MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar solidarjetà kulturali mal-Ukrajna u mekkaniżmu konġunt ta' rispons f'każ ta' emerġenza għall-irkupru kulturali fl-Ewropa
14.10.2022 - (2022/2759(RSP))
skont l-Artikolu 136(5) tar-Regoli ta' Proċedura
Sabine Verheyen
f'isem il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni
B9‑0473/2022
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar solidarjetà kulturali mal-Ukrajna u mekkaniżmu konġunt ta' rispons f'każ ta' emerġenza għall-irkupru kulturali fl-Ewropa
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 167 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Preambolu tiegħu, l-Artikolu 3 tiegħu u l-Protokoll (Nru 2) tiegħu dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità,
– wara li kkunsidra l-Preambolu tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Marzu 2022 dwar l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna[1],
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2022 lill-Kunsill u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-Politika Barranija, ta' Sigurtà u ta' Difiża tal-UE wara l-gwerra ta' aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna[2],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet dwar l-Ukrajna tal-mexxejja tal-Parlament tas-16 u l-24 ta' Frar 2022,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2020 dwar l-irkupru kulturali tal-Ewropa[3],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2021 dwar is-sitwazzjoni tal-artisti u l-irkupru kulturali fl-UE[4],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Mejju 2021 dwar l-irkupru, ir-reżiljenza u s-sostenibbiltà tas-setturi kulturali u kreattivi,
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar solidarjetà kulturali mal-Ukrajna u mekkaniżmu konġunt ta' rispons f'każ ta' emerġenza għall-irkupru kulturali fl-Ewropa (O‑000030/2022 – B9‑0026/2022),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 136(5) u l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni,
A. billi l-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna hija tentattiv biex tinqered l-identità u l-kultura ta' stat sovran, anke permezz ta' atti strateġiċi u mmirati ta' qerda fuq siti ta' wirt kulturali[5], li jikkostitwixxu delitt tal-gwerra skont il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1954[6] li ż-żewġ pajjiżi huma firmatarji tagħha;
B. billi l-attakk kontra l-Ukrajna huwa wkoll attakk kontra l-identità Ewropea komuni tagħna, il-valuri u l-istil ta' ħajja tagħna, ikkaratterizzati minn soċjetajiet miftuħa bbażati fuq id-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, id-dinjità, l-istat tad-dritt u d-diversità kulturali; billi l-konsegwenzi ta' ħsara kbira ħafna qed jinħassu minn miljuni ta' nies madwar id-dinja, u jvarjaw minn telf ta' ħajjiet għal nuqqas ta' ikel, provvisti globali tal-enerġija dejjem jonqsu u żieda fl-inflazzjoni u fil-flussi ta' migrazzjoni; billi r-Russja qed tuża dawn il-konsegwenzi intenzjonati bħala theddid politiku u strateġiku;
C. billi l-invażjoni Russa tal-Ukrajna tpoġġi wkoll f'riskju lill-artisti u lill-ħaddiema kulturali, lill-ġurnalisti u lill-akkademiċi, filwaqt li xxerred klima ta' biża' u ta' nuqqas ta' fiduċja għad-detriment tal-libertà tal-arti, tal-aħbarijiet ta' kwalità, tal-indipendenza tal-media u tal-aċċess għall-informazzjoni, għal-libertà akkademika u għal-libertà tal-espressjoni f'sens usa';
D. billi l-qerda illeċita tal-wirt kulturali u s-sakkeġġ u l-kuntrabandu ta' proprjetà kulturali u artefatti jirrappreżentaw theddida kbira għall-identità tal-Ukreni u tal-minoranzi kollha fil-pajjiż, u se jfixklu r-rikonċiljazzjoni nazzjonali wara l-kunflitt;
E. billi l-impatti estensivi tal-pandemija tal-COVID-19 kellhom riperkussjonijiet konsiderevoli fuq l-aspetti kollha ta' ħajjitna u tal-ambjent li ngħixu fih, speċjalment fuq l-ekosistema kulturali kollha, diġà kkaratterizzata minn strutturi organizzattivi u finanzjarji fraġli, u ħafna drabi kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji, kif ukoll theddid għal-libertà tal-espressjoni artistika; billi l-industriji u s-setturi kulturali u kreattivi (CCSI) għadhom ma rkuprawx kompletament mill-kriżi tal-COVID-19;
F. billi dawn il-kriżijiet kbar mhux biss ikkontestaw l-awtonomija strateġika tal-Unjoni, iżda wrew ukoll il-potenzjal kbir tagħha li ssawwar sens qawwi ta' appartenenza għall-Ewropa, li toħroġ b'risponsi konġunti għal ħtiġijiet urġenti u tikkonsolida l-appoġġ għall-integrazzjoni Ewropea;
G. billi l-kultura tibqa' vettur importanti ta' fehim reċiproku u ta' żamma tal-paċi fost il-popolazzjonijiet;
It-tisħiħ tal-appoġġ u tas-solidarjetà lejn l-ekosistema kulturali Ukrena
1. Jilqa' l-appoġġ qawwi ġenerali tal-UE u tal-Istati Membri tagħha lis-setturi kulturali u kreattivi Ukreni u l-fatt li l-Kummissjoni, l-atturi tal-gvern, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) u s-soċjetà ċivili mmobilizzaw malajr strumenti finanzjarji biex jappoġġaw lill-artisti u lill-professjonisti tal-kultura li qed jaħarbu mill-gwerra, lill-organizzazzjonijiet kulturali tal-pajjiżi li jirċievu r-rifuġjati Ukreni, kif ukoll il-protezzjoni tal-wirt kulturali; jilqa', b'mod partikolari, l-inizjattivi ta' rispons veloċi bħall-Fond għall-Kultura ta' Solidarjetà għall-Ukrajna;
2. Jesprimi s-solidarjetà sinċiera tiegħu ma' dawk li jipparteċipaw fl-ispettakli, mal-artisti, mal-kreaturi, mal-awturi, mal-pubblikaturi, mal-kumpaniji tagħhom u mal-kreaturi u mal-ħaddiema kulturali l-oħra kollha, inklużi l-kreaturi dilettanti, peress li l-arti u l-kultura se jkollhom rwol fundamentali fil-fejqan u fil-bini mill-ġdid tal-Ukrajna; ifaħħar b'mod partikolari l-azzjoni tal-artisti u tal-kreaturi Ukreni li aġixxew b'reżistenza għall-invażjoni Russa billi pprattikaw l-arti tagħhom;
3. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkludu l-ħtiġijiet ta' emerġenza tas-setturi tal-kultura u tal-wirt kulturali fl-appoġġ umanitarju tal-UE għall-Ukrajna; jemmen bis-sħiħ li, f'konformità mad-deċiżjoni storika tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2022 li l-Ukrajna tingħata l-istatus ta' pajjiż kandidat għas-sħubija fl-UE, appoġġ iddedikat irid jiġi allokat ukoll fil-Fond Fiduċjarju futur għall-Ukrajna, approvat mill-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24-25 ta' Marzu 2022;
4. Iħeġġeġ lill-UE toffri appoġġ immirat lill-atturi kulturali, lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, lill-NGOs, lill-attivitajiet kulturali lokali, lill-universitajiet u lis-soċjetà ċivili Ukreni fit-tfassil u fl-iżvilupp tal-pjan direzzjonali tal-pajjiż għar-rikostruzzjoni u għall-irkupru;
5. Jemmen li l-UE għandha toffri l-appoġġ tagħha lill-awtoritajiet Ukreni, b'mod partikolari fil-livelli lokali u reġjonali, flimkien mas-soċjetà ċivili bħala sieħeb kostruttiv fir-rikostruzzjoni tal-pajjiż u, b'mod partikolari, fir-restawr tas-siti kulturali; f'dan ir-rigward, jisħaq li l-UE għandha tinkoraġġixxi lil dawk involuti fir-rikostruzzjoni biex jikkunsidraw l-applikazzjoni tal-ogħla standards ta' kwalità; jirrikonoxxi li l-Bauhaus Ewropea l-Ġdida għandha l-potenzjal li tikkontribwixxi għar-restawr ta' wara l-gwerra bl-involviment tas-setturi kulturali u kreattivi tal-Ukreni;
6. Iqis li trid tingħata attenzjoni speċjali lix-xogħlijiet kulturali u storiċi preżenti fl-Ukrajna u l-protezzjoni tal-wirt kulturali tal-pajjiż; jafferma r-rieda tal-Unjoni Ewropea li tipparteċipa fil-preservazzjoni ta' opri tal-arti u wirt kulturali permezz tal-applikazzjoni tal-għodod legali kollha għall-protezzjoni u għall-prevenzjoni tat-traffikar jew tal-esportazzjoni illegali ta' wirt kulturali fi żminijiet ta' gwerra;
7. Jisħaq fuq l-urġenza li l-Ukrajna tingħata appoġġ biex tiddokumenta bir-reqqa l-attakki kollha fuq il-wirt kulturali, speċjalment dawk li jikkostitwixxu delitti potenzjali tal-gwerra u li jitwettqu kontra l-wirt kulturali protett minn konvenzjonijiet internazzjonali; ifakkar li minbarra l-protezzjoni fiżika tal-monumenti u tal-artefatti, l-UE għandha ssaħħaħ aktar l-appoġġ għad-diġitalizzazzjoni u għad-dokumentazzjoni diġitali tal-wirt kulturali;
8. Iqis li kwalunkwe appoġġ finanzjarju mogħti lill-Ukrajna fil-qasam kulturali ma għandux jipperikola l-finanzjament disponibbli għas-setturi kulturali u kreattivi fl-Unjoni Ewropea permezz tal-programm Ewropa Kreattiva;
Appoġġ għar-reżiljenza u għall-irkupru ta' wara l-kriżi tal-ekosistema kulturali tal-UE kollha kemm hi
9. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffukaw fuq il-kultura fil-politiki u fil-prijoritajiet ewlenin kollha tal-UE bħall-azzjoni klimatika, it-trasformazzjoni diġitali, l-irkupru ekonomiku u r-relazzjonijiet internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel aktar użu mill-potenzjal multidimensjonali tas-setturi kulturali u kreattivi għall-benesseri tas-soċjetajiet u taċ-ċittadini fl-Ewropa, u tippromwovi b'mod proattiv id-diskors kulturali pubbliku bl-għan li tinvolvi kemm jista' jkun nies fil-formazzjoni tal-opinjoni pubblika u trawwem kooperazzjoni kulturali internazzjonali;
10. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu appoġġati u kkoordinati azzjonijiet fil-livelli kollha ta' governanza u kemm mal-partijiet ikkonċernati pubbliċi kif ukoll ma' dawk privati, inklużi s-soċjetà ċivili u l-atturi filantropiċi, li jinkludu appoġġ immirat għall-ekosistemi kulturali, kreattivi u tal-wirt kulturali u għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti għall-ħaddiema tagħhom;
11. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-kapaċità ta' innovazzjoni tagħhom f'termini ta' kooperazzjoni u ta' sħubijiet pubbliċi-privati sabiex tiżdied ir-reżiljenza kontra kriżijiet futuri li jaffettwaw lis-setturi kulturali u kreattivi; f'dan il-kuntest, iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jrawmu aktar id-diġitalizzazzjoni tas-setturi kulturali u kreattivi u jiżguraw aċċess diġitali wiesa' għal kreazzjonijiet artistiċi u kulturali;
12. Jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-possibbiltà li tistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta' rispons u rkupru f'każ ta' emerġenza ddedikat speċifikament għall-kultura, għall-wirt kulturali u għall-ekosistemi kreattivi, ibbażat fuq approċċ b'diversi partijiet ikkonċernati, jew li taġixxi bħala sieħeb f'tali mekkaniżmu; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi l-qafas legali u fiskali għal tali mekkaniżmu u tfassal lista ta' sħab strateġiċi assoċjati mis-setturi kollha kkonċernati, pubbliċi jew privati u tinkludi mudelli ta' sħubija filantropika, f'konformità sħiħa mal-prinċipju tal-addizzjonalità, sabiex isir possibbli r-raggruppament strateġiku tar-riżorsi, u b'hekk jissaħħaħ il-finanzjament pubbliku u jiġi ottimizzat l-appoġġ għas-setturi kulturali u kreattivi;
°
° °
13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.
- [1]ĠU C 125, 18.3.2022, p. 2.
- [2] Testi adottati, P9_TA(2022)0235.
- [3]ĠU C 385, 22.9.2021, p. 152.
- [4]ĠU C 184, 5.5.2022, p. 88.
- [5] Mill-21 ta' Settembru 2022, l-Unesco vverifikat il-ħsara li saret lil 192 sit sa mill-24 ta' Frar – 81 sit reliġjuż, 13-il mużew, 37 binja storika, 35 binja ddedikati għall-attivitajiet kulturali, 17-il monument u 10 libreriji. https://www.unesco.org/en/articles/damaged-cultural-sites-ukraine-verified-unesco
- [6] Ara l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, l-Artikolu 8, il-paragrafu 2(b) (ix).