Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0321/2022Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0321/2022

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-istat tad-dritt u l-approvazzjoni potenzjali tal-Pjan Nazzjonali ta' Rkupru (RRF) tal-Polonja

7.6.2022 - (2022/2703(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Konstantinos Arvanitis
f'isem il-Grupp The Left

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0317/2022

Proċedura : 2022/2703(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0321/2022
Testi mressqa :
B9-0321/2022
Dibattiti :
Testi adottati :

B9‑0321/2022

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-istat tad-dritt u l-approvazzjoni potenzjali tal-pjan nazzjonali ta' rkupru (RRF) tal-Polonja

(2022/2703(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Artikoli 1, 2, 3, 4, 6, 7, 13, 14, 16, 17, 19 u 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 265, 310, 317 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

 wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-ġurisprudenza relatata tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni (ir-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt)[1],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Mekkaniżmu ta' Kundizzjonalità tal-Istat tad-Dritt,

 wara li kkunsidra r-rikors tiegħu ppreżentat fid-29 ta' Ottubru 2021, għan-nuqqas ta' azzjoni fil-Kawża C-657/21, Il-Parlament Ewropew vs Il-Kummissjoni Ewropea, li hija attwalment pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kummissjoni dwar l-istat tad-dritt tat-30 ta' Settembru 2020 (COM(2020)0580), u tal-20 ta' Lulju 2021 (COM/2021/0700),

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2020,

 wara li kkunsidra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem,

 wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE tas-16 ta' Frar 2022 fil-Kawżi C-156/21 u C-157/21[2],

 wara li kkunsidra d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE tal-14 ta' Lulju 2021 u d-deċiżjoni tagħha tal-15 ta' Lulju 2021[3], li tistipula li s-sistema dixxiplinari għall-imħallfin fil-Polonja mhijiex kompatibbli mad-dritt tal-UE,

 wara li kkunsidra l-proposta motivata tal-Kummissjoni tal-20 ta' Diċembru 2017 skont l-Artikolu 7(1) TUE rigward l-istat tad-dritt fil-Polonja: proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar id-determinazzjoni ta' riskju ċar ta' ksur gravi tal-istat tad-dritt mir-Repubblika tal-Polonja (COM(2017)0835),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Marzu 2018 dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex jiġi attivat l-Artikolu 7(1) tat-TUE minħabba s-sitwazzjoni fil-Polonja[4],

 wara li kkunsidra l-ittri mibgħuta mill-Kummissjoni lill-Polonja fis-17 ta' Novembru 2021,

 wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Polonja (COM(2022)0268),

 wara li kkunsidra r-rapport konġunt tal-Kumitat għall-Baġits u tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tiegħu dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza,

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ir-Regolament dwar l-RRF)[5],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-UE hija msejsa fuq ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, kif hemm minqux fl-Artikolu 2 tat-TUE;

B. billi f'konformità mar-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt, l-istat tad-dritt irid jinftiehem fid-dawl tal-valuri u l-prinċipji minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE, b'mod partikolari d-drittijiet fundamentali u n-nondiskriminazzjoni; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tuża l-għodod kollha għad-dispożizzjoni tagħha, inkluż ir-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt, biex tindirizza l-ksur persistenti tad-demokrazija u tad-drittijiet fundamentali kullimkien fl-Unjoni, inklużi attakki kontra l-libertà tal-media u l-ġurnalisti, il-migranti, id-drittijiet tan-nisa, id-drittijiet tal-persuni LGBTIQ, u l-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda; jistieden lill-Kummissjoni taġixxi u tqis dan fl-applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt;

C. billi kwalunkwe riskju ċar ta' ksur serju min-naħa ta' Stat Membru tal-valuri minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE ma jikkonċernax biss lill-Istat Membru individwali fejn jimmaterjalizza r-riskju, iżda għandu impatt ukoll fuq l-Istati Membri l-oħra, fuq il-fiduċja reċiproka ta' bejniethom, u fuq in-natura nnifsha tal-Unjoni u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tagħha skont id-dritt tal-Unjoni;

D. billi l-istabbiliment mill-ġdid tas-sistema ġudizzjarja Pollakka huwa prekundizzjoni biex jiġu ssodisfati l-kriterji ta' valutazzjoni rilevanti fl-ambitu tal-RRF u biex tiġi garantita l-protezzjoni xierqa tal-interessi finanzjarji tal-UE;

E. billi r-Regolament dwar l-RRF jirrikjedi li l-korpi inkarigati bil-kontroll u s-superviżjoni jkollhom is-setgħa legali u l-kapaċità amministrattiva li jeżerċitaw il-kompiti tagħhom b'mod indipendenti u billi l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill jenfasizza li protezzjoni ġudizzjarja effettiva hija prerekwiżit għall-funzjonament ta' sistema ta' kontroll intern;

F. billi l-istituzzjonijiet tal-UE jeħtiġilhom jiggarantixxu u jiddefendu l-valuri li jinsabu fl-Artikolu 2 tat-TUE, fil-limiti tas-setgħat mogħtija lilhom mit-Trattati;

G. billi, fl-10 ta' Marzu 2022[6], il-Parlament saħaq li l-approvazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali fl-ambitu tal-RRF għandha tiġi subordinata għat-twettiq tal-11-il kriterju kollha kemm huma stabbiliti fl-Artikolu 19 u fl-Anness V tar-Regolament dwar l-RRF;

H. billi, fil-5 ta' Mejju 2022[7], il-Parlament stieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill joqogħdu lura milli japprovaw il-pjanijiet nazzjonali tal-Polonja u tal-Ungerija fl-ambitu tal-RRF sakemm iż-żewġ pajjiżi jkunu kkonformaw bis-sħiħ mar-rakkomandazzjonijiet kollha fil-qasam tal-istat tad-dritt u sakemm ikunu implimentaw is-sentenzi rilevanti kollha tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

I. billi t-tliet kundizzjonijiet għall-iżborż tal-fondi tal-RRF lill-Polonja msemmija mill-President tal-Kummissjoni fit-19 ta' Ottubru 2021 għadhom ma ġewx issodisfati;

J. billi l-awtoritajiet Pollakki ħadu għadd ta' miżuri li huma f'kontradizzjoni diretta mat-tliet kundizzjonijiet stabbiliti mill-President tal-Kummissjoni, inkluż, fost l-oħrajn, il-fatt li fil-25 ta' Frar 2022 l-imħallef Pollakk Anna Głowacka ġiet sospiża talli applikat id-dritt Ewropew u s-sentenzi tal-qrati Ewropej; billi l-President tal-Polonja ħatar aktar minn 200 imħallef ġdid, l-hekk imsejħa neomħallfin, li kienu nnominati b'mod difettuż (fuq talba tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura), inklużi erba' ħatriet fil-Qorti Suprema; Billi fl-10 ta' Marzu 2022, fuq talba tal-Ministru għall-Ġustizzja Zbigniew Ziobro, it-"Tribunal Kostituzzjonali", politiċizzat u kompletament subordinat (bil-parteċipazzjoni tal-hekk imsejħa "imħallfin sostituti"), dgħajjef il-validità tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fil-Polonja billi ddubita l-kapaċità tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-qrati Pollakki li jeżaminaw il-korrettezza tal-ħatra tal-imħallfin u l-indipendenza tan-neo-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura;

K. billi diversi abbozzi ta' atti qed jiġu kkunsidrati miż-żewġt ikmamar tal-Parlament Pollakk, inklużi emendi għall-Att dwar il-Qorti Suprema u atti oħra, kif ukoll emendi għall-Att dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura u atti oħra,

L. billi, skont l-Artikolu 234 tat-TFUE, il-Parlament Ewropew għandu d-dritt li jivvota dwar mozzjoni ta' ċensura tal-Kummissjoni;

1. Jiddeplora l-valutazzjoni pożittiva tal-Kummissjoni fil-konfront tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Polonja minkejja l-ksur eżistenti u kontinwu tal-valuri minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE, inkluż dwar l-istat tad-dritt u l-indipendenza tal-ġudikatura, kif ukoll il-fatt li l-pjan ma huwiex konformi mar-rekwiżiti għal valutazzjoni pożittiva kif stabbilit fir-Regolament dwar l-RRF; ifakkar li l-eżistenza ta' tali ksur ġiet dokumentata sew minn ħafna sentenzi tal-qorti, pożizzjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-UE, inklużi proċeduri li għadhom għaddejjin skont l-Artikolu 7(1) tat-TUE, u organizzazzjonijiet internazzjonali; ifakkar li l-konformità mingħajr kundizzjonijiet mas-sentenzi tal-qrati hija ħtieġa assoluta u ma tistax isservi ta' pedina ta' negozjar; jisħaq li l-fondi tal-UE m'għandhomx jingħataw lill-gvernijiet tal-Istati Membri li jiksru l-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali; ifakkar fid-diversi każijiet ta' ksur min-naħa tal-Polonja fil-qasam tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, speċjalment fir-rigward tal-indipendenza tal-ġudikatura, il-libertà tal-media, l-attakki kontra l-atturi tas-soċjetà ċivili u d-deterjorament ulterjuri tad-drittijiet tal-persuni LGBTIQ+ u d-drittijiet tan-nisa, u l-allegat użu tal-Pegasus spyware;

2. Jiddenunzja l-fatt, għal darb' oħra, li minn meta l-Kummissjoni skattat l-Artikolu 7(1) tat-TUE fir-rigward tal-Polonja f'Diċembru 2017, is-sitwazzjoni fil-pajjiż marret għall-agħar b'mod gravi; jemmen li l-valutazzjoni pożittiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Polonja ddgħajjef il-prinċipju tal-indipendenza ġudizzjarja u għalhekk tammonta għal ksur tal-prinċipju tal-istat tad-dritt mill-Kummissjoni nnifisha;

3. Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kunsill joqgħod lura milli japprova l-pjan nazzjonali tal-Polonja fl-ambitu tal-RRF sakemm tkun ikkonformat bis-sħiħ mar-rekwiżiti tar-Regolament dwar l-RRF, u b'mod partikolari l-Artikolu 22 tiegħu bil-għan li jiġu ssalvagwardjati l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kontra l-kunflitt ta' interess u l-frodi, u mar-rakkomandazzjonijiet kollha fil-qasam tal-istat tad-dritt, u sakemm tkun implimentat is-sentenzi rilevanti kollha tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

4. Jinsisti li l-Kunsill iwettaq analiżi rigoruża u bir-reqqa tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-pjan nazzjonali tal-Polonja fl-ambitu tal-RRF u jistenna, b'mod partikolari, li t-tliet kundizzjonijiet għall-iżborż tal-fondi tal-RRF lill-Polonja, kif imsemmi mill-President tal-Kummissjoni f'Ottubru 2021, jiġu ssodisfati;

5. Jinnota li l-istadji importanti u l-miri relatati mal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, l-istabbiliment ta' sistema ta' kontroll adegwata, l-indipendenza tal-ġudikatura u l-prevenzjoni u d-detezzjoni tal-frodi u l-ġlieda kontra l-frodi, il-kunflitti ta' interess u l-korruzzjoni għandhom jiġu ssodisfati qabel il-preżentazzjoni tal-ewwel talba għal pagament u jfakkar li ebda pagament fl-ambitu tal-RRF ma jista' jsir qabel ma jiġu ssodisfati;

6. Ifakkar li l-Kummissjoni, bħala l-gwardjan tat-Trattati, għandha tuża l-għodod kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tiżgura l-konformità mal-valuri minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE;

7. Jisħaq li l-Mekkaniżmu ta' Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt għandu jiġi applikat kemm għall-baġit tal-Unjoni kif ukoll għal Next Generation EU; jenfasizza, barra minn hekk, li l-approvazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali fl-ambitu tal-RRF għandha tiġi subordinata għat-twettiq tal-11-il kriterju kollha kemm huma stabbiliti fl-Artikolu 19 u fl-Anness V tar-Regolament dwar l-RRF;

8. Ifakkar li wasal iż-żmien li l-Kummissjoni tissodisfa d-dmirijiet tagħha bħala l-gwardjan tat-Trattati u tirreaġixxi minnufih għall-ksur serju li għaddej tal-prinċipji tal-istat tad-dritt f'xi Stati Membri, li jirrappreżenta periklu serju għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni rigward id-distribuzzjoni ġusta, legali u imparzjali tal-fondi tal-UE, b'mod partikolari dawk taħt ġestjoni kondiviża; iwissi li kwalunkwe dewmien ulterjuri jista' jkollu konsegwenzi serji;

9. Ifakkar li f'konformità mar-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt, l-istat tad-dritt irid jinftiehem fid-dawl tal-valuri u l-prinċipji minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE, b'mod partikolari d-drittijiet fundamentali u n-nondiskriminazzjoni; huwa tal-fehma li l-ksur persistenti tad-demokrazija u tad-drittijiet fundamentali, inklużi l-attakki fuq il-libertà tal-media u l-ġurnalisti, il-migranti, id-drittijiet tan-nisa, id-drittijiet tal-persuni LGBTIQA u l-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda, jaffettwa l-proġetti li l-Istati Membri jiddeċiedu li jiffinanzjaw bil-fondi tal-UE u jista' jkollu effett dirett biżżejjed fuq il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni taġixxi u tqis dan fil-kuntest tar-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt;

10. Jisħaq li n-nuqqas ta' azzjoni u l-approċċ laxk lejn strutturi oligarkiċi u l-ksur sistemiku tal-istat tad-dritt jdgħajfu l-Unjoni Ewropea kollha u idgħajfu l-fiduċja taċ-ċittadini tagħha; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żgurat li flus il-kontribwenti qatt ma jispiċċaw fil-bwiet ta' dawk li jdgħajfu l-istat tad-dritt;

11. Jiddispjaċih dwar l-inabbiltà tal-Kunsill li jwettaq progress sinifikanti fl-infurzar tal-valuri tal-Unjoni fil-proċeduri tal-Artikolu 7 li għaddejjin bħalissa b'rispons għat-theddid għall-valuri komuni Ewropej fil-Polonja u fl-Ungerija; jirrakkomanda lill-Kunsill jindirizza rakkomandazzjonijiet konkreti lill-Istati Membri inkwistjoni, kif previst fl-Artikolu 7(1) tat-TUE, bħala segwitu għas-seduti ta' smigħ, u li jindika l-iskadenzi għall-implimentazzjoni ta' dawk ir-rakkomandazzjonijiet;

12. Jistieden lill-Presidenza Franċiża tal-Kunsill tissodisfa l-impenn tagħha għal "Ewropa umana" u tikkontribwixxi b'mod riżolut għat-tisħiħ tal-istat tad-dritt u għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, kif minquxa fil-programm tagħha tal-presidenza tal-UE, fejn l-istat tad-dritt huwa deskritt bħala "prerekwiżit essenzjali għall-funzjonament tajjeb tal-Unjoni"; iħeġġeġ lill-Presidenza Franċiża tappoġġja l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni rapidi u tajbin tar-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt;

13. Ifakkar li l-fedeltà mal-istat tad-dritt u l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-fondi tal-UE għandhom jiġu evalwati kontinwament matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-RRF u li l-ilħuq sodisfaċenti tal-istadji importanti u tal-miri u l-pagamenti relatati jippresupponi li ma kien hemm ebda treġġigħ lura tal-miżuri relatati mal-istadji importanti u l-miri li diġà ntlaħqu b'mod sodisfaċenti; jisħaq li l-Kummissjoni jeħtiġilha toqgħod lura milli tiżborża l-finanzjament fil-każ li tali kondizzjonijiet ma jibqgħux jiġu ssodisfati;

14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri.

 

Aġġornata l-aħħar: 8 ta' Ġunju 2022
Avviż legali - Politika tal-privatezza