Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0322/2022Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0322/2022

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-istat tad-dritt u l-approvazzjoni potenzjali tal-pjan nazzjonali ta' rkupru (RRF) tal-Polonja

7.6.2022 - (2022/2703(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Iratxe García Pérez, Eider Gardiazabal Rubial, Jonás Fernández, Juan Fernando López Aguilar
f'isem il-Grupp S&D

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0317/2022

Proċedura : 2022/2703(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0322/2022
Testi mressqa :
B9-0322/2022
Dibattiti :
Testi adottati :

B9‑0322/2022

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-istat tad-dritt u l-approvazzjoni potenzjali tal-pjan nazzjonali ta' rkupru (RRF) tal-Polonja

(2022/2703(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 7(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

 wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza[1] (ir-Regolament RRF),

 wara li kkunsidra l-proposta motivata tal-Kummissjoni tal-20 ta' Diċembru 2017 skont l-Artikolu 7(1) tat-TUE rigward l-istat tad-dritt fil-Polonja: proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar id-determinazzjoni ta' riskju ċar ta' ksur gravi tal-istat tad-dritt mir-Repubblika tal-Polonja (COM(2017)0835),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Marzu 2018 dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex jiġi attivat l-Artikolu 7(1) tat-TUE minħabba s-sitwazzjoni fil-Polonja[2],

 wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Mejju 2022 għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-Polonja tal-2022 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tal-Polonja tal-2022 (COM(2022)0622),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2020 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar id-determinazzjoni ta' riskju ċar ta' ksur gravi tal-istat tad-dritt mir-Repubblika tal-Polonja[3],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Settembru 2021 dwar il-libertà tal-media u d-deterjorament ulterjuri tal-istat tad-dritt fil-Polonja[4],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Ottubru 2021 dwar il-kriżi tal-istat tad-dritt fil-Polonja u l-preċedenza tad-dritt tal-UE[5],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2020 dwar is-seduti ta' smigħ li għaddejjin bħalissa skont l-Artikolu 7(1) tat-TUE fir-rigward tal-Polonja u l-Ungerija[6],

 wara li kkunsidra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE (QĠUE) u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem,

 wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill tal-1 ta' Ġunju 2022 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Polonja (COM(2022)0268),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Polonja allegatament ma ġietx deċiża b'mod unanimu, peress li kien hemm xi voti kontra u diversi Kummissarji li kitbu li ma jaqblux;

B. billi, matul is-sessjoni plenarja ta' Ottubru 2021, il-President tal-Kummissjoni, Ursula von der Leyen, iddeskriviet tliet kriterji għall-approvazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Polonja: ix-xoljiment tal-awla dixxiplinari tal-qorti suprema; ir-riforma tal-proċedimenti dixxiplinari għall-imħallfin; u r-riintegrazzjoni tal-imħallfin sospiżi mill-awla dixxiplinari;

C. billi l-Parlament talab ripetutament lill-Kummissjoni u lill-Kunsill joqogħdu lura milli japprovaw l-abbozz ta' pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Polonja sakemm il-Gvern tal-Polonja jimplimenta s-sentenzi tal-QĠUE u tal-qrati internazzjonali b'mod sħiħ u xieraq, u jiżguraw li l-valutazzjoni tal-pjan tiggarantixxi l-konformità mar-rakkomandazzjonijiet rilevanti speċifiċi għall-pajjiż, b'mod partikolari dwar is-salvagwardja tal-indipendenza ġudizzjarja;

D. billi r-riformi fil-Polonja fil-qasam tal-ġustizzja għadhom għaddejjin u l-abbozzi ta' liġi reċenti li qed jitressqu għall-votazzjoni u l-proposti li qed jiġu diskussi ma indirizzawx b'mod effettiv it-tħassib kollu rigward l-indipendenza tal-korpi ġudizzjarji u l-proċeduri dixxiplinari inkwistjoni; billi diversi mħallfin għadhom qed jiffaċċjaw proċeduri dixxiplinari u/jew ma reġgħux ġew integrati;

E. billi l-Artikolu 19 tar-Regolament dwar l-RRF jistabbilixxi b'mod ċar il-11-il kriterju biex il-Kummissjoni tivvaluta, b'mod partikolari jekk l-arranġamenti proposti mill-Istat Membru kkonċernat humiex mistennija jipprevjenu, jidentifikaw u jikkoreġu l-korruzzjoni, il-frodi u l-kunflitti ta' interess meta jintużaw il-fondi pprovduti fl-ambitu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF);

F. billi, fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tas-Semestru Ewropew tal-2022[7], il-Kummissjoni ddikjarat li l-indipendenza, l-effiċjenza u l-kwalità tas-sistema ġudizzjarja huma essenzjali u li fil-Polonja, l-istat tad-dritt iddeterjora u l-indipendenza ġudizzjarja għadha ta' tħassib serju, u li dan ġie nnotat ukoll f'diversi deċiżjonijiet tal-QĠUE u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

G. billi, fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tas-Semestru Ewropew tal-2022, il-Kummissjoni rrakkomandat li l-Polonja tieħu azzjoni fl-2022 u fl-2023, fost l-oħrajn, biex ittejjeb il-klima għall-investiment tagħha, b'mod partikolari billi tissalvagwardja l-indipendenza ġudizzjarja u tiżgura konsultazzjonijiet pubbliċi effettivi u l-involviment tas-sħab soċjali fil-proċess tat-tfassil tal-politika;

H. billi, f'konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament dwar l-RRF, ebda pjan adottat wara l-31 ta' Diċembru 2021 mhuwa eliġibbli għall-prefinanzjament;

1. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-valutazzjoni pożittiva tal-Kummissjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Polonja meta jitqies il-ksur eżistenti u kontinwu tal-pajjiż tal-valuri minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE, inkluż tal-istat tad-dritt u l-indipendenza tal-ġudikatura; ifakkar li l-eżistenza ta' tali ksur ġiet dokumentata sew minn ħafna sentenzi tal-qorti, pożizzjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-UE, inklużi proċeduri li għadhom għaddejjin skont l-Artikolu 7(1) tat-TUE, u organizzazzjonijiet internazzjonali;

2. Jinsisti li l-Kunsill iwettaq analiżi rigoruża u bir-reqqa tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-pjan nazzjonali tal-Polonja fl-ambitu tal-RRF u jistenna, b'mod partikolari, li t-tliet kundizzjonijiet għall-iżborż tal-fondi tal-RRF lill-Polonja, kif imsemmi mill-President tal-Kummissjoni f'Ottubru 2021, jiġu ssodisfati;

3. Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kunsill joqgħod lura milli japprova l-pjan nazzjonali tal-Polonja fl-ambitu tal-RRF sakemm ikun ikkonforma bis-sħiħ mar-rekwiżiti tar-Regolament dwar l-RRF, b'mod partikolari dawk stabbiliti fl-Artikolu 22 tiegħu, b'mod partikolari biex jiġi ssalvagwardjat l-interess finanzjarju tal-Unjoni kontra l-kunflitti ta' interess u l-frodi, u sakemm ikun implimenta r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż kollha tas-Semestru Ewropew fil-qasam tal-istat tad-dritt u s-sentenzi rilevanti kollha tal-QĠUE u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

4. Jinnota li l-istadji importanti u l-miri relatati mal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, l-istabbiliment ta' sistema ta' kontroll adegwata, l-indipendenza tal-ġudikatura u l-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-ġlieda kontra l-frodi, il-kunflitti ta' interess u l-korruzzjoni għandhom jintlaħqu qabel il-preżentazzjoni tal-ewwel talba għal pagament u jfakkar li ebda pagament fl-ambitu tal-RRF ma jista' jsir qabel ma jintlaħqu;

5. Jenfasizza li l-konformità mal-istat tad-dritt u mal-Artikolu 2 tat-TUE huma prerekwiżiti biex jinkiseb aċċess għall-fond, li l-mekkaniżmu ta' kondizzjonalità tal-istat tad-dritt huwa applikabbli bis-sħiħ għall-RRF u li m'għandha tiġi ffinanzjata ebda miżura fl-ambitu tal-RRF li tmur kontra l-valuri tal-UE minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni timmonitorja b'reqqa kbira r-riskji għall-interessi finanzjarji tal-UE fl-implimentazzjoni tal-RRF u kwalunkwe ksur jew ksur potenzjali tal-prinċipji tal-istat tad-dritt, u tieħu azzjoni immedjata jekk tkun tista' ssir il-ħsara lill-interessi finanzjarji tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, f'konformità mar-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt[8], tkun partikolarment stretta mal-Istati Membri biex tiżgura li jikkonformaw mal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, kif minqux fl-Artikolu 22 ta' dak ir-Regolament;

6. Ifakkar, barra minn hekk, li l-adeżjoni għall-istat tad-dritt u l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-fondi tal-UE għandhom jiġu evalwati kontinwament matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-RRF u li l-ilħuq sodisfaċenti tal-istadji importanti u tal-objettivi u l-pagamenti relatati jippresupponi li ma kien hemm ebda treġġigħ lura tal-miżuri relatati mal-istadji importanti u l-objettivi li diġà ntlaħqu b'mod sodisfaċenti; jisħaq li l-Kummissjoni jeħtiġilha toqgħod lura milli tiżborża l-fondi u, meta jkun applikabbli, tirkupra l-fondi, fil-każ li tali kondizzjonijiet ma jibqgħux jiġu ssodisfati;

7. Ifakkar li l-Kummissjoni, bħala l-gwardjan tat-Trattati, għandha tuża l-għodod kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tiżgura l-konformità mal-valuri minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE;

8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

Aġġornata l-aħħar: 8 ta' Ġunju 2022
Avviż legali - Politika tal-privatezza