MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar theddid globali għad-dritt għall-abort
1.6.2022 - (2022/2665(RSP))
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Nicolaus Fest, Jaak Madison
f'isem il-Grupp ID
B9‑0289/2022
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar theddid globali għad-dritt għall-abort
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) dwar is-saħħa pubblika, u b'mod partikolari l-paragrafu 7 tiegħu, li jafferma li "[l]-azzjoni tal-Unjoni għandha tirrispetta bis-sħiħ ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri fir-rigward tad-definizzjoni tal-politika tas-saħħa tagħhom, kif ukoll l-organizzazzjoni u l-għoti ta' servizzi tas-saħħa u tal-kura medika",
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, ipproklamata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-10 ta' Diċembru 1948,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tas-16 ta' Diċembru 1966, u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu, li jiddikjara li "Kull bniedem għandu d-dritt inerenti għall-ħajja. Dan id-dritt għandu jiġi protett bil-liġi. Ħadd ma għandu jiġi mċaħħad arbitrarjament minn ħajtu",
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-20 ta' Novembru 1989, li tistabbilixxi fil-Preambolu tagħha li "t-tfal ... jeħtieġu salvagwardji u kura speċjali, inkluża protezzjoni legali xierqa, kemm qabel kif ukoll wara t-twelid",
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni 874 (1979) tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tal-4 ta' Ottubru 1979 dwar Karta Ewropea tad-Drittijiet tat-Tfal,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità, li jikkonferma l-kapaċità tal-Istati Membri li jieħdu deċiżjonijiet u jieħdu azzjoni sabiex jiżguraw li, sa fejn ikun possibbli, is-setgħat jiġu eżerċitati qrib iċ-ċittadini, f'konformità mal-prinċipju ta' prossimità msemmi fl-Artikolu 10(3) tat-TUE,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet konklużivi tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, li jirrikkomandaw li l-abort ewġeniku jiġi abolit: "Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Istat Parti jabolixxi d-distinzjoni li saret fl-Att 2/2010 fil-perjodu permess mil-liġi li fih it-tqala tista' tiġi tterminata abbażi biss tad-diżabilità",
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi li jfassal rapport fuq inizjattiva proprja dwar il-finanzjament barrani tal-hekk imsejħa gruppi kontra l-għażla, li jqajjem dubji dwar l-operazzjonijiet legali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili favur il-ħajja li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà tal-espressjoni u tal-assoċjazzjoni,
– wara li kkunsidra Roe vs Wade, 410 U.S. 113 (1973),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi s-sess, is-sesswalità u l-intimità jappartjenu fl-isfera privata;
B. billi l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tinnota li "t-tfal, minħabba l-immaturità fiżika u mentali tagħhom, jeħtieġu salvagwardji u kura speċjali, inkluża protezzjoni legali xierqa, kemm qabel kif ukoll wara t-twelid", u billi dan irid jinkludi d-dritt primarju, jiġifieri d-dritt għall-ħajja, li mingħajru d-drittijiet tal-bniedem l-oħra kollha jkunu nulli;
C. billi d-difiża tal-ħajja u tas-saħħa, bħala valuri ewlenin, tiddefinixxi l-libertà u d-dinjità tal-bniedem;
D. billi la ebda trattat internazzjonali legalment vinkolanti, la l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, u lanqas id-dritt internazzjonali konswetudinarju ma jistgħu jiġu kkwotati b'mod preċiż bħala li jistabbilixxu jew jirrikonoxxu d-dritt għall-abort;
E. billi kemm il-Programm ta' Azzjoni tal-ICPD (1994) kif ukoll il-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing (1995) jitolbu li l-Istati jnaqqsu l-imwiet assoċjati mat-tqala u jipprovdu servizzi bażiċi tas-saħħa aktar aċċessibbli, affordabbli u ta' kwalità għolja, b'enfasi partikolari fuq il-kura medika tal-ommijiet;
F. billi l-Istati Membri għandhom kompetenza esklużiva fi kwistjonijiet relatati ma' kwistjonijiet speċifiċi tas-saħħa u tar-riproduzzjoni, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kkonfermat fit-TUE;
G. billi d-drittijiet tal-bniedem huma inerenti għall-bnedmin kollha, mingħajr ebda distinzjoni jew diskriminazzjoni fir-rigward tan-nazzjonalità, il-post tar-residenza, is-sess, l-oriġini nazzjonali jew etnika, il-kulur, ir-reliġjon, il-lingwa, jew kwalunkwe status ieħor; billi, għaldaqstant, ma jistgħux jiġu sottomessi għal linja ta' ħsieb jew ideoloġija jew xejra f'punt fl-istorja li jmur kontra l-universalità u n-neċessità sottostanti tagħhom;
H. billi l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jiffinanzjaw l-abort b'madwar EUR 2.5 biljun fis-sena[1], u billi għandhom jinvestu aktar f'organizzazzjonijiet ta' appoġġ għan-nisa li jiffaċċjaw tqala mhux mistennija jew diffiċli, sabiex ikunu jistgħu jilqgħu lil uliedhom;
I. billi l-ebda Stat Membru mhu qed jikseb rati ta' rimpjazzament tal-fertilità filwaqt li ħafna minnhom qed jaqgħu għal livelli baxxi b'mod kritiku u billi qed jiffaċċjaw xitwa demografika qawwija;
1. Jafferma bil-qawwa li l-liġi Ewropea, kif imsemmi hawn fuq, tafferma ripetutament il-ħtieġa li tiġi protetta ħajjet kulħadd, speċjalment ta' dawk l-aktar vulnerabbli;
2. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jaffermaw u jipproteġu l-kompetenza unika tagħhom fil-qasam tal-kura tas-saħħa u jsegwu politiki li jaffermaw il-ħajja u jipprevjenu lill-UE milli tmur lil hinn mill-mandat tagħha f'dan ir-rigward; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrispetta u ma tinterferixxix ma' deċiżjonijiet li ma jaqgħux taħt il-kompetenza tagħha;
3. Jinnota li t-terminu "kura tas-saħħa sesswali u riproduttiva" tradizzjonalment jinkludi firxa wiesgħa ta' miżuri tal-kura tas-saħħa; jiddenunzja l-fatt li dan it-terminu qed jintuża mix-xellug politiku bħala ewfemiżmu għall-abort;
4. Jitlob lill-istituzzjonijiet Ewropej kollha jirrispettaw is-sovranità ta' pajjiżi mhux tal-UE, u, f'dan il-każ, b'mod partikolari l-Istati Uniti, peress li l-Qorti Suprema tagħha se tiddeċiedi fuq il-bażi kostituzzjonali tad-deċiżjoni Roe vs Wade; iħeġġeġ li l-istituzzjonijiet kollha tal-UE jirrispettaw il-fatt li l-Istati Uniti huwa nazzjon sovran b'sistema legali żviluppata sew li m'għandhiex tiddgħajjef;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.
-
[1] Ċifri tal-2018 mill-Forum Parlamentari Ewropew dwar id-Drittijiet Sesswali u Riproduttivi (EPF), disponibbli fuq: https://www.epfweb.org/sites/default/files/2020-12/DD_Report2020_webversion_Final.pdf