Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0394/2022Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0394/2022

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fl-Istrett tat-Tajwan

12.9.2022 - (2022/2822(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Hilde Vautmans, Petras Auštrevičius, Malik Azmani, Nicola Beer, Izaskun Bilbao Barandica, Olivier Chastel, Vlad Gheorghe, Bart Groothuis, Klemen Grošelj, Bernard Guetta, Svenja Hahn, Ilhan Kyuchyuk, Nathalie Loiseau, Urmas Paet, Michal Šimečka, Nicolae Ştefănuță, Ramona Strugariu, Dragoş Tudorache, Marie‑Pierre Vedrenne
f'isem il-Grupp Renew

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0389/2022

Proċedura : 2022/2822(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0394/2022
Testi mressqa :
B9-0394/2022
Dibattiti :
Testi adottati :

B9‑0394/2022

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Istrett tat-Tajwan

(2022/2822(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-rapporti annwali tiegħu dwar il-politika barranija u ta' sigurtà komuni, b'mod partikolari t-taqsimiet tagħhom dwar ir-relazzjonijiet UE-Tajwan,

 wara li kkunsidra l-istqarrija tal-ministri tal-affarijiet barranin tal-G7 tat-3 ta' Mejju 2022, b'mod partikolari l-appell biex id-differenzi bejn iż-żewġ naħat tal-Istrett jiġu solvuti b'mezzi paċifiċi u l-insistenza li r-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (RPĊ) ma tbiddilx unilateralment l-istatus quo fir-reġjun bl-użu tal-forza,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ottubru 2013 dwar relazzjonijiet kummerċjali UE-Tajwan[1],

 wara li kkunsidra l-kooperazzjoni u l-parteċipazzjoni ta' suċċess tat-Tajwan fil-Programmi Qafas tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' April 2021 dwar strateġija tal-UE għall-kooperazzjoni fl-Indo-Paċifiku,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-16 ta' Settembru 2021 intitolata "L-Istrateġija tal-UE għall-kooperazzjoni fl-Indo-Paċifiku" (JOIN(2021)0024),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Settembru 2021 dwar strateġija UE-Ċina ġdida[2],

 wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-21 ta' Ottubru 2021 lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà rigward ir-relazzjonijiet u l-kooperazzjoni UE-Tajwan[3],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2022 dwar l-UE u l-isfidi tas-sigurtà fl-Indo-Paċifiku[4],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2022 dwar l-istrateġija Indo-Paċifika fil-qasam tal-kummerċ u tal-investiment[5],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-UE u t-Tajwan huma sħab li jaqsmu l-istess fehma u li jikkondividu l-valuri komuni tal-libertà, tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt;

B. billi l-UE ssegwi politika ta' Ċina waħda u wriet impenn sod biex iżżomm il-paċi u l-istabbiltà kif ukoll l-aċċess internazzjonali tul l-Istrett tat-Tajwan;

C. billi ċ-Ċina tibqa' titbiegħed mir-rispett tal-liġijiet u t-trattati internazzjonali, id-drittijiet tal-bniedem u d-dinjità;

D. billi l-President Xi Jinping saħħaħ ir-rabtiet ma' Vladimir Putin wara l-invażjoni tiegħu tal-Ukrajna u għalhekk wera b'mod ċar l-intenzjoni tiegħu li jimmina l-paċi u s-sigurtà globali u li jisfida l-ordni internazzjonali stabbilit ibbażat fuq ir-regoli;

E. billi l-militar taċ-Ċina qed jikber b'rata mgħaġġla, u dan wassal għat-tnedija reċenti tat-tielet aircraft carrier l-aktar avvanzat tagħha;

F. billi l-imġiba aggressiva taċ-Ċina lejn it-Tajwan tinsab fl-agħar tagħha f'għexieren ta' snin, peress li r-RPĊ żiedet b'mod sinifikanti t-titjiriet militari tagħha tul l-hekk imsejħa linja medjana tal-Istrett tat-Tajwan fl-aħħar sena, inklużi aktar minn 300 titjira minn meta l-Viċi President Nicola Beer żaret it-Tajwan bejn id-19 u l-21 ta' Lulju u minn meta l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Istati Uniti Nancy Pelosi żaret il-pajjiż fit-3 ta' Awwissu 2022;

G. billi fid-9 ta' Ottubru 2021, il-President Xi Jinping wiegħed li jsegwi r- "riunifikazzjoni" mat-Tajwan b'mezzi allegatament paċifiċi, iżda wissa li l-akbar ostaklu għaliha kien il-"Forza ta' Indipendenza tat-Tajwan" u rrifjuta li jirrinunzja għalkollox l-użu tal-forza biex jintlaħaq dan l-għan; billi d-dikjarazzjonijiet u l-azzjonijiet belliġerenti taċ-Ċina jitfgħu dubju serju dwar tali approċċ paċifiku;

H. billi l-belliġerenza militari kontinwa taċ-Ċina u forom oħra ta' aggressjoni kontra t-Tajwan, bħal attakki ċibernetiċi u kampanji ta' diżinformazzjoni, joħolqu theddida serja għall-istatus quo bejn it-Tajwan u ċ-Ċina, u jistgħu jwasslu għal eskalazzjoni perikoluża, u anke mhux intenzjonata, b'impatt serju fuq l-istabbiltà u l-paċi globali, inkluż fl-UE;

I. billi r-reazzjoni tad-dinja ħielsa quddiem il-provokazzjoni Ċiniża hija kruċjali; billi l-allinjament mad-demokraziji kollha tal-istess fehma fl-abbozzar tal-pjanijiet ta' kontinġenza huwa ta' importanza kbira;

J. billi fl-2016 l-UE impenjat ruħha li tuża kull mezz disponibbli biex tinkoraġġixxi d-djalogu, il-kooperazzjoni u l-bini tal-fiduċja bejn iż-żewġ naħat tal-Istrett tat-Tajwan; billi dawn l-aspirazzjonijiet s'issa għadhom ma ġewx issodisfati;

K. billi l-pożizzjoni tat-Tajwan, ir-rwol kritiku tiegħu fil-ktajjen tal-provvista globali tat-teknoloġija avvanzata, u l-istil ta' ħajja demokratiku tiegħu jagħmluh strateġikament importanti għad-demokraziji Ewropej; billi dan ir-reġjun huwa ta' importanza kbira għall-UE kemm minħabba l-ħafna sħab qrib tagħha hemmhekk, kif ukoll minħabba li wieħed mill-Istati Membri tagħha, Franza, għandu territorji ekstra-Ewropej hemmhekk; billi l-Istrett tat-Tajwan huwa wieħed mill-korsiji ta' tbaħħir l-aktar frekwentati fid-dinja;

L. billi l-ammont totali ta' kummerċ bilaterali bejn l-UE u t-Tajwan laħaq l-EUR 64 biljun fl-2021, u b'hekk it-Tajwan huwa l-ħames l-akbar sieħeb kummerċjali tal-UE fl-Asja u jikklassifika fil-15-il post fost l-akbar sħab kummerċjali tal-UE fid-dinja; billi hemm potenzjal konsiderevoli biex tiżdied il-kooperazzjoni ekonomika bejn it-Tajwan u l-UE;

1. Jikkundanna l-ksur bla preċedent tar-RPĊ taż-żona ta' identifikazzjoni għad-difiża tal-ajru tat-Tajwan mit-3 ta' Awwissu 2022, meta l-Armata għal-Liberazzjoni tal-Poplu Ċiniż (PLA) wettqet diversi eżerċizzji militari madwar it-Tajwan u involvew eżerċizzji bl-użu ta' munizzjon reali, skjeramenti navali u sparar ta' missili ballistiċi, u li matulhom l-inġenji tal-ajru militari tal-PLA qasmu l-hekk imsejħa linja medjana tal-Istrett tat-Tajwan aktar minn 300 darba; jinsisti fuq in-natura internazzjonali tal-Istrett tat-Tajwan u fuq il-libertà tan-navigazzjoni hemmhekk;

2. Jikkundanna r-rispons inaċċettabbli, mhux ġustifikat u eskalatorju tar-RPĊ għaż-żjara tal-Ispeaker Pelosi; jiddikjara li huwa normali, legali u ta' rutina li l-leġiżlaturi, id-diplomati u l-ministri jivvjaġġaw internazzjonalment, inkluż lejn it-Tajwan; jiddenunzja t-theddid kollu ta' rappreżalji, intimidazzjoni u pressjoni mill-awtoritajiet Ċiniżi fil-kuntest ta' żjarat ta' livell għoli fit-Tajwan; itenni li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri ma jridux u mhumiex se jċedu għal kwalunkwe pressjoni mill-kanali Ċiniżi f'dan ir-rigward; jikkundanna, barra minn hekk, il-kummenti inkwetanti dwar it-Tajwan li saru mill-ambaxxatur Ċiniż għal Franza, meta ddikjara li l-propaganda "kontra ċ-Ċina" tal-Partit Progressiv Demokratiku kienet indottrat il-popolazzjoni u li l-popolazzjoni trid tkun "mgħallma mill-ġdid";

3. Jesprimi l-fehma li l-provokazzjonijiet militari reċenti miċ-Ċina tefgħu f'dubju l-intenzjonijiet fit-tul taċ-Ċina li tfittex soluzzjoni paċifika u titlob liċ-Ċina twaqqaf il-provokazzjonijiet tagħha;

4. Jesprimi tħassib serju dwar il-belliġeranza militari kontinwa taċ-Ċina fil-konfront tat-Tajwan u l-pressjoni fuqu, b'mod partikolari permezz tal-investiment konsiderevoli taċ-Ċina fil-kapaċitajiet militari, l-eżerċizzji ta' attakki tagħha u l-ksur frekwenti taż-żona ta' identifikazzjoni għad-difiża tal-ajru tat-Tajwan;

5. Ifakkar li ż-żamma tal-paċi u l-istabbiltà fl-Indo-Paċifiku hija interess ewlieni għall-UE u l-Istati Membri tagħha; jenfasizza li kunflitt militari fl-Istrett tat-Tajwan jimmina serjament l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli, kif ukoll il-governanza demokratika, bid-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-qalba tagħha; dan joħloq ukoll tfixkil ekonomiku sinifikanti li jaffettwa l-interessi Ewropej;

6. Jiddikjara li l-UE mhijiex se taċċetta l-ebda bidla unilaterali fl-istatus quo, u li kwalunkwe aggressjoni militari miċ-Ċina kontra t-Tajwan se jkollha konsegwenzi serji għar-relazzjonijiet UE-Ċina; jistieden lir-rappreżentanti kollha tal-UE jappoġġaw din il-pożizzjoni;

7. Jistieden lill-Kummissjoni tibda tiżviluppa pjan ta' kontinġenza, irrispettivament mill-iżvilupp ulterjuri tas-sitwazzjoni, fl-eventwalità li jkun hemm eskalazzjoni ulterjuri fl-Istrett tat-Tajwan;

8. Jistieden lill-Kummissjoni taħdem mill-qrib mal-Istati Membri biex jintensifikaw ir-relazzjonijiet politiċi bejn l-UE u t-Tajwan u biex isegwu sħubija komprensiva u msaħħa bħala parti mill-Politika ta' Ċina Waħda tal-UE; jikkunsidra lit-Tajwan bħala sieħeb ewlieni u alleat demokratiku fl-Indo-Paċifiku, billi huwa demokrazija robusta u ekonomija teknoloġikament avvanzata li jikkontribwixxi għaż-żamma ta' ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli f'nofs rivalità bejn poteri kbar li qed tintensifika;

9. Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jassumu rwol proattiv fil-kollaborazzjoni ma' sħab internazzjonali tal-istess fehma biex jippruvaw jiksbu l-paċi u l-istabbiltà fl-Istrett tat-Tajwan, jipproteġu l-libertà ta' navigazzjoni u jistabbilixxu sħubijiet mal-gvern demokratiku tat-Tajwan;

10. Jissottolinja l-importanza, b'mod partikolari fid-dawl tal-provokazzjonijiet kontinwi taċ-Ċina u l-akkumulazzjoni militari, li jiġu avvanzati aktar il-livelli kollha tas-sħubija u l-kooperazzjoni UE-Tajwan; jenfasizza, b'mod partikolari, ir-rwol ewlieni li l-Parlament jista' jkollu fl-identifikazzjoni ta' oqsma għal aktar kooperazzjoni, kif ukoll f'li jidentifika u jikkundanna b'mod ċar il-provokazzjonijiet Ċiniżi; jilqa' l-fatt li stedina uffiċjali għal żjara fil-Parlament ġiet estiża għall-Yuan Leġiżlattiv tat-Tajwan matul iż-żjara tal-Viċi President Beer fit-Tajwan; biħsiebu jimpenja ruħu f'kooperazzjoni regolari mal-kollegi parlamentari tiegħu mit-Tajwan;

11. Jinkoraġġixxi għal aktar interazzjoni ekonomika, xjentifika, kulturali u politika bejn l-UE u t-Tajwan, inkluż fl-aktar livelli għolja, sabiex tiġi riflessa bis-sħiħ il-kooperazzjoni dinamika, multidimensjonali u mill-qrib bejn l-UE u t-Tajwan bħala sħab tal-istess fehma; Jitlob li jiġi promoss ftehim bilaterali ta' investiment bejn l-UE u t-Tajwan;

12. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiffinalizza Ftehim Bilaterali ta' Investiment bejn l-UE u t-Tajwan b'enfasi qawwija fuq l-industriji tat-teknoloġija avvanzata u tas-semikondutturi;

13. Jirrikonoxxi r-rwol pożittiv tat-Tajwan fil-ġlieda globali kontra l-pandemija tal-COVID-19 u jappoġġa l-għoti ta' status ta' osservatur lit-Tajwan fl-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO); jiddispjaċih ħafna li ċ-Ċina qed tostakola b'mod attiv il-preżenza tat-Tajwan f'organizzazzjonijiet internazzjonali, minkejja l-valur miżjud ovvju li dan ikollu fl-indirizzar tal-isfidi globali;

14. Ifaħħar l-impenn tat-Tajwan li jżomm mal-Ukrajna quddiem l-aggressjoni brutali u mhux ġustifikata tar-Russja;

15. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tadotta inizjattivi biex issaħħaħ ir-relazzjonijiet ekonomiċi bilaterali u l-kuntatti bejn il-persuni, kif ukoll is-sħubijiet bejn il-bliet u bejn ir-reġjuni; ifaħħar is-sħubijiet attwali ta' ġemellaġġ bejn il-bliet Ewropej u Tajwaniżi, u jinkoraġġixxi d-diplomazija tal-bliet bħala għodda li tippermetti lit-Tajwan jevita t-tentattivi Ċiniżi biex jiżdied dejjem aktar l-iżolament diplomatiku tat-Tajwan; Jitlob l-istituzzjonalizzazzjoni taż-żjarat bilaterali tal-Yuan Leġiżlattiv fil-Parlament;

16. Jirrikonoxxi r-rwol ċentrali tat-Tajwan fl-industriji strateġiċi bħall-ħames ġenerazzjoni tal-infrastruttura tal-komunikazzjoni (5G), peress li jospita l-akbar fonderija fid-dinja u huwa l-produttur ewlieni tas-semikondutturi; jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni mat-Tajwan fis-setturi industrijali kollha, b'mod partikolari l-industriji ta' importanza strateġika bħall-vetturi elettroniċi, ir-robotika u l-manifattura intelliġenti, kif ukoll it-teknoloġiji tas-semikondutturi; biħsiebu jippromwovi aktar investiment dirett barrani mit-Tajwan lejn l-UE sabiex tissaħħaħ is-sovranità ekonomika u strateġika taż-żewġ naħat, u b'hekk titnaqqas il-kapaċità tar-RPĊ li tuża l-produzzjoni internazzjonali tas-semikondutturi bħala mezz ta' rikatt;

17. Iqis li jistgħu jinsiltu tagħlimiet mill-esperjenza tat-Tajwan fil-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni; jinkoraġġixxi lill-UE u lill-Istati Membri japprofondixxu l-kooperazzjoni mat-Tajwan fil-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni minn pajjiżi terzi malinni, inklużi l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki, approċċi konġunti għat-trawwim tal-libertà tal-media, l-approfondiment tal-kooperazzjoni dwar is-sigurtà ċibernetika, is-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini u t-titjib tal-litteriżmu diġitali ġenerali fost il-popolazzjoni sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistemi demokratiċi tagħna;

18. Jistieden lill-Kummissjoni tbiddel l-isem tal-Uffiċċju Ekonomiku u Kummerċjali Ewropew fit-Tajwan għal "Uffiċċju tal-Unjoni Ewropea fit-Tajwan" sabiex jirrifletti l-ambitu wiesa' tar-rabtiet tagħna;

19. Jilqa' l-pjanijiet biex jitwaqqaf Uffiċċju ta' Rappreżentanza tat-Tajwan fil-Litwanja; jikkundanna r-reazzjoni tal-gvern Ċiniż li jimponi sanzjonijiet ekonomiċi fuq il-Litwanja; jesprimi l-appoġġ u s-solidarjetà tiegħu mal-Litwanja f'dan ir-rigward;

20. Ifaħħar lit-Tajwan bħala sieħeb eċċezzjonali fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertà tar-reliġjon fir-reġjun Indo-Paċifiku; jirrikonoxxi l-prestazzjoni tat-Tajwan fl-għoti ta' eżempju fir-reġjun bir-rekord qawwi tiegħu ta' rispett għal-libertajiet fundamentali, kemm ekonomiċi kif ukoll soċjali, kif ukoll id-drittijiet politiċi u kulturali, inkluż il-progress dwar id-drittijiet tal-persuni LGBTIQ, u d-drittijiet tal-komunitajiet indiġeni;

21. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, kif ukoll lill-Gvern tat-Tajwan.

Aġġornata l-aħħar: 14 ta' Settembru 2022
Avviż legali - Politika tal-privatezza