MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-mewt ta' Mahsa Amini u r-repressjoni tad-dimostranti favur id-drittijiet tan-nisa fl-Iran
4.10.2022 - (2022/2849(RSP))
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Raffaele Fitto, Anna Fotyga, Charlie Weimers, Assita Kanko, Bogdan Rzońca, Adam Bielan, Dominik Tarczyński, Valdemar Tomaševski, Elżbieta Rafalska, Ryszard Czarnecki, Veronika Vrecionová, Jadwiga Wiśniewska, Witold Jan Waszczykowski, Carlo Fidanza, Patryk Jaki, Beata Mazurek, Ladislav Ilčić, Nicola Procaccini, Alexandr Vondra
f'isem il-Grupp ECR
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0434/2022
B9‑0455/2022
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-mewt ta' Mahsa Amini u r-repressjoni tad-dimostranti favur id-drittijiet tan-nisa fl-Iran
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iran, b'mod partikolari dik tas-17 ta' Frar 2022 dwar il-piena tal-mewt fl-Iran[1], dik tat-8 ta' Lulju 2021 dwar il-każ ta' Ahmadreza Djalali fl-Iran[2], dik tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar l-Iran, b'mod partikolari l-każ ta' Nasrin Sotoudeh, ir-rebbieħa tal-Premju Sakharov 2012[3], dik tad-19 ta' Settembru 2019 dwar l-Iran, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tan-nisa u ċ-ċittadini tal-UE b'ċittadinanza doppja miżmuma priġunieri[4] u dik tad-19 ta' Diċembru 2019 dwar it-trażżin vjolenti tal-protesti reċenti fl-Iran[5],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-19 ta' Settembru 2022 mill-kelliem tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar il-mewt ta' Mahsa Amini,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-22 ta' Settembru 2022 tal-esperti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-mewt ta' Mahsa Amini,
– wara li kkunsidra r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/584 tat-12 ta' April 2021 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 359/2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran[6] u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/585 tat-12 ta' April 2021 li timplimenta d-Deċiżjoni 2011/235/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran[7],
– wara li kkunsidra r-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem (l-Att Magnitsky tal-UE) tas-7 ta' Diċembru 2020,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra tal-1984,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi Mahsa Amini, mara Kurda-Iranjana ta' 22 sena, magħrufa wkoll bl-isem Kurd tagħha Jhina, ġiet arrestata fit-13 ta' Settembru talli allegatament kienet liebsa l-ħiġab "b'mod mhux xieraq"; billi hija sfat imsawta waqt li kienet taħt kustodja u mietet b'riżultat ta' dan tlett ijiem wara, fis-16 ta' Settembru 2022; billi l-awtoritajiet Iranjani sostnew li l-mewt tagħha kienet minħabba kawżi naturali; billi ma saritx investigazzjoni xierqa; billi t-tobba ma ħallewx lil missier il-vittma jara ġisimha u lanqas ir-rapport tal-awtopsja;
B. billi eluf ta' Iranjani niżlu fit-toroq biex jipprotestaw għall-mewt ta' Mahsa Amini f'aktar minn 120 belt f'aktar minn 30 provinċja madwar il-pajjiż, inkluż f'Tehran, Isfahan, Karaj, Mashhad, Rasht, Saqqes u Sanandai; billi l-mexxejja u l-awtoritajiet Iranjani wissew li se jaġixxu b'mod aħrax u deċiżiv kontra dawk li jieħdu sehem fil-protesti; billi l-forzi tas-sigurtà rreaġixxew b'mod eċċessiv u sproporzjonat, u użaw munizzjon attiv, pistoli tal-pellets u gass tad-dmugħ kontra d-dimostranti;
C. billi l-protesti komplew minkejja repressjoni brutali mill-awtoritajiet Iranjani, li tinkludi l-għeluq tal-internet u r-restrizzjoni severa tal-pjattaformi tal-media soċjali Instagram, Whatsapp u LinkedIn; billi mill-inqas 133 persuna nqatlu, inklużi tfal, u aktar minn 1 200 ġew arrestati, inklużi attivisti politiċi, ġurnalisti, atleti u persuni ċelebri;
D. billi matul il-protesti ħafna nisa neħħew il-ħiġab tagħhom jew qatgħu xagħarhom bi protesta kontra l-mewt ta' Mahsa Amini; billi fl-1983 ġie impost l-obbligu li jintlibes il-velu fl-Iran; billi minn dakinhar 'l hawn in-nisa ġew iffastidjati, arrestati, miżmuma l-ħabs, ittorturati, imsawta u maqtula;
E. billi l-protesti għaqqdu wkoll sfondi reliġjużi u etniċi differenti u huma mmexxija minn ħafna attivisti studenti u ħafna nisa u rġiel edukati, urbani u tal-klassi medja fl-età bejn l-għoxrin u t-tletin sena li esprimew appoġġ għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tan-nisa; billi l-protesti u l-istrajks f'aktar minn 100 università nbidlu f'dimostrazzjonijiet fit-toroq madwar il-pajjiż, hekk kif l-istudenti telqu mill-kampusijiet u ngħaqdu mal-protesti;
F. billi fit-30 ta' Settembru 2022, il-Ministeru Iranjan tal-Intelligence u s-Sigurtà (MOIS) iddikjara li fil-jiem ta' qabel kien arresta disa' persuni barranin, inklużi ċittadini Ġermaniżi, Pollakki, Franċiżi, Taljani, Netherlandiżi u Żvediżi għall-involviment allegat tagħhom fil-protesti; billi l-MOIS iddikjara li kien qed isegwi mill-qrib l-ambaxxati barranin li l-aġenti tagħhom allegatament kienu involuti fil-protesti reċenti u wissa lid-diplomatiċi Ġermaniżi, Franċiżi, Brittaniċi u Żvediżi, fost oħrajn; billi ċ-ċittadini b'ċittadinanza doppja Ewropea-Iranjana għadhom jiġu arrestati, jiġu soġġetti għal proċessi inġusti, jitqiegħdu f'iżolament u jiġu kkundannati abbażi ta' akkużi foloz u vagi ta' spjunaġġ;
G. billi l-MOIS iddikjara fit-30 ta' Settembru 2022, li kien arresta 49 membru tal-Organizzazzjoni tal-Mojahedin tal-Poplu fl-Iran li huwa akkuża b'terroriżmu organizzat u vandaliżmu, u li ffabbrikaw aħbarijiet foloz biex jinċitaw irvellijiet: billi ddikjara wkoll li kien arresta 77 aġent ta' gruppi dissidenti Kurdi, tliet mexxejja tal-fidi Baha'i, tnejn mill-allegati aġenti tal-media tagħhom u 92 sostenitur tal-monarkija preċedenti ta' Pahlavi;
H. billi l-protesti fl-Iran wasslu għal żieda fis-sorveljanza u l-intimidazzjoni mis-servizzi tal-intelligence Iranjani kontra d-dijaspora Iranjana fl-Istati Membri kollha bi ksur ċar tad-drittijiet ċivili taċ-ċittadini Ewropej;
I. billi l-qrati Iranjani, u b'mod partikolari l-qrati rivoluzzjonarji, regolarment jonqsu milli jipprovdu proċessi ġusti u jaċċettaw konfessjonijiet miksuba bit-tortura bħala evidenza fil-qorti; billi l-awtoritajiet jirrestrinġu wkoll regolarment l-aċċess tad-detenuti għal avukat, b'mod partikolari matul il-perjodu ta' investigazzjoni;
J. billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran qed tiddeterjora dejjem aktar, u l-esperti tan-NU esprimew allarm dwar iż-żieda fil-persekuzzjoni tar-reliġjon u tat-twemmin fuq il-post; billi l-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC) huwa inkluż fil-lista ta' sanzjonijiet tal-UE u tal-Istati Uniti għall-involviment tiegħu fi ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem;
K. billi, skont rapporti, kull sena bejn 400 u 500 mara fl-Iran jisfaw brutalment vittmi tal-"qtil tal-unur"; billi skont il-Kodiċi Penali Iranjan, f'ċerti ċirkostanzi l-"qtil tal-unur" huwa permess mingħajr penali; billi sikwit ma ssir l-ebda ġustizzja man-nisa u l-irġiel li kontrihom ikunu twettqu reati f'isem l-"unur";
L. billi l-persekuzzjoni reliġjuża għadha għaddejja fl-Iran, inklużi arresti arbitrarji u għajbien furzat ta' membri ta' minoranzi reliġjużi; billi madwar 500 000 Nisrani fl-Iran isofru diskriminazzjoni mifruxa għalkemm jikkostitwixxu anqas minn 1 % tal-popolazzjoni Iranjana; billi l-Insara prattikanti u dawk li jikkonvertu mill-Iżlam għall-Kristjaneżmu jew kwalunkwe fidi oħra jirriskjaw il-persekuzzjoni; billi minoranzi reliġjużi oħra bħall-Baha'i jew is-Sufi Yarsanis huma ppersegwitati wkoll; billi li wieħed ikun Musulman huwa rekwiżit għall-biċċa l-kbira tal-impjiegi mal-gvern;
M. billi Ebrahim Raisi, li ġie elett bħala l-President tal-Iran f'Ġunju 2021 u jinsab fil-lista tas-sanzjonijiet tal-Istati Uniti, qabel kien serva bħala kap tal-ġudikatura Iranjana, minkejja li kellu rekord dokumentat sew ta' ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem; billi r-rebħa ta' Ebrahim Raisi tfasslet mill-istituzzjonijiet tar-Repubblika Iżlamika f'elezzjonijiet li ma kinux kompletament ħielsa jew ġusti; billi l-Kunsill tal-Gwardjani approva biss seba' kandidati biex joħorġu għall-presidenza mill-592 kandidatura li rċieva; billi ħadd mill-kandidati ma kien mara, oriġinarju ta' grupp ta' minoranza jew kellu fehmiet opposti għal dawk tar-reġim;
N. billi matul il-mandat ta' Ebrahim Raisi bħala kap tal-ġudikatura Iranjana mill-bidu tal-2019, mill-inqas tliet priġunieri politiċi ġew iġġustizzjati, bosta nqatlu fil-ħabs jew mietu minħabba nuqqas ta' attenzjoni medika u ħafna f'Tehran u Shiraz ingħataw sentenzi tal-mewt; billi ġew irrappurtati diversi każijiet ta' tortura ta' priġunieri politiċi u ta' dawk detenuti matul il-protesti; billi Ebrahim Raisi serva wkoll bħala membru ta' "bord tal-mewt" li wettaq eżekuzzjonijiet sommarji ta' sa 5 000 priġunier politiku fl-1988;
O. billi Dr Ahmadreza Djalali, ċittadin Svediż-Iranjan ġie arrestat f'Ottubru 2017 wara li żar l-Iran biex jattendi workshops dwar il-mediċina għad-diżastri; billi Dr Djalali ġie kkundannat għall-mewt fl-Iran fuq akkużi foloz ta' spjunaġġ u qed jiffaċċja eżekuzzjoni imminenti; billi huwa kien soġġett għal pressjoni enormi u għamel konfessjonijiet foloz taħt tortura; billi problemi mediċi waqqfuh milli jiekol kif suppost, u dan irriżulta f'telf drammatiku tal-piż; billi d-detenzjoni tiegħu ntużat bħala lieva mill-Iran fin-negozjati tiegħu mal-komunità internazzjonali u mal-awtoritajiet Belġjani;
P. billi fit-12 ta' Diċembru 2020, il-ġurnalist Ruhollah Zam inqatel fl-Iran; billi huwa kien qed jgħix f'eżilju fi Franza, ġie mħajjar imur l-Iraq u ġie estradit illegalment lejn l-Iran biex jiġi ġġustizzjat;
Q. billi fit-12 ta' Settembru 2020, l-awtoritajiet Iranjani qatlu lill-wrestler Navid Afkari wara li akkużawh b'akkużi li huwa ċaħad kompletament; billi ħutu, Vahid u Habib, għadhom il-ħabs u ngħataw sentenzi twal; billi fit-23 ta' Awwissu 2022 ġie rrappurtat li Vahid Afkari kien ġie mhedded bis-sentenza tal-mewt;
R. billi fis-27 ta' Settembru 2022 ġie rrappurtat li l-grupp hacktivist Anonymous kien kiseb dokumenti mill-Bank Nazzjonali tal-Iran li wrew li r-Repubblika Iżlamika kienet ħaslet somom kbar ta' flus permezz ta' individwi korrotti fl-Ewropa;
S. billi fit-28 ta' Settembru 2022, il-militar Iranjan spara kważi mitt missila u nieda droni suwiċida kontra bażijiet militari li jappartjenu lill-Partit Demokratiku Kurd fl-Iran, fil-Kurdistan Iraqi, u qatlu 13-il persuna u darbu 58 ruħ;
T. billi d-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti ddikjara li l-Iran baqa' l-akbar promotur statali tat-terroriżmu fid-dinja f'dawn l-aħħar snin, u ta appoġġ politiku, finanzjarju, operattiv u loġistiku lil diversi gruppi li huma mniżżla kemm fil-lista tat-terroristi tal-UE kif ukoll fil-lista tal-Istati Uniti ta' organizzazzjonijiet terroristiċi barranin;
U. billi fit-22 ta' Settembru 2022 id-Dipartiment tal-Istati Uniti tal-Uffiċċju tal-Kontroll Barrani tat-Teżor (OFAC) iddeżinja lill-Pulizija tal-Moralità tal-Iran għall-abbuż u l-vjolenza kontra n-nisa Iranjani u l-ksur tad-drittijiet tad-dimostranti paċifiċi Iranjani; billi l-OFAC tal-Istati Uniti għandu fil-mira wkoll lill-MOIS, lill-forzi tal-art tal-armata, lill-forzi ta' reżistenza ta' Basij u lis-servizzi tal-infurzar tal-liġi; billi din id-deċiżjoni ttieħdet skont l-Ordni Eżekuttiva 13553, li timponi sanzjonijiet fuq ċerti persuni fir-rigward ta' abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem mill-Gvern tal-Iran;
V. billi fis-26 ta' Settembru 2022, Starlink ta' Elon Musk attivat is-servizz broadband bis-satelliti tagħha fl-Iran wara li l-Istati Uniti ppermettew lill-kumpaniji privati joffru aċċess għall-internet mingħajr ċensura lill-pajjiż matul il-protesti attwali; billi l-aċċess miftuħ għall-internet isegwi l-attivazzjoni ta' Starlink fl-Ukrajna wara l-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna; billi l-Iran ipprovda lir-Russja droni biex jintużaw fil-gwerra tagħha kontra l-Ukrajna f'dik li kienet irrappurtata bħala quid pro quo għax-xiri ta' ajruplani ġellieda militari avvanzati Russi Sukhoi-35 (Su-35) biex l-Iran jaġġorna l-qawwa tal-ajru militari li qed tixjieħ tiegħu stess;
W. billi fis-7 ta' Diċembru 2020, il-Kunsill adotta Regolament li jistabbilixxi r-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem; billi l-miżuri restrittivi għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran ġew adottati għall-ewwel darba fit-12 ta' April 2011, u ġew estiżi kull sena;
X. billi n-negozjati dwar it-tiġdid tal-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt għadhom għaddejjin u allegatament ma hu mistenni l-ebda ftehim qabel l-elezzjonijiet ta' nofs it-terminu tal-Istati Uniti; billi għadhom għaddejjin taħditiet dwar is-salvagwardji li tnedew mill-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) wara li sabet traċċi ta' uranju fi tliet siti mhux iddikjarati fl-Iran;
Y. billi l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna rriżultat fl-approfondiment tar-relazzjonijiet ta' Tehran ma' Moska; billi f'dan il-kuntest, kien hemm rapporti ta' skema possibbli sabiex ir-Russja tevita s-sanzjonijiet kontriha permezz ta' skema ta' "tpartit" li biha Tehran jirċievi żejt Russu talli l-Iran ibigħ iż-żejt Russu lill-klijenti tar-Russja, u ta' sforzi konġunti oħrajn biex tevadi s-sanzjonijiet internazzjonali;
1. Jiddeplora l-mewt ta' Mahsa Amini u jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-familja u lill-ħbieb tagħha; jitlob li ssir investigazzjoni fil-pront, imparzjali u effettiva dwar il-mewt tagħha minn awtorità kompetenti indipendenti f'kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet internazzjonali;
2. Jesprimi appoġġ lin-nisa Iranjani żgħażagħ li qed imexxu u jipparteċipaw fil-protesti minkejja d-diffikultajiet u r-riperkussjonijiet personali li qed jiffaċċjaw; jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza u d-diskriminazzjoni kontra n-nisa fl-Iran u jiddeplora l-fatt li n-nisa huma obbligati jilbsu velu kontra r-rieda tagħhom taħt it-theddida ta' rappreżalji vjolenti jew saħansitra l-mewt; jitlob li jintemmu l-liġijiet diskriminatorji u r-rekwiżiti tal-ilbies għan-nisa fl-Iran, inkluż l-obbligu tal-ħiġab;
3. Jikkundanna bil-qawwa r-ripressjoni vjolenti mill-awtoritajiet Iranjani kontra d-dimostranti; jiddispjaċih li dawn wasslu biex intilfu l-ħajjiet u li waqt il-protesti xi nies indarbu, u jestendi l-kondoljanzi tiegħu lill-vittmi u lill-familji tagħhom; jistieden lill-awtoritajiet Iranjani joqogħdu lura milli jużaw forza sproporzjonata kontra dimostranti paċifiċi u jenfasizza li l-allegazzjonijiet serji kollha ta' vjolenza kontra d-dimostranti jridu jiġu investigati bir-reqqa u b'mod indipendenti;
4. Jitlob il-ħelsien tad-dimostranti kollha arrestati, kif ukoll tal-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti u priġunieri oħra tal-kuxjenza fl-Iran detenuti illegalment u jitlob li l-akkużi kollha kontrihom jitwaqqgħu; itenni l-appoġġ tiegħu għall-aspirazzjonijiet tal-poplu Iranjan li jixtieq jgħix f'pajjiż liberu, inklużiv u demokratiku li jirrispetta l-impenji nazzjonali u internazzjonali tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;
5. Jesprimi tħassib serju dwar l-arresti rrappurtati ta' disa' ċittadini Ewropej fl-Iran, inklużi ċittadini Ġermaniżi, Pollakki, Franċiżi, Taljani, Netherlandiżi u Żvediżi u dwar it-theddid pubbliku mill-MOIS kontra l-ambaxxati Ġermaniżi, Franċiżi, Brittaniċi u Żvediżi, fost l-oħrajn; jitlob il-ħelsien immedjat ta' dawn iċ-ċittadini Ewropej u t-tneħħija tal-akkużi kollha kontrihom;
6. Jistieden lill-VP/RGħ Josep Borrell u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jiddenunzjaw pubblikament ir-repressjoni kontra n-nisa, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll kontra l-minoranzi fl-Iran u biex jitlob il-ħelsien taċ-ċittadini Ewropej arrestati u tad-dimostranti paċifiċi Iranjani; ifakkar li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem huwa komponent ewlieni għall-iżvilupp tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Iran u jistieden lill-VP/RGħ Borrell jenfasizza li kwalunkwe titjib fir-relazzjonijiet ekonomiċi mal-Iran jiddependi mit-tmiem tal-abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem mill-Iran;
7. Jikkundanna t-tfixkil u ċ-ċensura tal-internet mill-awtoritajiet Iranjani bħala parti mir-repressjoni tagħhom kontra l-protesti; jilqa' l-attivazzjoni ta' Starlink fl-Iran u d-deċiżjoni tal-Istati Uniti li jippermettu lill-kumpaniji privati joffru aċċess għall-internet mingħajr ċensura lill-pajjiż matul il-protesti attwali; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-kumpaniji Ewropej jieħdu passi simili biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-internet fl-Iran;
8. Itenni l-kundanna bil-qawwa tiegħu għad-deterjorament kontinwu tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran għall-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi reliġjużi u etniċi, minħabba diskriminazzjoni politika, ekonomika, soċjali u kulturali sistematika;
9. Jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jeliminaw il-forom kollha ta' diskriminazzjoni kontra persuni li jappartjenu għal minoranzi, kemm jekk rikonoxxuti uffiċjalment kif ukoll jekk le, u jirrispettaw id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-minoranzi etniċi u reliġjużi inkluża l-libertà tal-kuxjenza u jeżerċitaw id-drittijiet sħaħ tagħhom fuq bażi ugwali maċ-ċittadini kollha;
10. Jikkundanna bil-qawwa l-użu dejjem akbar tal-piena tal-mewt mill-awtoritajiet Iranjani f'dawn l-aħħar snin; jiddeplora l-eskalazzjoni allarmanti fl-użu tal-piena tal-mewt kontra dimostranti, dissidenti u membri ta' gruppi ta' minoranza permezz tal-abbuż mill-Iran tas-sistema tal-ġustizzja kriminali biex joħnoq l-attivitajiet paċifiċi li jippromwovu u jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jieqfu immedjatament milli japplikaw il-piena tal-mewt u jimxu lejn l-abolizzjoni tagħha;
11. Jesprimi tħassib serju dwar is-sitwazzjoni ta' Ahmadreza Djalali, Vahid Afkari u l-persuni l-oħrajn kollha li jinsabu l-ħabs illegalment fl-Iran; itenni t-talba tiegħu biex dawn jinħelsu mingħajr kundizzjonijiet u biex l-akkużi kollha kontrihom jitneħħew; jitlob li l-awtoritajiet Iranjani jiżguraw li d-drittijiet tal-priġunieri u ta' dawk arrestati jkunu mħarsa f'kull mument, inkluża l-kapaċità tagħhom li jirċievu kura medika adegwata u aċċess sħiħ għall-familji tagħhom u għall-avukati tal-għażla tagħhom stess; itenni s-sejħeit tiegħu lill-Iran biex jilqa' t-talbiet għal żjarat minn rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet internazzjonali; jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jieqfu jheddu l-familja ta' Ahmadreza Djalali fl-Iran u fl-Iżvezja;
12. Jikkundanna bil-qawwa l-attakk mhux provokat tal-IRGC fil-Governorat ta' Erbil tal-Iraq u jenfasizza li attakki indiskriminati bħal dawn jheddu lil persuni ċivili innoċenti u lill-istabbiltà tar-reġjun; jenfasizza r-rwol destabbilizzanti tar-reġim Iranjan fir-reġjun kollu u jiddenunzja l-fatt li r-reġim huwa responsabbli għall-mewt ta' mijiet ta' eluf ta' ċivili fl-Iran, is-Sirja, il-Jemen u l-Iraq; jikkundanna bil-qawwa l-kooperazzjoni tal-Iran mar-Russja u l-fatt li qed jitma l-gwerra Russa kontra l-Ukrajna;
13. Jesprimi d-diżappunt u t-tħassib serju tiegħu li l-Kummissjoni setgħet iffinanzjat jew ikkofinanzjat kampanji ta' trivjalizzazzjoni tal-ilbies tal-velu Iżlamiku, inkluża l-kampanja tal-Kunsill tal-Ewropa kofinanzjata mill-Kummissjoni li ddikjarat li "is-sbuħija hija fid-diversità bħalma l-libertà hija f'ħiġab"; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE ma jiffinanzjaw l-ebda kampanja futura li tista' tippromwovi l-ħiġab Iżlamiku jew li tista' tagħmel pressjoni ta' kwalunkwe tip fuq in-nisa u l-bniet Musulmani b'tali mod li jħossuhom obbligati jilbsuh;
14. Jilqa' l-adozzjoni mill-Kunsill tar-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem (l-Att Magnitsky tal-UE) bħala strument importanti għall-UE biex tissanzjona lil dawk li jiksru d-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kunsill jimponi sanzjonijiet b'reazzjoni għall-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi atti ta' repressjoni, il-monitoraġġ tat-telekomunikazzjoni u l-ksur kollu kontra ċ-ċivili Iranjani;
15. Jistieden lill-Kunsill iħejji miżuri mmirati kontra l-Pulizija tal-Moralità tal-Iran, li l-uffiċjali tagħha kienu involuti fil-mewt ta' Mahsa Amini, u li wettqu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem kontra d-dimostranti, kienu responsabbli għall-eżekuzzjonijiet u d-detenzjonijiet arbitrarji ta' ċittadini barranin u b'ċittadinanza doppja fl-Iran, u kontra mħallfin li kkundannaw lill-ġurnalisti, lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, lid-dissidenti politiċi u lill-attivisti, għall-mewt; jitlob li l-ambaxxaturi tal-Istati Membri għall-Iran jissejħu lura; itenni li s-sanzjonijiet kontra t-tmexxija tal-IRGC m'għandhomx jitneħħew;
16. Jistieden lill-VP/RGħ jissospendi n-negozjati kollha dwar il-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt fid-dawl tas-sejbiet tal-investigazzjoni tal-IAEA u l-imġiba ostili ta' Tehran fir-reġjun u globalment;
17. Jitlob li ssir investigazzjoni indipendenti dwar ir-rwol ta' Ebrahim Raisi fid-delitti kontra l-umanità fil-forma ta' qtil, għajbien sfurzat u tortura;
18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Mexxej Suprem tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, lill-President tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, lill-Membri tal-Majlis Iranjan u lill-familja ta' Mahsa Amini.