Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0400/2022Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0400/2022

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fl-Istrett tat-Tajwan

12.9.2022 - (2022/2822(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Raffaele Fitto, Anna Fotyga, Charlie Weimers, Assita Kanko, Elżbieta Kruk, Witold Jan Waszczykowski, Hermann Tertsch, Beata Kempa, Alexandr Vondra, Bert‑Jan Ruissen, Kosma Złotowski, Adam Bielan, Veronika Vrecionová, Eugen Jurzyca, Beata Mazurek, Jadwiga Wiśniewska, Vincenzo Sofo, Carlo Fidanza
f'isem il-Grupp ECR

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0389/2022

Proċedura : 2022/2822(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0400/2022
Testi mressqa :
B9-0400/2022
Dibattiti :
Testi adottati :

B9‑0400/2022

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Istrett tat-Tajwan

(2022/2822(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-21 ta' Ottubru 2021 lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà rigward ir-relazzjonijiet u l-kooperazzjoni UE-Tajwan[1],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2022 dwar l-UE u l-isfidi tas-sigurtà fl-Indo-Paċifiku[2], tas-16 ta' Settembru 2021 dwar strateġija ġdida bejn l-UE u ċ-Ċina[3] u tad-9 ta' Ottubru 2013 dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u t-Tajwan[4],

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-G7 tat-3 ta' Awwissu 2022 dwar il-preservazzjoni tal-paċi u l-istabbiltà fl-Istrett tat-Tajwan,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi fl-4 ta' Awwissu 2022, l-Armata għal-Liberazzjoni tal-Poplu taċ-Ċina (PLA) bdiet sensiela ta' eżerċizzji konġunti bl-użu ta' munizzjon reali fl-Istrett tat-Tajwan billi varat diversi missili u bagħtet għadd kbir ta' inġenji tal-ajru u bastimenti biex jidħlu fiż-żona ta' identifikazzjoni tad-difiża tal-ajru tat-Tajwan u jaqsmu l-linja medjana tal-Istrett tat-Tajwan, li minn dak iż-żmien saret okkorrenza kważi ta' kuljum; billi r-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (RPĊ) użat deliberatament iż-żjara tal-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Istati Uniti, Nancy Pelosi, fit-2 u t-3 ta' Awwissu 2022 bħala skuża biex tintensifika l-azzjonijiet militari provokattivi tagħha fl-ilmijiet u fl-ispazju tal-ajru madwar it-Tajwan;

B. billi t-tensjonijiet fl-Istrett tat-Tajwan bdew jakkumulaw f'din l-aħħar sena, fejn ir-RPĊ bagħtet 150 ajruplan tal-gwerra, inklużi ajruplani tal-ġlied u bombers b'kapaċità nukleari, fiż-żona ta' identifikazzjoni għad-difiża tal-ajru tat-Tajwan mill-1 ta' Ottubru 2021; billi l-aħħar ksur taż-żona ta' identifikazzjoni tad-difiża tal-ajru Tajwaniża mir-RPĊ seħħ fl-10 u l-11 ta' Settembru 2022, bi 17 u tliet inġenji tal-ajru Ċiniżi, rispettivament, jaqsmu l-linja medjana tal-Istrett tat-Tajwan; billi dawn l-inkursjonijiet effettivament inaqqsu ż-żona ta' lqugħ bejn iż-żewġ naħat u jnaqqsu l-ħin tar-rispons tal-militar tat-Tajwan;

C. billi l-belliġeranza u t-tattiki militari kontinwi f'żona griża min-naħa taċ-Ċina fil-konfront tat-Tajwan, kif ukoll forom oħra ta' provokazzjoni, bħall-ispjunaġġ, l-attakki ċibernetiċi u t-teħid tat-talenti, joħolqu theddida serja, mhux biss għall-istatus quo bejn it-Tajwan u ċ-Ċina, iżda wkoll għall-paċi u s-sigurtà madwar l-Istrett tat-Tajwan u r-reġjun usa'; billi dawn l-attivitajiet jimminaw ukoll l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli, jaffettwaw it-traffiku u l-kummerċ internazzjonali regolari u jistgħu jwasslu għal eskalazzjoni perikoluża; billi ċ-Ċina nediet kampanji ta' diżinformazzjoni tal-massa u attakki ċibernetiċi kontra t-Tajwan flimkien mal-eżerċizzji militari tagħha, bis-siti web tal-aġenziji tal-Gvern Tajwaniż bħall-Uffiċċju Presidenzjali, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Ministeru għad-Difiża Nazzjonali bħala l-miri ewlenin;

D. billi s-serje ta' eżerċizzji bl-użu ta' munizzjon reali hija konsistenti mad-duttrina tal-PLA dwar id-deterrenza strateġika; billi lil hinn mill-objettiv ġenerali ta' deterrenza strateġika, il-PLA għandha wkoll objettivi operattivi speċifiċi maħsuba biex ibiddlu l-istatus quo;

E. billi l-azzjonijiet militari ripetuti u provokattivi taċ-Ċina jidhru bħala tentattiv biex jinbidel unilateralment l-istatus quo fl-Istrett tat-Tajwan, biex jinkiser il-prinċipju tan-NU tas-soluzzjoni paċifika tat-tilwim, u biex jinkisru serjament id-drittijiet tat-Tajwan skont id-dritt internazzjonali; billi l-eżerċizzji militari taċ-Ċina f'żoni madwar it-Tajwan xekklu l-operazzjonijiet normali ta' waħda mir-rotot tal-ajru u tat-tbaħħir l-aktar traffikużi fir-reġjun Indo‑Paċifiku; billi dan kellu impatt serju fuq it-trasport u l-kummerċ internazzjonali u dgħajjef il-paċi u s-sigurtà reġjonali;

F. billi l-Gvern tat-Tajwan iddikjara li t-Tajwan "la se jeskala l-kunflitti u lanqas se jipprovoka tilwim" u se "jirreaġixxi b'mod kalm u riżolut biex jissalvagwardja s-sovranità u s-sigurtà nazzjonali tiegħu";

G. billi fl-2016 l-UE impenjat ruħha li tuża kull mezz disponibbli biex tinkoraġġixxi inizjattivi bl-għan li jippromwovu d-djalogu, il-kooperazzjoni u l-bini tal-fiduċja madwar iż-żewġ naħat tal-Istrett tat-Tajwan; billi dawn l-aspirazzjonijiet s'issa għadhom ma ġewx issodisfati;

H. billi r-rispons taċ-Ċina, sadanittant, jindika li trid iżżomm it-tensjonijiet taħt kontroll qabel l-20 kungress tal-Partit Komunista, li huwa mistenni li jagħti t-tielet mandat lill-President Xi Jinping bħala mexxej tal-partit;

I. billi fid-9 ta' Ottubru 2021, il-President Xi Jinping wiegħed li jsegwi r-"riunifikazzjoni" mat-Tajwan permezz ta' mezzi allegatament paċifiċi, iżda wissa li l-akbar ostaklu għaliha kienet il-forza ta' "indipendenza tat-Tajwan"; billi tali approċċ paċifiku jitqiegħed f'dubju serju mid-dikjarazzjonijiet u l-azzjonijiet belliġerenti taċ-Ċina; billi skont stħarriġ maħruġ miċ-Ċentru ta' Studju Elettorali tal-Università Nazzjonali ta' Chengchi f'Taipei f'Lulju 2021, 1,5 % biss tat-Tajwaniżi jappoġġaw l-unifikazzjoni maċ-Ċina kontinentali mill-aktar fis possibbli, filwaqt li maġġoranza kbira tappoġġa ż-żamma tal-istatus quo, tal-inqas għal żmien qasir;

J. billi r-RPĊ użat iż-żjara tal-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Istati Uniti bħala skuża biex tkompli tintensifika l-passi provokattivi mmirati lejn l-applikazzjoni ta' koerċizzjoni ekonomika akbar kontra t-Tajwan, billi pprojbixxiet l-importazzjoni ta' ċitru, ħut u ikel ieħor mit-Tajwan filwaqt li ssospendiet ukoll l-esportazzjonijiet ta' ramel naturali lejn it-Tajwan;

K. billi ċ-Ċina qed tipprova tiskoraġġixxi lil pajjiżi oħra milli jinterferixxu fit-tentattiv tagħha li tinvadi lit-Tajwan bit-testijiet tal-missili tagħha; billi l-provi tat-tattiki kontra l-aċċess u ċ-ċaħda taż-żona (A2/AD) min-naħa taċ-Ċina juru l-ambizzjonijiet ġeostrateġiċi taċ-Ċina li tbiddel l-istatus quo fl-Istrett tat-Tajwan u fir-reġjun kollu;

L. billi l-PLA kienet l-aktar sieħeb b'saħħtu tar-Russja fl-eżerċizzji ta' Vostok tal-2022, li l-għan tagħhom, skont il-Ministeru għad-Difiża taċ-Ċina, kien li "tiġi żviluppata kollaborazzjoni aktar prattika u amikevoli mal-armati tal-istati parteċipanti, jissaħħaħ il-livell ta' kooperazzjoni strateġika fost il-parteċipanti, u tissaħħaħ [...] il-kapaċità ta' rispons għal diversi theddidiet għas-sigurtà";

M. billi r-RPĊ ippubblikat l-ewwel white paper tagħha dwar it-Tajwan minn mindu ħa l-poter Xi Jinping, u rrifjutat li teskludi li tintuża l-forza fl-offerta tagħha li tieħu l-kontroll tat-Tajwan;

N. billi l-UE u t-Tajwan huma sħab li jaqsmu l-istess fehma u li jikkondividu l-valuri komuni tal-libertà, tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt;

1. Jinsab imħasseb ħafna dwar il-belliġerenza militari dejjem akbar taċ-Ċina kontra t-Tajwan u l-pressjoni fuqha, b'mod partikolari permezz tal-investiment konsiderevoli taċ-Ċina fil-kapaċitajiet militari, l-eżerċizzji militari tagħha u l-ksur frekwenti tagħha taż-żona ta' identifikazzjoni tad-difiża tal-ajru tat-Tajwan u l-linja medjana tal-Istrett tat-Tajwan; jikkundanna bil-qawwa l-użu reċenti u mhux ġustifikat ta' eżerċizzji bl-użu ta' munizzjon reali u koerċizzjoni ekonomika, li jirriskjaw eskalazzjoni bla bżonn u destabbilizzazzjoni tar-reġjun; jesprimi tħassib dwar in-nuqqas ta' rispett ta' Beijing għal-linja medjana bejn ir-RPĊ u t-Tajwan - li ż-żewġ naħat irrispettaw bħala karatteristika tal-istabbiltà għal aktar minn 60 sena - b'numri storiċi ta' qsim militari f'dawn l-aħħar ġimgħat; jinnota li dawn l-azzjonijiet huma parti minn kampanja ta' pressjoni intensifikata mir-RPĊ kontra t-Tajwan u l-pajjiżi li jesprimu l-appoġġ tagħhom għall-poplu demokratiku tat-Tajwan u l-mexxejja tiegħu; jikkundanna, b'mod partikolari, l-eżerċizzji bla preċedent u partikolarment irresponsabbli bl-użu ta' munizzjon reali u l-isparar ta' missili;

2. Jistieden lir-RPĊ ma tfittixx li tbiddel unilateralment l-istatus quo bil-forza fir-reġjun u ssolvi d-differenzi fl-istrett kollu b'mezzi paċifiċi; jitlob li ċ-Ċina teżerċita awtokontroll; iħeġġeġ lil Beijing twaqqaf il-pressjoni militari, diplomatika u ekonomika tagħha u l-koerċizzjoni kontra t-Tajwan, li qed tiddestabbilizza, tirriskja li tagħmel kalkoli ħżiena, u timmina l-paċi u l-istabbiltà reġjonali;

3. Jesprimi l-fehma li l-provokazzjonijiet militari reċenti miċ-Ċina qiegħdu f'dubju l-intenzjonijiet fit-tul taċ-Ċina li tfittex soluzzjoni paċifika; jinsisti li kwalunkwe bidla fir-relazzjonijiet fuq iż-żewġ naħat tal-istrett m'għandhiex issir b'mod unilaterali, u lanqas ma għandha tmur kontra r-rieda taċ-ċittadini Tajwaniżi;

4. Ifakkar li ż-żamma tal-paċi u l-istabbiltà fl-Indo-Paċifiku hija interess ewlieni għall-UE u l-Istati Membri tagħha; jisħaq li kunflitt militari fl-Istrett tat-Tajwan mhux biss joħloq tfixkil ekonomiku sinifikanti li jaffettwa l-interessi Ewropej, iżda jimmina serjament ukoll l-ordni bbażat fuq ir-regoli fir-reġjun, kif ukoll il-governanza demokratika bid-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-qalba tagħha; jisħaq fuq l-importanza li tiġi żgurata l-libertà tan-navigazzjoni fl-Istrett tat-Tajwan;

5. Itenni l-impenn kondiviż u sod tiegħu li jżomm l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli, il-paċi u l-istabbiltà fl-Istrett tat-Tajwan u lil hinn minnu; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jibqgħu kalmi, jeżerċitaw trażżin, jaġixxu bi trasparenza, u jżommu linji miftuħa ta' komunikazzjoni;

6. Itenni l-importanza li jiġi rispettat id-dritt internazzjonali, b'mod partikolari l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar u d-dispożizzjonijiet tagħha dwar l-obbligu li t-tilwim jissolva b'mezzi paċifiċi, u dwar iż-żamma tal-libertà tan-navigazzjoni u t-titjiriet minn fuq pajjiż;

7. Huwa konvint li l-azzjonijiet provokattivi taċ-Ċina kontra t-Tajwan u fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar irid ikollhom konsegwenzi għar-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina;

8. Ifaħħar lill-Gvern tat-Tajwan talli eżerċita trażżin wara l-provokazzjonijiet militari tar-RPĊ fl-Istrett tat-Tajwan;

9. Jikkunsidra lit-Tajwan bħala sieħeb ewlieni u alleat demokratiku fl-Indo-Paċifiku bil-mertu tiegħu stess, billi hija demokrazija robusta u ekonomija teknoloġikament avvanzata li tista' tikkontribwixxi għaż-żamma ta' ordni bbażat fuq ir-regoli f'nofs rivalità bejn poteri kbar li qed tintensifika; jenfasizza l-importanza, b'mod partikolari fid-dawl tal-provokazzjonijiet kontinwi taċ-Ċina u l-akkumulazzjoni militari, li jiġu avvanzati aktar il-livelli kollha tas-sħubija u l-kooperazzjoni bejn l-UE u t-Tajwan;

10. Jistieden lill-Kummissjoni tniedi, mingħajr dewmien, valutazzjoni tal-impatt, konsultazzjoni pubblika u eżerċizzju dwar l-ambitu fuq Ftehim Bilaterali ta' Investiment mal-awtoritajiet Tajwaniżi bi tħejjija għan-negozjati biex jiġu approfonditi r-rabtiet ekonomiċi bilaterali; ifakkar, fil-kuntest tad-dinamika reġjonali, fl-importanza tar-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali bejn l-UE u t-Tajwan, inkluż dwar aspetti relatati mal-multilateraliżmu u mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, mat-teknoloġija u mas-saħħa pubblika, kif ukoll tal-importanza tal-kooperazzjoni essenzjali f'dawk li huma provvisti kritiċi bħas-semikondutturi;

11. Isostni bis-saħħa l-parteċipazzjoni sinifikanti tat-Tajwan bħala osservatur fil-laqgħat, fil-mekkaniżmi u fl-attivitajiet tal-korpi internazzjonali, fosthom l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija Kriminali (Interpol) u l-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima;

12. Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jieħdu rwol proattiv fil-ħidma ma' sħab internazzjonali tal-istess fehma fid-dawl tal-awtoritarjaniżmu Ċiniż li qed jikber biex jiġu segwiti l-paċi u l-istabbiltà fl-Istrett tat-Tajwan, u biex jiġu stabbiliti sħubijiet mal-Gvern demokratiku tat-Tajwan;

13. Jistieden lill-President tal-Parlament Ewropew tagħmel żjara uffiċjali fit-Tajwan; jinkoraġġixxi lill-UE u t-Tajwan biex ikollhom aktar skambji, laqgħat u kooperazzjoni ekonomiċi, xjentifiċi, kulturali, politiċi u interpersonali, kif ukoll skambji u parteċipazzjoni ta' rappreżentanti tal-Istati Membri, anki fl-ogħla livelli, sabiex jirriflettu b'mod sħiħ il-kooperazzjoni dinamika, multidimensjonali u mill-qrib bejn l-UE u t-Tajwan bħala sħab li jaqsmu l-istess fehma;

14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali, lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u lill-Gvern u l-Parlament tat-Tajwan.

 

Aġġornata l-aħħar: 14 ta' Settembru 2022
Avviż legali - Politika tal-privatezza