MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-eżitu tal-modernizzazzjoni tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija
21.11.2022 - (2022/2934(RSP))
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Danuta Maria Hübner, Maria da Graça Carvalho
f'isem il-Grupp PPE
B9‑0510/2022
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-eżitu tal-modernizzazzjoni tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija
Il-Parlament Ewropew,
wara li kkunsidra t-Trattat tal-Karta tal-Enerġija tal-1994,
wara li kkunsidra l-Proposta tal-5 ta' Ottubru 2022 għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fit-33 laqgħa tal-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija (COM(2022)0521),
wara li kkunsidra l-Proposta tal-5 ta' Ottubru 2022 għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem il-Euratom fit-33 laqgħa tal-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija (COM(2022)0522),
wara li kkunsidra l-proċess ta' modernizzazzjoni tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija, li nbeda fl-2017, u l-proposta tat-test tal-UE dwaru,
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Ottubru 2022 dwar Ftehim bejn l-Istati Membri, l-Unjoni Ewropea, u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika dwar l-interpretazzjoni tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija (COM(2022)0523),
wara li kkunsidra "l-ftehim fil-prinċipju" dwar l-abbozz għal TKE modernizzat, li ntlaħaq fl-24 ta' Ġunju 2022.
wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-2 ta' Settembru 2021 fil-Kawża C-741/19 (deċiżjoni preliminari fuq Ir-Repubblika tal-Moldova vs Société Komstroy)[1],
wara li kkunsidra l-mandat mogħti lill-Grupp ta' Ħidma III tal-Kummissjoni tan-NU dwar il-Liġi Internazzjonali tal-Kummerċ (UNCITRAL) fl-2017 biex jaħdem fuq riforma tas-soluzzjoni ta' tilwim bejn investituri u stati (ISDS),
wara li kkunsidra d-direttivi ta' negozjar maħruġa mill-Kunsill fl-2018 li jawtorizzaw lill-Kummissjoni tinnegozja, f'isem l-UE u fil-qafas tal-UNCITRAL, konvenzjoni li tistabbilixxi qorti multilaterali għas-soluzzjoni ta' tilwim dwar l-investiment, u l-proposta sussegwenti tal-UE dwarha,
wara li kkunsidra l-Linji gwida Politiċi għall-Kummissjoni li jmiss (2019 – 2024) intitolati "Unjoni li tirsisti għal aktar: L-aġenda tiegħi għall-Ewropa",
wara li kkunsidra l-Ftehim adottat fil-21 Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima f'Pariġi fit-12 ta' Diċembru 2015 (il-Ftehim ta' Pariġi),
wara li kkunsidra l-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment konklużi mill-UE, b'mod partikolari l-ftehimiet tat-"tieni ġenerazzjoni" mal-Kanada, Singapore, il-Vjetnam u l-Ġappun,
wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq[2], min-naħa l-oħra, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 2021, u b'mod partikolari t-Titolu II tiegħu dwar is-servizzi u l-investiment,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 115 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Kummissjoni nnegozjat f'isem l-UE u l-Istati Membri tagħha modernizzazzjoni tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija (TKE) tal-1994 li, fost l-oħrajn, jirriforma l-istandards ta' protezzjoni tal-investiment tat-TKE, il-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn investituri u l-istati u espliċitament jippermetti lill-pajjiżi jieħdu azzjonijiet regolatorji għal raġunijiet bħall-protezzjoni tal-ambjent jew azzjoni klimatika;
B. billi waqt it-33 laqgħa tagħha tat-22 ta' Novembru 2022, il-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija ("il-Konferenza") hija mistennija tapprova d-deċiżjonijiet relatati mal-modernizzazzjoni tat-TKE dwar id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni proviżorja tal-emendi għat-test tat-TKE u l-bidliet u/jew l-emendi tal-Annessi tiegħu;
C. billi l-UE għandha għadd ta' voti ugwali fl-għadd daqs l-Istati Membri tagħha li huma Partijiet Kontraenti għat-TKE; billi unikament jekk l-UE ma teżerċitax id-dritt tal-vot tagħha, jistgħu l-Istati Membri tagħha jeżerċitaw tagħhom;
D. billi dawk l-Istati Membri tal-UE li huma partijiet għat-TKE se jkollhom jirratifikaw il-ftehim dwar it-TKE modernizzat, skont ir-regoli nazzjonali tagħhom dwar ir-ratifika, separatament mir-ratifika tal-UE, dwar dawk il-partijiet tat-TKE li jaqgħu fi ħdan il-kompetenza nazzjonali tagħhom;
E. billi l-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen, b'segwitu ta' impenji preċedenti tal-Kummissjoni, fil-Linji gwida Politiċi tagħha fl-2019 għall-Kummissjoni li jmiss, wegħdet li "dejjem tipproponi li l-applikazzjoni proviżorja tal-ftehimiet kummerċjali sseħħ biss ladarba l-Parlament Ewropew ikun ta l-approvazzjoni tiegħu";
F. billi madwar 1 500 trattat ta' investiment bilaterali ratifikati mill-Istati Membri qabel it-Trattat ta' Liżbona għadhom fis-seħħ, u jinkludu l-mudell antik tar-regoli ta' protezzjoni tal-investiment, ma jipprovdu ebda dritt espliċitu li jiġu regolati jew li jkun hemm eċċezzjonijiet għall-miżuri ta' mitigazzjoni ambjentali jew klimatiċi, u b'hekk japplikaw is-sistema ta' soluzzjoni ta' tilwim bejn investituri u stati, kif jagħmel it-TKE eżistenti; billi ebda wieħed mill-ftehimiet ta' investiment internazzjonali (IIA) l-ġodda ma jsegwi approċċ modern negozjat mill-UE mindu t-Trattat ta' Liżbona daħal fis-seħħ;
1. Jilqa' l-isforzi mill-UE u l-Istati Membri tagħha biex imexxu l-proċess tal-modernizzazzjoni tat-TKE, b'mod partikolari rigward il-modernizzazzjoni tal-istandards tal-protezzjoni tal-investiment, inklużi l-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi, li jrawwem l-iżvilupp sostenibbli u jillimita l-protezzjoni li tingħata għal investimenti ġodda u eżistenti fil-fjuwils fossili;
2. Jirrikonoxxi li t-TKE modernizzat ġie nnegozjat b'rispons għad-domanda qawwija mill-Istati Membri tal-UE sa minn Novembru 2018 sabiex jirriformaw ir-regoli ta' protezzjoni tal-investiment u jallinjaw it-Trattat mal-impenji tal-UE taħt il-Ftehim ta' Pariġi; jappoġġa l-isforzi biex jiġi mmodernizzat it-TKE;
3. Jiddispjaċih dwar l-eżitu tal-laqgħa tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper) tat-18 ta' Novembru 2022; jinnota li bosta Stati Membri reċentement ħabbru l-intenzjoni tagħhom li jirtiraw mit-TKE;
4. Huwa mħasseb li, minkejja d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża Ir-Repubblika tal-Moldova vs Société Komstroy, li d-dispożizzjonijiet dwar l-arbitraġġ bejn l-investitur u l-istat fit-TKE mhumiex applikabbli fil-każ ta' tilwim intra-UE, l-arbitri ripetutament komplew jinjoraw id-deċiżjoni u jisimgħu tilwim intra-UE; Jinnota li għaddejjin 'il fuq minn 40 każ ta' arbitraġġ intra-UE dwar investiment ibbażat fuq it-TKE; jilqa' l-klawżola dwar l-emenda tal-organizzazzjoni reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika intiża fit-TKE modernizzat biex tipprevjeni l-arbitraġġ bejn l-investituri tal-UE u tal-Istati Membri; huwa konvint li l-iktar mod legali sikur biex jiġi żgurat it-tmiem tat-tilwim intra-UE huwa bil-modernizzazzjoni tat-TKE;
5. Jieħu nota tal-proposta tal-Kummissjoni għal ftehim inter se dwar in-nuqqas ta' applikabbiltà tat-TKE għat-tilwim intra-UE; ifakkar li l-Istati Membri kollha se jkollhom ikunu parti għal tali ftehim inter se biex dan ikun relevanti; jissottolinja li l-ftehim inter se mhux se jkun applikabbli għal Partijiet Kontraenti oħra tat-TKE, bħar-Renju Unit, l-Iżvizzera jew il-Ġappun, u li l-kumpaniji tagħha se jkunu għadhom jistgħu jressqu talbiet kontra Stati Membri tal-UE għad-durata tal-klawsola ta' estinzjoni fil-każ ta' rtirar mit-TKE; itenni l-konvinzjoni tiegħu li l-iktar mod legali sikur li jiżgura t-tmien tat-tilwim intra-UE huwa li jiġi emendat direttament it-trattat, għax l-arbitri, darba wara l-oħra, għażlu li jibbażaw id-deċiżjonijiet tagħhom unikament fuq l-interpretazzjoni tat-trattat iktar milli jieħdu approċċ olistiku;
6. Jilqa' l-fatt li l-proċess ta' modernizzazzjoni se jallinja t-trattat mal-Ftehim ta' Pariġi; jirrikonoxxi li l-kisba tal-objettivi klimatiċi tal-UE tista' tkun rispettata ladarba r-regoli modernizzati jippermettu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jsegwu l-politiki ta' tranżizzjoni enerġetiċi u klimatiċi rikjesti;
7. Jemmen li l-UE kienet sħab kredibbli għan-negozjar fin-negozjati dwar it-TKE, speċjalment fl-isforzi tagħha biex tafferma mill-ġdid espliċitament id-drittijiet u l-obbligi kollha tal-Partijiet Kontraenti taħt il-Ftehim ta' Pariġi; jilqa' l-inklużjoni ta' standards modernizzati ta' protezzjoni tal-investiment skont l-approċċ riformat tal-UE u "d-dritt li jirregolaw" partikolarment għall-azzjoni klimatika u t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa;
8. Jissottolinja li fi żmien meta l-investiment globali f'enerġija nadifa jeħtieġ jiżdied malajr, TKE modernizzat jipprovdi l-qafas legali meħtieġ biex jinċentivizza kumpaniji tal-enerġija Ewropej jinvestu fl-enerġija rinnovabbli f'Partijiet Kontraenti oħra, li jinkludu bosta pajjiżi li qed jiżviluppaw u li se jiddependu mill-mobilizzazzjoni qawwija ta' investimenti privati fit-tranżizzjoni lejn ekonomija nadifa;
9. Jappoġġa l-pożizzjoni tal-UE li l-protezzjoni tal-investimenti fil-fjuwils fossili għandha tiġi eskluża; huwa mħasseb li jekk it-TKE modernizzat ma jiġix adottat, l-Istati Membri kollha li jibqgħu parti mit-TKE se jkomplu jipproteġu investimenti ġodda u eżistenti fil-fjuwils fossili mingħajr medda ta' żmien biex jeliminaw gradwalment din il-protezzjoni; jilqa' l-proposta tal-eliminazzjoni (carve-out) tal-fjuwils fossili mmirata permezz tat-trattat modernizzat; jinnota li taħt TKE modernizzat, mill-15 ta' Awwissu 2023, l-investimenti ġodda fil-fjuwils fossili mhux se jibqgħu protetti u li l-investimenti eżistenti fil-fjuwils fossili se jkunu soġġetti għal perjodu ta' eliminazzjoni gradwali ta' 10 snin, li mistenni jibda hekk kif l-UE b'mod provviżorju tapplika t-TKE modernizzat; jinnota li t-TKE modernizzat jistabbilixxi data limitu għall-2040, u li sa dakinhar, l-investimenti kollha fil-fjuwils fossili mhux se jkunu protetti iktar fil-każ ta' Partijiet Kontraenti li jagħżlu li jidħlu fil-carve-out; jinnota li l-irtirar mit-TKE qabel il-modernizzazzjoni tiegħu tkun fis-seħħ jissoġġetta lill-Partijiet Kontraenti li jridu jitilqu għall-klawżola ta' estinzjoni tiegħu ta' 20 sena, fejn l-investimenti fil-fjuwils fossili se jibqgħu protetti taħt id-dispożizzjonijiet mhux modernizzati tal-ISDS; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li minkejja l-irtirar mit-TKE fl-1 ta' Jannar 2015, l-Italja xorta għadha soġġetta għal seba' każijiet miġjuba taħt il-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim tat-TKE wara t-tluq tagħha, fejn l-iktar każ riċenti tressaq fl-2020;
10. Jinsab serjament imħasseb bin-nuqqas ta' konsistenza tal-politiki ta' xi Stati Membri dwar l-IIA; Jinnota bi tħassib li xi Stati Membri għadhom qed jinnegozjaw trattati ta' investiment bilaterali (BIT) li ma jinkludux l-istandards moderni ta' protezzjoni tal-investiment skont l-approċċ riformat tal-UE, li għadhom jipproteġu investimenti fil-fjuwils fossili, u li ma jagħmlux referenza għall-impenji li ħadu taħt il-Ftehim ta' Pariġi; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex isegwu politiki ta' investiment internazzjonali li jkunu konsistenti mal-politika modernizzata tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni biex ma tagħtix l-awtorizzazzjoni tagħha lil Stati Membri biex jikkonkludu BIT li ma jirrispettawx il-politika ta' investiment riformata tal-UE;
11. Jappoġġa n-negozjati li għaddejjin fil-Grupp ta' Ħidma III tal-UNCITRAL, li fihom l-UE u l-Istati Membri tagħha qed isegwu l-istabbiliment ta' Qorti Multilaterali tal-Investiment (MIC), li jista' jsir il-korp aġġudikanti kompetenti li jirriżolvi tilwim ta' investimenti internazzjonali; Jinnota li l-MIC jkun tluq qawwi mis-sistema ISDS; jirrimarka li ladarba jkun stabbilit, l-MIC se japplika direttament għall-ftehimiet ta' investiment bilaterali u multilaterali kollha li għaddejjin – inkluż it-TKE – tal-pajjiżi li jissottoskrivu għalih; ifakkar li taħt l-Artikolu 30(3) tal-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati, is-sistema tal-MIC għalhekk se tieħu preċedenza fuq il-mekkaniżmi tal-ISDS; jistieden lill-Kummissjoni biex tikkonkludi b'suċċess in-negozjati tal-Grupp ta' Ħidma III tal-UNCITRAL malajr kemm jista' jkun;
12. Iqis, għalhekk, li l-adozzjoni u r-ratifika tal-emendi tat-TKE huma l-modi preferiti biex isir il-progress meta mqabbel mal-irtirar tal-UE, speċjalment minħabba l-konsegwenzi li jinħolqu mill-klawżola ta' estinzjoni ta' 20 sena mnaqqxa fit-TKE;
13. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE bħala Partijiet Kontraenti jappoġġaw l-adozzjoni tal-modernizzazzjoni tat-TKE fit-22 ta' Novembru u jirratifikaw it-TKE modernizzat;
14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.