Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0566/2022Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0566/2022

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar id-90 sena wara l-Holodomor: ir-rikonoxximent tal-qtil tal-massa bil-ġuħ bħala ġenoċidju

12.12.2022 - (2022/3001(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Anna Fotyga, Angel Dzhambazki, Charlie Weimers, Zbigniew Kuźmiuk, Hermann Tertsch, Roberts Zīle, Bogdan Rzońca, Elżbieta Rafalska, Ryszard Czarnecki, Witold Jan Waszczykowski, Alexandr Vondra, Veronika Vrecionová, Jacek Saryusz‑Wolski, Beata Mazurek, Andżelika Anna Możdżanowska, Joachim Stanisław Brudziński, Jadwiga Wiśniewska, Valdemar Tomaševski, Anna Zalewska, Dominik Tarczyński, Carlo Fidanza, Elżbieta Kruk, Ladislav Ilčić
f'isem il-Grupp ECR

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0559/2022

Proċedura : 2022/3001(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0566/2022
Testi mressqa :
B9-0566/2022
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B9‑0566/2022

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-90 sena wara l-Holodomor: ir-rikonoxximent tal-qtil tal-massa bil-ġuħ bħala ġenoċidju

(2022/3001(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju (il-Konvenzjoni dwar il-Ġenoċidju),

 wara li kkunsidra l-Liġi Ukrena dwar il-Holodomor fl-Ukrajna tal-1932 u l-1933, adottata fit-28 ta' Novembru 2006,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u t-trattati u l-istrumenti l-oħra tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2008 dwar il-kommemorazzjoni tal-Holodomor, il-karestija artifiċjali tal-Ukrajna (1932-1933)[1],

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-Istati Uniti dwar il-Karestija tal-Ukrajna tal-1932 u l-1933 lill-Kungress tal-Istati Uniti tad-19 ta' April 1988,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni dwar it-tifkira tal-vittmi tal-Karestija l-Kbira (Holodomor) fl-Ukrajna tal-1932 u l-1933 adottata fl-1 ta' Novembru 2007 mill-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO),

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-22 ta' Diċembru 2010 intitolat "Il-memorja tad-delitti mwettqa minn reġimi totalitarji fl-Ewropa" (COM(2010)0783),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Settembru 2019 dwar l-importanza tat-tifkira tal-istorja Ewropea għall-ġejjieni tal-Ewropa[2],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Konvenzjoni dwar il-Ġenoċidju tikkriminalizza numru ta' atti mwettqa bil-ħsieb li jinqered, b'mod sħiħ jew parzjalment, grupp nazzjonali, etniku, razzjali jew reliġjuż; il-qtil ta' membri tal-grupp; il-kawża ta' ħsara fiżika jew mentali serja lil membri tal-grupp; l-impożizzjoni intenzjonali ta' kundizzjonijiet tal-għajxien intiżi biex jikkawżaw il-qerda fiżika tal-grupp, kompletament jew parzjalment; l-impożizzjoni ta' miżuri maħsuba sabiex jevitaw li jkun hemm twelid fi ħdan il-grupp; u t-trasferiment bil-forza tal-grupp jiġu għal grupp ieħor; billi l-ġenoċidju jista' jseħħ kemm fi żminijiet ta' gwerra kif ukoll fi żminijiet ta' paċi;

B. billi l-Karestija l-Kbira, jew il-Holodomor, kienet azzjoni deliberata, ippjanata u konsistenti mwettqa mir-reġim despotiku ta' Bolshevik li kien imexxi l-Unjoni Sovjetika biex irażżan ir-reżistenza tal-popolazzjoni Ukrena u jokkupaha bħala stat oppressiv; billi l-Holodomor sewa l-ħajjiet ta' miljuni u għadu ġerħa miftuħa fl-istorja moderna tal-Ukrajna;

C. billi l-karestija ta' Holodomor tal-1932 u l-1933, li kkawżat il-mewt ta' miljuni ta' Ukreni kienet ippjanata b'mod ċiniku u krudili mir-reġim komunist ta' Stalin biex idaħħal bil-forza l-politika ta' kollettivizzazzjoni tal-agrikoltura tal-Unjoni Sovjetika kontra r-rieda tal-popolazzjoni rurali fl-Ukrajna;

D. billi t-traġedja tal-Holodomor tal-1932 u l-1933 fl-Ukrajna ġiet miċħuda uffiċjalment mill-awtoritajiet Sovjetiċi għal bosta għexieren ta' snin u għadha qed tiġi miċħuda jew interpretata ħażin mir-reġim ta' Putin; billi Moska tkompli tiċħad li tirrikonoxxi d-delitti tal-passat u l-użu tagħha ta' politiki simili llum huma evidenza ċara tal-affinità ideoloġika ta' dawn ir-reġimi u tal-inkompatibbiltà tagħhom mal-prinċipji u l-istandards universali tad-drittijiet tal-bniedem u l-umanità;

E. billi għadd dejjem akbar ta' pajjiżi, inklużi l-Awstralja, il-Kanada, il-Kolombja, iċ-Ċekja, l-Ekwador, l-Estonja, il-Georgia, l-Ungerija, l-Irlanda, il-Latvja, il-Litwanja, il-Messiku, il-Paragwaj, il-Perù, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, l-Ukrajna, l-Istati Uniti tal-Amerka u s-Santa Sede jirrikonoxxu lill-Holodomor bħala ġenoċidju, filwaqt li l-Parlament Ġermaniż riċentement adotta riżoluzzjoni f'dan ir-rigward;

F. billi l-karestija ta' Holodomor tal-1932 u l-1933 kienet waħda mill-aktar atti ħorox imwettqa mir-Russja kontra n-nazzjonijiet li kienu okkupati minnha fl-Ewropa u fl-Asja; billi, madankollu, hija parti minn mudell rikorrenti ta' delitti mwettqa mir-reġimi Tsaristi, Sovjetiċi u ta' Putin kontra n-nazzjonijiet, il-popli indiġeni u l-gruppi etniċi u reliġjużi okkupati mir-Russi, bl-aktar eżempji allarmanti jinkludu ċ-Ċirkassjani u t-Tatari tal-Krimea;

G. billi l-kommemorazzjoni tad-delitti kontra l-umanità fl-istorja Ewropea għandha tgħin biex tipprevjeni l-okkorrenza ta' delitti simili fil-futur, filwaqt li l-memorji tal-passat traġiku tal-Ewropa jridu jinżammu ħajjin sabiex jiġu onorati l-vittmi u jiġu kkundannati l-awturi tar-reati;

H. billi l-Federazzjoni Russa qed tuża l-karestija bħala arma u qed timblokka l-esportazzjonijiet taċ-ċereali Ukreni mill-Baħar l-Iswed, li huwa kruċjali għas-sigurtà tal-ikel f'ħafna partijiet tad-dinja; billi fl-istess ħin ir-Russja tagħti tort lis-soċjetajiet demokratiċi għal azzjonijiet li jikkontribwixxu għal nuqqasijiet ta' ikel madwar id-dinja;

I. billi l-Federazzjoni Russa qed twettaq kampanja ta' propaganda aggressiva f'ħafna partijiet tad-dinja, inkluż fl-Afrika, fil-Lvant Nofsani u fl-Asja, li tagħti tort lill-Punent għall-gwerra fl-Ukrajna u l-konsegwenzi tagħha u tiċħad l-impatt tal-operazzjonijiet militari fl-Ukrajna fuq is-sigurtà globali tal-ikel;

1. Jirrikonoxxi lill-Holodomor (il-karestija artifiċjali tal-1932 u l-1933 fl-Ukrajna) bħala ġenoċidju kontra l-poplu Ukren, bl-għan li jeqred il-pedamenti soċjali tan-nazzjon Ukren, it-tradizzjonijiet, il-kultura u l-identità nazzjonali tiegħu;

2. Jinkoraġġixxi t-tixrid ta' informazzjoni dwar l-Holodomor tal-1932 u l-1933 sabiex tinxtered is-sensibilizzazzjoni dwar din it-traġedja umana inimmaġinabbli, li wasslet għall-mewt ta' vittmi innoċenti;

3. Jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli dan l-att u d-delitti tar-reġim totalitarju tal-Unjoni Sovjetika fl-organizzazzjoni tal-Holodomor, li rriżultaw fil-mewt ta' miljuni ta' Ukreni u għamlu ħsara sinifikanti lill-pedamenti soċjali tas-soċjetà tal-Ukrajna, it-tradizzjonijiet antiki tagħhom, il-kultura spiritwali u l-identità nazzjonali;

4. Ifakkar li l-Holodomor kien preċedut minn atti oħra ta' ġenoċidju mmirati lejn iċ-Ċirkassjani u popli indiġeni oħra u gruppi etniċi u reliġjużi li jgħixu fit-territorji vasti tar-Russja u kien segwit mill-ġenoċidju tat-Tartari tal-Krimea meta, fl-1944, ir-reġim Komunista Sovjetiku totalitarju keċċa lit-Tatari tal-Krimea, l-abitanti indiġeni tal-Krimea, minn pajjiżhom u mijiet ta' eluf ta' rġiel, nisa u tfal ġew deportati bil-forza u bi vjolenza lejn is-Siberja u r-reġjuni tal-Asja Ċentrali tal-USSR; ifakkar, barra minn hekk, li kważi nofshom tilfu ħajjithom fl-ewwel sena ta' eżilju u li r-reġim Sovjetiku pprojbixxa lit-Tartari tal-Krimea milli jirritornaw lejn il-Krimea għal kważi 50 sena;

5. Jesprimi s-simpatija tiegħu mal-poplu Ukren, li sofra f' din it-traġedja, u jonora lil dawk li mietu bħala konsegwenza tal-karestija artifiċjali tal-1932 u l-1933; jissottolinja li 90 sena wara dawn l-avvenimenti traġiċi, il-poplu Ukren għal darb'oħra qed jiffaċċja qtil tal-massa, deportazzjoni furzata, tortura u intimidazzjoni mill-Federazzjoni Russa, li huma ekwivalenti għal ġenoċidju u kienu viżibbli b'mod ċar f'Mariupol, Bucha, Irpin u bnadi oħra;

6. Jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li, minkejja l-kampanja ta' diżinformazzjoni mwettqa mill-Federazzjoni Russa, id-delitti atroċi tal-gwerra se jkomplu jiġu żvelati u investigati bir-reqqa, u li l-awturi tagħhom se jiġu kkastigati, inkluż Vladimir Putin u persuni oħra f'livelli differenti li huma responsabbli għall-gwerra;

7. Jikkundanna l-attakki bil-missili fuq il-bliet Ukreni li primarjament għandhom l-għan li jeqirdu l-infrastruttura tal-enerġija; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Ukrajna tiġi pprovduta sistemi ta' difiża tal-ajru moderni u adegwati li jagħmlu tali attakki mill-Federazzjoni Russa impossibbli; jirrimarka li l-evidenza ta' delitti tal-gwerra diġà żvelati tipprovdi konferma ulterjuri tan-natura barbara tal-aggressjoni Russa;

8. Jistieden lill-pajjiżi kollha li għadhom ma rrikonoxxewx lill-Holodomor bħala ġenoċidju tal-poplu Ukren biex jagħmlu dan mingħajr dewmien;

9. Itenni l-importanza li titqajjem kuxjenza pubblika u li jitfakkru t-tagħlimiet meħuda minn dan il-ġenoċidju sabiex tiġi evitata kwalunkwe katastrofi simili fil-futur u jappella għal valutazzjoni storika u legali tal-Holodomor; jindika s-similaritajiet li jistgħu jiġu osservati bejn il-politiki moderni tal-Federazzjoni Russa matul il-gwerra fl-Ukrajna u l-avvenimenti minn 90 sena ilu;

10. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE u lill-pajjiżi terzi jiftħu l-arkivji tagħhom dwar l-avvenimenti tal-1932 u l-1933 sabiex tiġi żvelata l-verità sħiħa dwar din it-traġedja;

11. Jistieden lill-Istati Membri kollha tal-UE u lill-pajjiżi terzi jieħdu sehem fil-luttu, in-niket u l-kommemorazzjoni solenni tal-vittmi matul id-90 anniversarju tal-Holodomor tal-1932 u l-1933 fl-Ukrajna;

12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukrajna, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa.

Aġġornata l-aħħar: 14 ta' Diċembru 2022
Avviż legali - Politika tal-privatezza