MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-istatus ta' kandidat tal-Ukrajna, tar-Repubblika tal-Moldova u tal-Georgia
20.6.2022 - (2022/2716(RSP))
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Viola Von Cramon‑Taubadel, Reinhard Bütikofer, Thomas Waitz, Bronis Ropė, Ernest Urtasun, Hannah Neumann, Anna Cavazzini, Francisco Guerreiro, Michael Bloss, Terry Reintke, Markéta Gregorová, Jakop G. Dalunde, Alice Kuhnke, Pär Holmgren, Sergey Lagodinsky, Katrin Langensiepen, Heidi Hautala
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0331/2022
B9‑0332/2022
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-istatus ta' kandidat tal-Ukrajna, tar-Repubblika tal-Moldova u tal-Georgia
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti dwar l-Ukrajna, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Georgia,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tad-9 ta' Ġunju 2022 tal-Mexxejja tal-Gruppi Politiċi indirizzata lill-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern tal-laqgħa tal-UE tat-23 u l-24 ta' Ġunju 2022,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-kriterji ta' Copenhagen,
– wara li kkunsidra l-applikazzjonijiet tal-Ukrajna, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Georgia għas-sħubija mal-UE,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Versailles tal-10 u l-11 ta' Marzu 2022,
– wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kummissjoni tas-17 ta' Ġunju 2022 dwar l-applikazzjonijiet tal-Ukrajna, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Georgia għas-sħubija mal-UE,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Federazzjoni Russa bdiet gwerra ta' aggressjoni mhux ipprovokata, mhux ġustifikata u illegali kontra l-Ukrajna fl-24 ta' Frar 2022; billi l-Ukrajna applikat għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea fit-28 ta' Frar 2022, u r-Repubblika tal-Moldova u l-Georgia għamlu dan fit-3 ta' Marzu 2022;
B. billi fis-17 ta' Ġunju 2022, il-Kummissjoni ppubblikat l-opinjonijiet tagħha dwar l-applikazzjonijiet għas-sħubija tal-Ukrajna, tar-Repubblika tal-Moldova u tal-Georgia, u rrakkomandat lill-Kunsill li t-tliet pajjiżi għandhom kollha jingħataw il-perspettiva li jsiru Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, u li l-istatus ta' kandidat għandu jingħata lill-Ukrajna u lir-Repubblika tal-Moldova; billi l-Kummissjoni rrakkomandat li jingħata status ta' kandidat lill-Georgia wara li l-pajjiż ikun issodisfa ċerti kriterji; billi l-Kunsill Ewropew qed jippjana li jiddiskuti din il-kwistjoni fil-laqgħa tiegħu tat-23 u l-24 ta' Ġunju 2022;
C. billi l-UE ffirmat Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni u Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi mal-Ukrajna, mar-Repubblika tal-Moldova u mal-Georgia fl-2014; billi dawn il-ftehimiet għadhom ma ġewx implimentati bis-sħiħ;
D. billi l-UE jeħtiġilha tkun sieħeb affidabbli u attur ġeopolitiku kredibbli li jirrispetta l-prinċipji u l-valuri tiegħu billi juri solidarjetà ma' dawk li jiddefendu l-istess ideali; billi l-Ukrajna qed tiddefendi l-ordni ta' sigurtà Ewropew u l-prinċipji li fuqhom inbena, bħall-Att Finali ta' Helsinki u l-Karta ta' Pariġi għal Ewropa Ġdida; billi t-tkabbir għandu jitqies bħala investiment f'Ewropa b'saħħitha, stabbli u magħquda, kif ukoll proċess trasformattiv għall-pajjiżi li jsegwu t-triq tal-UE;
E. billi l-iżviluppi tal-passat urew li n-nuqqas ta' tkabbir għandu prezz strateġiku enormi u jista' jdgħajjef is-sigurtà u l-istabbiltà fil-kontinent tagħna; billi l-applikazzjonijiet għas-sħubija tal-Ukrajna, tar-Repubblika tal-Moldova u tal-Georgia jesprimu x-xewqa tal-popli tagħhom li jgħixu f'pajjiżi ħielsa u demokratiċi, ankrati fis-sod fil-familja Ewropea;
1. Jistieden lill-Istati Membri jagħtu l-istatus ta' kandidat tal-UE lill-Ukrajna u lir-Repubblika tal-Moldova, f'konformità mal-Artikolu 49 tat-TUE u bħala l-bidu ta' proċess ibbażat fuq il-mertu, u jaħdmu favur l-għoti tal-istess status lill-Georgia; jilqa', f'dan ir-rigward, ir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fl-opinjonijiet tal-Kummissjoni tas-17 ta' Ġunju 2022;
2. Jirrikonoxxi l-aspirazzjonijiet Ewropej tal-popli tal-Ukrajna, tar-Repubblika tal-Moldova u tal-Georgia, kif ukoll tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent; itenni li l-impenn fit-tul tal-UE lejn il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent irid jinżamm;
3. Jistieden lill-Istati Membri jkebbsu r-rieda politika biex jagħtu spinta ġdida lill-proċess ta' tkabbir u jwettqu l-wegħdiet tagħhom permezz ta' passi pożittivi konkreti fil-proċessi ta' adeżjoni ta' pajjiżi li jfittxu li jissieħbu fl-Unjoni u li jistħoqqilhom li jkunu parti mill-familja Ewropea; iħeġġeġ, għalhekk, lill-kapijiet ta' stat u ta' gvern tal-UE li se jiltaqgħu fit-23 u l-24 ta' Ġunju 2022 biex japprovaw il-proċess ta' tkabbir, li bħalissa jinsab imblukkat, għall-Balkani tal-Punent;
4. Jissottolinja l-importanza li kull pajjiż jiġi ġġudikat fuq il-merti tiegħu stess, u jenfasizza li l-progress ta' kull pajjiż fit-triq lejn l-adeżjoni għandu jkun b'rata li tkun tiddependi fuq il-progress tiegħu fl-adozzjoni ta' riformi u fl-implimentazzjoni tal-acquis tal-UE, b'enfasi partikolari fuq il-kundizzjonalità tal-istat tad-dritt; ifakkar fil-ħtieġa li jiġu ssodisfati l-kriterji ta' Copenhagen u li l-istituzzjonijiet tal-UE jeħtiġilhom isegwu strettament il-prinċipju tal-kundizzjonalità fil-proċess tat-tkabbir;
5. Jistieden lill-pajjiżi li jixtiequ jaderixxu mal-UE jimplimentaw ir-riformi meħtieġa, b'mod partikolari fl-istat tad-dritt, id-demokrazija, il-libertajiet fundamentali, id-drittijiet tal-bniedem u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Ukrajna, tar-Repubblika tal-Moldova u tal-Georgia, għalhekk, biex juru d-determinazzjoni politika tagħhom billi jżidu l-progress tagħhom permezz ta' riformi sostanzjali li effettivament jissodisfaw il-kriterji għas-sħubija fl-UE;
6. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħejju l-istrutturi interni tagħhom u jipprovdu riżorsi addizzjonali, kif ukoll aktar assistenza teknika u appoġġ politiku, sabiex jinvolvu ruħhom b'mod sinifikanti mal-Ukrajna, mar-Repubblika tal-Moldova u mal-Georgia fi triqithom lejn l-adeżjoni mal-UE u jippromwovu l-integrazzjoni tagħhom;
7. Jafferma mill-ġdid l-impenn tal-UE għas-sovranità, l-integrità territorjali u l-indipendenza tal-Ukrajna, tar-Repubblika tal-Moldova u tal-Georgia fi ħdan il-fruntieri tagħhom rikonoxxuti internazzjonalment, u, anke bil-ħsieb tal-adeżjoni eventwali tagħhom mal-UE; jistieden lill-Istati Membri u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) jaċċelleraw l-isforzi biex jappoġġaw lil dawn il-pajjiżi biex itemmu l-okkupazzjoni barranija u jsolvu kwalunkwe tilwim territorjali li fadal;
8. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-VP/RGħ jikkalibraw mill-ġdid is-Sħubija tal-Lvant sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni, biex tkun tista' topera b'mod parallel mal-proċessi ta' adeżjoni u tkompli tkun sinifikanti; itenni l-ħtieġa ta' kooperazzjoni reġjonali u integrazzjoni akbar fost il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant;
9. Jenfasizza li ma jista' jkun hemm l-ebda alternattiva għall-proċess ta' adeżjoni, peress li din tkun fir-riskju li timmina l-impenn tal-UE għat-tkabbir u ddgħajjef l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-pajjiżi li jfittxu li jsiru Stati Membri tal-Unjoni;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-presidenti, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Ukrajna, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Georgia.