u t-tnaqqis tal-ostakli għall-esportazzjonijiet tal-Moldova lejn l-UE;

6. Ifaħħar il-wirja ta' solidarjetà tal-Moldova mal-Ukrajna billi laqgħet numru tant kbir ta' rifuġjati; itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw lill-Moldova ħalli tlaħħaq mal-wasla ta' numri kbar ta' rifuġjati, b'mod partikolari billi jipprovdu assistenza finanzjarja aktar sostanzjali u kenn temporanju lir-rifuġjati mill-Ukrajna fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu programmi speċifiċi ta' appoġġ għar-rifuġjati nisa, b'mod partikolari appoġġ speċjalizzat għall-vittmi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru, u biex jgħinu lill-Moldova tagħmel dan;

7. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iwessgħu l-mandat tal-Missjoni tal-UE ta' Assistenza fil-Fruntiera bejn il-Moldova u l-Ukrajna sabiex jirrispondu għall-emerġenza li għaddejja li tirriżulta mill-wasla ta' numri kbar ta' rifuġjati mill-Ukrajna u jiżguraw li l-missjoni tkun tista' tipprovdi appoġġ sinifikanti għall-awtoritajiet fl-akkoljenza tar-rifuġjati;

8. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jgħinu lill-Moldova fit-titjib tar-reżiljenza tagħha għal attakki Russi possibbli, fl-oqsma tal-enerġija, tad-difiża, taċ-ċibersigurtà u tal-komunikazzjoni strateġika; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri ulterjuri kontra l-indħil barrani u d-diżinformazzjoni u jappoġġjaw lill-Moldova f'dan ir-rigward;

9. Jissottolinja li l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tas-sanzjonijiet eżistenti kontra r-Russja fl-UE kollha u mis-sħab tagħha trid tkun prijorità immedjata; jinsisti li s-sanzjonijiet futuri kollha jridu jkomplu jiġu kkoordinati mill-qrib ma' sħab tal-istess fehma sabiex tiġi massimizzata l-effettività tagħhom u juru front magħqud quddiem l-aggressjoni Russa; jitlob li s-sitt pakkett ta' sanzjonijiet jiġi adottat mill-aktar fis possibbli;

10. Jitlob il-projbizzjoni immedjata fuq l-importazzjoni tal-prodotti bażiċi kollha tal-enerġija mir-Russja u li l-UE tipprovdi assistenza lill-Moldova fl-istabbiliment tas-sigurtà tal-enerġija u fl-eliminazzjoni tad-dipendenza tagħha fuq l-enerġija mir-Russja; iħeġġeġ lill-Moldova żżid il-kooperazzjoni tagħha fl-infrastruttura mal-UE u mal-pajjiżi fir-reġjun, u timplimenta riformi strutturali profondi fis-settur tal-enerġija, fosthom id-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-enerġija, iż-żieda fl-effiċjenza enerġetika, l-attrazzjoni tal-investiment għall-enerġiji rinnovabbli u t-titjib tal-konnettività, filwaqt li tiżgura s-sostenibbiltà ambjentali;

11. Jilqa' s-sottomissjoni tar-Repubblika tal-Moldova tal-applikazzjoni tagħha biex tissieħeb fl-UE fit-3 ta' Marzu 2022; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jaħdmu biex jagħtu l-istatus ta' kandidat tal-UE lill-Moldova, flimkien mal-Ukrajna u l-Georgia, f'konformità mal-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u abbażi tal-mertu, u, sadanittant, ikomplu jaħdmu lejn l-integrazzjoni tal-Moldova fis-suq uniku tal-UE;

12. Jilqa' l-isforzi tal-Moldova biex twettaq riformi fid-demokrazija, fl-istat tad-dritt u fid-drittijiet tal-bniedem u jħeġġiġha tkompli f'dan il-perkors, b'mod partikolari fid-dawl tal-ħtieġa li timplimenta bis-sħiħ il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni/ iż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva u tissodisfa l-kriterji ta' kondizzjonalità tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ tekniku addizzjonali f'dan ir-rigward; jilqa' d-Djalogu Politiku u ta' Sigurtà ta' Livell Għoli stabbilit reċentement bejn l-UE u l-Moldova;

13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri kif ukoll lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Moldova.

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Mejju 2022
Avviż legali - Politika tal-privatezza