MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-Istat tad-Dritt f'Malta, ħames snin wara l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia
14.10.2022 - (2022/2866(RSP))
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura
David Casa
f'isem il-Grupp PPE
Thijs Reuten, Birgit Sippel, Juan Fernando López Aguilar, Sylvie Guillaume
f'isem il-Grupp S&D
Sophia in ’t Veld, Anna Júlia Donáth, Moritz Körner, Michal Šimečka, Ramona Strugariu, Dragoş Tudorache, Hilde Vautmans
f'isem il-Grupp Renew
Gwendoline Delbos‑Corfield
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Patryk Jaki, Adam Bielan, Ryszard Czarnecki, Eugen Jurzyca, Assita Kanko, Beata Kempa, Elżbieta Rafalska, Bogdan Rzońca, Dominik Tarczyński, Valdemar Tomaševski, Alexandr Vondra, Witold Jan Waszczykowski, Jadwiga Wiśniewska, Carlo Fidanza, Joachim Stanisław Brudziński, Vincenzo Sofo
f'isem il-Grupp ECR
Konstantinos Arvanitis
f'isem il-Grupp The Left
B9‑0470/2022
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Istat tad-Dritt f'Malta, ħames snin wara l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 4, 5, 6, 7, 9 u 10 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 20 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 6, 7, 8, 10, 11, 12 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-15 ta' Novembru 2017[1], tat-28 ta' Marzu 2019[2], tas-16 ta' Diċembru 2019[3] u tad-29 ta' April 2021[4] dwar l-istat tad-dritt f'Malta,
– wara li kkunsidra s-seduti ta' smigħ, l-iskambji ta' fehmiet u ż-żjarat ta' delegazzjoni li saru mill-Grupp ta' Monitoraġġ tad-Demokrazija, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet Fundamentali tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern mill-15 ta' Novembru 2017,
– wara li kkunsidra l-iskambju ta' ittri bejn il-President tal-Grupp ta' Monitoraġġ tad-Demokrazija, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet Fundamentali u l-Prim Ministru ta' Malta,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2293(2019) tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tas-26 ta' Ġunju 2019 intitolata "Daphne Caruana Galizia's assassination and the rule of law in Malta and beyond: ensuring that the whole truth emerges" (L-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia u l-istat tad-dritt f'Malta u lil hinn minnha: niżguraw li toħroġ il-verità kollha),
– wara li kkunsidra r-rapport dwar is-segwitu għar-riżoluzzjoni 2293(2019) tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, approvat mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-Assemblea Parlamentari fit-8 ta' Diċembru 2020,
– wara li kkunsidra l-Opinjoni Nru 993/2020 tal-Kummissjoni ta' Venezja tat-8 ta' Ottubru 2020 dwar għaxar atti u abbozzi ta' liġi li jimplimentaw proposti leġiżlattivi suġġetti għall-opinjoni CDL-AD(2020)006,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa wara ż-żjara tagħha f'Malta mill-11 sas-16 ta' Ottubru 2021,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa tat-23 ta' Settembru 2022 indirizzata lill-Prim Ministru ta' Malta, u t-tweġiba tal-Prim Ministru ta' Malta tal-4 ta' Ottubru 2022,
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-2022 dwar l-Istat tad-Dritt (COM(2022)0500) maħruġ mill-Kummissjoni,
– wara li kkunsidra r-rendikont tal-missjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (LIBE) wara ż-żjara fil-Belt Valletta, Malta mit-23 sal-25 ta' Mejju 2022 tad-delegazzjoni tiegħu dwar l-istat tad-dritt,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Unjoni hija msejsa fuq il-valuri komuni minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE dwar ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jappartjenu għal minoranzi – valuri li huma komuni għall-Istati Membri tal-UE u li magħhom jeħtiġilhom jaderixxu l-pajjiżi kandidati sabiex isiru Stati Membri tal-Unjoni bħala parti mill-kriterji ta' Copenhagen, li ma jistgħux jiġu injorati jew interpretati b'mod differenti wara l-adeżjoni; billi d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali huma valuri li jsaħħu lil xulxin u li, meta jiġu mminati, jistgħu joħolqu theddida sistemika għall-Unjoni u għad-drittijiet u għal-libertajiet taċ-ċittadini tagħha;
B. billi l-istat tad-dritt, ir-rispett għad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u l-valuri u l-prinċipji minquxa fit-Trattati tal-UE u fi strumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem huma obbligi li jaqgħu fuq l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha u jridu jiġu osservati;
C. billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea hija parti mil-liġi primarja tal-UE; billi l-libertà ta' espressjoni u l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja huma minquxa fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u fl-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB);
D. billi l-indipendenza tal-ġudikatura hija minquxa fl-Artikolu 19(1) tat-TUE, fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 6 tal-KEDB, u hija rekwiżit essenzjali tal-prinċipju demokratiku tas-separazzjoni tas-setgħat;
E. billi l-ġurnalisti, b'mod partikolari iżda mhux b'mod esklużiv il-ġurnalisti investigattivi, kulma jmur huma dejjem aktar il-bersall tal-hekk imsejħa "kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika" (SLAPPs) kemm fl-UE kif ukoll barra minnha, li huma maħsuba purament biex ixekklu l-ħidma tagħhom, jevitaw l-iskrutinju pubbliku u jimpedixxu li l-awtoritajiet jintalbu jagħtu kont ta' għemilhom; billi dan għandu effett dissważiv fuq il-libertà tal-midja;
F. billi l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu li jinħolqu mekkaniżmi ta' twissija bikrija u ta' risposta rapida biex jiżguraw li l-ġurnalisti u l-operaturi l-oħra tal-midja jkollhom aċċess immedjat għal miżuri ta' protezzjoni meta jkunu mhedda; billi tali mekkaniżmi għandhom ikunu suġġetti għal superviżjoni sinifikattiva tas-soċjetà ċivili u jiggarantixxu l-protezzjoni tal-informaturi ta' irregolaritajiet u tas-sorsi li jixtiequ jibqgħu fl-anonimat;
G. billi, bil-għan li tiġi evitata l-impunità, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jieħdu l-passi kollha neċessarji biex itellgħu quddiem il-ġustizzja lill-awturi ta' reati kontra ġurnalisti u operaturi oħra tal-midja; billi l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet għandhom iqisu d-diversi rwoli kollha – reali u potenzjali – f'dawn ir-reati, bħar-rwol tal-awtur, tal-istigatur u tal-kompliċi, kif ukoll ir-responsabbiltà kriminali li toħroġ minn kull wieħed minn dawn ir-rwoli;
H. billi l-ġurnalista investigattiva kontra l-korruzzjoni u blogger Maltija Daphne Caruana Galizia, sfat assassinata f'attakk b'karozza bomba fis-16 ta' Ottubru 2017; billi hija kienet ġarrbet fastidju u ħafna theddid fil-forma ta' telefonati, ittri u messaġġi testwali ta' theddid, kif ukoll attakk bi ħruq doluż ta' darha; billi l-qattiel mikri li ammetta, xehed fil-qorti fis-16 ta' Marzu 2021 li sentejn qabel il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, kien hemm konfoffa preċedenti u separata biex tiġi assassinata bl-użu ta' azzarin AK-47;
I. billi l-investigazzjonijiet dwar l-omiċidju li għamlu l-awtoritajiet Maltin bl-assistenza tal-Europol wasslu għall-identifikazjzoni, għall-inkriminazzjoni u għall-proċess, li għadu għaddej, ta' diversi persuni ssuspettati u ta' wieħed mill-mandanti potenzjali tal-omiċidju, is-sid tal-kumpanija 17 Black Ltd., b'sede f'Dubai, u ex membru tal-Bord tad-Diretturi tal-ElectroGas Malta Ltd., responsabbli mill-produzzjoni tal-biċċa l-kbira tal-elettriku ta' Malta, li ġie arrestat fl-20 ta' Novembru 2019 matul dak li deher bħala tentattiv li jaħrab minn Malta; billi l-Federal Bureau of Investigation tal-Istati Uniti kien involut ukoll fl-investigazzjonijiet;
J. billi ntużaw l-Emirati Għarab Magħquda biex jinħbew tranżazzjonijiet allegatament marbuta mal-korruzzjoni li Daphne Caruana Galizia kienet qiegħda tikxef fil-mument meta ġiet assassinata;
K. billi l-kumpanija 17 Black Ltd., b'sede f'Dubai, kienet waħda mill-kumpaniji b'sede fil-Panama proprjetà tal-ex chief of staff tal-ex Prim Ministru ta' Malta u tal-ex Ministru għat-Turiżmu, li qabel kien il-Ministru għall-Enerġija, li kellhom jirċievu fondi; billi għadhom qed jinkixfu rabtiet bejn 17 Black Ltd. u bosta proġetti pubbliċi f'Malta;
L. billi d-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti ssenjala liċ-chief of staff tal-ex Prim Ministru ta' Malta u l-ex Ministru għat-Turiżmu, li qabel kien il-Ministru għall-Enerġija, u lill-familji tagħhom minħabba l-involviment tagħhom f'korruzzjoni sinifikanti, u għalhekk ġew pprojbiti milli jidħlu fl-Istati Uniti;
M. billi Daphne Caruana Galizia kixfet lil Pilatus Bank bħala l-bank li ntgħażel għat-tranżazzjonijiet suspetti li fihom kienu involuti persuni Maltin u Ażerbajġani politikament esposti; billi f'Awwissu 2020 il-Kummissarju tal-Pulizija ta' Malta ddikjara pubblikament li kienet imminenti l-formulazzjoni tal-kapijiet ta' akkuża fil-konfront tal-persuni involuti f'attivitajiet kriminali f'Pilatus Bank; billi 26 xahar wara, il-kapijiet ta' akkuża ġew ifformulati biss fil-konfront ta' persuna waħda u l-investigazzjonijiet jidhru li staġnaw; billi dawk implikati tħallew jidħlu fil-pajjiż u joħorġu minnu liberament minkejja li nħarġu l-mandati ta' arrest; billi ex uffiċjal responsabbli mill-konformità fl-Awtorità ta' Malta dwar il-Logħob tħalla jitlaq minn Malta waqt li kien fuq btala mal-ex Prim Ministru ta' Malta, minkejja li fil-konfront tiegħu kien hemm fis-seħħ mandat ta' arrest Ewropew, u sussegwentement ġie arrestat mal-wasla tiegħu fl-Italja;
N. billi żewġ sħab tal-kumpanija Nexia BT, li m'għadhiex teżisti, marbuta ma' Mossack Fonseca, li Daphne Caruana Galizia u l-Panama Papers kienu kixfu bħala l-moħħ wara l-istrutturi tal-ħasil tal-flus biex tiġi ffaċilitata l-korruzzjoni, ġew akkużati biss fir-rigward ta' wħud mill-allegazzjonijiet li saru kontrihom, bl-esklużjoni tal-iskandlu tal-ElectroGas;
O. billi l-ftehim dwar is-sigurtà tal-provvista ta' gass naturali likwifikat bejn ElectroGas Malta Ltd. u l-Gvern ta' Malta, iffirmata mill-ex Ministru għat-Turiżmu, li dak iż-żmien, fl-2015, kien il-Ministru għall-Enerġija, inżamm sigriet għal snin sħaħ u nkixef biss f'Settembru 2022 minn Daphne Caruana Galizia Foundation u minn mezz ta' informazzjoni; billi l-Avukat Ġenerali attwali ġiet ikkritikata talli aġevolat l-iffirmar ta' dan il-kuntratt mingħajr l-ebda approvazzjoni ulterjuri mill-kabinett jew mill-parlament f'dak li kien ir-rwol tagħha ta' viċi avukat ġenerali; billi meta ġiet assassinata, Daphne Caruana Galizia kienet qiegħda tinvestiga cache kbir ta' dokumenti interni ta' ElectroGas Malta Ltd.;
P. billi wieħed mill-allegati kompliċi u ċerti recordings li ssemmgħu fil-proċedimenti tal-qorti involvew lill-ex chief of staff tal-ex Prim Ministru ta' Malta fl-ippjanar u fil-finanzjament tal-omiċidju; billi fl-20 ta' Marzu 2021 ġie arrestat u akkużat b'ħasil ta' flus, frodi, korruzzjoni u falsifikazzjoni f'każ separat, li kien is-suġġett tal-ħidma ta' Daphne Caruana Galizia, flimkien ma' diversi mill-assoċjati tan-negozju tiegħu;
Q. billi lejn l-aħħar tal-2019 infetħet inkjesta pubblika indipendenti dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, u din l-inkjesta ġiet konkluża fid-29 ta' Lulju 2021; billi l-Bord tal-inkjesta pubblika ppubblika rapport li fih ġabra ta' konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet dwar it-tisħiħ tal-istat tad-dritt, ir-rispett tal-libertà tal-istampa, tal-libertà tal-espressjoni u l-protezzjoni tal-ġurnalisti, dwar ir-riforma ġuridika fil-livell kostituzzjonali, u dwar il-proposti leġiżlattivi fir-rigward tal-libertà tal-midja; billi l-Bord stabbilixxa wkoll li "filwaqt illi ma rriżultat ebda prova li l-iStat bħala tali kellu xi rwol fl-assassinju tas-Sinjura Caruana Galizia, (...), l-iStat għandu jerfa' r-responsabbiltà għall-assassinju billi kkrea atmosfera ta' impunità, ġenerata mill-ogħla livelli fil-qalba tal-amministrazzjoni f'Kastilja[5] u bħal qarnita nfirxet għal entitajiet oħra bħal istituzzjonijiet regolatorji u l-Pulizija li wassal għall-kollass tas-saltna tad-dritt";
R. billi l-Gvern ta' Malta ppropona għadd ta' riformi biex jindirizza wħud minn dawk ir-rakkomandazzjonijiet, fosthom abbozz ta' leġiżlazzjoni biex tissaħħaħ il-libertà tal-midja u proposta għal liġi kontra l-kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (SLAPPs); billi r-riformi tas-sistema ġudizzjarja Maltija li bdew fl-2020 komplew jiġu implimentati;
S. billi l-Għodda għall-Monitoraġġ tal-Pluraliżmu tal-Midja l-aktar reċenti ġġudika bħala "medju" r-riskju kumplessiv għall-pluraliżmu tal-midja f'Malta, iżda ġġudika bħala "għoli" r-riskju għall-awtonomija editorjali u għall-indipendenza politika;
T. billi l-pjattaforma tal-informazzjoni Maltija "The Shift News" quddiemha sabet 40 kawża ta' appell separata min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi għal talbiet relatati mal-libertà ta' informazzjoni rigward nefqa pubblika fil-konfront tal-midja indipendenti;
U. billi r-riforma ġudizzjarja li bdew l-awtoritajiet Maltin issemmiet fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2021;
V. billi l-Kumitat ta' Esperti dwar l-Evalwazzjoni ta' Miżuri Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu (Moneyval) irrikonoxxa l-progress sinifikanti li għamlet Malta fil-livell ta' konformità mal-Istandards tat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja, deherlu li Malta kienet konformi u neħħa lil Malta mil-lista l-griża wara 12-il xahar;
W. billi wara ż-żjara li għamlet id-delegazzjoni tal-Kumitat LIBE dwar l-istat tad-dritt mit-23 sal-25 ta' Mejju 2022 f'Malta, fir-rendikont tal-missjoni tiegħu, il-Grupp ta' Monitoraġġ tad-Demokrazija, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet Fundamentali tal-Kumitat Parlamentari LIBE esprima tħassib bir-ritmu bil-mod fil-progress tal-azzjonijiet meħuda b'segwitu għall-qtil ta' Daphne Caruana Galizia u tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet min-naħa tal-inkjesta pubblika, fost oħrajn, filwaqt li rrikonoxxa li l-proċedimenti ġudizzjarji għadhom għaddejjin;
1. Jagħti ġieħ lil Daphne Caruana Galizia ħames snin wara l-assassinju tagħha u lix-xogħol essenzjali li għamlet biex tikxef il-korruzzjoni, il-kriminalità organizzata, il-frodi tat-taxxa u l-ħasil tal-flus u biex iżżomm responsabbli lil dawk kollha involuti f'dawn l-attivitajiet illegali; jikkundanna bil-qawwa l-kriminalizzazzjoni u l-qtil ta' ġurnalisti, kif ukoll l-attakki kontrihom, talli għamlu xogħolhom, inkluż il-qtil ta' Ján Kuciak u tas-sieħba tiegħu Martina Kušnírová fil-21 ta' Frar 2018, ta' Viktoria Marinova fis-6 ta' Ottubru 2018, tal-ġurnalist Grieg Giorgos Karaivaz fid-9 ta' April 2021 u tal-ġurnalist tan-Netherlands Peter R. de Vries fil-15 ta' Lulju 2021, u jenfasizza r-rwol kruċjali li jiżvolġu biex jikxfu l-verità, iħarsu d-demokrazija u jtemmu l-kultura ta' impunità; jagħti ġieħ ukoll lill-ġurnalisti kollha li nqatlu fl-Ewropa f'dawn l-aħħar snin; itenni l-importanza enormi tal-midja indipendenti u tas-soċjetà ċivili attiva bħala pilastri fundamentali tal-ġustizzja, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt; josserva li l-qtil ta' ġurnalisti jħalli effetti mhux biss fuq Stat Membru, iżda fuq l-Unjoni Ewropea kollha kemm hi; jemmen b'konvinzjoni li l-protezzjoni tal-istat tad-dritt f'kuntest demokratiku tikkostitwixxi responsabbiltà komuni li tmur lil hinn mill-konfini nazzjonali u mill-firdiet partiġġjani;
2. Jirrikonoxxi l-progress li sar fil-proċedimenti ġudizzjarji li għaddejjin dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, filwaqt li jiddispjaċih immens li s'issa wasslu biss għal kundanna waħda; itenni, għaldaqstant, l-appell tiegħu biex jiġu finalizzati l-investigazzjonijiet tar-raġunijiet fundamentali wara l-qtil u biex jingħalqu l-proċedimenti ġudizzjarji penali mill-aktar fis possibbli, biex dawk kollha involuti fil-qtil, fi kwalunkwe livell, jittellgħu quddiem il-ġustizzja; itenni l-appell tiegħu għall-involviment sħiħ u kontinwu tal-Europol fl-aspetti kollha tal-investigazzjoni dwar il-qtil u l-investigazzjonijiet relatati kollha;
3. Jirrikonoxxi li l-Prim Ministru ta' Malta ta' issa talab pubblikament skuża għan-nuqqasijiet tal-Istat li setgħu kkontribwew għall-qtil ta' Daphne Caruana Galizia;
4. Jinsab imħasseb li sena wara l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-inkjesta pubblika, il-proċess ta' implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu huwa skars; josserva li l-Gvern Malti ppreżenta għadd ta' riformi, fosthom proposti leġiżlattivi biex jindirizza wħud minn dawn ir-rakkomandazzjonijiet; josserva li l-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa qalet li l-awtoritajiet Maltin jeħtiġilhom jiżguraw li l-ħidma leġiżlattiva li bdiet skont ir-rapport tal-inkjesta pubblika tirrispetta l-istandards internazzjonali u tkun totalment miftuħa għall-iskrutinju u għall-parteċipazzjoni pubbliċi; jistieden lill-Gvern Malti jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet kollha tar-rapport tal-inkjesta pubblika mingħajr aktar dewmien;
5. Jilqa' pożittivament l-isforzi tal-FIAU u jenfasizza li huwa essenzjali li r-reati finanzjarji u ekonomiċi ta' profil għoli, speċjalment il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus, ikunu suġġetti għal prosekuzzjoni rigoruża; iħossu skandalizzat, madankollu, bin-nuqqas ta' progress fil-prosekuzzjoni tal-każijiet ta' korruzzjoni u ħasil tal-flus li Daphne Caruana Galizia kienet qiegħda tinvestiga fiż-żmien meta nqatlet, li involvew persuni ssuspettati fl-ogħla livelli politiċi; jinsab allarmat bin-nuqqas ta' infurzar u ġustizzja, fil-livell istituzzjonali, f'Malta u jħeġġeġ bil-qawwa lill-awtoritajiet kompetenti jtellgħu quddiem il-ġustizzja lil dawk kollha implikati f'każ jew fil-bosta każijiet li bħalissa qegħdin jiġu investigati jew irrapportati; jinsab imħasseb ħafna bir-rivelazzjonijiet reċenti ta' inazzjoni ripetuta fir-rigward tal-mandati ta' arrest Ewropej fil-konfront ta' persuni b'rabtiet ma' uffiċjali politiċi għoljin; jistieden lill-awtoritajiet Maltin jindirizzaw l-isfidi relatati mat-tul tal-investigazzjonijiet ta' każijiet ta' korruzzjoni fil-livelli għoljin, anki billi jistabbilixxu każistika soda ta' sentenzi definittivi; jisħaq fuq l-importanza tal-indipendenza istituzzjonali għall-funzjonament korrett tal-istat tad-dritt; jistieden lill-awtoritajiet Maltin jagħmlu progress fl-investigazzjonijiet ta' każijiet ta' tentattivi possibbli minn uffiċjali pubbliċi ta' dak iż-żmien biex jaħbu l-provi u jostakolaw l-investigazzjonijiet u l-proċedimenti ġudizzjarji;
6. Jinsab allarmat bin-nuqqas ta' progress fil-proċedimenti investigattivi u ġudizzjarji kontra l-uffiċjali ta' Pilatus Bank u bl-isforzi tal-awtoritajiet Maltin maħsuba biex jimblukkaw il-proċedimenti; jieħu nota tal-miżuri proviżorji meħuda fl-14 ta' Settembru 2022 miċ-Ċentru Internazzjonali għas-Soluzzjoni ta' Tilwim dwar Investiment[6], li jdewmu l-inkjesti tal-awtoritajiet Maltin; jistieden lill-awtoritajiet Maltin jagħtu r-riżorsi addizzjonali biex jiġu investigati r-raġunijiet għad-dewmien u jiżguraw li l-ġustizzja tieħu ż-żmien li hemm bżonn; jistieden lill-korpi Ewropej rilevanti jagħmlu monitoraġġ mill-qrib tal-progress fil-kawża li huwa involut fiha Pilatus Bank; jinsab allarmat ukoll bin-nuqqas ta' progress fil-konfront taż-żewġ sħab ta' Nexia BT u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kumitat Moneyval jagħmlu monitoraġġ tal-kawża; jesprimi aktar tħassib għall-allegazzjonijiet ta' ħasil tal-flus u korruzzjoni fir-rigward tal-ftehim tal-ElectroGas u jistieden lill-Kummissjoni tuża l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tivvaluta jekk ġiex rispettat id-dritt Ewropew applikabbli;
7. Jilqa' pożittivament il-kapaċitajiet addizzjonali li tqiegħdu għad-dispożizzjoni għall-investigazzjonijiet u għall-prosekuzzjoni tar-reati b'mod ġenerali, ir-riforma tal-proċedura tal-ħatra tal-imħallfin u r-riforma tal-uffiċċju u tar-rwol tal-Avukat Ġenerali; jistieden lill-Parlament Malti jilħaq ftehim dwar id-depolitiċizzazzjoni tal-ħatra tal-Prim Imħallef li jinvolvi l-ġudikatura fil-proċedura, fid-dawl tal-istandards Ewropej relatati mal-ħatriet tal-ġudikatura u tal-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja;
8. Jiddispjaċih bid-deterjorament tal-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja Maltija u jitlob li jinstabu soluzzjonijiet biex jonqos it-tul tal-proċedimenti;
9. Jieħu nota tal-importanza tal-informazzjoni li għandhom fil-pussess tagħhom l-Emirati Għarab Magħquda dwar it-tranżazzjonijiet li saru minn kumpaniji b'rabta mal-korruzzjoni, kif ukoll mar-rilevanza tagħhom mal-investigazzjonijiet li għaddejjin; josserva li, minn dak iż-żmien, l-Emirati Għarab Magħquda huma mniżżla fil-lista l-griża tat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja; jimpenja ruħu li jagħmel monitoraġġ tal-kooperazzjoni li għaddejja bħalissa bejn l-Emirati Għarab Magħquda u Malta biex jiżgura li l-informazzjoni neċessarja għall-prosekuzzjonijiet tintalab u tintbagħat b'mod adegwat u josserva li din il-kooperazzjoni għandu jkollha implikazzjonijiet fuq il-pożizzjoni tal-Emirati Għarab Magħquda fil-konfront tal-korpi regolatorji ta' kontra l-ħasil tal-flus; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet Maltin biex jużaw l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħhom ħalli jiżguraw kooperazzjoni u assistenza legali adegwata fl-investigazzjonijiet kollha; jistieden lill-Emirati Għarab Magħquda jikkooperaw malajr mal-awtoritajiet Maltin biex jaġevolaw l-investigazzjonijiet kif ukoll mal-UE fuq livell ġenerali;
10. Jilqa' pożittivament ir-rinviji ta' każijiet mill-Gvern Malti lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE); jemmen, madankollu, li n-numru kumplessiv ta' każijiet għadu relattivament baxx meta mqabbel ma' Stati Membri oħra u li s-sistema Maltija ta' identifikazzjoni, investigazzjoni u prosekuzzjoni tar-reati għadha mhijiex trasparenti għalkollox;
11. Jesprimi tħassib kbir bin-nuqqas ta' kooperazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet Maltin mal-UPPE, li ġie rrapportat għall-każijiet li għaddejjin bħalissa; jieħu nota, b'mod partikolari, tal-allegazzjonijiet rigward l-investigazzjoni li għaddejja fuq proġett iffinanzjat mill-UE li fih huwa implikat l-allegat mandant tal-omiċidju ta' Daphne Caruana Galizia, is-sid tal-kumpanija 17 Black Ltd., b'sede f'Dubai;
12. Jinsab imħasseb bl-impunità konċessa lil figuri ewlenin tal-amministrazzjoni tal-ex Prim Ministru, fosthom l-ex Prim Ministru nnifsu, iċ-chief of staff tiegħu u l-ex Ministru għat-Turiżmu, li qabel kien il-Ministru għall-Enerġija;
13. Jieħu nota tad-diversi proposti mressqa mill-Gvern Malti biex itejjeb is-sitwazzjoni tal-libertà tal-midja; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Maltin jiżguraw li r-riformi proposti jirrispettaw l-istandards Ewropej u internazzjonali fil-qasam tal-protezzjoni tal-ġurnalisti, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni u mas-sanzjonar tat-theddid u mal-fastidju fil-konfront tal-ġurnalisti, kemm pubblikament kif ukoll online, u jimplimentawhom malajr; iħeġġeġ ukoll lill-awtoritajiet Maltin jintroduċu miżuri u garanziji addizzjonali biex joħolqu ambjent aktar favorevoli għall-ġurnaliżmu kritiku u indipendenti f'Malta, kif ukoll itejbu l-obbligu ta' rendikont min-naħa tal-politiċi u tal-uffiċjali;
14. Jinsab imħasseb bil-fatt li l-ostakli għal-libertà u għall-pluraliżmu tal-midja għadhom jippersistu, pereżempju f'dak li għandu x'jaqsam mal-aċċess għat-talbiet għall-informazzjoni lill-Gvern, kif ukoll il-finanzjament potenzjalment diskriminatorju tal-mezzi ta' informazzjoni; jiddispjaċih bil-fatt li entitajiet governattivi ressqu sensiela ta' appelli kontra l-40 deċiżjoni pożittiva adottati mill-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data favur it-talbiet relatati mal-libertà ta' informazzjoni li saru mill-pjattaforma tal-informazzjoni "The Shift News" u jemmen li l-appelli jistgħu jibagħtu messaġġ dissważiv lill-operaturi tal-midja u liċ-ċittadini; jistieden lill-Gvern Malti jirtira minnufih dawn l-appelli;
15. Jinsab imħasseb bir-rapporti li jindikaw li, filwaqt li l-Kumitat ta' Esperti dwar il-Midja, inkarigat li jagħti pariri dwar it-tibdil fis-settur tal-midja, kien jinkludi fil-fatt xi rappreżentanti ta' dan is-settur, il-Gvern Malti ma għamilx konsultazzjoni pubblika; jistieden lill-awtoritajiet Maltin jiggarantixxu konsultazzjoni pubblika wiesgħa dwar is-settur tal-midja, u b'mod partikolari l-limitazzjoni tal-użu tal-kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (SLAPPs); jistieden lill-Parlament Malti jadotta b'mod prijoritarju l-leġiżlazzjoni rilevanti, anki billi jemenda l-Kostituzzjoni;
16. Jiddeplora l-fatt li l-ġurnalisti, kif ukoll il-familjari ta' Daphne Caruana Galizia, għadhom ikunu l-bersall ta' kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (SLAPPs) u jtenni l-appell urġenti tiegħu lil dawk li jibdew dawn il-kawżi, fosthom ex uffiċjali tal-Gvern, biex jirtirawhom;
17. Jilqa' pożittivament il-proposti attwali maħsuba biex jistabbilixxu li l-ispejjeż tal-qorti fil-kawżi ta' malafama mhumiex se jitħallsu fuq preżentazzjoni inizjali ta' risposta min-naħa tal-ġurnalist imputat u biex tiddaħħal il-possibbiltà għall-qrati Maltin ħalli jqisu l-kawżi ta' malafama "manifestament infondati" u għalaqstant ma jagħtux lok għal proċess; jistieden lill-awtoritajiet Maltin jimplimentaw ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni u jattwaw politiki effettivi għall-protezzjoni tal-ġurnalisti; jilqa' pożittivament il-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva li tiġġieled kontra l-kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (SLAPPs) (COM(2022)0177);
18. Jistieden lill-Gvern Malti jkompli jindirizza l-problemi attwali relatati mal-libertà tal-midja u mal-indipendenza tal-midja pubblika minn indħil politiku, anki permezz ta' qafas biex jiżgura t-trasparenza fir-reklamar tal-Istat, u jindirizza l-użu dejjem aktar mifrux tad-diskors ta' mibegħda fuq il-midja soċjali;
19. Jilqa' pożittivament il-fatt li fl-2021 ġie emendat l-Att ta' Malta dwar il-Protezzjoni ta' Informatur, kif ukoll l-impenn li hemm f'dan l-Att biex sa tmiem l-2024 tinħoloq bażi tad-data biex tinġabar informazzjoni dwar żvelar ta' informazzjoni protetta;
20. Jinsab imħasseb bil-fatt li ma nstabet l-ebda soluzzjoni għall-ħatra ta' Ombudsman ġdid u li l-ebda mara ma nħatret fil-funzjoni ta' Kummissarju għal Investigazzjonijiet Amministrattivi; jistieden lill-awtoritajiet Maltin joħolqu mekkaniżmu li jevita sitwazzjonijiet ta' mblokk fil-ħatriet parlamentari u jadottaw bi prijorità kif ukoll jaħdmu biex tinħoloq Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza, b'mod konformi mal-prinċipji ta' Pariġi u mal-acquis tal-UE fil-qasam tal-ugwaljanza;
21. Itenni l-appell tiegħu lill-awtoritajiet Maltin biex jimplimentaw b'mod sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet kollha pendenti tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, tal-Kummissjoni ta' Venezja, tal-Grupp ta' Stati kontra l-Korruzzjoni u tal-Kumitat Moneyval; jistieden lill-awtoritajiet Maltin jitolbu l-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja dwar il-konformità mar-rakkomandazzjonijiet tagħha;
22. Jenfasizza li l-programm Malti taċ-Ċittadinanza b'Investiment għadu jqajjem tħassib kbir; ifakkar il-pożizzjoni tiegħu skont liema ċ-ċittadinanza tal-UE mhijiex għall-bejgħ u jitlob projbizzjoni immedjata tal-programm f'Malta u fl-UE kollha kemm hi; jilqa' pożittivament l-azzjonijiet tal-Kummissjoni għar-rinviju tal-proċedura ta' ksur lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE u jistenna d-deċiżjoni finali tal-Qorti;
23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Emirati Għarab Magħquda kif ukoll lill-President tar-Repubblika ta' Malta.
- [1] ĠU C 356, 4.10.2018, p. 29.
- [2] ĠU C 108, 26.3.2021, p. 107.
- [3] ĠU C 255, 29.6.2021, p. 22.
- [4] ĠU C 506, 15.12.2021, p. 64.
- [5] Il-Berġa ta' Kastilja ilha minn Marzu 1972 l-Uffiċċju tal-Prim Ministru ta' Malta fil-Belt Valletta.
- [6] https://icsid.worldbank.org/cases/case-database/case-detail?CaseNo=ARB/21/36