Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0338/2022Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0338/2022

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni tad-9 ta' Marzu 2022 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2021/2139 fir-rigward tal-attivitajiet ekonomiċi f'ċerti setturi tal-enerġija u r-Regolament Delegat (UE) 2021/2178 fir-rigward ta' divulgazzjonijiet pubbliċi speċifiċi għal dawn l-attivitajiet ekonomiċi

27.6.2022 - (C C(2022)00631 – 2022/2594(DEA))

imressqa skont l-Artikolu 111(3) tar-Regoli ta' Proċedura

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
Membri responsabbli: Othmar Karas, Christophe Hansen, Alexander Bernhuber, Sirpa Pietikäinen, Paul Tang, Simona Bonafè, Martin Hojsík, Linea Søgaard‑Lidell, Emma Wiesner, Monica Semedo, Claudia Gamon, Róża Thun und Hohenstein, Bas Eickhout and Michael Bloss (f'isem il-Grupp Verts/ALE), Silvia Modig u Dimitrios Papadimoulis (f'isem il-Grupp The LEFT), Evelyn Regner, Rasmus Andresen, Jutta Paulus, Marie Toussaint, Roman Haider, Mick Wallace, Nikolaj Villumsen, Anja Hazekamp, Cornelia Ernst, Malin Björk, José Gusmão, Marisa Matias, Idoia Villanueva Ruiz, Martin Schirdewan, Chris MacManus, Manon Aubry, Manuel Bompard, Petros Kokkalis
(Proċedura ta' kumitat konġunt - Artikolu 58 tar-Regoli ta' Proċedura)

Proċedura : 2022/2594(DEA)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0338/2022
Testi mressqa :
B9-0338/2022
Dibattiti :
Testi adottati :

B9‑0338/2022

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il- Regolament Delegat tal-Kummissjoni tad-9 ta' Marzu 2022 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2021/2139 fir-rigward tal-attivitajiet ekonomiċi f'ċerti setturi tal-enerġija u r-Regolament Delegat (UE) 2021/2178 fir-rigward ta' divulgazzjonijiet pubbliċi speċifiċi għal dawn l-attivitajiet ekonomiċi (C(2022)00631 – 2022/2594(DEA))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni tad-9 ta' Marzu 2022 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2021/2139 fir-rigward tal-attivitajiet ekonomiċi f'ċerti setturi tal-enerġija u r-Regolament Delegat (UE) 2021/2178 fir-rigward ta' divulgazzjonijiet pubbliċi speċifiċi għal dawn l-attivitajiet ekonomiċi (C(2022)00631),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Protokoll ta' Kjoto anness magħha,

 wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi[1], adottat fit-12 ta' Diċembru 2015 fil-21 Konferenza tal-Partijiet tal-UNFCCC (COP21), b'mod partikolari l-punt (c) tal-Artikolu 2(1) tiegħu,

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta' qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088[2], b'mod partikolari l-Artikoli 8(4), 10(3), 11(3) u 23(6) tiegħu,

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 ("il-Liġi Ewropea dwar il-Klima")[3],

 wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2022/591 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' April 2022 dwar Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2030[4],

 wara li kkunsidra t-tweġiba tal-Pjattaforma dwar il-Finanzi Sostenibbli tal-21 ta' Jannar 2022[5] għar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni skont l-Artikoli 10(4) u 11(4) tar-Regolament (UE) 2020/852,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-Pjattaforma dwar il-Finanzi Sostenibbli tat-3 ta' Frar 2022,

 wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Pjattaforma dwar il-Finanzi Sostenibbli ta' Marzu 2022 dwar l-għażliet ta' estensjoni tat-tassonomija li jappoġġjaw tranżizzjoni sostenibbli[6],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 111(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel skont l-Artikolu 58 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

A. billi r-Regolament (UE) 2020/852 jistabbilixxi l-kriterji għad-determinazzjoni ta' jekk attività ekonomika tikkwalifikax bħala attività ambjentalment sostenibbli għall-finijiet li jiġi stabbilit sa liema punt investiment ikun ambjentalment sostenibbli;

B. billi l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/852 jistabbilixxi erba' kundizzjonijiet kumulattivi biex attività ekonomika tikkwalifika bħala ambjentalment sostenibbli, jiġifieri li l-attività ekonomika tikkontribwixxi sostanzjalment għal objettiv ambjentali wieħed jew aktar stabbiliti fl-Artikolu 9 skont l-Artikoli 10 sa 16, ma jagħmilx ħsara b’mod sinifikanti lil kwalunkwe mill-objettivi ambjentali stipulati fl-Artikolu 9 skont l-Artikolu 17, jitwettaq f’konformità mas-salvagwardji minimi stipulati fl-Artikolu 18, u jikkonforma mal-kriterji tekniċi ta' skrinjar li ġew stabbiliti mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 10(3), 11(3), 13(2), 14(2) jew 15(2);

C. billi l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2020/852 jiddistingwi bejn attivitajiet ekonomiċi li jikkwalifikaw bħala li jikkontribwixxu sostanzjalment għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima b'diversi mezzi kif stipulat fil-paragrafu 1, u attivitajiet ekonomiċi, stipulati fil-paragrafu 2, li għalihom ma hemm l-ebda alternattiva teknoloġikament u ekonomikament fattibbli b'livell baxx ta' karbonju, u li jikkwalifikaw bħala li jikkontribwixxu b'mod sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima fejn huma jappoġġaw it-tranżizzjoni għal ekonomija newtrali fil-klima konsistenti ma' triq li tillimita ż-żieda fit-temperatura għal 1,5 °C 'il fuq mil-livelli preindustrijali, u fejn dawk l-attivitajiet ikollhom livelli ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra li jikkorrispondu għall-aħjar prestazzjoni fis-settur jew l-industrija, ma jfixklux l-iżvilupp u l-użu ta' alternattivi b'livell baxx ta' karbonju, u ma jwasslux għal intrappolament tal-assi b'livell għoli ta' karbonju, meta titqies il-ħajja ekonomika ta' dawk l-assi;

D. billi l-punt (i) tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament (UE) 2020/852 jirrikjedi li l-kriterji tekniċi tal-iskrinjar jqisu l-impatt potenzjali tat-tranżizzjoni tas-suq għal ekonomija aktar sostenibbli, inkluż ir-riskju li ċerti assi ma jiġux irkuprati, bħala riżultat ta' tali tranżizzjoni, kif ukoll ir-riskju li jinħolqu inċentivi inkonsistenti għall-investiment b'mod sostenibbli;

E. billi l-Artikoli 23(4) u 23(5) tar-Regolament (UE) 2020/852 jirrikjedu li l-Kummissjoni tiġbor l-għarfien espert kollu meħtieġ qabel l-adozzjoni u matul l-iżvilupp tal-atti delegati li jistabbilixxu l-kriterji tekniċi tal-iskrinjar, li jaġixxi skont il-prinċipji u l-proċeduri stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet[7], u li jinnotifika b'mod simultanju kwalunkwe att delegat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill hekk kif jadotta dak l-att delegat;

F. billi, skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjonijiet tal-impatt tal-atti delegati tagħha li huma mistennija li jkollhom impatti ekonomiċi, ambjentali jew soċjali sinifikanti, u r-riżultati finali tal-valutazzjonijiet tal-impatt għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Parlamenti nazzjonali, u jsiru pubbliċi fiż-żmien tal-adozzjoni tal-att delegat;

G. billi l-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar adottati fit-3 ta' Novembru 2021 jipprovdu li l-partijiet interessati jridu jkunu jistgħu jagħtu feedback dwar abbozzi ta' atti delegati ta' applikazzjoni ġenerali permezz tat-tnedija ta' konsultazzjoni pubblika ta' erba' ġimgħat;

H. billi abbozz tar-regolament delegat tal-Kummissjoni ġie trażmess lill-Istati Membri matul il-lejl tal-31 ta' Diċembru 2021, mingħajr ma ġie kkonsultat il-Parlament Ewropew;

I. billi l-Parlament Ewropew, bħala koleġiżlatur, għandu pożizzjoni ugwali fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fir-rigward tar-Regolament (UE) 2020/852, iżda, għall-kuntrarju tal-Kunsill, ma rċeviex opportunità xierqa biex jipprovdi l-fehmiet u l-kummenti tiegħu qabel l-adozzjoni tar-regolament delegat tal-Kummissjoni;

J. billi fl-ittra tat-18 ta' Jannar 2022 mill-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-President tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel lill-Kummissjoni, maġġoranza tal-koordinaturi ta' dawk il-kumitati talbu li l- Kummissjoni tiftaħ l-abbozz ta' regolament delegat tal-Kummissjoni għal konsultazzjoni pubblika u esprimew tħassib fir-rigward tan-nuqqas ta' valutazzjoni tal-impatt xierqa ta' dak ir-regolament delegat;

K. billi, minkejja t-talba tal-Parlament, ir-regolament delegat tal-Kummissjoni ma kienx is-suġġett ta' konsultazzjoni pubblika dedikata jew ta' valutazzjoni tal-impatt dedikata, b'kuntrast mal-proċess li wassal għall-adozzjoni tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2139[8];

L. billi l-Grupp ta' Esperti Tekniċi dwar il-finanzi sostenibbli, li ġie stabbilit mill-Kummissjoni biex jipprovdi pariri lill-Kummissjoni dwar il-kriterji stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2021/2139, fir-rapport tekniku tiegħu dwar it-tassonomija ppubblikat fid-9 ta' Marzu 2020[9], kien diġà ħa pożizzjoni fuq il-bażi xjentifika għall-inklużjoni ta' attivitajiet fit-tassonomija ta' attivitajiet ambjentalment sostenibbli, kif meħtieġ skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2020/852;

M. billi l-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) 2020/852 jistabbilixxi l-Pjattaforma dwar il-Finanzi Sostenibbli, bil-għan li jipprovdi kompetenza u pariri lill-Kummissjoni meta jistabbilixxi u jaġġorna l-kriterji tekniċi tal-iskrinjar;

N. billi l-Pjattaforma dwar il-Finanzi Sostenibbli kkonkludiet fit-tweġiba tagħha tal-21 ta' Jannar 2022 li l-kriterji proposti mhumiex konsistenti mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2020/852, u li l-attivitajiet rilevanti ma jistgħux jitqiesu sostenibbli skont it-tifsira ta' dak ir-Regolament;

O. billi l-Pjattaforma dwar il-Finanzi Sostenibbli tenfasizza l-użabbiltà u t-tħassib legali għall-investituri potenzjali kif ukoll it-tħassib dwar it-telf tas-suq finanzjarju;

P. billi l-President tal-Pjattaforma dwar il-Finanzi Sostenibbli ddikjara fit-3 ta' Frar 2022 li l-abbozz ta' regolament delegat tal-Kummissjoni jikkostitwixxi tbegħid evidenti minn approċċ ibbażat fuq ix-xjenza, li jirriskja li jdgħajjef l-integrità tal-finanzi sostenibbli;

Q. billi l-għan tar-Regolament (UE) 2020/852 huwa li jiżdiedu t-trasparenza, il-kredibbiltà u l-konsistenza fil-klassifikazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi u jillimita r-riskju ta' greenwashing u l-frammentazzjoni fis-swieq rilevanti;

R. billi r-regolament delegat tal-Kummissjoni minflok iżid il-kumplessità tat-teħid tad-deċiżjonijiet għall-investituri istituzzjonali u dawk fil-livell tal-konsumatur u joħloq piżijiet amministrattivi addizzjonali għall-istituzzjonijiet finanzjarji;

S. billi r-regolament delegat tal-Kummissjoni għalhekk jirriskja li jagħmel ħsara lill-għan tar-Regolament (UE) 2020/852 billi joħloq frammentazzjoni u konfużjoni fis-swieq tal-Unjoni u jimmina l-kredibbiltà tat-tassonomija bħala gwida għall-investimenti;

T. billi l-Bank Ewropew tal-Investiment esprima tħassib li r-regolament delegat tal-Kummissjoni jista' jiġi "skreditat" u jista' jwassal għal telf ta' fiduċja tal-investituri;

U. billi t-tassonomija prevista fir-Regolament (UE) 2020/852 tenħtieġ tevita kwalunkwe inċentiv li jmur kontra l-kompitu urġenti tal-Unjoni li żżid is-sigurtà tal-enerġija u s-sovranità tal-enerġija;

V. billi ċerti attivitajiet ekonomiċi li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2020/852 u għalhekk ma jistgħux jiġu inklużi fit-tassonomija jistgħu madankollu jkollhom rwol biex jiggarantixxu provvista stabbli tal-enerġija matul it-tranżizzjoni għal ekonomija sostenibbli;

1. Joġġezzjona għar-Regolament delegat tal-Kummissjoni;

2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kumissjoni u jinnotifikaha li r-regolament delegat ma jistax jidħol fis-seħħ;

3. Iqis li l-kriterji tekniċi ta' skrinjar proposti fir-regolament delegat tal-Kummissjoni ma jirrispettawx l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/852;

4.  Iqis li kwalunkwe att delegat ġdid jew emendat adottat skont ir-Regolament (UE) 2020/852 jista' jkollu impatti ekonomiċi, ambjentali u soċjali sinifikanti, u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li tali atti delegati jkunu sistematikament suġġetti għal konsultazzjoni pubblika u għal valutazzjoni tal-impatt skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet;

5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

 

 

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Lulju 2022
Avviż legali - Politika tal-privatezza