MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-istatus ta' kandidat tal-Ukrajna, tar-Repubblika tal-Moldova u tal-Georgia
20.6.2022 - (2022/2716(RSP))
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Raffaele Fitto, Ryszard Antoni Legutko, Anna Fotyga, Beata Kempa, Bogdan Rzońca, Elżbieta Rafalska, Jadwiga Wiśniewska, Ryszard Czarnecki, Patryk Jaki, Alexandr Vondra, Anna Zalewska, Beata Mazurek, Beata Szydło, Dominik Tarczyński, Elżbieta Kruk, Eugen Jurzyca, Grzegorz Tobiszowski, Joanna Kopcińska, Kosma Złotowski, Raffaele Stancanelli, Roberts Zīle, Tomasz Piotr Poręba, Valdemar Tomaševski, Veronika Vrecionová, Witold Jan Waszczykowski, Zbigniew Kuźmiuk, Zdzisław Krasnodębski
f'isem il-Grupp ECR
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0331/2022
B9‑0336/2022
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-istatus ta' kandidat tal-Ukrajna, tar-Repubblika tal-Moldova u tal-Georgia
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukrajna, il-Georgia u r-Repubblika tal-Moldova,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-mexxejja tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2022,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),
– wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa l-waħda, u l-Georgia, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra,
– wara li kkunsidra l-applikazzjonijiet mill-Ukrajna, mir-Repubblika tal-Moldova u mill-Georgia għas-sħubija fl-UE,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Ukrajna ppreżentat l-applikazzjoni uffiċjali tagħha għas-sħubija fl-UE fit-28 ta' Frar 2022, segwita mill-Georgia u mir-Repubblika tal-Moldova fit-3 ta' Marzu 2022;
B. billi skont l-Artikolu 49 tat-TUE, kwalunkwe Stat Ewropew li jirrispetta l-valuri msemmija fl-Artikolu 2 tat-TUE u li jimpenja ruħu sabiex jippromwovihom jista' japplika sabiex isir membru tal-Unjoni;
C. billi l-applikazzjonijiet ġew fl-isfond tal-aggressjoni militari Russa kontra l-Ukrajna, li hija bla preċedent fl-istorja moderna Ewropea u li biha twettqu delitti tal-gwerra li jammontaw għal ġenoċidju kontra l-popolazzjoni Ukrena, kif ukoll tal-okkupazzjoni kontinwa ta' partijiet mit-territorji tal-Georgia u tar-Repubblika tal-Moldova;
D. billi ċ-ċittadini tal-Ukrajna, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Georgia wrew id-determinazzjoni tagħhom li jingħaqdu mal-UE u jistħoqqilhom l-istess protezzjoni u prosperità bħall-popli l-oħra tal-Ewropa; billi aspirazzjonijiet simili li dak li jkun jgħix f'pajjiż ħieles, sovran u demokratiku huma espressi mill-maġġoranza tal-poplu tal-Belarussja li topponi r-reġim ta' Lukashenko appoġġat mir-Russja;
1. Jilqa' pożittivament l-applikazzjonijiet tal-Ukrajna, il-Georgia u r-Repubblika tal-Moldova u jirrikonoxxi tali deċiżjonijiet bħala kontinwazzjoni tal-proċess ta' suċċess tal-integrazzjoni Ewropea u r-rispett tad-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet ta' assoċjazzjoni; itenni t-talba tiegħu biex il-Kunsill jagħti minnufih l-istatus ta' kandidat tal-UE lill-Ukrajna, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Georgia bħala rikonoxximent politiku ċar tal-impenn tagħhom, f'konformità mal-Artikolu 49 tat-TUE; jissottolinja, barra minn hekk, li l-Ukrajna, il-Georgia u r-Repubblika tal-Moldova minn dejjem kienu jiffurmaw parti mill-familja Ewropea u li jingħataw l-istatus ta' kandidat jikkostitwixxi pass importanti ieħor fil-bini ta' Ewropa sħiħa, magħquda u ħielsa;
2. Jissottolinja li, fid-dawl tal-aggressjoni militari bla preċedent min-naħa tar-Russja u l-interessi li għandha l-Federazzjoni Russa fit-tliet pajjiżi kollha, l-għoti ta' status ta' kandidat juri l-appoġġ sod tal-Unjoni Ewropea għall-aspirazzjonijiet tal-poplu tal-Ukrajna, tar-Repubblika tal-Moldova u tal-Georgia u, fuq perjodu ta' żmien medju u twil, jipprovdi stimolu addizzjonali għat-tkomplija tar-riformi demokratiċi;
3. Itenni l-appoġġ b'saħħtu u sod tiegħu għall-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna, tal-Georgia u tar-Repubblika tal-Moldova fi ħdan il-fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment tagħhom;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Georgia, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukrajna.