Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0426/2022Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0426/2022

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-Momentum favur l-Oċeani biex jissaħħu l-Governanza u l-Bijodiversità tal-Oċeani

3.10.2022 - (2022/2836(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Pernille Weiss, François‑Xavier Bellamy
f'isem il-Grupp PPE
Cyrus Engerer
f'isem il-Grupp S&D
Catherine Chabaud
f'isem il-Grupp Renew
Grace O’Sullivan
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Pietro Fiocchi
f'isem il-Grupp ECR
Anja Hazekamp
f'isem il-Grupp tax-Xellug
<<<


Proċedura : 2022/2836(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0426/2022
Testi mressqa :
B9-0426/2022
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B9‑0426/2022

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Momentum favur l-Oċeani: biex jissaħħu l-Governanza u l-Bijodiversità tal-Oċeani

(2022/2836(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew[1],

 wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-10 ta' Novembru 2016 bit-titolu "Il-governanza internazzjonali tal-oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna" (JOIN(2016)0049),

 wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2018 bit-titolu "Governanza internazzjonali tal-oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna fil-kuntest tal-SDGs 2030"[2],

 wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-24 ta' Ġunju 2022 dwar l-aġenda tal-UE għall-Governanza Internazzjonali tal-Oċeani - "Inwittu t-triq lejn pjaneta blu sostenibbli" (JOIN(2022)0028),

 wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2020 bit-titolu ''Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 – Inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna" (COM(2020)0380), inkluż l-objettiv tagħha li tistabbilixxi network koerenti ta' 30 % ta' żoni marini protetti fl-UE sal-2030, u r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2021 dwarha[3],

 wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina)[4],

 wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/89/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 li tistabbilixxi qafas għal ippjanar tal-ispazju marittimu[5] (id-Direttiva dwar l-Ippjanar tal-Ispazju Marittimu),

 wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2021 dwar l-impatt tal-iskart fil-baħar fuq is-sajd[6],

 wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Mejju 2022 bit-titolu "Ekonomija blu sostenibbli fl-UE: ir-rwol tas-sajd u tal-akkwakultura"[7],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-6 ta' Lulju 2016 dwar id-deċiżjoni tal-Ġappun li terġa' tibda l-kaċċa għall-balieni fl-istaġun 2015-2016[8] u tat-12 ta' Settembru 2017 dwar il-kaċċa għall-balieni fin-Norveġja[9],

 wara li kkunsidra l-proġett tal-Kummissjoni taħt il-programm Orizzont Ewropa bit-titlu "Missjoni Stilla tal-Baħar 2030: ir-Restawr tal-Oċeani u l-Ilmijiet Tagħna",

 wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2007 bit-titlu "Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea" (COM(2007)0575),

 wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-membri tal-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku wara n-negozjati ta' wara Cotonou,

 wara li kkunsidra r-ratifika u d-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni internazzjonali fuq ir-responsabbiltà u l-kumpens għal dannu kkawżat mill-ġarr bil-baħar ta' sustanzi noċivi u potenzjalment perikolużi, adottata fl-2010, li temenda strument preċedenti adottat fl-1996,

 wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU bit-titolu "Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-aġenda 2030 għall-iżvilupp sostenibbli", adottata fis-Summit tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fi New York fil-25 ta' Settembru 2015, u b'mod partikolari l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG) 14 tal-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli, li jinkoraġġixxi l-konservazzjoni u l-isfruttament sostenibbli tal-oċeani, l-ibħra u r-riżorsi marini,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Ftehim ta' Pariġi tal-2015, li daħal fis-seħħ fl-4 ta' Novembru 2016,

 wara li kkunsidra l-Patt Klimatiku ta' Glasgow fl-ambitu tal-UNFCCC, adottat fit-13 ta' Novembru 2021,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, li daħlet fis-seħħ fid-29 ta' Diċembru 1993,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS), li ġiet iffirmata f'Montego Bay, il-Ġamajka, fl-10 ta' Diċembru 1982 u li daħlet fis-seħħ fis-16 ta' Novembru 1994,

 wara li kkunsidra l-mandat tal-Awtorità Internazzjonali ta' Qiegħ il-Baħar stabbilita skont l-UNCLOS u l-Ftehim tal-1994 dwar l-implimentazzjoni tal-Parti XI tal-UNCLOS,

 wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima tal-24 ta' Settembru 2019 dwar l-Oċeani u l-Krijosfera fi Klima li qed tinbidel,

 wara li kkunsidra d-Deċennju tax-Xjenza tal-Oċeani għall-Iżvilupp Sostenibbli (2021‑2030), kif ipproklamat min-NU,

 wara li kkunsidra r-Rapport ta' Valutazzjoni Globali tal-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi ta' Mejju 2019 dwar il-bijodiversità u s-servizzi ekosistemiċi,

 wara li kkunsidra s-Summit "One Ocean" li sar fi Brest, Franza, bejn id-9 u l-11 ta' Frar 2022,

 wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni adottata mill-Assemblea tan-NU għall-Ambjent f'Nairobi fit-2 ta' Marzu 2022 bit-titolu "Intemmu t-tniġġis mill-plastik: lejn strument internazzjonali legalment vinkolanti",

 wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-24 ta' Diċembru 2017 dwar strument internazzjonali legalment vinkolanti permezz tal-UNCLOS dwar il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika marina ta' żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali (BBNJ);

 wara li kkunsidra l-Konferenza ta' Livell Għoli tan-NU dwar l-Appoġġ għall-Implimentazzjoni tal-SDG 14 (Konferenza tan-NU dwar l-Oċeani), li saret f'Lisbona mis-27 ta' Ġunju sal-1 ta' Lulju 2022, u l-adozzjoni sussegwenti tad-Dikjarazzjoni ta' Lisbona,

 wara li kkunsidra s-seba' Konferenza ta' Livell Għoli "L-Oċeani Tagħna", ospitata b'mod konġunt mir-Repubblika ta' Palau u l-Istati Uniti fit-13 u l-14 ta' April 2022,

 wara li kkunsidra l-Konferenza tan-NU dwar il-Bijodiversità (COP15) li se ssir f'Montreal bejn il-5 u s-17 ta' Diċembru 2022,

 wara li kkunsidra l-Ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) dwar it-tmiem tas-sussidji għal sajd dannuż adottat fit-12-il Konferenza Ministerjali tad-WTO fis-17 ta' Ġunju 2022,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Bizerte adottata fil-Forum Dinji dwar il-Baħar f'Settembru 2022,

 wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 20/2022 tas-26 ta' Settembru 2022 bit-titolu "Azzjoni tal-UE għall-ġlieda kontra s-sajd illegali – Hemm sistemi ta' kontroll fis-seħħ iżda huma mdgħajfa minħabba kontrolli u sanzjonijiet mhux uniformi applikati mill-Istati Membri",

 wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Novembru 2020 bit-titolu "Strateġija tal-UE biex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta għal futur newtrali għall-klima" (COM(2020)0741),

 wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2022 dwar Strateġija Ewropea għall-enerġija rinnovabbli offshore[10],

 wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 26/2020 tas-26 ta' Novembru 2020 bit-titolu "Ambjent tal-baħar: il-protezzjoni tal-UE hija wiesgħa iżda mhux approfondita",

 wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2021 dwar l-istabbiliment ta' Żoni Marini Protetti (MPAs) fil-Baħar Antartiku u l-konservazzjoni tal-bijodiversità tal-Oċean tan-Nofsinhar[11],

 wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2021 dwar l-impatt tal-parks eoliċi fuq il-baħar u ta' sistemi oħra ta' enerġija rinnovabbli fuq is-settur tas-sajd[12],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Parlament Ewropew iddikjara emerġenza klimatika u ambjentali u impenja ruħu li jieħu b'mod urġenti l-azzjoni konkreta meħtieġa biex tiġi miġġielda u mrażżna din it-theddida qabel ma jkun tard wisq; billi t-telf tal-bijodiversità u t-tibdil fil-klima huma interkonnessi u jaggravaw lil xulxin, filwaqt li jirrappreżentaw theddid ugwali għall-ħajja fuq il-pjaneta tagħna, u bħala tali, għandhom jiġu indirizzati flimkien b'mod urġenti;

B. billi n-natura sejra għall-agħar b'rata u bi skala mingħajr preċedent fl-istorja tal-bniedem; billi huwa stmat li miljun speċi huma f'riskju ta' estinzjoni mad-dinja kollha; billi 23 % tal-ispeċijiet u 16 % tal-ħabitats biss fl-ambitu tad-direttivi tal-UE dwar in-natura għandhom status favorevoli;

C. billi l-oċeani jkopru 71 % tal-wiċċ tad-dinja, jipproduċu nofs l-ossiġnu tagħna, jassorbu terz tal-emissjonijiet tas-CO2 u 90 % tas-sħana żejda fis-sistema klimatika[13], u għandhom rwol uniku u vitali bħala regolatur tal-klima fil-kuntest tal-kriżi klimatika;

D. billi d-dinja għaddejja minn kriżi klimatika u ambjentali, li tirrikjedi rispons globali li jidentifika sfidi, sinerġiji u oqsma ta' kooperazzjoni komuni;

E. billi huwa maħsub li l-baħar fond għandu l-iktar bijodiversità rikka fid-dinja, li fiha madwar 250 000 speċi magħrufa u ħafna aktar li għad iridu jiġu skoperti, b'mill-inqas żewġ terzi tal-ispeċijiet marini għadhom mhux identifikati[14];

F. billi l-UE u l-Istati Membri tagħha jirrappreżentaw l-akbar żona marittima fid-dinja, filwaqt li jqisu ż-żoni marittimi tal-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej;

G. billi l-oċeani jikkontribwixxi wkoll għas-sigurtà tal-ikel u s-saħħa għax jipprovdu sors primarju ta' proteina għal aktar minn 3 biljun persuna, jipprovdu enerġija rinnovabbli u riżorsi minerali, u joħolqu wkoll impjiegi fil-komunitajiet kostali u jaġixxi bħala vettur tat-trasport għall-prodotti tagħna u jiffaċilitaw il-komunikazzjonijiet tagħna fuq l-internet;

H. billi l-oċeani bħalissa jinsabu taħt pressjoni intensa mill-attivitajiet tal-bniedem, inkluż is-sajd żejjed u tekniki tas-sajd detrimentali bħall-operazzjonijiet tas-sajd f'kuntatt mal-qiegħ, it-tniġġis, l-attivitajiet estrattivi industrijali u l-kriżi klimatika, li jwasslu għal ħsara irriversibbli bħat-tisħin tal-oċeani, iż-żieda fil-livelli tal-baħar, l-aċidifikazzjoni, id-deossiġenazzjoni, l-erożjoni kostali, it-tniġġis marin, l-isfruttament żejjed tal-bijodiversità marina, it-telf u d-degradazzjoni tal-ħabitats u t-tnaqqis tal-bijomassa, li għandhom ukoll konsegwenzi fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-popolazzjonijiet tal-bnedmin u tal-annimali kif ukoll fuq organiżmi oħra;

I. billi skont il-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi u l-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima, il-bijodiversità marina hija pperikolata serjament; billi l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent wissiet dwar l-istat attwali tad-degradazzjoni tal-ambjent marin Ewropew u l-ħtieġa li l-ekosistemi marini tagħna jiġu restawrati malajr billi jiġi indirizzat l-impatt tal-attivitajiet tal-bniedem fuq l-ambjent marin; billi l-hotspots marini bħall-iskollijiet tal-qroll, il-mangrovji u l-alka tal-qiegħ huma ddegradati b'mod qawwi u huma mhedda mit-tibdil fil-klima u t-tniġġis;

J. billi jekk ma jintlaħqux l-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi jkun hemm impatti ambjentali u spejjeż ekonomiċi enormi, inkluża ż-żieda fil-probabbiltà li jintlaħqu l-punti kritiċi li fihom il-livelli tat-temperatura jibdew jillimitaw il-kapaċità tan-natura li tassorbi l-karbonju fl-oċeani;

K. billi l-balieni jsaħħu l-produttività tal-ekosistemi u għandhom rwol sinifikanti fil-qbid tal-karbonju mill-atmosfera; billi kull baliena kbira taqbad medja ta' 33 tunnellata ta' CO2 tul ħajjitha; billi skont il-kalkoli tal-Fond Monetarju Internazzjonali, jekk il-balieni jitħallew jirritornaw għan-numri tagħhom ta' qabel kienu jiġu kkaċċjati, tiġi ġġenerata żieda sinifikanti fil-fitoplankton li jagħmel ġid lill-klima, li tirriżulta fil-qbid addizzjonali ta' mijiet ta' miljuni ta' tunnellati ta' CO2 fis-sena ekwivalenti daqslikieku f'daqqa jkun hemm 2 biljun siġra[15]; billi l-protezzjoni tal-balieni għandha tkun prijorità tal-governanza internazzjonali tal-oċeani;

L. billi l-oċeani għandhom jiġu rikonoxxuti fil-livell internazzjonali bħala beni komuni globali u għandhom jiġu protetti fid-dawl tal-uniċità u l-interkonnettività tagħhom u s-servizzi essenzjali tal-ekosistema li jipprovdu, li fuqhom jiddependu l-ġenerazzjonijiet attwali u futuri għas-soppravivenza u l-benessri tagħhom;

M. billi bis-saħħa tal-karatteristiċi u l-ispeċifiċitajiet ġeografiċi tagħhom, ir-reġjuni u l-gżejjer ultraperiferiċi tal-UE jgħinu lill-UE tibbenefika mid-dimensjoni ġeostrateġika, ekoloġika, ekonomika u kulturali tal-oċeani u tagħtihom responsabbiltajiet; billi r-reġjuni u l-gżejjer ultraperiferiċi huma fost l-aktar affettwati mit-tibdil fil-klima b'mod partikolari u f'termini ta' żvilupp sostenibbli, meta mqabbla mal-bqija tal-UE u l-bqija tad-dinja żviluppata;

N. billi l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent iddefiniet il-governanza tal-oċeani bħala "l-ġestjoni u l-użu tal-oċeani tad-dinja u r-riżorsi tagħhom b'modi li jżommuhom f'saħħithom, produttivi, sikuri, siguri u reżiljenti"[16];

O. billi l-ekonomija blu tal-UE tipprovdi 4.5 miljun impjieg dirett u tiġbor fiha l-industriji u s-setturi kollha relatati mal-oċeani, l-ibħra u l-kosti, bħat-tbaħħir, it-trasport tal-passiġġieri fuq il-baħar, is-sajd u l-ġenerazzjoni tal-enerġija, kif ukoll il-portijiet, it-tarzni, it-turiżmu kostali u l-akkwakultura bbażata fuq l-art; billi l-kwistjonijiet ekonomiċi relatati mal-oċeani huma element importanti tal-pakkett tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tal-pjan ta' rkupru, u billi l-iżvilupp ta' ekonomija blu sostenibbli, fir-rigward tal-ekosistemi marini, jista' jagħti spinta kbira lill-iżvilupp ekonomiku kif ukoll lill-ħolqien tal-impjiegi, speċjalment fil-pajjiżi u r-reġjuni kostali u insulari u fir-reġjuni ultraperiferiċi[17];

P. billi fis-Summit "One Ocean" li sar f'Brest fi Frar 2022, tnediet koalizzjoni globali għall-karbonju blu minn Franza u l-Kolombja u tnediet ukoll il-koalizzjoni ta' ambizzjoni għolja dwar il-BBNJ;

1. Jistieden lill-UE tkun fuq quddiem nett fil-protezzjoni tal-oċeani, fir-restawr tal-ekosistemi marini, u fis-sensibilizzazzjoni dwar ir-rwol essenzjali li għandhom l-oċeani biex il-pjaneta tinżamm abitabbli għall-bnedmin u għall-annimali u l-bosta benefiċċji li dan iġib għas-soċjetajiet tagħna; iqis li huwa importanti, f'dan il-kuntest, li ntejbu r-relazzjoni tagħna mal-oċeani; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi integrazzjoni aħjar ta' kwistjonijiet ta' konservazzjoni tal-oċeani f'oqsma oħra ta' politika, inkluż fil-konferenzi futuri dwar il-klima u l-bijodiversità, b'mod partikolari l-COP15 u l-COP27;

2. Jesprimi diżappunt għall-fatt li t-Trattat dwar l-Ibħra Internazzjonali fl-aħħar mill-aħħar ma ġiex adottat fil-Ħames Konferenza Intergovernattiva, filwaqt li jirrikonoxxi li sar progress; iqis li huwa essenzjali li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-bijodiversità lil hinn mill-ġurisdizzjonijiet nazzjonali sabiex tiġi protetta, ikkonservata u restawrata l-ħajja marina u jintużaw ir-riżorsi kondiviżi tagħna tal-oċeani b'mod ġust u sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, bħala kwistjoni ta' urġenza, biex jerġgħu jibdew in-negozjati dwar it-Trattat dwar l-Ibħra Internazzjonali mingħajr dewmien sabiex jadottaw approċċ ambizzjuż għan-negozjati dwar trattat dwar il-BBNJ li jiggarantixxi qafas internazzjonali li jkun ambizzjuż, effettiv u validu għall-futur, li huwa essenzjali biex tintlaħaq il-mira tal-konservazzjoni ta' mill-inqas 30 % tal-oċeani u l-ibħra globalment;

3. Jisħaq li l-konferenza tal-partijiet għat-trattat għandu jkollha kompetenzi sħaħ biex tadotta pjanijiet u miżuri ta' ġestjoni effettivi għall-MPAs, u huwa tabilħaqq tal-fehma li kwalunkwe tip ta' mekkaniżmu ta' esklużjoni fakultattiva jdgħajjef l-isforzi għall-protezzjoni marina; jissottolinja wkoll li t-trattat għandu jinkludi wkoll mekkaniżmu ġust u ekwu għall-aċċess u l-kondiviżjoni tal-benefiċċji tar-riżorsi ġenetiċi marini, u jipprovdi finanzjament adegwat biex jappoġġja l-funzjonijiet ewlenin tat-trattat, kif ukoll appoġġ finanzjarju, xjentifiku u tekniku għall-istati li jeħtiġuh, permezz tal-bini tal-kapaċità u t-trasferimenti tat-teknoloġija marina; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-inklużjoni tal-kunċett tal-oċeani bħala beni komuni globali fil-preambolu tad-dikjarazzjonijiet futuri u t-trattati internazzjonali, speċjalment il-BBNJ;

4. Jissottolinja li l-konferenzi futuri dwar il-klima (COP27) u l-bijodiversità (COP15) se jkunu kruċjali biex tiġi żgurata ċ-ċentralità tal-oċeani fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-kisba sħiħa tal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi u l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika; jirrikonoxxi li s-saħħa tajba tal-oċeani u l-ibħra tagħna hija kruċjali biex jinżamm ir-rwol tagħhom fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u biex jibqgħu fi ħdan l-għan tat-temperatura stabbilit mill-Ftehim ta' Pariġi; itenni t-talba tiegħu lill-UE biex tinsisti għal qafas globali ambizzjuż tal-bijodiversità għal wara l-2020 fil-COP15 b'miri biex jitwaqqaf u jitreġġa' lura t-telf tal-bijodiversità, inkluż permezz ta' miri globali legalment vinkolanti ta' restawr u protezzjoni ta' mill-inqas 30 % sal-2030;

It-titjib tal-governanza tal-oċeani tal-UE u internazzjonali

5. Iqis li l-ġlieda kontra d-degradazzjoni tal-oċeani teħtieġ sforz konġunt konsiderevoli; jitlob governanza globali, sistemika, integrata u ambizzjuża;

6. Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw moratorju internazzjonali fuq l-estrazzjoni minerarja minn fond il-baħar[18];

7. Jenfasizza l-importanza li jitqiesu r-rabtiet bejn l-art u l-baħar fil-politiki Ewropej, inkluż it-tnixxija tan-nitroġenu u tal-fosforu li tirriżulta mill-agrikoltura intensiva kif ukoll mit-tniġġis tal-plastik; jissottolinja, barra minn hekk, l-importanza li jiġi żgurat li l-Approċċ "Saħħa Waħda" jiġi integrat, filwaqt li jiġu rikonoxxuti r-rabtiet bejn is-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u dik ambjentali;

8. Itenni t-tħassib tiegħu li l-appoġġ settorjali pprovdut minn ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd sostenibbli spiss ma jkunx ta' benefiċċju dirett għas-sajd lokali u l-komunitajiet kostali f'pajjiżi terzi; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżgura li tali ftehimiet ikunu konformi mal-SDGs, l-obbligi ambjentali tal-UE u l-objettivi tal-politika komuni tas-sajd tal-UE; iħeġġeġ lill-UE żżid ir-rekwiżiti ta' trasparenza, il-ġbir tad-data (b'mod partikolari dwar il-qabdiet, ir-reġistrazzjonijiet tal-bastimenti u l-kundizzjonijiet ta' xogħol) u ta' rapportar fi ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd sostenibbli u tistabbilixxi bażi tad-data soċjoekonomika ċentralizzata tal-bastimenti kollha tal-UE, ikun fejn ikun il-post fejn joperaw;

9. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu integrati l-kunsiderazzjonijiet tad-drittijiet tax-xogħol u tal-bniedem fuq il-baħar fi ħdan il-qafas ta' governanza globali tal-oceani; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel sforzi mmirati biex tippromwovi standards ta' xogħol deċenti fl-industrija tas-sajd globali, b'rikonoxximent tal-konnessjoni bejn l-abbużi tad-drittijiet tax-xogħol u tal-bniedem u l-prattiki tas-sajd mhux sostenibbli u distruttivi, b'mod partikolari s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU);

10. Jistieden lill-Kunsill u lill-presidenzi b'rotazzjoni tiegħu jiżviluppaw u jimplimentaw viżjoni strateġika fit-tul għall-kwistjonijiet marittimi sabiex l-UE ssir mexxejja globali fl-iżvilupp sostenibbli tal-oċeani tagħna, u b'mod partikolari fil-protezzjoni tal-oċeani u l-ekosistemi tiegħu sabiex jiġu indirizzati l-kriżijiet ambjentali u klimatiċi attwali;

11. Itenni l-prinċipju tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, li għalih impenjaw ruħhom l-UE u l-Istati Membri tagħha u li għandu l-għan li jimminimizza l-kontradizzjonijiet u jibni sinerġiji bejn il-politiki differenti tal-UE; jenfasizza, f'dan ir-rigward, ir-rwol ewlieni tal-politiki ta' żvilupp tal-UE, li għandhom jgħinu lill-pajjiżi sħab jiksbu l-għanijiet komuni msemmija hawn fuq għall-oċeani u l-umanità;

12. Jenfasizza l-importanza tal-protezzjoni tal-popolazzjonijiet tal-balieni, kemm mill-perspettiva tal-bijodiversità kif ukoll minn dik klimatika; jappoġġja bil-qawwa t-tkomplija tal-moratorju globali fuq il-kaċċa kummerċjali għall-balieni kif ukoll il-projbizzjoni fuq il-kummerċ internazzjonali tal-prodotti tal-baliena; jistieden lill-Ġappun, lin-Norveġja u lill-Iżlanda jwaqqfu l-operazzjonijiet tagħhom tal-kaċċa għall-balieni; jistieden lill-UE tindirizza l-perikli li huma ta' theddida għall-ħajja li qed jiffaċċjaw il-balieni u ċetaċji oħra, inklużi ħabtiet ma' vapuri, tħabbil fix-xbieki tas-sajd, skart tal-plastik fuq l-ilma u tniġġis akustiku;

L-iżgurar tal-preservazzjoni quddiem il-kriżijiet klimatiċi u ambjentali

13. Itenni, kif ikkonfermat fl-istrateġija għall-bijodiversità, il-pożizzjoni tiegħu favur appoġġ qawwi għall-miri tal-UE li tipproteġi mill-inqas 30 % taż-żoni marini tal-UE u li tipproteġi b'mod strett mill-inqas 10 % taż-żoni marini tal-UE; jistenna li l-Liġi l-ġdida tal-UE dwar ir-Restawr tan-Natura tiżgura r-restawr tal-ekosistemi marini degradati, meta jitqies li ekosistemi marini b'saħħithom jistgħu jipproteġu u jirrestawraw il-bijodiversità u jtaffu t-tibdil fil-klima, filwaqt li jipprovdu servizzi tal-ekosistema multipli; itenni t-talba tiegħu għal mira ta' restawr ta' mill-inqas 30 % tal-art u l-ibħra tal-UE, li tmur lil hinn minn sempliċi protezzjoni;

14. Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-istabbiliment ta' żewġ MPAs ġodda li jkopru aktar minn 3 miljun km² fil-Lvant tal-Antartiku u fil-Baħar Weddell[19]; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintensifikaw b'mod sinifikanti l-isforzi tagħhom biex jiksbu dan;

15. Jappoġġja l-applikazzjoni tal-UE għal status ta' osservatur fil-Kunsill tal-Artiku; jappella għal protezzjoni msaħħa għar-reġjun tal-Artiku, inkluża projbizzjoni fuq l-esplorazzjoni taż-żejt u, malajr kemm jista' jkun, fuq l-esplorazzjoni tal-gass;

16. Itenni l-appoġġ tiegħu għall-projbizzjoni tal-attivitajiet industrijali estrattivi kollha li jagħmlu ħsara lill-ambjent bħall-estrazzjoni minerarja u l-estrazzjoni tal-fjuwils fossili f'MPAs; itenni l-appell tiegħu għall-UE biex tniedi u tiffinanzja programmi ta' riċerka xjentifika biex timmappja l-ħabitats marini b'livell għoli ta' karbonju fl-ilmijiet tal-UE biex iservu bħala bażi għad-deżinjazzjoni ta' tali żoni bħala MPAs protetti b'mod strett, sabiex jiġu protetti u restawrati l-bjar tal-karbonju marini skont l-UNFCCC, u biex jiġu protetti u restawrati l-ekosistemi, b'mod partikolari dawk f'qiegħ il-baħar, skont id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina, filwaqt li jiġu protetti minn attivitajiet tal-bniedem li jistgħu jiddisturbaw u jirrilaxxaw il-karbonju fil-kolonna tal-ilma, bħal operazzjonijiet tas-sajd b'kuntatt mal-qiegħ;

17. Jisħaq fuq il-ħtieġa kruċjali li tiġi ssimplifikata l-integrazzjoni tal-ekosistemi tal-karbonju blu kostali (mangrovji, bwar tal-melħ tal-marea u alka) fil-Patt Ekoloġiku Ewropew u jħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem aktar fuq l-identifikazzjoni ta' metodoloġiji robusti, trasparenti u bbażati fuq ix-xjenza għall-kontabbiltà xierqa tal-assorbimenti tal-karbonju u l-emissjonijiet minn dawk l-ekosistemi b'mod li ma jagħmilx ħsara lil objettivi oħra tal-bijodiversità;

18. Jenfasizza li r-reġjuni ultraperiferiċi u l-gżejjer huma essenzjali biex jiġu indirizzati l-isfidi relatati mal-oċeani u jistieden lill-UE ssaħħaħ ir-rwol tagħhom biex jinstabu soluzzjonijiet għall-adattament għat-tibdil fil-klima, il-protezzjoni tal-bijodiversità marina u t-tranżizzjoni lejn ekonomija blu sostenibbli, inkluż billi jiġu promossi soluzzjonijiet ibbażati fuq l-ekosistema; jistieden lill-UE tassoċja aħjar ir-reġjuni ultraperiferiċi fl-istrateġiji tal-oċeani, inkluż fi ħdan il-politika marittima integrata;

19. Ifakkar fl-importanza u l-urġenza li jitnaqqas u jiġi evitat l-iskart fil-baħar, peress li l-iskart tal-plastik jammonta għal 80 % tat-tniġġis kollu marin, u l-plastik fl-oċeani huwa stmat li jikkostitwixxi madwar bejn 75 u 199 miljun tunnellata u jista' jittriplika sal-2040 mingħajr azzjoni sinifikanti, skont il-Programm Ambjentali tan-NU[20]; jilqa' l-ħidma li għaddejja dwar in-negozjati lejn trattat globali dwar it-tniġġis tal-plastik u jistieden lill-Istati Membri tan-NU jilħqu ftehim ambizzjuż u effettiv sa mhux aktar tard mill-2024; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi indirizzat it-tniġġis tal-plastik billi jitnaqqas l-iskart fis-sors tiegħu, jitnaqqas l-użu u l-konsum tal-plastik bħala prijorità, u tiżdied iċ-ċirkolarità; jesprimi wkoll l-appoġġ tiegħu għal azzjonijiet ta' tindif; jindika l-ekonomija tal-plastik u ż-żieda esponenzjali tagħha fil-produzzjoni matul dawn l-aħħar deċennji; jitlob approċċ sistemiku sabiex jiġi indirizzat b'mod xieraq it-tniġġis tal-plastik fl-ambjent, inklużi l-mikroplastiċi; jappella għal miżuri internazzjonali biex jintemm l-iskart nukleari u militari fl-oċeani u għal soluzzjonijiet prattiċi biex jiġu limitati l-impatti ambjentali u fuq is-saħħa eżistenti tagħhom;

20. Jilqa' l-Ftehim tad-WTO dwar is-Sussidji tas-Sajd li ġie adottat dan l-aħħar, li l-partijiet kollha għandhom jirratifikaw malajr, iżda jiddispjaċih li ma ntlaħaqx ftehim biex jiġu limitati s-sussidji li jżidu s-sajd żejjed u l-kapaċità żejda tal-flotta; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tilħaq ftehim fid-WTO mingħajr dewmien; jissottolinja li s-sajd irid jitwettaq b'mod sostenibbli, filwaqt li jiġi żgurat li l-impatti negattivi tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistema marina jiġu minimizzati u tiġi evitata d-degradazzjoni tal-ambjent, li huwa wieħed mill-objettivi tal-politika komuni tas-sajd; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni kontra l-kapaċità żejda u s-sajd żejjed, inkluża l-projbizzjoni ta' sussidji li jikkontribwixxu għal kapaċità żejda u sajd żejjed;

21. Ifakkar li l-attivitajiet tas-sajd IUU u s-sajd eċċessiv jirrappreżentaw theddida konsiderevoli għas-sajd sostenibbli u għar-reżiljenza tal-ekosistemi marini; jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li ssegwi approċċ ta' "tolleranza żero" għas-sajd IUU, iżda jinnota bi tħassib il-konklużjoni tar-rapport speċjali Nru 20/2022 tal-Qorti tal-Awdituri li l-effikaċja tas-sistemi ta' kontroll fis-seħħ għall-ġlieda kontra s-sajd illegali hija mnaqqsa bl-applikazzjoni mhux uniformi ta' kontrolli u sanzjonijiet mill-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-implimentazzjoni tar-Regolament IUU tal-UE[21] u jsegwu r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri u jiżguraw sanzjonijiet dissważivi kontra s-sajd illegali;

22. Jinsab imħasseb, barra minn hekk, bil-każijiet ta' sajd IUU barra mill-ilmijiet tal-UE; jitlob sistema globali b'saħħitha ta' sanzjonijiet deterrenti u approċċ multidirezzjonali għall-ġlieda kontra s-sajd IUU; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi limitat l-użu tal-bnadar ta' konvenjenza u l-immarkar mill-ġdid u li jiġi indirizzat it-trażbord fuq il-baħar; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi b'mod effettiv it-trasparenza dwar is-sjieda benefiċjarja tal-istrutturi korporattivi u jistieden lill-UE, b'mod aktar wiesa', issaħħaħ il-bini tal-kapaċità kontra l-korruzzjoni billi trawwem il-kooperazzjoni bejn l-aġenziji nazzjonali, iżżid il-kooperazzjoni internazzjonali, ittejjeb is-sorveljanza tal-aġenti tas-sajd fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw b'appoġġ mill-UE, u tappoġġja ċ-ċentri u t-task forces ta' monitoraġġ, kontroll u sorveljanza reġjonali;

Il-promozzjoni ta' ekonomija blu sostenibbli

23. Jirrikonoxxi li s-saħħa tajba tal-oċeani tagħna hija essenzjali għas-sostenibbiltà fit-tul ta' ħafna attivitajiet, mis-sajd sat-turiżmu u r-riċerka sat-trasport marittimu; jilqa' l-potenzjal ta' ekonomija blu kompletament sostenibbli għall-iżvilupp sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi u jenfasizza li huwa essenzjali li dawn is-setturi jiġu appoġġjati biex isiru aktar sostenibbli u fl-adattament għall-istandards il-ġodda tal-Patt Ekoloġiku Ewropew;

24. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva dwar l-Ippjanar tal-Ispazju Marittimu, filwaqt li jqisu l-attivitajiet ekonomiċi marittimi kollha, inkluż is-sajd, l-installazzjonijiet tal-enerġija lil hinn mill-kosta, ir-rotot tat-trasport marittimu, l-iskemi ta' separazzjoni tat-traffiku, l-iżvilupp tal-portijiet, it-turiżmu u l-akkwakultura permezz ta' approċċ integrat u bbażat fuq l-ekosistema li jiżgura l-protezzjoni tal-ekosistemi marini; itenni li huma meħtieġa aktar sforzi għall-implimentazzjoni koerenti tad-direttiva, li tistieden lill-Istati Membri japplikaw "approċċ ibbażat fuq l-ekosistema" fl-ippjanar tagħhom, sabiex jagħtu eżempju għall-introduzzjoni globali tal-ippjanar spazjali marittimu;

25. Ifakkar li minbarra s-CO2 u l-NO2, id-dekarbonizzazzjoni tat-trasport marittimu għandha tinkludi l-emissjonijiet tal-metan, peress li l-metan huwa aktar minn 80 darba aktar qawwi mis-CO2 fuq perjodu ta' 20 sena, u b'hekk huwa t-tieni l-aktar gass serra importanti li jikkontribwixxi għal madwar kwart tat-tisħin globali esperjenzat illum;

26. Jirrimarka li l-karbonju iswed huwa kemm sustanza li tniġġes l-arja kif ukoll forza klimatika b'ħajja qasira li tifforma flimkien ma' materja partikolata waqt il-kombustjoni, b'effett sinifikanti ta' tisħin, u t-tieni l-akbar kontributur għat-tisħin tal-klima kkawżat mill-bastimenti; jenfasizza l-importanza tal-protezzjoni tal-Artiku, b'mod partikolari, mill-emissjonijiet tat-trasport marittimu u mill-materja partikolata, u jfakkar li f'komunikazzjoni konġunta tat-13 ta' Ottubru 2021, l-UE impenjat ruħha li tmexxi l-ispinta għal trasport marittimu b'Emissjonijiet Żero u Tniġġis Żero fl-Oċean Artiku, f'konformità mal-objettivi tagħna tal-Patt Ekoloġiku u l-pakkett Lesti għall-mira ta' 55 %[22]; jistieden lill-UE timbotta internazzjonalment u taħdem lejn l-adozzjoni ta' miżuri konkreti biex jinkiseb tbaħħir b'emissjonijiet żero u bi tniġġis żero fl-Artiku;

27. Jesprimi tħassib dwar l-istorbju ta' taħt il-baħar ikkawżat mit-trasport marittimu, it-twaħħil ta' puntali u attivitajiet oħra marini, kif ukoll dwar kolliżjonijiet ta' ċetaċji mal-vapuri, li għandhom impatt negattiv fuq l-ekosistemi marini u l-benessri tal-ispeċijiet marini; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika u tipproponi miżuri biex tindirizza dawn il-problemi;

28. Jenfasizza li l-oċeani huma vulnerabbli għal tħaffir lil hinn mill-kosta għal fjuwils fossili; jenfasizza li l-użu tal-fjuwils fossili se jkompli jikkontribwixxi għat-tibdil fil-klima u jaċċellerah; huwa tal-fehma li l-UE jeħtiġilha tikkoopera mas-sħab internazzjonali sabiex tikseb tranżizzjoni ġusta lil hinn mit-tħaffir lil hinn mill-kosta għal fjuwils fossili;

29. Itenni l-pożizzjonijiet tiegħu dwar ir-Regolament dwar il-Monitoraġġ, ir-Rappurtar u l-Verifika (MRV)[23] u d-Direttiva dwar is-Sistema għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet[24] għall-istabbiliment ta' Fond għall-Oċeani biex tittejjeb l-effiċjenza enerġetika tal-bastimenti u jiġi appoġġjat l-investiment immirat biex jgħin fid-dekarbonizzazzjoni tat-trasport marittimu, bħall-propulsjoni mir-riħ, inkluż fit-trasport marittimu fuq distanzi qosra u fil-portijiet;

30. Jisħaq fuq il-ħtieġa tal-użu rapidu ta' proġetti sostenibbli tal-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta, filwaqt li jitqies l-impatt tagħhom fuq l-ekosistemi inklużi l-ispeċijiet migratorji u l-konsegwenzi ambjentali, soċjali u ekonomiċi; jisħaq li l-bini ta' suq intern b'saħħtu għall-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta jkun ta' benefiċċju għall-Ewropa sabiex din tkompli tespandi t-tmexxija teknoloġika tagħha f'dan il-qasam u b'hekk toħloq opportunitajiet ta' esportazzjoni globali ġodda għall-industrija Ewropea;

31. Jenfasizza li l-UE għandha tmexxi bl-eżempju billi tadotta rekwiżiti legali ambizzjużi għad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport marittimu u tagħmlu aktar sostenibbli, filwaqt li tappoġġja u tippromwovi miżuri li huma mill-inqas komparabbli fl-ambizzjoni f'fora internazzjonali bħall-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, li jippermettu lis-settur tat-trasport marittimu jelimina gradwalment l-emissjonijiet ta' gassijiet serra tiegħu globalment u f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi; jenfasizza li, f'każ li l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali tadotta tali miżuri, il-Kummissjoni għandha teżamina l-ambizzjoni u l-integrità ambjentali ġenerali tagħhom, inkluża l-ambizzjoni ġenerali tagħhom fir-rigward tal-miri skont il-Ftehim ta' Pariġi, il-mira tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra fl-ekonomija kollha għall-2030 u l-kisba tan-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050; iqis li, jekk jitqies meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tagħmel proposti sussegwenti lill-Parlament u lill-Kunsill li jippreservaw l-integrità ambjentali u l-effikaċja tal-azzjoni klimatika tal-UE u jirrikonoxxu s-sovranità tal-UE li tirregola s-sehem tagħha ta' emissjonijiet minn vjaġġi marittimi internazzjonali f'konformità mal-obbligi tal-Ftehim ta' Pariġi;

32. Jilqa' r-rwol tal-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (RFMOs); iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fl-ambitu tan-negozjati għal konvenzjoni dwar l-RFMOs, tiżgura li l-miżuri approvati ta' ġestjoni u konservazzjoni jkunu konformi mal-ambizzjonijiet ta' dawk stabbiliti fil-politika komuni tas-sajd, jew aktar ambizzjużi minnhom, li jagħtu regoli armonizzati lill-flotta tal-UE irrispettivament miż-żona ġeografika li fiha joperaw u jipprovdu kundizzjonijiet ekwi għall-flotot kollha li joperaw skont dawn il-konvenzjonijiet internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-ħolqien ta' RFMOs ġodda u tressaq mandati ambizzjużi biex ittejjeb il-protezzjoni tal-popolazzjonijiet tal-ħut u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd, tnaqqas il-qbid skartat u ttejjeb id-data disponibbli, il-konformità u t-trasparenza tat-teħid tad-deċiżjonijiet; jinkoraġġixxi użu usa' tal-qabdiet totali permissibbli u tal-mekkaniżmi tal-kwoti, b'mod partikolari fin-negozjati għal konvenzjoni dwar l-RFMOs u fi ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd sostenibbli, sabiex tiġi żgurata l-preservazzjoni globali effettiva tar-riżorsi tas-sajd;

33. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jitqiesu bis-sħiħ il-ħtiġijiet soċjali marbuta mat-tranżizzjoni ta' ekonomija blu sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw it-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol eżistenti kif ukoll jattiraw persuni ġodda fil-forza tax-xogħol bis-settijiet ta' ħiliet meħtieġa għal prattiki ekonomiċi sostenibbli;

34. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq u tibni fuq analiżijiet soċjoekonomiċi eżistenti dwar l-isfidi ffaċċjati mill-komunitajiet tas-sajd fl-UE, bil-ħsieb li jiġu identifikati miżuri ta' appoġġ xierqa u diversifikazzjoni biex tiġi garantita tranżizzjoni ġusta u ekwa;

Is-sensibilizzazzjoni, il-promozzjoni tar-riċerka u l-għarfien

35. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu appoġġjati r-riċerka u l-innovazzjoni dwar l-adattament għall-klima tal-oċeani u l-enerġiji rinnovabbli marini biex l-UE ssir promotur ta' bastimenti, bastimenti tas-sajd u portijiet ekoloġiċi; jisħaq li għandu jiġi pprovdut finanzjament għall-ekosistemi u l-bijodiversità tal-baħar fond; jitlob li tittieħed azzjoni b'saħħitha biex jiġu indirizzati t-tniġġis ikkawżat mill-bastimenti u r-rimi illegali tal-iskart; jistieden lill-UE jkollha rwol ewlieni fl-istabbiliment ta' kurituri ekoloġiċi u konnessjonijiet bejn portijiet ekoloġiċi madwar id-dinja biex issaħħaħ u żżid it-tranżizzjoni ekoloġika fis-settur marittimu; jitlob li tittieħed azzjoni b'saħħitha biex jiġu indirizzati t-tniġġis ikkawżat mill-bastimenti u r-rimi illegali tal-iskart;

36. Iqis li l-iżvilupp u l-produzzjoni ta' fjuwils marini sostenibbli għandhom jiżdiedu b'mod esponenzjali fis-snin li ġejjin, u li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jinvestu fir-riċerka u l-produzzjoni ta' fjuwils marittimi sostenibbli, peress li dawn jippreżentaw opportunità kemm ambjentali kif ukoll industrijali; jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-possibbiltà li jinħoloq ċentru ta' riċerka tal-UE għal fjuwils u teknoloġiji marini sostenibbli li jgħin biex jiġu kkoordinati l-isforzi tal-partijiet ikkonċernati involuti fl-iżvilupp ta' fjuwils marini sostenibbli;

37. Jesprimi l-appoġġ tiegħu għad-Deċennju tax-Xjenza tal-Oċeani għall-Iżvilupp Sostenibbli u għall-"Mission Starfish 2030: Restore our Ocean and Waters" (Missjoni Stilla tal-Baħar 2030: ir-Restawr tal-Oċean u l-Ilmijiet Tagħna), li għandha l-għan li taċċellera l-għarfien u l-ġbir tad-data u r-riġenerazzjoni tal-oċeani u li tippromwovi l-viżjoni ċiklika tar-riġenerazzjoni tal-oċean, l-ibħra u x-xmajjar permezz ta' proġetti pilota konkreti u reġjonali;

38. Jirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġu involuti l-komunitajiet xjentifiċi biex jikkoordinaw l-isforzi għal futur sostenibbli tal-oċeani li jiffaċilita modi ġodda ta' produzzjoni u kondiviżjoni tal-għarfien; jistieden lill-UE, għalhekk, tippromwovi l-ħolqien ta' Panel Internazzjonali għas-Sostenibbiltà tal-Oċeani bbażat fuq il-mudell tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima sabiex jiġu stabbiliti l-pedamenti għall-governanza u l-ġestjoni futuri tal-oċeani;

39. Jappoġġja l-isforzi tal-Koalizzjoni intergovernattiva ta' Ambizzjoni Għolja għan-Natura u n-Nies taħt it-tmexxija tal-Costa Rica, Franza u r-Renju Unit; jilqa' s-sħubija tal-Kummissjoni f'din il-koalizzjoni; ifakkar fl-impenn tal-UE li tikseb il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-oċeani u tar-riżorsi marini, kif identifikat fl-SDG 14 tal-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli;

°

° °

40. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

 

 

 

Aġġornata l-aħħar: 5 ta' Ottubru 2022
Avviż legali - Politika tal-privatezza