Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0272/2022Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0272/2022

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-ġlieda kontra l-impunità għal delitti tal-gwerra fl-Ukrajna

13.5.2022 - (2022/2655(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Miguel Urbán Crespo
f'isem il-Grupp The Left

Proċedura : 2022/2655(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0272/2022
Testi mressqa :
B9-0272/2022
Testi adottati :

B9‑0272/2022

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ġlieda kontra l-impunità għal delitti tal-gwerra fl-Ukrajna

(2022/2655(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949, b'mod partikolari r-Raba' Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni ta' Persuni Pajżani fi żmien ta' Gwerra, u l-Protokolli addizzjonali tagħha,

 wara li kkunsidra l-Prinċipji ta' Nuremberg imfassla mill-Kummissjoni tad-Dritt Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti, li jiddeterminaw x'jikkostitwixxi delitt tal-gwerra,

 wara li kkunsidra l-Att Finali ta' Helsinki u d-dokumenti sussegwenti,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU ES-11/1 tat-2 ta' Marzu 2022 dwar l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 27/21 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti tas-26 ta' Settembru 2014 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-miżuri koerċittivi unilaterali u r-rettifika tagħha,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 49/1 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tal-4 ta' Marzu 2022 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukrajna li tirriżulta mill-aggressjoni Russa,

 wara li kkunsidra r-rapporti tal-Missjoni ta' Monitoraġġ tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-Ukrajna,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Uffiċċju tan-NU, il-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) tal-5 ta' Mejju 2022 bit-titolu "Ukraine: Bachelet urges protection of civilians, renewed efforts to agree on a ceasefire" (L-Ukrajna: Bachelet tħeġġeġ il-protezzjoni tal-persuni ċivili, sforzi mġedda biex jintlaħaq qbil dwar waqfien mill-ġlied),

 wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali tas-17 ta' Lulju 1998,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukraina,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 ta' Frar 2022 u tal-24 u l-25 ta' Marzu 2022,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi mill-24 ta' Frar 2022, meta r-Russja bdiet l-invażjoni illegali tagħha tal-Ukrajna, diġà delitt skont id-dritt umanitarju, kien hemm allegazzjonijiet ta' diversi delitti tal-gwerra mwettqa fl-Ukrajna; billi n-NU ilhom mill-2014 iwissu dwar delitti tal-gwerra mwettqa fid-Donbas;

B. billi l-qtil, it-tortura u t-trattament inuman jew degradanti tal-persuni ċivili, kemm dawk miżmuma f'kustodja kif ukoll oħrajn, u l-ġellieda maqbuda jitqiesu bħala delitti tal-gwerra; billi l-attakki indiskriminati, il-qerda bla bżonn tal-bliet u l-irħula, is-sakkeġġi u d-devastazzjoni mhux iġġustifikati minn ħtieġa militari jitqiesu bħala delitti tal-gwerra; billi l-liġijiet tal-gwerra jipprojbixxu wkoll stupru u atti oħra ta' vjolenza sesswali; billi ma hemm l-ebda statut ta' limitazzjonijiet għad-delitti tal-gwerra;

C. billi f'kunflitt armat, il-partijiet kollha huma obbligati jirrispettaw id-dritt umanitarju internazzjonali, inklużi l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949, l-Ewwel Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra u d-dritt internazzjonali konswetudinarju;

D. billi l-invażjoni tal-Ukrajna diġà rriżultat f'attakki indiskriminati fuq żoni residenzjali, skejjel, sptarijiet, infrastruttura soċjali u ċivili oħra, u kkawżat eluf ta' mwiet, korrimenti u spostament fost il-popolazzjoni ċivili; billi, skont l-OHCHR, kien hemm mill-inqas 7 172 vittma ċivili fl-Ukrajna, inklużi 3 459 persuna maqtula u 3 713-il persuna midruba; billi skont il-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati, madwar 5 miljun rifuġjat ħarbu mill-Ukrajna lejn l-UE u 7.1 miljun persuna oħra ġew spostati internament fl-Ukrajna;

E. billi kien hemm rapporti ta' mwiet fost il-persuni ċivili kkawżati minn attakki indiskriminati f'Járkov u f'Sumy; billi l-attakk fuq l-istazzjon tal-ferrovija ta' Kramatorsk fit-8 ta' April qatel 60 persuna u darab 111-il persuna oħra; billi kien hemm attakk fid-9 ta' Marzu fuq l-isptar tat-tfal ta' Mariupol fejn kienu qed jinżammu diversi nisa tqal; billi ġew iddokumentati wkoll diversi każijiet ta' sakkeġġ ta' proprjetà ċivili, inklużi ikel, ħwejjeġ u ħatab; billi dawn l-attakki indiskriminati mwettqa mit-truppi Russi jistgħu jikkostitwixxu delitti tal-gwerra;

F. billi r-Russja użat bombi mhux iggwidati, li fit-3 ta' Marzu qatlu kważi 50 persuna li kienu qed jistennew għall-ikel f'Chernigov; billi hija użat armi pprojbiti, bħal munizzjon dispersiv, kontra mill-inqas kindergarten waħda f'Ojtirka fejn kienu qed jistkennu l-persuni ċivili;

G. billi eluf ta' persuni ċivili kienu taħt assedju f'Kharkov, f'Izium, f'Mariupol u fi bliet oħra bi ftit jew l-ebda aċċess għal servizzi bażiċi minħabba l-assedji mill-forzi Russi; billi l-kurituri umanitarji ġew attakkati;

H. billi l-eżekuzzjonijiet ekstraġudizzjarji u t-tortura qed jintużaw dejjem aktar mill-armata Russa bħala armi tal-gwerra kontra l-popolazzjoni ċivili fl-Ukrajna; billi kien hemm rapporti ta' allegati delitti tal-gwerra mwettqa mill-forzi militari Russi fil-konfront ta' persuni ċivili f'Bucha; billi wara l-irtirar tal-armata Russa f'Bucha nstabu mijiet ta' katavri ta' persuni ċivili, ħafna minnhom immanettjati; billi skont l-OHCHR, fil-ħames ġimgħat wara t-tifqigħa tal-kunflitt fiż-żoni periferiċi ta' Kiev, il-forzi Russi mmiraw lejn persuni ċivili meqjusa suspettużi u ħafna rġiel ġew arrestati, imsawta, eżegwiti b'mod sommarju u, f'xi każijiet, iddeportati lejn il-Belarussja u r-Russja, fejn inżammu f'ċentri ta' detenzjoni ta' qabel il-proċess, mingħajr ma l-familji tagħhom ikollhom xi informazzjoni dwarhom;

I. billi l-użu ta' vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru bħala arma huwa delitt tal-gwerra u għalhekk għandu jiġi pproċessat skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt internazzjonali u l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI), b'mod partikolari l-Artikoli 7 u 8 tiegħu, li jiddefinixxu l-abbuż sesswali, l-iskjavitù sesswali, il-prostituzzjoni furzata, it-tqala furzata u l-isterilizzazzjoni furzata jew kwalunkwe forma ta' vjolenza sesswali bħala delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra; billi l-OHCHR irċieva informazzjoni dwar nisa li ġew stuprati minn suldati Russi, kif ukoll allegazzjonijiet oħra dwar l-użu ta' vjolenza sesswali miż-żewġ naħat fil-kunflitt; billi kemm l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali tal-Ukrajna kif ukoll il-QKI ħabbru li se jiftħu investigazzjonijiet dwar allegazzjonijiet ta' vjolenza sesswali fil-kuntest tal-gwerra;

J. billi n-nisa u t-tfal huma aktar esposti għar-riskju ta' vjolenza, abbuż u sfruttament u hemm riskju akbar li t-tfajliet u t-tfal jgħibu u jisfaw vittmi tat-traffikar;

K. billi n-NU u l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa ddokumentaw diversi attakki fuq il-ġurnalisti, inklużi t-tortura, is-sekwestri u l-qtil; billi ż-żewġ korpi fakkru li l-attakki fuq il-ġurnalisti huma delitti tal-gwerra;

L. billi diversi esperti tan-NU indikaw l-arresti arbitrarji ta' persuni ċivili bħala delitti tal-gwerra, inklużi l-arresti ta' mexxejja lokali, ġurnalisti, attivisti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

M. billi l-OHCHR iddokumenta 204 każijiet ta' għajbien furzat (169 raġel, 34 mara, tifel), li l-maġġoranza l-kbira tagħhom saru mill-forzi armati Russi u mill-gruppi armati affiljati;

N. billi l-OHCHR irċieva wkoll rapporti ta' attakki indiskriminati, tortura, trattament ħażin u qtil ta' perrsuni ċivili mill-armata u mill-gruppi paramilitari Ukreni, kif ukoll arresti arbitrarji mill-forzi armati Ukreni jew minn gruppi relatati;

O. billi hemm evidenza ta' tortura, trattament ħażin u ta' sparar mill-qrib mill-armata Ukrena ta' persunal tal-armata Russa maqbud matul il-kunflitt; billi l-Human Rights Watch talab lill-Ukrajna tinvestiga delitti possibbli tal-gwerra mwettqa fil-konfront ta' priġunieri Russi;

P. billi l-President Zelenskyy ħeġġeġ lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jistabbilixxi tribunal għal delitti possibbli tal-gwerra mwettqa mir-Russja; billi 38 pajjiż ressqu talba kontra r-Russja fil-Qorti Kriminali Internazzjonali għal delitti tal-gwerra; billi l-prosekutur ewlieni tal-QKI diġà fetaħ investigazzjoni; billi għalkemm la l-Ukrajna u lanqas ir-Russja ma ffirmaw l-Istatut ta' Ruma, l-awtoritajiet f'Kiev aċċettaw il-ġuriżdizzjoni tagħha; billi l-Kummissjoni impenjat ruħha li tappoġġja investigazzjoni dwar delitti potenzjali tal-gwerra fl-Ukrajna;

Q. billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Marzu 2022, il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU stabbilixxa Kummissjoni ta' Inkjesta internazzjonali indipendenti, li se jkollha mandat biex tinvestiga l-allegati ksur u abbużi kollha tad-drittijiet tal-bniedem u l-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali, tiġbor, tikkonsolida u tanalizza l-evidenza ta' tali ksur, abbużi u delitti relatati, u tagħmel rakkomandazzjonijiet dwar miżuri ta' obbligu ta' rendikont;

R. billi fl-2016, rapport tal-Missjoni ta' Monitoraġġ tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-Ukrajna nnota li 90 % tal-2 000 persuna ċivili maqtula bejn l-2014 u l-2016 inqatlu b'attakki indiskriminati tal-artillerija fuq żoni residenzjali fuq iż-żewġ naħat tal-linja tal-kunflitt; billi l-Missjoni tan-NU ddenunzjat l-impunità għal delitti mwettqa fid-Donbas u nnotat li l-kriżi tad-drittijiet tal-bniedem u l-qtil ta' parteċipanti fl-avvenimenti tal-massa f'Maidan u f'Odessa aggravaw il-kunflitt; billi fl-2014, il-forzi tal-lemin estrem Ukreni attakkaw lill-Kamra tat-Trade Unions f'Odessa u qatlu madwar 40 persuna li appoġġjaw jew li kienu maħsuba li jappoġġjaw lir-Russja; billi dawn id-delitti għadhom ma ġewx ikkastigati;

S. billi l-iżgurar tal-verità, tal-ġustizzja u tar-reparazzjoni għall-vittmi ta' delitti tal-gwerra huwa partikolarment importanti; billi l-impunità fil-prosekuzzjoni tad-delitti tal-gwerra tipproteġi lil dawk responsabbli tal-abbużi u tħeġġiġhom ikomplu jwettqu dawn l-atti; billi l-awturi ta' delitti tal-gwerra kważi qatt ma jitressqu quddiem il-qorti u storikament ġew ipproċessati biss id-delitti tal-gwerra ta' dawk li jitilfu, u mhux ta' dawk li joħorġu rebbieħa; billi għadd kbir ta' delitti tal-gwerra mwettqa f'pajjiżi bħas-Sirja, il-Myanmar/Burma, l-Iraq, l-Afganistan, il-Palestina u l-Jemen għadhom ma ġewx ikkastigati; billi l-Istati Uniti, ir-Russja, iċ-Ċina u l-Indja kollha jirrifjutaw il-ġuriżdizzjoni tal-QKI;

1. Itenni bl-aktar termini b'saħħithom possibbli l-kundanna tiegħu tal-attakk tal-Federazzjoni Russa fuq l-integrità territorjali u s-sovranità tal-Ukrajna; iqis li dan jikkostitwixxi ksur serju tad-dritt internazzjonali, b'mod partikolari l-Karta tan-NU; jesprimi s-solidarjetà profonda tiegħu mal-poplu tal-Ukrajna;

2. Jenfasizza li l-partijiet kollha involuti f'kunflitt armat jeħtiġilhom jirrispettaw b'mod skrupluż id-dritt umanitarju internazzjonali u, f'dan ir-rigward, jistieden lill-partijiet kollha jirrispettaw ir-regoli internazzjonali u ma jibqgħux iwettqu delitti tal-gwerra;

3. Ifakkar li l-aħjar mod biex jintemm dan il-ksur huwa li jintemmu l-ostilitajiet; jesiġi li r-Russja twaqqaf minnufih l-ostilitajiet, il-bumbardamenti u l-attakki kollha kontra l-persuni ċivili u tirtira l-forzi militari u paramilitari kollha tagħha mill-Ukrajna; jikkundanna l-ksur tal-ftehimiet ta' waqfien mill-ġlied u jistieden lir-Russja u lill-Ukrajna jaqblu biex jistabbilixxu immedjatament waqfien mill-ġlied komprensiv għall-pajjiż kollu kemm hu bħala pass urġenti lejn it-tmiem tal-gwerra; jitlob lill-UE tappoġġja u tinvolvi ruħha b'mod attiv fi sforzi diplomatiċi biex tippromwovi negozjati u djalogu ħalli jintlaħaq waqfien mill-ġlied immedjat u soluzzjoni politika għall-kunflitt ibbażata mhux fuq suċċess militari, iżda dwar sforz veru biex jinstabu soluzzjonijiet għall-problemi eżistenti u l-ħtiġijiet tar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna; jitlob lill-UE toqgħod lura minn kwalunkwe azzjoni li tista' tkompli tikkomplika dawn in-negozjati; jistieden lin-NATO u lill-Istati Membri tagħha ma jżidux il-kunflitt billi jibdew sensiela ġdida ta' tellieqa tal-armi;

4. Huwa maħsud bl-allegati delitti tal-gwerra Russi fl-Ukrajna b'mod partikolari dawk imwettqa kontra persuni ċivili f'Bucha u l-assedju u l-qerda ta' Mariupol, ta' Kiev u ta' bliet oħra fl-Ukrajna; jesprimi l-kosternazzjoni tiegħu dwar ir-rapporti ta' attakki fuq strutturi ċivili bħal abitazzjonijiet, skejjel u sptarijiet, kif ukoll fuq vittmi ċivili, fosthom nisa, anzjani, persuni b'diżabilità u tfal;

5. Jikkundanna bil-qawwa l-użu ta' vjolenza sesswali u bbażata fuq il-ġeneru bħala arma tal-gwerra u jisħaq li dan jikkostitwixxi delitt tal-gwerra; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-għadd dejjem jikber ta' rapporti ta' traffikar tal-bnedmin, vjolenza sesswali, sfruttament, stupru u abbuż li jiffaċċjaw in-nisa u t-tfal li jaħarbu mill-Ukrajna u li jaslu fl-Ewropa; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa u tal-bniet fiċ-ċentri ta' akkoljenza u jiżguraw li jkunu disponibbli minnufih servizzi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru, mogħdijiet ta' riferiment u mekkaniżmi ta' lment fi ħdan il-komunitajiet f'lingwi u f'formati aċċessibbli għall-gruppi kollha; jistieden lill-UE u lill-pajjiżi ospitanti u ta' tranżitu jiggarantixxu aċċess għas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttivi u d-drittijiet relatati, b'mod partikolari l-kontraċezzjoni ta' emerġenza, il-profilassi ta' wara l-esponiment u l-kura f'każ ta' abort, inkluż għas-superstiti tal-istupru; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw lill-organizzazzjonijiet lokali, nazzjonali u internazzjonali li jipprovdu servizzi u kenn lil superstiti ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru fost in-nisa rifuġjati u l-bniet;

6. Huwa mħasseb ħafna li l-eżekuzzjonijiet ekstraġudizzjarji u t-tortura qed jintużaw dejjem aktar mill-armata Russa bħala armi tal-gwerra kontra l-popolazzjoni ċivili fl-Ukrajna; jitlob li dawn id-delitti jintemmu u jfakkar li l-qtil, it-tortura u t-trattament inuman jew degradanti tal-persuni ċivili jitqiesu bħala delitti tal-gwerra; jistieden lil dawk fil-kmand jipprovdu struzzjonijiet ċari lill-ġellieda biex jipproteġu lill-persuni ċivili u lill-persuni hors de combat, jipprojbixxu b'mod ċar il-qtil, it-trattament ħażin u d-detenzjoni arbitrarja ta' tali individwi;

7. Jitlob li l-atti kollha ta' vjolenza, qtil, fastidju, intimidazzjoni u ċensura kontra l-ġurnalisti u l-bloggers jintemmu minnufih; jappella għal miżuri biex jinstabu l-ġurnalisti neqsin u biex dawn jingħataw assistenza, kif ukoll biex il-media u l-internet fl-Ukrajna jiġu protetti miċ-ċiberattakki;

8. Jistieden lill-partijiet kollha jiżguraw trattament dinjituż tal-ġellieda u l-persuni ċivili maqbuda fuq in-naħat kollha, b'rispett sħiħ tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra dwar it-Trattament tal-Priġunieri tal-Gwerra; jisħaq li l-Human Rights Watch u organizzazzjonijiet mhux governattivi oħra rrappurtaw ksur fuq iż-żewġ naħat;

9. Jesiġi li l-partijiet kollha jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, jippermettu passaġġ sikur u bla xkiel lejn destinazzjonijiet barra l-Ukrajna għar-rifuġjati, jiffaċilitaw l-aċċess rapidu, sikur u mingħajr xkiel għall-assistenza umanitarja għal dawk fil-bżonn fl-Ukrajna u jipproteġu liċ-ċivili, inkluż il-persunal umanitarju u l-persuni f'sitwazzjonijiet vulnerabbli, inklużi nisa, anzjani, persuni b'diżabilità, minoranzi etniċi bħall-persuni Rom, migranti u tfal;

10. Jikkundanna l-impunità li jgawdu l-awturi u l-isponsors tad-delitti tal-gwerra u jtenni li ma jista' jkun hemm l-ebda impunità għal dawk responsabbli għal delitti tal-gwerra fl-Ukrajna jew fi kwalunkwe post ieħor fid-dinja;

11. Jitlob investigazzjoni immedjata, rigoruża, indipendenti u trasparenti tad-delitti tal-gwerra kommessi fil-pajjiż mill-2014 mill-armata u jitlob li l-awturi jittellgħu quddiem il-ġustizzja;

12. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU li jistabbilixxi mekkaniżmu internazzjonali għall-ġbir, il-konsolidazzjoni, il-preservazzjoni u l-analiżi tal-evidenza tal-aktar delitti internazzjonali serji u l-ksur tad-dritt internazzjonali mwettaq fl-Ukrajna biex jiffaċilita u jħaffef proċedimenti kriminali ġusti u indipendenti; jitlob lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-komunità internazzjonali jiżguraw li l-mekkaniżmu internazzjonali jkollu l-appoġġ politiku, loġistiku u finanzjarju kollu meħtieġ biex iwettaq il-mandat tiegħu;

13. Jisħaq li l-ġlieda kontra l-impunità għad-delitti tal-gwerra tinvolvi wkoll il-garanzija ta' ħajjiet deċenti għall-vittmi tagħha; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw approċċ inklużiv fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja[1], li jkun hemm passaġġi sikuri u legali għan-nies li jaħarbu mill-Ukrajna biex jaslu fl-UE, li jkunu protetti mill-vjolenza, mill-abbuż, mill-isfruttament u mit-traffikar tul it-triq u li jkollhom aċċess għal trasport sikur fl-UE; jistieden lill-Istati Membri jiffiltraw u jimmonitorjaw l-individwi u l-familji kollha li jospitaw migranti Ukreni, b'mod partikolari n-nisa u t-tfal, u fuq kollox iżommuhom sikuri mit-traffikar u l-prostituzzjoni mġiegħla u furzata; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jiskoraġġixxu lit-traffikanti u lill-pimps li jisfruttaw is-sitwazzjoni vulnerabbli tan-nisa u t-tfal biex jabbużawhom u jisfurzawhom fil-prostituzzjoni;

14. Jistieden lill-Istati Membri jikkoordinaw aktar biex jiżguraw li n-nies kollha li jaħarbu mill-Ukrajna, irrispettivament min-nazzjonalità jew mill-etniċità tagħhom, ikollhom aċċess għall-protezzjoni u għall-inklużjoni soċjali fl-UE; jenfasizza li r-rifuġjati kollha li jaħarbu mill-kunflitti jistħoqqilhom trattament ugwali mill-Istati Membri irrispettivament mill-pajjiż li jkunu qed jaħarbu;

15. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw it-tagħlimiet meħuda mir-rispons għal din il-gwerra, inkluża l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja, biex jikkunsidraw mill-ġdid il-Patt tal-UE dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil kif ukoll il-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni b'mod ġenerali;

16. Jirrifjuta l-ingaġġ sfurzat kemm fir-Russja kif ukoll fl-Ukrajna u jesprimi dispjaċir għal-fatt li l-irġiel ta' ċerta età huma pprojbiti mill-awtoritajiet Ukreni milli jaħarbu mill-gwerra; jistieden lill-awtoritajiet jerġgħu jikkunsidraw il-politika tagħhom ta' lieva furzata u jitlob lill-UE tagħti ażil lil diżertturi miż-żewġ pajjiżi li, barra minn hekk, jistgħu jkunu wkoll xhieda tad-delitti tal-gwerra mwettqa;

17. Jilqa' u jappoġġja l-mobilizzazzjoni tal-moviment tal-paċi Ewropew wiesa'; jesprimi tħassib dwar it-tendenza li l-vuċijiet li jqajmu mistoqsijiet kritiċi dwar il-politiki relatati tal-UE jiġu attakkati; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-ilħna għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni ma jiġux imsikkta;

18. Jistieden lill-awtoritajiet Ukreni ma jużawx il-kunflitt biex jiġġustifikaw il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u r-restrizzjoni tad-drittijiet bażiċi; jikkundanna, f'dan ir-rigward, it-trażżin tal-attività ta' 11-il partit politiku tal-oppożizzjoni;

19. Jappella għall-kanċellazzjoni tad-dejn Ukren sabiex tiġi ffaċilitata r-rikostruzzjoni tal-bliet u tal-infrastruttura ċivili meqruda bħala riżultat tal-gwerra u biex jintemmu l-kondizzjonalitajiet ta' aġġustament strutturali marbuta mal-assistenza finanzjarja riċevuta mill-Ukrajna kemm mill-Fond Monetarju Internazzjonali kif ukoll mill-UE;

20. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lin-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukrajna, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Belarussja.

 

 

Aġġornata l-aħħar: 18 ta' Mejju 2022
Avviż legali - Politika tal-privatezza