Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0273/2022Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0273/2022

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi tal-gwerra Russa fl-Ukrajna għall-UE – it-tisħiħ tal-kapaċità tal-UE li taġixxi

13.5.2022 - (2022/2653(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Marc Botenga, José Gusmão
f'isem il-Grupp The Left

Proċedura : 2022/2653(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0273/2022
Testi mressqa :
B9-0273/2022
Dibattiti :
Testi adottati :

B9‑0273/2022

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi tal-gwerra Russa fl-Ukrajna għall-UE – it-tisħiħ tal-kapaċità tal-UE li taġixxi

(2022/2653(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Ottubru 2021 intitolata "L-ekonomija tal-UE wara l-COVID-19: implikazzjonijiet għall-governanza ekonomika" (COM/2021/0662),

 wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Marzu 2022 dwar Gwida tal-politika fiskali għall-2023 (COM(2022)0085),

 wara li kkunsidra l-projezzjonijiet makroekonomiċi tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għaż-żona tal-euro ppubblikati f'Marzu 2022,

 wara li kkunsidra r-rapport dwar il-perspettiva ekonomika reġjonali tal-Fond Monetarju Internazzjonali tat-22 ta' April 2022 intitolat "Europe: War Sets Back the European Recovery" (L-Ewropa: Il-Gwerra Tittardja l-Irkupru Ewropew),

 wara li kkunsidra s-sanzjonijiet ekonomiċi imposti fuq ir-Russja mill-25 ta' Frar 2022,

 wara li kkunsidra l-Karta Soċjali Ewropea riveduta tal-Kunsill tal-Ewropa,

 wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali,

 wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Federazzjoni Russa nediet invażjoni illegali tal-Ukrajna fl-24 ta' Frar 2022 bi ksur sfaċċat tal-Karta tan-NU u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali;

B. billi l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja ġiegħlet lil għadd kbir ta' persuni jaħarbu mill-pajjiż; billi mill-bidu tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna fl-24 ta' Frar 2022, skont il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati, madwar 5 miljun rifuġjat ħarbu mill-Ukrajna lejn l-UE; billi madwar 90 % ta' dawn ir-rifuġjati huma nisa u tfal;

C. billi ċ-ċittadini tal-UE, is-soċjetà ċivili u l-Istati Membri rreaġixxew għar-rifuġjati li deħlin mill-Ukrajna b'turija ta' solidarjetà bla preċedent; billi għall-ewwel darba, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea skatta d-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja (TPD). billi l-applikazzjoni tat-TPD kienet pjuttost irregolari u mill-inqas tmien Stati Membri għażlu li ma jinkludux persuni b'permessi ta' residenza fit-tul u ċittadini oħra ta' pajjiżi terzi li jgħixu fl-Ukrajna fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha;

D. billi l-eskalazzjoni kontinwa tal-gwerra, is-sanzjonijiet u l-kontrosanzjonijiet x'aktarx li se jaggravaw in-nuqqasijiet u l-ispekulazzjoni fuq il-prodotti bażiċi tal-ikel, u jikkawża aktar kriżijiet tal-ikel, karestija u irvellijiet minħabba l-ikel madwar id-dinja, speċjalment fl-Afrika u fil-Lvant Nofsani; billi r-reġim attwali ta' limiti ta' pożizzjoni skont id-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji u r-Regolament dwar is-Swieq tal-Istrumenti Finanzjarji (MiFID/MiFIR) ma huwiex biżżejjed biex jillimita l-ispekulazzjoni fil-prodotti bażiċi;

E. billi d-disparitajiet soċjoekonomiċi żdiedu fl-Unjoni mill-bidu tal-kriżijiet finanzjarji u tas-saħħa pubblika u se jkomplu jiġu aggravati minħabba t-tfixkil fil-provvista kkawżat mill-gwerra fuq l-Ukrajna u s-sanzjonijiet ekonomiċi imposti fuq ir-Russja; billi l-prezzijiet tal-prodotti essenzjali, inklużi l-enerġija u l-ikel, qed jiżdiedu bħala riżultat tal-gwerra, is-sanzjonijiet u l-kontrosanzjonijiet, li jfisser li aktar u aktar nies se jkunu f'riskju ta' faqar minbarra ċ-ċifra attwali ta' 97 miljun persuna; billi l-adozzjoni tas-sitt pakkett ta' sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja x'aktarx li se taggrava din is-sitwazzjoni, u twassal għall-għeluq ta' negozji madwar l-Unjoni; billi fl-istess ħin il-kumpaniji l-kbar tal-enerġija qed jagħmlu profitti rekord;

F. billi waħda minn kull żewġ persuni li ma humiex ċittadini tal-UE bi sfond ta' migrazzjoni huma f'riskju ta' faqar jew ta' esklużjoni soċjali u billi l-livelli ta' xogħol prekarju huma partikolarment għoljin fost in-nisa migranti u rifuġjati; billi l-persuni bi status dipendenti jew irregolari jiffaċċjaw rati għoljin ħafna ta' faqar; billi d-diskriminazzjoni fl-aċċess u l-kwalità tal-edukazzjoni, it-taħriġ u l-impjiegi tikkontribwixxi għal din ir-realtà;

G. billi skont l-aħħar previżjoni tal-Fond Monetarju Internazzjonali għaż-żona tal-euro (April 2022), it-tkabbir reali fil-PDG huwa mistenni li jkun ta' medja ta' 2,8 % fl-2022, ta' 2,3 % fl-2023 u ta' 1,8 % fl-2024; billi l-perspettiva għat-tkabbir ġiet riveduta 'l isfel (minn Frar 2022) b'1,1 % għall-2022; billi, skont il-Eurostat, ir-rata tal-qgħad f'Marzu 2022 kienet ta' 6,2 % fl-UE u 6,8 % fiż-żona tal-euro, mifruxa b'mod irregolari madwar l-UE u r-rati tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u n-nisa baqgħu ferm ogħla;

H. billi l-inflazzjoni ġiet riveduta 'l fuq u t-tkabbir ekonomiku ġie rivedut 'l isfel; billi fiż-żona tal-euro, skont stima rapida, l-inflazzjoni laħqet 7,5 % f'April 2022, l-ogħla livell minn meta ġiet introdotta l-munita unika; billi hemm riskji ta' staġflazzjoni fiż-żona tal-euro; billi l-prezzijiet tad-djar u tas-suq azzjonarju żdiedu għal livelli mingħajr preċedent, li jfisser, b'mod partikolari, li dawk l-aktar vulnerabbli qed jitħallew lura u dan qed jagħti spinta lill-inugwaljanzi soċjoekonomiċi; billi l-kost tal-ikel fl-UE kien 4,7 % ogħla f'Jannar 2022 milli kien fl-istess xahar tas-sena preċedenti; billi ħafna Stati Membri, u b'mod partikolari l-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, qed jiffaċċjaw prezzijiet tal-ikel saħansitra ogħla; billi anki qabel l-invażjoni Russa tal-Ukrajna, is-swieq agrikoli globali esperjenzaw żieda fil-prezzijiet, parzjalment minħabba l-effetti tal-klima u l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19;

I. billi r-restrizzjonijiet neoliberali tal-Kummissjoni fuq il-politika industrijali u l-għajnuna mill-Istat waqqfu lill-Istati Membri milli jinvestu fl-istrutturi produttivi nazzjonali tagħhom, u dan ħalla lill-Unjoni Ewropea dipendenti fuq ktajjen tal-provvista globali fraġli u fuq pajjiżi terzi għal riżorsi strateġiċi bħall-enerġija;

J. billi l-objettivi klimatiċi u tal-enerġija tal-UE jippreżentaw sfidi mingħajr preċedent li se jkunu jirrikjedu livelli kbar ħafna ta' investiment pubbliku fl-enerġija rinnovabbli; billi nuqqas ta' azzjoni f'dan il-qasam ikun jiswa aktar flus minħabba li n-nuqqas jew id-dewmien fl-investimenti għall-kisba tat-trasformazzjoni ekoloġika jistgħu jiswew lill-UE sa 5,6 % tal-PDG tagħha fl-2050;

K. billi l-UE tiddependi ħafna fuq il-fjuwils fossili Russi; billi r-Russja diġà rdoppjat id-dħul tagħha mill-esportazzjonijiet tal-fjuwils fossili mill-bidu tal-gwerra 'l hawn[1];

L. billi l-qafas attwali tal-governanza ekonomika tal-UE għadu proċikliku ħafna, u wera li huwa għalkollox inadegwat biex jindirizza d-diversi kriżijiet u sfidi ekonomiċi matul l-aħħar għaxar snin, għad-detriment tal-unitajiet domestiċi u l-intrapriżi l-aktar vulnerabbli; billi l-qafas attwali xekkel it-tranżizzjoni ekoloġika u għamel il-provvista tal-Unjoni ta' riżorsi naturali aktar vulnerabbli għal pajjiżi terzi, inkluża r-Russja;

M. billi hemm ħtieġa urġenti li jissaħħaħ id-dħul fil-finanzi pubbliċi u li jiġu indirizzati t-tipi kollha ta' frodi tat-taxxa u ta' evażjoni tat-taxxa, inkluż fl-UE, u li jiġi żgurat li l-individwi u l-intrapriżi multinazzjonali l-aktar sinjuri jiġu ntaxxati kif xieraq filwaqt li jitnaqqas il-piż tat-taxxa għall-unitajiet domestiċi b'introjtu baxx;

N. billi s-sanzjonijiet imposti fuq ir-Russja x'aktarx se jolqtu lil dawk li jfaddlu, lill-ħaddiema bil-paga u lill-pensjonanti fir-Russja b'mod sproporzjonat, u se jwasslu għal tnaqqis fil-livelli ta' għajxien u diffikultajiet ekonomiċi għall-popolazzjoni b'mod ġenerali fir-Russja; billi parti kbira mill-ġid tar-Russja (b'mod partikolari l-ġid tal-1 % l-aktar sinjuri) jinżamm f'rifuġji fiskali offshore;

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

1. Jenfasizza l-importanza essenzjali li tiġi difiża l-paċi; jitlob b'urġenza, għalhekk, li tintemm il-gwerra, li qatt ma jmissha bdiet, permezz ta' soluzzjoni politika u diplomatika għall-kunflitt li jkollha l-għan li tikseb waqfien immedjat mill-ġlied;

2. Jieħu nota tal-miżuri restrittivi tal-UE adottati mill-25 ta' Frar 2022 'l hawn b'reazzjoni għall-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna; jirrikonoxxi li dawn il-miżuri u l-kontromiżuri Russi se jaffettwaw materjalment lill-ekonomija tal-UE;

3. Jitlob l-adozzjoni b'urġenza ta' miżuri ta' kontroll tad-danni għas-sanzjonijiet sabiex jiġi żgurat li l-klassi tal-ħaddiema ma terfax il-piż ta' dawn id-deċiżjonijiet politiċi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jevitaw sanzjonijiet li jaffettwaw b'mod negattiv lill-ħaddiema u lill-unitajiet domestiċi;

Miżuri ta' mitigazzjoni tal-kriżijiet soċjali

4. Jesprimi dispjaċir li sa mill-bidu tal-gwerra, la l-Kummissjoni u lanqas il-Kunsill ma ħadu l-miżuri ta' emerġenza meħtieġa biex jevitaw żidiet fil-prezzijiet, u minflok ippreferew jinsistu fuq l-invjolabbiltà tal-prinċipji tas-suq intern;

5. Jisħaq li l-Istati Membri qed jiffaċċjaw sfidi sinifikanti bħal pagi reali staġnati jew li qed jonqsu, inugwaljanza dejjem akbar u l-emerġenza klimatika; jenfasizza li ħafna nies fl-Ewropa kienu diġà f'sitwazzjonijiet prekarji u vulnerabbli qabel il-gwerra fl-Ukrajna u jwissi li l-gwerra, is-sanzjonijiet u l-inflazzjoni relatata, b'mod partikolari ż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel u tal-enerġija, se tagħmel is-sitwazzjoni impossibbli għal ħafna nies; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu lill-persuni affettwati b'appoġġ finanzjarju adegwat kontra l-faqar enerġetiku u ż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel u għall-unitajiet domestiċi; jitlob b'urġenza li jiġu adottati miżuri biex jiġi żgurat li l-istandards tal-għajxien tal-ħaddiema u tal-popli ma jiddeterjorawx; jitlob f'dan ir-rigward żieda fis-salarji, fil-pensjonijiet u trasferimenti soċjali biex jibbilanċjaw il-prezzijiet tal-konsum, bħall-indiċjar awtomatiku;

6. Jilqa' l-applikazzjoni tat-TPD għall-akkoljenza tar-rifuġjati Ukreni; jesprimi dispjaċir li dan il-mekkaniżmu diġà eżistenti li kien ġie approvat fl-2001 ma ġiex applikat għal rifuġjati li ħarbu minn kunflitti oħra matul dawn l-aħħar għoxrin sena; jitlob l-estensjoni immedjata ta' din il-protezzjoni għal rifuġjati minn pajjiżi oħra minbarra l-Ukrajna;

7. Jisħaq fuq il-ħtieġa li titpoġġa enfasi speċjali fuq gruppi vulnerabbli, minoranzi u speċjalment nisa bit-tfal u nisa akbar fl-età, peress li huma affettwati b'mod partikolari fil-kunflitti u jeħtieġu protezzjoni u appoġġ speċjali, b'mod partikolari t-tfal f'kustodja istituzzjonali, it-tfal mhux akkumpanjati, u t-tfal b'diżabilità u mard serju ieħor; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li jkomplu jirċievu l-kura meħtieġa u t-trattament li jista' jsalvalhom ħajjithom u l-ħtieġa li dawn jiġu evakwati minnufih lejn xi mkien sikur;

8. Jitlob miżuri biex in-nisa u l-bniet jiġu mħarsa mill-isfruttament sesswali u mit-traffikar tal-bnedmin, inkluż billi jiġu żgurati kemm trasport kif ukoll rotot sikuri;

9. Jemmen li servizzi pubbliċi ta' kwalità aċċessibbli huma wkoll essenzjali għat-tnaqqis tal-inugwaljanzi u tal-livelli ta' faqar meta jiġu ospitati r-rifuġjati; iqis li huwa essenzjali li l-Istati Membri jipprovdu aċċess għal servizzi pubbliċi ta' kwalità tajba bħal aċċess universali għal kura tas-saħħa, edukazzjoni, akkomodazzjoni affordabbli, provvista tal-enerġija u protezzjoni soċjali; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' investiment pubbliku urġenti fis-servizzi pubbliċi u fl-infrastruttura;

10. Jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu aċċess ugwali għal edukazzjoni u taħriġ inklużivi għar-rifuġjati u jżidu l-isforzi tagħhom biex jiffaċilitaw l-integrazzjoni;

11. Jisħaq li, skont l-Artikolu 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-UE għandha obbligu li tiżgura li l-ħaddiema kollha jgawdu kundizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sikurezza u d-dinjità tagħhom u jitlob li tingħata attenzjoni għall-fatt li l-faqar u l-esklużjoni mis-suq tax-xogħol u s-soċjetà jaggravaw l-inugwaljanzi u s-segregazzjoni; ifakkar fil-fatt li, fl-implimentazzjoni tal-politiki tagħhom, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom ikomplu jagħtu prijorità lill-istandards soċjali u jqisu r-rekwiżiti marbuta mal-promozzjoni ta' livell għoli ta' impjieg ta' kwalità, il-garanzija ta' standard tal-għajxien diċenti u ħarsien soċjali adegwat għal kulħadd, u l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali;

12. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkludu bis-sħiħ lill-ħaddiema u lit-trade unions f'kull stadju tal-iżvilupp u tal-implimentazzjoni tar-rispons għall-kriżi aggravata mill-gwerra;

13. Jistieden lill-UE taħdem mal-Istati Membri biex tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tal-istandards tax-xogħol tal-UE u dawk nazzjonali mingħajr ebda tip ta' diskriminazzjoni, inkluż permezz ta' mekkaniżmi ta' monitoraġġ, tal-ilmenti u ta' rimedju li jkunu effettivi, indipendenti u aċċessibbli għall-ħaddiema kollha; jenfasizza l-importanza ċentrali tas-sistemi tal-pensjonijiet u tas-sigurtà soċjali pubbliċi biex il-ħaddiema jingħataw protezzjoni soċjali; jindika ż-żarmar gradwali ta' dawn is-sistemi permezz tal-privatizzazzjoni u d-definanzjament, li kien appoġġjat ukoll mill-politiki tal-UE; jitlob lill-Istati Membri jreġġgħu lura dawn il-miżuri u jipprovdu servizzi soċjali pubbliċi ta' kwalità;

14. Jenfasizza s-sitwazzjoni prekarja ta' ħafna ħaddiema fi skemi ta' xogħol għal żmien qasir li ġew imkeċċija jew li huma f'riskju li jitkeċċew; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw b'mod effettiv il-problema taż-żieda fil-faqar u tal-faqar fost dawk li jaħdmu fl-UE, li ġiet aggravata mill-konsegwenzi tal-kunflitt, permezz ta' miżuri ta' konverġenza soċjali 'l fuq u biex jiġu miġġielda l-inugwaljanzi li qegħdin dejjem jikbru fi ħdan u bejn l-Istati Membri; jitlob żidiet fis-salarji, fil-pensjonijiet u fl-iskemi tal-introjtu minimu; jisħaq li l-fraġilitajiet li tefgħu dawl fuqhom il-kriżijiet attwali huma sistematiċi u olistiċi;

15. Ifakkar li l-prezzijiet tal-enerġija ilhom eċċezzjonalment għoljin mill-bidu tal-ħarifa tal-2021, u li dan affettwa b'mod negattiv lill-ħaddiema anki qabel beda l-kunflitt; jirrikonoxxi l-miżuri straordinarji adottati minn xi Stati Membri li għandhom l-għan li jtaffu ż-żieda fil-prezzijiet tal-fjuwil; jenfasizza, madankollu, li tali miżuri mhumiex biżżejjed biex tassew itaffu l-kost taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija għall-unitajiet domestiċi; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex toħroġ bi kriterji ambizzjużi, koordinati u ċari dwar miżuri addizzjonali għall-protezzjoni tal-ħaddiema u tal-unitajiet domestiċi, speċjalment dwar limitu massimu għall-prezzijiet tal-enerġija;

Miżuri ta' mitigazzjoni tal-kriża ekonomika

16. Jinnota li l-kumpaniji privati kbar fis-setturi tal-enerġija u tal-bejgħ bl-imnut tal-ikel qed jagħmlu profitti straordinarji matul din il-kriżi; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu sistema ta' tassazzjoni ambizzjuża għall-profitti mhux mistennija ta' dawn il-kumpaniji, kif ġie rrakkomandat minn istituzzjonijiet internazzjonali bħall-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi jew il-Fond Monetarju Internazzjonali, sabiex jiġi evitat li l-approfittar mill-gwerra minn korporazzjonijiet kbar u biex jiġu ffinanzjati l-miżuri pubbliċi meħtieġa; jistieden lill-Istati Membri jirregolaw il-prezzijiet u l-marġni tal-profitt f'setturi fejn hemm evidenza ta' żieda eċċessiva fil-prezzijiet minn strutturi ta' kartelli, b'mod partikolari fis-settur tal-fjuwil;

17. Jieħu nota tal-Qafas Temporanju tal-Kriżijiet biex jappoġġja lill-ekonomija fil-kuntest tal-invażjoni mir-Russja tal-Ukrajna adottat mill-Kummissjoni; jesprimi dispjaċir li l-Kummissjoni ma inkludietx kundizzjonijiet ekoloġiċi u soċjali għall-għajnuna mill-Istat lill-utenti li jużaw ħafna enerġija;

18. Iqis li l-appoġġ finanzjarju kollu tal-UE biex tiġi indirizzata din il-kriżi għandu jikkonforma ma' kundizzjonijiet ambjentali u soċjali stretti, inkluż li jiġu mħarsa l-impjiegi eżistenti; jinsisti li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jiżguraw li l-appoġġ finanzjarju pubbliku pprovdut lill-kumpaniji sabiex jiġu miġġielda l-effetti ekonomiċi tal-kunflitt jiġi pprovdut biss jekk il-finanzjament jintuża għall-benefiċċju tal-impjegati u l-kumpaniji li jirċevuh ma jagħtux bonusijiet lill-maniġment, jevitaw l-evażjoni tat-taxxa, ma jħallsux dividendi u ma joffrux skemi ta' xiri lura ta' ishma sakemm idumu jirċievu dan l-appoġġ;

19. Jissottolinja li minħabba l-arkitettura tal-governanza ekonomika tal-UE, mhux l-Istati Membri kollha se jkunu jistgħu jipprovdu l-istess livell ta' għajnuna mill-Istat lill-kumpaniji, u b'hekk se jinħoloq ir-riskju li jiżdiedu d-differenzi soċjoekonomiċi bejn il-pajjiżi u r-reġjuni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżommu l-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir attivata; jitlob li l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, il-leġiżlazzjoni dwar il-governanza ekonomika (is-"six-pack" u t-"two-pack"), is-Semestru Ewropew u t-Trattat Baġitarju jitħassru u jiġu sostitwiti minn patt dwar l-iżvilupp sostenibbli u l-impjiegi li jrid jiggarantixxi l-impjieg, it-tkabbir inklużiv u l-ħarsien tal-ambjent; jissottolinja li, b'dan il-mod, l-UE u l-Istati Membri jiżviluppaw il-flessibbiltà meħtieġa biex jippromwovu l-investiment pubbliku, il-finanzjament tas-servizzi pubbliċi u l-funzjonijiet soċjali tagħhom, l-għoti ta' spinta lill-attività ekonomika, b'mod partikolari fis-setturi produttivi, u s-sjieda pubblika u l-kontroll ta' setturi ekonomiċi strateġiċi;

20. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-BĊE jieħdu miżuri komprensivi u mhux standard, inklużi bidliet fil-mandat tal-BĊE biex jittaffa l-piż, speċjalment għall-unitajiet domestiċi vulnerabbli u għall-mikrointrapriżi; jemmen li l-BĊE għandu jkun jista' jixtri bonds ta' dejn perpetwi b'imgħax żero direttament mill-Istati Membri; iwissi li ż-żieda fir-rati tal-imgħax se tikkontribwixxi għall-volatilità ekonomika, u jitlob l-użu ta' għodod ta' politika fiskali biex jittaffew l-effetti taż-żieda fil-prezzijiet, speċjalment fis-setturi tal-ikel u tal-enerġija;

21. Jitlob l-adozzjoni ta' miżuri biex tiġi indirizzata ż-żieda prevedibbli fid-dejn pubbliku, speċjalment f'pajjiżi b'ammont akbar ta' dejn, b'mod partikolari billi titħassar il-frazzjoni tad-dejn pubbliku maħruġa mill-Istati Membri, matul il-perjodu meta qed jiġu megħluba l-konsegwenzi tal-pandemija, li bħalissa huma miżmuma mill-BĊE u inklużi fil-bilanċ ta' kull Stat Membru, kif ukoll fil-bilanċi tal-Banek Ċentrali Nazzjonali (Eurosistema), billi tiġi żgurata ż-żamma formali tal-livelli ta' dejn ta' qabel il-pandemija;

22. Iħeġġeġ negozjar mill-ġdid tat-termini, il-maturitajiet, l-imgħax u l-ammonti tad-dejn pubbliku, biex ikunu jistgħu jiġu riorjentati r-riżorsi minn servizz tad-dejn għall-ħtiġijiet ekonomiċi u soċjali urġenti fl-Istati Membri; jitlob il-kanċellazzjoni tad-dejn tal-Ukrajna sabiex tiġi ffaċilitata r-rikostruzzjoni tal-intrapriżi strateġiċi u infrastrutturali meqruda fil-gwerra;

23. Jikkunsidra li ċerti setturi strateġiċi, bħal dak tal-enerġija, huma importanti wisq biex jitħallew f'idejn is-suq jew f'idejn ftit korporazzjonijiet multinazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni toffri valutazzjoni komprensiva tas-setturi kkonċernati u rimedji potenzjali; jinnota li l-prezzijiet tal-enerġija jiġu ffissati permezz ta' sistema spekulattiva li ma hijiex ikkontrollata; jitlob li jerġa' jiġi stabbilit kontroll pubbliku fuq dan is-settur; ifakkar li l-Politika Komuni tal-Enerġija tal-UE wasslet għal sistema ta' ffissar tal-prezzijiet tal-enerġija li ma hijiex ikkontrollata u hija spekulattiva; jitlob li jerġa' jiġi stabbilit kontroll mill-Istat fuq is-settur;

24. Jitlob rieżami urġenti tar-reġim ta' limiti ta' pożizzjoni skont il-MiFID/MiFIR sabiex tintemm l-ispekulazzjoni fuq il-prodotti bażiċi u fuq l-ikel;

25. Jisħaq, għal darba oħra, dwar l-importanza tad-diversifikazzjoni tar-riżorsi, tat-teknoloġiji u tar-rotot tal-provvista tal-enerġija, minbarra li jiġi stabbilit pjan fuq skala kbira għall-investiment pubbliku fl-effiċjenza enerġetika, fl-enerġija rinnovabbli u investimenti pubbliċi sostenibbli fit-tul biex jindirizzaw it-tibdil fil-klima u l-problema tal-provvista tal-enerġija; jitlob, għalhekk, aktar koordinazzjoni fil-livell tal-UE tal-ippjanar u l-finanzjament għall-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli, b'mod partikolari għall-idroġenu ekoloġiku; jinnota li s-sussidji pubbliċi għall-investimenti fil-gass fossilu, fl-enerġija b'livell baxx ta' karbonju u l-idroġenu griż huma inkompatibbli mal-objettivi tal-klima tal-Unjoni, inkluż il-Ftehim ta' Pariġi;

26. Jistieden lill-Unjoni u lill-Istati Membri jżidu d-dħul permezz ta' taxxi mmirati kemm lejn kumpaniji multinazzjonali kbar kif ukoll lejn l-individwi l-aktar sinjuri, jipproponu taxxa ambizzjuża fuq il-ġid, jistabbilixxu rata minima effettiva ta' 25 % għat-taxxa korporattiva, b'rati ogħla għall-kumpaniji multinazzjonali li jagħmlu l-akbar qligħ, b'mod speċjali dawk fis-settur finanzjarju li approfittaw minn tranżazzjonijiet fuq perjodu ta' żmien qasir u spekulattivi, u biex jappoġġjaw taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji ("it-taxxa Tobin");

27. Jitlob l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni biex tiżdied malajr it-trasparenza finanzjarja, biex jingħalqu l-lakuni kollha li jiffaċilitaw il-ħabi tas-sjieda benefiċjarja bħala parti min-negozjati dwar il-Pakkett Kontra l-Ħasil tal-Flus u biex jiġi żgurat li kwalunkwe flus miżmuma mill-oligarki Russi fl-Unjoni jiġu kkonfiskati; jitlob f'dan il-kuntest il-blacklisting ta' kull istituzzjoni finanzjarja ta' pajjiżi terzi li hija involuta fil-ħasil tal-flus jew li tippermettih; ifakkar, fid-dawl tal-Paradise Papers, li l-biċċa l-kbira tal-assi tal-oligarki Russi huma moħbija f'rifuġji fiskali Ewropej; jiddeplora l-fatt li dan in-nuqqas ta' trasparenza fiskali ma jippermettix lill-UE timmira sanzjonijiet fuq l-assi tal-oligarki u b'hekk milli toħloq pressjoni reali fuqhom; jitlob li jiżdiedu l-azzjonijiet tal-UE kontra r-rifuġji fiskali Ewropej;

28. Jitlob li jinħoloq reġistru finanzjarju globali (RFG) li jinkludi informazzjoni dwar il-ġid, il-proprjetà immobbli, l-assi finanzjarji u l-benefiċjarji finali tal-assi, kif rakkomandat mill-Osservatorju tat-Taxxa tal-UE[2]; jappella għall-kooperazzjoni sħiħa tar-rifuġji fiskali Ewropej fit-twaqqif tar-RFG;

°

° °

29. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

Aġġornata l-aħħar: 18 ta' Mejju 2022
Avviż legali - Politika tal-privatezza