Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0392/2022Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0392/2022

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fl-Istrett tat-Tajwan

12.9.2022 - (2022/2822(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Emmanuel Maurel
f'isem il-Grupp tax-Xellug

Proċedura : 2022/2822(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0392/2022
Testi mressqa :
B9-0392/2022
Dibattiti :
Testi adottati :

B9‑0392/2022

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Istrett tat-Tajwan

(2022/2822(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, li tipprojbixxi t-theddid u l-użu tal-forza fir-relazzjonijiet internazzjonali,

 wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2758 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-25 ta' Ottubru 1971, li rrikonoxxiet lir-rappreżentanti tal-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (RPĊ) bħala "l-uniċi rappreżentanti leġittimi taċ-Ċina għan-Nazzjonijiet Uniti",

 wara li kkunsidra l-politika ta' "Ċina Waħda" tal-UE,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-ASEAN tat-3 ta' Awwissu 2022, dwar l-Iżvilupp bejn iż-żewġ naħat tal-Istrett,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi ż-żjara reċenti tal-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Istati Uniti Nancy Pelosi fit-Tajwan ikkawżat żieda bla bżonn fit-tensjonijiet fl-Istrett tat-Tajwan u madwaru; billi minn meta l-President tal-Istati Uniti Joe Biden ħa l-kariga, aktar minn 40 leġiżlatur tal-Istati Uniti żaru l-gżira, inkluż 28 matul l-ewwel disa' xhur tal-2022;

B. billi wara ż-żjara tal-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Istati Uniti f'Taipei, iċ-Ċina wettqet eżerċizzji militari massivi fl-Istrett tat-Tajwan maħsuba biex juru l-kapaċità tagħhom li tattakka fi kwalunkwe post fit-Tajwan; billi waqt l-eżerċizzju, żbarkaw ukoll missili ballistiċi fiż-żona ekonomika esklussiva tal-Ġappun, u b'dan żdiedu t-tensjonijiet bejn iċ-Ċina u l-Ġappun;

C. billi f'dawn l-aħħar snin, id-dinamika fir-reġjun Indo-Paċifiku wasslet għal kompetizzjoni ġeopolitika intensa, riflessa f'żieda fl-infiq militari u retorika aktar aggressiva;

D. billi fis-17 ta' Ġunju 2022, il-President tal-Kumitat tar-Relazzjonijiet Barranin tas-Senat tal-Istati Uniti Bob Menendez u s-Senatur Lindsey Graham introduċew l-Att dwar il-Politika tat-Tajwan, li f'dan l-istadju għadu ma ġiex approvat mill-White House, li jawtorizza USD 4.5 biljun f'għajnuna militari lit-Tajwan;

E. billi l-Istati Uniti saħħet il-preżenza militari tagħha fir-reġjun; billi f'Awwissu 2022 l-Istati Uniti u l-alleati tagħha fir-reġjun wettqu eżerċizzju ta' kmand u kontroll ta' 12-il jum fin-Nofsinhar tal-Paċifiku; billi Franza u l-Ġermanja bagħtu forzi navali fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar;

F. billi l-Istrett tat-Tajwan, il-passaġġ fuq l-ilma bejn it-Tajwan u ċ-Ċina, huwa wieħed mill-aktar korsiji tat-tbaħħir globali traffikużi; billi l-Istrett tat-Tajwan huwa r-rotta primarja għall-bastimenti li jġorru oġġetti lejn is-swieq Ewropej mill-Ġappun, il-Korea t'Isfel, iċ-Ċina u t-Tajwan; billi ċ-Ċina hija t-tieni l-akbar sors ta' importazzjonijiet tal-UE u l-akbar suq tal-esportazzjoni tagħha; billi t-Tajwan għandu rwol kritiku fil-katina tal-provvista tat-teknoloġija globali, u s-settur tat-teknoloġija tal-Ewropa jiddependi ħafna fuq il-produzzjoni tas-semikondutturi u l-assemblaġġ taċ-ċipep tal-kompjuter tiegħu;

1. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar il-volatilità internazzjonali u reġjonali li taffettwa l-Istrett tat-Tajwan, li tista' tiddestabbilizza r-reġjun u eventwalment twassal għal kalkolu żbaljat, konfrontazzjoni serja, kunflitti miftuħa u konsegwenzi imprevedibbli li jinvolvu atturi internazzjonali ewlenin;

2. Jitlob li jkun hemm trażżin massimu, li l-partijiet kollha joqogħdu lura minn azzjoni provokattiva u biex il-prinċipji minquxa fil-Karta tan-NU u t-Trattat ta' Ħbiberija u Kooperazzjoni fl-Asja tax-Xlokk jiġu rispettati;

3. Jilqa' r-rieda espressa mill-ASEAN li jkollha rwol kostruttiv fl-iffaċilitar tad-djalogu paċifiku bejn il-partijiet kollha, inkluż permezz tal-użu ta' mekkaniżmi mmexxija mill-ASEAN biex titnaqqas it-tensjoni u jiġu ssalvagwardjati l-paċi, is-sigurtà u l-iżvilupp fir-reġjun;

4. Itenni l-impenn tiegħu għall-politika ta' "Ċina Waħda"; jikkundanna bil-qawwa t-theddida tal-użu tal-forza miċ-Ċina kontra t-Tajwan; jinnota bi tħassib li fil-"White Paper – Il-Prinċipju ta' Ċina Waħda u l-Kwistjoni tat-Tajwan" li ġiet ippubblikata dan l-aħħar, il-Gvern Ċiniż iddikjara li "ċ-Ċina se tagħmel l-almu tagħha biex tikseb riunifikazzjoni paċifika, iżda mhux se timpenja ruħha li teskludi l-użu tal-forza";

5. Jiddispjaċih taż-żjara reċenti tal-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Istati Uniti Nancy Pelosi fit-Tajwan, minkejja t-twissijiet tal-militar tal-Istati Uniti biex ma ssirx, għax ikkawżat żieda bla bżonn fit-tensjonijiet fl-Istrett tat-Tajwan u madwaru; jinnota li matul dawn l-aħħar snin, saru serje ta' azzjonijiet jew diskorsi minn uffiċjali kemm fl-Istati Uniti kif ukoll fl-UE u xi wħud mill-Istati Membri tagħha li qajmu dubji dwar il-politika tradizzjonali "Ċina Waħda";

6. Jirrifjuta kwalunkwe tentattiv biex jiġi mminat l-istatus quo attwali fir-reġjun; ifakkar liċ-Ċina u lill-Istati Uniti li bħala Membri permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, huma għandhom responsabbiltà distinta li jirrispettaw l-obbligu li jsolvu kull kunflitt b'mod paċifiku;

7. Jirrikonoxxi li t-Tajwan jikkoopera fuq kwistjonijiet transnazzjonali fuq livell internazzjonali, inkluż fl-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija Kriminali (Interpol) u l-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima;

8. Ifakkar li ż-żamma tal-paċi u l-istabbiltà fl-Indo-Paċifiku hija interess ewlieni mhux biss tal-UE u tal-Istati Membri tagħha iżda tal-pajjiżi kollha fir-reġjun, b'mod partikolari f'termini tal-kapaċità ta' kooperazzjoni fir-reġjun biex jiġu indirizzati l-isfidi globali bħat-tibdil fil-klima u l-iżvilupp sostenibbli soċjali u ambjentali, inkluż it-twettiq tas-17-il għan ta' żvilupp sostenibbli tal-Aġenda 2030 tan-NU; jenfasizza li kunflitt militari fl-Istrett tat-Tajwan joħloq tfixkil ekonomiku kbir u jqajjem dubji dwar il-kapaċità tal-UE li tilħaq l-għan tagħha ta' awtonomija strateġika miftuħa;

9. Jinsab imħasseb ħafna dwar il-preżenza militari li qed tikber fir-reġjun, għax iżżid il-periklu ta' eskalazzjoni militari;

10. Jissottolinja l-importanza kritika li ċ-Ċina u l-atturi l-oħra kollha fir-reġjun jirrispettaw il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS), u jtenni l-importanza li tiġi rispettata l-liġi internazzjonali, b'mod partikolari l-UNCLOS bid-dispożizzjonijiet tagħha dwar l-obbligu li t-tilwim jiġi solvut b'mezzi paċifiċi u dwar iż-żamma tal-libertà tan-navigazzjoni u t-titjiriet li jgħaddu minn fuq l-Istrett tat-Tajwan; jistieden lill-UE tagħmel sforz konġunt biex tagħmel pressjoni fuq l-alleati kollha tagħha, b'mod partikolari l-Istati Uniti, biex jirratifikaw l-UNCLOS;

11. Ifakkar li l-valur miżjud tal-involviment tal-UE fl-Indo-Paċifiku jinsab fil-firxa komprensiva tiegħu ta' kontributi ċivili u mhux militari żviluppati sew; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jużaw in-network vast tagħhom ta' assi diplomatiċi biex jiffaċilitaw id-djalogu dwar ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti u s-soluzzjonijiet legali, u jibnu għarfien espert fl-istabbiliment ta' miżuri għall-bini tal-fiduċja;

12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament taċ-Ċina u tat-Tajwan.

 

Aġġornata l-aħħar: 14 ta' Settembru 2022
Avviż legali - Politika tal-privatezza