Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0511/2022Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0511/2022

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-valutazzjoni tal-konformità tal-Ungerija mal-kundizzjonijiet tal-istat tad-dritt skont ir-Regolament dwar il-Kondizzjonalità u s-sitwazzjoni attwali tal-RRP Ungeriż

21.11.2022 - (2022/2935(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Petri Sarvamaa, Jeroen Lenaers
f'isem il-Grupp PPE
Eider Gardiazabal Rubial, Thijs Reuten, Lara Wolters, Gabriele Bischoff, Csaba Molnár, Birgit Sippel, Juan Fernando López Aguilar, Katarina Barley, Sylvie Guillaume
f'isem il-Grupp S&D
Moritz Körner, Katalin Cseh
f'isem il-Grupp Renew
Damian Boeselager, Gwendoline Delbos‑Corfield, Daniel Freund
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Younous Omarjee, Malin Björk
f'isem il-Grupp The Left


Proċedura : 2022/2935(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0511/2022
Testi mressqa :
B9-0511/2022
Dibattiti :
Testi adottati :

B9‑0511/2022

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-valutazzjoni tal-konformità tal-Ungerija mal-kundizzjonijiet tal-istat tad-dritt skont ir-Regolament dwar il-Kondizzjonalità u s-sitwazzjoni attwali tal-RRP Ungeriż

(2022/2935(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem "il-Karta"),

 wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikoli 2, 4(3) u 7(1) tiegħu,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-protokolli tagħha,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

 wara li kkunsidra t-trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Kunsill tal-Ewropa,

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni (ir-Regolament dwar il-Kondizzjonalità)[1],

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza[2],

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi[3],

 wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) tat-3 ta' Ġunju 2021 fil-Kawża C-650/18 li tiċħad l-azzjoni tal-Ungerija kontra r-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-12 ta' Settembru 2018 li tiskatta l-proċedura għad-determinazzjoni tal-eżistenza ta' riskju ċar ta' ksur serju minn Stat Membru tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea[4],

 wara li kkunsidra l-kapitoli tal-pajjiżi dwar l-Ungerija fir-Rapporti annwali tal-Kummissjoni dwar l-Istat tad-Dritt, b'mod partikolari dak tal-2021 u dak tal-2022,

 wara li kkunsidra l-ġurisprudenza tal-QĠUE,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti, b'mod partikolari dawk

tal-15 ta' Settembru 2022 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tiddetermina, skont l-Artikolu 7(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-eżistenza ta' riskju ċar ta' ksur serju mill-Ungerija tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni[5],

tad-9 ta' Ġunju 2022 dwar l-istat tad-dritt u l-approvazzjoni potenzjali tal-Pjan Nazzjonali ta' Rkupru (RRF) tal-Polonja[6], tal-5 ta' Mejju 2022 dwar is-seduti ta' smigħ li għaddejjin skont l-Artikolu 7(1) tat-TUE rigward il-Polonja u l-Ungerija[7],

 tal-10 ta' Marzu 2022 dwar l-istat tad-dritt u l-konsegwenzi tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea[8],

 tat-8 ta' Lulju 2021 dwar ksur tal-liġi tal-UE u tad-drittijiet taċ-ċittadini LGBTIQ fl-Ungerija b'riżultat tal-bidliet legali adottati mill-Parlament Ungeriż[9],

 tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar is-sitwazzjoni tal-Istat tad-Dritt fl-Unjoni Ewropea u l-applikazzjoni tar-Regolament 2020/2092 (UE, Euratom) dwar il-Kondizzjonalità[10],

 wara li kkunsidra n-notifika bil-miktub mibgħuta mill-Kummissjoni lill-Gvern Ungeriż fis-27 ta' April 2022 f'konformità mal-Artikolu 6(1) tar-Regolament dwar il-Kondizzjonalità,

 wara li kkunsidra l-miżuri ta' rimedju mressqa mill-Gvern Ungeriż lill-Kummissjoni b'ittra bid-data tat-22 ta' Awwissu 2022,

 wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni bid-data tat-18 ta' Settembru 2022 għal deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill dwar miżuri għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni kontra l-ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fl-Ungerija (COM(2022)0485),

 wara li kkunsidra l-klassifikazzjoni tal-Ungerija fl-Indiċi tal-Istat tad-Dritt tal-Proġett Dinji tal-Ġustizzja 2022 (it-73 post minn 140 pajjiż u l-aħħar fl-UE, l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles u r-reġjun tal-Amerka ta' Fuq),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, kif stabbilit fl-Artikolu 2 tat-TUE, u kif inhuma riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u inkorporati fit-trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; billi dawk il-valuri, li huma komuni għall-Istati Membri u li għalihom l-Istati Membri kollha ssottoskrivew liberament, jikkostitwixxu l-pedament tad-drittijiet li jgawdu dawk li jgħixu fl-Unjoni;

B. billi l-miżuri skont ir-Regolament dwar il-Kondizzjonalità jistgħu jiġu implimentati mill-Kummissjoni meta l-ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt jaffettwa direttament jew jirriskja serjament li jaffettwa l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-Unjoni;

C. billi fit-18 ta' Settembru 2022, il-Kummissjoni ressqet miżuri ta' protezzjoni baġitarja skont ir-Regolament dwar il-Kondizzjonalità permezz ta' proposta għal deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill li tiżgura l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE kontra l-ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fl-Ungerija, bis-sospensjoni ta' 65 % tal-impenji għal tliet programmi fl-ambitu tal-politika ta' koeżjoni jew, jekk applikabbli, l-approvazzjoni tat-tliet programmi, kif ukoll projbizzjoni li wieħed jidħol f'impenji legali bit-trusts ta' interess pubbliku għall-programmi implimentati f'ġestjoni diretta u indiretta;

D. billi l-miżuri ta' rimedju adottati mill-Gvern Ungeriż mhumiex biżżejjed biex juru li l-ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fl-Ungerija ma għadux jaffettwa jew jirriskja serjament li jaffettwa l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u lanqas ma huwa adegwat biex jirrimedja s-sett limitat ta' nuqqasijiet li l-Kummissjoni għażlet li tindirizza fl-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill, u billi anke l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom tidher li x'aktarx ma tkunx adegwata biex tirrimedja ksur tal-istat tad-dritt li jaffettwa jew jirriskja serjament li jaffettwa l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-UE fl-Ungerija; billi dawn il-miżuri ta' rimedju ma jirrimedjawx ksur ieħor tal-prinċipju tal-istat tad-dritt fl-Ungerija, lil hinn mill-kamp ta' applikazzjoni tar-regolament;

E. billi l-Ungerija ddeċidiet li ma tipparteċipax f'kooperazzjoni msaħħa għall-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew;

1. Jilqa' d-deċiżjoni li jiġi skattat ir-Regolament dwar il-Kondizzjonalità fil-każ tal-Ungerija, għalkemm wara dewmien twil u b'kamp ta' applikazzjoni limitat wisq;

2. Huwa tal-fehma li s-17-il miżura nnegozjati mill-Kummissjoni u l-Gvern Ungeriż mhumiex biżżejjed biex jindirizzaw ir-riskju sistemiku eżistenti għall-interessi finanzjarji tal-UE;

3. Jistieden lill-Kummissjoni tindika fil-valutazzjoni tagħha r-riskju kontinwu u żżomm il-ħtieġa ta' miżuri ta' rimedju sabiex tipprovdi raġunijiet biex il-Kunsill japprova b'maġġoranza kwalifikata l-proposta tal-Kummissjoni tat-18 ta' Settembru 2022 għal deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill dwar miżuri għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni kontra l-ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fl-Ungerija;

4. Jistieden lill-Kunsill jadotta l-miżuri skont ir-Regolament dwar il-Kondizzjonalità, kif propost mill-Kummissjoni fit-18 ta' Settembru 2022, u jneħħi l-miżuri adottati biss wara li jkun ra evidenza li l-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tal-miżuri ma għadhomx issodisfati, jiġifieri li l-miżuri ta' rimedju adottati mill-Gvern Ungeriż kellhom effett sostenibbli fil-prattika u b'mod partikolari li ma ġiet irreġistrata l-ebda rigressjoni fuq miżuri diġà adottati; jenfasizza li jekk dawn il-miżuri jitreġġgħu lura fil-futur, l-Unjoni għandha tipproċedi għal korrezzjoni finanzjarja;

5. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni immedjata skont ir-Regolament dwar il-Kondizzjonalità fir-rigward ta' ksur ieħor tal-istat tad-dritt, b'mod partikolari dawk relatati mal-indipendenza tal-ġudikatura u raġunijiet oħra indirizzati fl-ittra li l-Kummissjoni bagħtet lill-Ungerija fid-19 ta' Novembru 2021;

6. Jiddispjaċih dwar l-abbuż kontinwu mill-awtoritajiet Ungeriżi tar-regola tal-unanimità tal-UE biex jimblukkaw deċiżjonijiet kruċjali bl-għan li jagħmlu pressjoni fuq il-Kummissjoni u l-Kunsill biex jirrilaxxaw il-fondi tal-UE, u b'hekk jittardjaw il-pakkett ta' għajnuna tal-Ukrajna ta' EUR 18-il biljun u r-rata minima globali tat-taxxa korporattiva; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżguraw li dan ma jkollu l-ebda impatt fuq id-deċiżjonijiet tagħhom fir-rigward tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-kundizzjonalità tal-istat tad-dritt;

7. Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżgura li r-riċevituri jew il-benefiċjarji finali tal-fondi tal-UE ma jiġux miċħuda dawn il-fondi fil-każ li jiġu applikati miżuri skont il-Mekkaniżmu ta' Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt, kif stabbilit fl-Artikolu 5(4) u (5), tar-Regolament dwar il-Kondizzjonalità; jistieden lill-Kummissjoni ssib modi kif tqassam il-fondi tal-UE permezz tal-gvernijiet lokali u l-NGOs jekk il-gvern ikkonċernat ma jikkooperax fir-rigward tan-nuqqasijiet fl-istat tad-dritt;

8. Ifakkar li l-għan tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza huwa li tagħti spinta lill-irkupru u r-reżiljenza tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, inkluża l-Ungerija; jiddeplora l-fatt li, minħabba l-azzjonijiet tal-Gvern Ungeriż, il-finanzjament tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza għadu ma laħaqx lill-poplu u lir-reġjuni tal-Ungerija u lanqas lill-gvernijiet lokali jew lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, filwaqt li s-26 pjan ieħor tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ġew approvati; jinnota li hemm riskju ta' użu ħażin tal-fondi fl-ambitu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u jtenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex toqgħod lura milli tagħti valutazzjoni pożittiva tal-pjan tal-Ungerija sakemm tkun ikkonformat bis-sħiħ mar-rakkomandazzjonijiet kollha fil-qasam tal-istat tad-dritt u sakemm tkun implimentat is-sentenzi rilevanti kollha tal-QĠUE u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem; jistenna li l-Kummissjoni teskludi kwalunkwe riskju tal-programmi fl-ambitu tal-politika ta' koeżjoni li jikkontribwixxu għall-użu ħażin tal-fondi tal-UE jew għall-ksur tal-istat tad-dritt qabel ma tapprova l-ftehimiet ta' sħubija u l-programmi tal-politika ta' koeżjoni;

9. Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' informazzjoni disponibbli għall-Parlament rigward in-negozjati bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Ungeriżi; jistenna li l-Kummissjoni tinforma lill-Parlament malajr u regolarment dwar kwalunkwe żvilupp rilevanti; jinnota l-importanza tat-trasparenza anke għaċ-ċittadini Ewropej, inklużi ċ-ċittadini Ungeriżi li għalihom l-interessi huma inkredibbilment għoljin;

10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

 

 

Aġġornata l-aħħar: 23 ta' Novembru 2022
Avviż legali - Politika tal-privatezza