Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0389/2022Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0389/2022

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fl-Istrett tat-Tajwan

12.9.2022 - (2022/2822(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Reinhard Bütikofer, Francisco Guerreiro, Hannah Neumann, Alviina Alametsä, Jordi Solé, Rosa D’Amato, Henrike Hahn
f'isem il-Grupp Verts/ALE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0389/2022

Proċedura : 2022/2822(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0389/2022
Testi mressqa :
B9-0389/2022
Dibattiti :
Testi adottati :

B9‑0389/2022

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Istrett tat-Tajwan

(2022/2822(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-21 ta' Ottubru 2021 lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà rigward ir-relazzjonijiet u l-kooperazzjoni UE-Tajwan[1],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2022 dwar l-UE u l-isfidi ta' sigurtà fl-Indo-Paċifiku[2],

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-16 ta' Settembru 2021 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-kooperazzjoni fl-Indo-Paċifiku (JOIN(2021)0024),

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta' Marzu 2022 bit-titolu "Boxxla Strateġika għas-Sigurtà u d-Difiża – Għal Unjoni Ewropea li tipproteġi liċ-ċittadini, il-valuri u l-interessi tagħha u tikkontribwixxi għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali" u l-Kunċett Strateġiku tan-NATO tal-2022,

 wara li kkunsidra d-diskors li għamel il-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà Josep Borrell fid-29 Forum Reġjonali tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN) fil-5 ta' Awwissu 2022,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-G7 tat-3 ta' Awwissu 2022 dwar il-preservazzjoni tal-paċi u l-istabbiltà fl-Istrett tat-Tajwan,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-UE tibqa' impenjata bis-sħiħ għall-politika tagħha ta' Ċina waħda;

B. billi b'reazzjoni għaż-żjara tal-Ispeaker tal-Kamra tal-Istati Uniti Nancy Pelosi fit-Tajwan fit-2 u fit-3 ta' Awwissu 2022, ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (RPĊ) eskalat serjament l-intimidazzjoni militari tagħha li ilha għaddejja kontra t-Tajwan, u żiditha fuq skala mingħajr preċedent, inkluż l-isparar ta' missili ballistiċi fuq it-Tajwan u l-belt ta' Taipei, u l-inkursjonijiet kważi ta' kuljum bl-inġenji tal-ajru tal-ġlied fil-linja medjana tal-Istrett tat-Tajwan; billi ħames missili ballistiċi sparati mir-RPĊ waqgħu ukoll fiż-żona ekonomika esklużiva tal-Ġappun għall-ewwel darba; billi l-eżerċizzji militari fuq skala sħiħa kienu akkumpanjati minn attakki ċibernetiċi intensi fuq il-gvern Tajwaniż;

C. billi fil-jiem ta' wara ż-żjara tas-Sa Pelosi, ir-RPĊ ġabret forzi militari f'sitt żoni madwar il-gżira, u b'hekk dawret it-Tajwan bħal qatt qabel, u simulat il-passi li tista' tieħu biex tissiġilla l-gżira b'imblokk ibbażat fuq kontroll effettiv tal-ilmijiet tal-madwar; billi f'att ieħor ta' koerċizzjoni ekonomika, ir-RPĊ irrikorriet ukoll għal projbizzjonijiet fuq l-importazzjonijiet ta' oġġetti mit-Tajwan;

D. billi l-linja medjana, stabbilita fi ftehim taċitu ta' għexieren ta' snin bejn iż-żewġ naħat tal-Istrett tat-Tajwan, kienet imfassla biex jitnaqqas ir-riskju ta' kunflitt bejn iż-żewġ naħat billi l-inġenji tal-ajru militari miż-żewġ naħat tal-istrett jinżammu f'distanza sikura sabiex jiġu evitati kalkoli żbaljati li jistgħu jwasslu għal kunflitt potenzjali bejn iż-żewġ naħat tal-Istrett;

E. billi l-inġenji tal-ajru militari Ċiniżi kisru l-linja medjana erba' darbiet biss bejn l-1954 u l-2020; billi l-inkursjonijiet ta' llum ta' rutina jirriflettu l-intenzjoni ta' Beijing li tistabbilixxi mill-ġdid il-punti ta' riferiment għal attività militari aggressiva fl-Istrett, u b'hekk tiddefinixxi mill-ġdid l-istatus quo;

F. billi f'Ottubru 2021, Xi Jinping enfasizza l-ambizzjoni aggressiva tiegħu li jikseb "riunifikazzjoni tal-art tat-twelid" kontra r-rieda tal-poplu tat-Tajwan; billi l-propaganda preċedenti tar-RPĊ ta' unifikazzjoni paċifika taħt il-paradigma ta' "pajjiż wieħed, żewġ sistemi" tilfet kull kredibbiltà; billi d-diplomatiċi Ċiniżi saħansitra heddew l-hekk imsejħa "edukazzjoni mill-ġdid" tat-Tajwaniżi wara r-riunifikazzjoni; billi fl-ewwel White Paper dwar it-Tajwan minn mindu Xi Jinping tela' fil-poter, maħruġa f'Awwissu 2022, tħassret il-wegħda li kienet ġiet iddikjarata f'pożizzjonijiet preċedenti, li l-Armata għal-Liberazzjoni tal-Poplu u l-persunal amministrattiv ma jkunux preżenti fit-Tajwan wara r-riunifikazzjoni;

G. billi t-Tajwan ilu għal żmien twil soġġett għall-belliġerenza militari u l-attivitajiet fiż-żona l-griża min-naħa tar-RPĊ, kif ukoll forom oħra ta' provokazzjoni, bħall-ispjunaġġ, l-attakki ċibernetiċi iew it-teħid tat-talenti, li gradwalment qed jiżdiedu għal livelli mingħajr preċedent matul il-perjodu tal-kariga ta' Xi Jinping, diġà ferm qabel iż-żjara tas-Sa Pelosi; billi r-RPĊ qed taġixxi b'mod aggressiv f'żoni vasti tal-Indo-Paċifiku, li wassal għal tilwim mal-ġirien, bħall-Ġappun, l-Indja, il-Filippini u l-Awstralja, u li eżerċitat gradi differenti ta' koerċizzjoni militari jew ekonomika;

H. billi f'dawn l-aħħar xhur it-Tajwan ra għadd kbir ta' żjarat minn leġiżlaturi, inklużi dawk mill-Istati Membri tal-UE u Viċi President wieħed tal-Parlament; billi f'dan id-dawl, il-vjaġġ tas-Sa Pelosi mhuwiex devjazzjoni inaċċettabbli mill-protokolli stabbiliti, u li billi din iż-żjara tiġi definita bħala l-provokazzjoni aħħarija, Beijing qed tipprova tiġġustifika żieda ulterjuri fil-pressjoni militari tagħha fuq it-Tajwan bl-għan li tbiddel l-istatus quo u taqleb il-protokolli stabbiliti;

I. billi l-UE u t-Tajwan huma tal-istess fehma u jikkondividu valuri tal-libertà, demokrazija, drittijiet tal-bniedem u stat tad-dritt komuni, u b'hekk dawn jagħmlu lit-Tajwan sieħeb strateġikament importanti għall-UE fir-reġjun Indo-Paċifiku;

J. billi t-Tajwan għandu rwol fundamentali fil-ktajjen tal-provvista globali għal teknoloġiji ewlenin avvanzati, bħall-mikroċipep; billi l-Parlament f'diversi okkażjonijiet talab lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) biex iniedu malajr eżerċizzju preliminari għal ftehim bilaterali ta' investiment mat-Tajwan;

1. Itenni bil-qawwa l-impenn tal-UE għall-Politika ta' Ċina Waħda tal-UE u għaż-żamma tal-paċi u l-istabbiltà fl-Istrett tat-Tajwan u lil hinn minnu;

2. Jinsab imħasseb ħafna dwar il-fatt li tali intensifikazzjoni ta' eżerċizzji militari mir-RPĊ iżżid ir-riskju ta' kalkoli żbaljati u inċidenti;

3. Iħeġġeġ lir-RPĊ twaqqaf minnufih l-azzjonijiet u l-intrużjonijiet kollha fiż-żona ta' identifikazzjoni għad-difiża tal-ajru tat-Tajwan u twaqqaf il-ksur tal-ispazju tal-ajru fuq il-gżejjer periferiċi tat-Tajwan, tistabbilixxi r-rispett sħiħ tal-linja medjana tal-Istrett tat-Tajwan, u twaqqaf l-azzjonijiet militari l-oħra kollha taż-żona l-griża inklużi kampanji ċibernetiċi u ta' diżinformazzjoni;

4. Jibqa' jopponi b'mod qawwi kwalunkwe bidla unilaterali fl-Istrett tat-Tajwan u kontra r-rieda tat-Tajwaniżi u jisħaq li kwalunkwe tentattiv minn Beijing biex jittieħed it-Tajwan isir bi prezz straordinarjament għoli għar-RPĊ;

5. Iqis it-Tajwan sieħeb ewlieni u demokratiku fl-Indo-Paċifiku u jappoġġja bil-qawwa l-perkors demokratiku tiegħu; iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Istati Membri japprofondixxu r-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Tajwan bl-għan li jsawru politika ta' deterrent politika u ekonomika sabiex tinżamm l-istabbiltà u titrawwem arkitettura ta' sigurtà reġjonali bbażata fuq ir-regoli fir-reġjun Indo-Paċifiku; jilqa', għalhekk, l-inklużjoni tat-Tajwan fl-istrateġija Indo-Paċifika tal-UE u jħeġġeġ lis-SEAE u lill-Kummissjoni jsegwu b'azzjonijiet konkreti ta' implimentazzjoni;

6. Jisħaq fuq kemm it-Tajwan huwa kruċjali għall-katina tal-provvista globali fis-setturi ewlenin tat-teknoloġija avvanzata, b'mod partikolari s-semikondutturi, u jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jiżviluppaw strateġija għar-reżiljenza u jibdew jaħdmu mingħajr dewmien fuq ftehim reżiljenti tal-katina tal-provvista mat-Tajwan bl-għan li jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet rispettivi b'mod ta' benefiċċju reċiproku li għandu l-għan li jissalvagwardja s-sigurtà tat-Tajwan billi jsaħħaħ it-"tarka tas-siliċju" tiegħu;

7. Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jibnu fuq l-aġġornament reċenti tad-Djalogu dwar il-Kummerċ u l-Investiment bejn l-UE u t-Tajwan sabiex iniedu malajr valutazzjoni tal-impatt, konsultazzjoni pubblika u eżerċizzju preliminari dwar ftehim bilaterali ta' investiment; jenfasizza l-potenzjal għal kooperazzjoni dwar politika ta' skrinjar għall-investiment dirett barrani;

8. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw lit-Tajwan fl-ispirtu ta' solidarjetà strateġika mad-demokraziji billi jikkumpensaw għall-impatt negattiv tal-koerċizzjoni ekonomika tar-RPĊ u l-projbizzjonijiet fuq l-importazzjoni;

9. Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-bidla fil-ħsieb tad-difiża tat-Tajwan lejn strateġija "porkuspin" li tenfasizza l-kapaċitajiet asimmetriċi bħal armi orħos, eħfef u aktar versatili fuq tagħmir militari konvenzjonali għali; jissottolinja l-ħtieġa ta' koordinazzjoni aktar mill-qrib ma' sħab tal-istess fehma biex jinżammu l-paċi u l-istabbiltà fl-Istrett tat-Tajwan; iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Istati Membri, u b'mod partikolari lis-soċjetà ċivili, jikkondividu l-aħjar prattiki u jżidu l-kooperazzjoni mal-uffiċjali Tajwaniżi u l-atturi tas-soċjetà ċivili dwar il-ġlieda kontra l-interferenza u d-diżinformazzjoni minn atturi barranin malinni; jirrakkomanda li jiġi stazzjonat uffiċjal ta' kollegament fl-Uffiċċju Ekonomiku u Kummerċjali Ewropew biex jikkoordina l-isforzi konġunti dwar l-indirizzar tad-diżinformazzjoni u l-interferenza;

10. Jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jikkunsidraw proġetti ta' konnettività mal-istati gżejjer tal-Paċifiku u sħubijiet ta' koinvestiment bejn il-Global Gateway tal-UE u u l-politika l-ġdida tat-Tajwan għan-Nofsinhar bl-għan li jitrawmu relazzjonijiet u stabbiltà fl-Indo-Paċifiku;

11. Jistieden lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu prijorità lill-ħolqien ta' spazju ċiviku komuni mat-Tajwan billi jrawmu skambji mas-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet tal-midja tat-Tajwan u jissottolinja l-appoġġ tiegħu għal azzjonijiet konkreti, bħall-organizzazzjoni ta' ġimgħa parlamentari UE-Tajwan sabiex jitrawmu skambji mal-assemblea leġiżlattiva tat-Tajwan, il-Yuan Leġiżlattiv, u atturi ċiviċi oħra; jirrakkomanda sħubija komprensiva mat-Tajwan biex jiġu promossi valuri komuni bħad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, li għandhom jinkludu wkoll kuntatti interpersonali, kooperazzjoni dwar firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet ta' interess u tħassib reċiproku, inkluża l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt, u t-trawwim tal-kooperazzjoni bejn is-setturi tal-midja rispettivi;

12. Jilqa' l-fatt li xi Stati Membri diġà tejbu l-kooperazzjoni mat-Tajwan fil-qasam tal-edukazzjoni u l-kultura u jħeġġeġ lil Stati Membri oħra biex jagħmlu l-istess; jenfasizza l-potenzjal qawwi ħafna u l-interess komuni fl-intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni fir-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tat-teknoloġija avvanzata u ċ-ċipep;

13. Jemmen li l-kuntatti parlamentari mat-Tajwan ilhom jagħmlu parti mill-istatus quo politiku u jqis li huwa inaċċettabbli li r-RPĊ qed tibdel il-linji ħomor f'dan ir-rigward; jilqa' b'sodisfazzjon kbir iż-żjarat u l-kuntatti parlamentari preċedenti kollha mat-Tajwan u jinkoraġġixxi aktar inizjattivi bħal dawn li għandhom jittieħdu fil-futur bħala sinjal qawwi tar-rieda u l-kapaċità ta' dawk li jfasslu l-liġi li jappoġġjaw il-prinċipji demokratiċi, u dimostrazzjoni tad-determinazzjoni tagħhom kontra l-użu tal-forza koerċittiva;

14. Jissottolinja kif it-Tajwan wera li huwa sieħeb affidabbli ħafna fl-indirizzar tal-ħafna sfidi ta' żminijietna u jirrakkomanda bil-qawwa l-parteċipazzjoni sinifikattiva tat-Tajwan bħala osservatur f'laqgħat, mekkaniżmi u attivitajiet ta' korpi internazzjonali, bħall-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija Kriminali (Interpol) u l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima;

15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà kif ukoll lill-Gvern tat-Tajwan u lir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

 

 

Aġġornata l-aħħar: 14 ta' Settembru 2022
Avviż legali - Politika tal-privatezza