Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0102/2023Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0102/2023

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-iżvilupp ta' strateġija tal-UE favur l-użu tar-roti

8.2.2023 - (2022/2909(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Karima Delli
f'isem il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

Proċedura : 2022/2909(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0102/2023
Testi mressqa :
B9-0102/2023
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B9‑0102/2023

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-iżvilupp ta' strateġija tal-UE favur l-użu tar-roti

(2022/2909(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-pakkett tal-Kummissjoni "Lesti għall-mira ta' 55 %" tal-14 ta' Lulju 2021 dwar it-twettiq tal-Patt Ekoloġiku Ewropew,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Mejju 2022 intitolata "Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050" (COM(2022)0240),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Diċembru 2021 intitolata "Il-Qafas il-ġdid tal-UE għall-Mobbiltà Urbana" (COM(2021)0811),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Diċembru 2020 intitolata "Strateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti – inqiegħdu t-trasport Ewropew fit-triq it-tajba għall-futur" (COM(2020)0789),

 wara li kkunsidra r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/73 tas-17 ta' Jannar 2019 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b'mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' roti elettriċi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina[1],

 wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni tat-12 ta' Ottubru 2016 intitolata "Pjan Direzzjonali tal-UE għaċ-Ċikliżmu"[2],

 wara li kkunsidra r-Rapporti Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) Nru 6/2020 intitolat "Mobbiltà Urbana Sostenibbli fl-UE: Mhuwiex possibbli li jsir titjib sostanzjali mingħajr l-impenn tal-Istati Membri",

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Marzu 2020 intitolata "Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa" (COM(2020)0102),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Jannar 2021 dwar ir-reviżjoni tal-linji gwida għan-Network trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T)[3],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Ottubru 2021 dwar Qafas ta' Politika tal-UE dwar is-Sikurezza fit-Toroq 2021-2030 – Rakkomandazzjonijiet dwar il-passi li jmiss lejn "Viżjoni Żero"[4],

_ wara li kkunsidra d-diskors tat-30 ta' Ġunju 2022 mill-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Frans Timmermans waqt is-Samit dwar ir-Roti f'Kopenħagen,

 wara li kkunsidra l-prinċipju tas-sussidjarjetà u, b'mod partikolari, l-Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra d-"Dikjarazzjoni dwar iċ-Ċikliżmu bħala mezz ta' trasport li ma jagħmilx ħsara lill-klima" tal-Istati Membri, approvata matul il-Presidenza Lussemburgiża tal-UE f'Ottubru 2015,

 wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU, b'mod partikolari l-Għan 11 dwar Bliet u Komunitajiet Sostenibbli, li fih l-użu tar-roti jitqies li jagħmel il-bliet u l-insedjamenti umani aktar inklużivi, sikuri, reżiljenti u sostenibbli,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Lulju 2022 bi tweġiba għall-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar l-iżvilupp ta' strateġija tal-UE għaċ-ċikliżmu (O-000025/2022 – B8 – B9-0017/2022),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu,

A. billi t-trasport huwa sors sinifikanti ta' tniġġis tal-arja, u billi modi ta' trasport sostenibbli, bħall-użu tar-roti, huma essenzjali biex jintlaħqu l-objettivi tal-UE dwar il-klima u t-tnaqqis tat-tniġġis u biex jintlaħqu l-ambizzjonijiet tagħha fl-inizjattivi tal-UE "Save Energy" u REPowerEU;

B. billi l-użu tar-roti jġib miegħu ħafna benefiċċji, bħal saħħa aħjar, inqas konġestjoni fit-toroq u tniġġis akustiku, kwalità tal-arja mtejba, tkabbir ekonomiku u benefiċċji ambjentali u soċjali;

C. billi l-użu tar-roti huwa mezz ta' trasport relattivament irħis, li l-biċċa l-kbira taċ-ċittadini jistgħu jaffordjaw, u jippromwovi ekonomija sostenibbli;

D. billi hija meħtieġa infrastruttura aktar sikura għall-użu tar-roti biex jiġi sfruttat il-potenzjal għall-użu tar-roti, li hija alternattiva siewja għall-ivvjaġġar f'distanzi qosra;

E. billi l-ekosistema tar-roti tal-UE diġà tirrappreżenta aktar minn 1 000 intrapriża żgħira u medja (SMEs) u 1 miljun impjieg u tista' żżid sa 2 miljun impjieg sal-2030; billi r-roti elettriċi jirrappreżentaw opportunità għat-tkabbir tal-industrija tar-roti, u jipprovdu potenzjal biex jinħolqu impjiegi ekoloġiċi u jiġu assorbiti ħaddiema b'ħiliet ġodda minn setturi oħra;

F. billi n-nuqqas ta' parkeġġ sikur u miżuri għall-prevenzjoni tas-serq, kif ukoll in-nuqqas ta' mogħdijiet iddedikati għall-użu tar-roti, huma meqjusa bħala ż-żewġ ostakli prevalenti biex jiġu attirati utenti ġodda u jinkiseb il-potenzjal sħiħ taċ-ċikliżmu fil-bliet;

1. Iqis li l-użu tar-roti għandu jiġi rikonoxxut bħala mezz ta' trasport sħiħ; jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija Ewropea ddedikata għall-użu tar-roti bl-għan li tirdoppja l-għadd ta' kilometri ċikliċi fl-Ewropa sal-2030; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-ġbir armonizzat tad-data dwar l-użu tar-roti, inkluża d-data industrijali;

2. Jinnota li l-użu tar-roti żdied bħala rispons għall-pandemija tal-COVID-19 u ż-żieda fil-prezz tal-fjuwils fossili mill-gwerra illegali ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna; iħeġġeġ lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jikkunsidraw li jżommu l-infrastruttura tar-roti stabbilita bħala rispons għall-pandemija permezz tal-proċessi regolari tal-ippjanar urban tagħhom, u jieħdu azzjonijiet tanġibbli biex jintegraw kif xieraq l-użu tar-roti fl-oqfsa tal-mobbiltà urbana tagħhom, filwaqt li jirrikonoxxu l-potenzjal tagħha li tikkontribwixxi għal konnettività aħjar bejn iż-żoni suburbani u ċ-ċentri tal-bliet, b'mod partikolari permezz ta' awtostradi bir-roti;

3. Iħeġġeġ, bl-għan li titrawwem il-multimodalità, il-ħolqien ta' sinerġiji bejn l-użu tar-roti u modi oħra ta' trasport, bħal li jsiru aktar postijiet disponibbli għar-roti fil-ferroviji u jiġu pprovduti żoni ta' parkeġġ aktar sikuri għar-roti fl-istazzjonijiet u ċ-ċentri tal-mobbiltà;

4. Iqis li l-politiki u l-appoġġ Ewropej għandhom iqisu kif xieraq l-użu tar-roti meta jibnu jew jaġġornaw l-infrastruttura tat-TEN-T, inkluż iż-żieda ta' korsiji għar-roti li jkunu paralleli mal-binarji ferrovjarji u l-passaġġi fuq l-ilma interni, fejn dan jista’ jsir;

5. Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali jżidu b'mod sinifikanti l-investimenti fil-kostruzzjoni ta' infrastruttura separata għall-użu tar-roti, jintegraw skemi affordabbli ta' roti elettroniċi u ta' kondiviżjoni tar-roti fin-networks tal-pjanijiet ta' mobbiltà tagħhom u jirriflettu l-użu tar-roti bħala soluzzjoni vitali tal-aħħar mil fin-nodi urbani;

6. Jenfasizza li l-ippjanar tal-infrastruttura urbana għandu jiġi żviluppat f'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sikurezza fit-toroq, inklużi standards ta' sikurezza għall-użu tar-roti; jistieden lill-Kummissjoni tħaffef il-ħidma tagħha fir-rigward tal-gwida dwar ir-rekwiżiti tal-kwalità għal infrastruttura għar-roti li tkun ta' kwalità għolja u sikura prevista fid-Direttiva RISM ((UE) 2019/1936)[5]; jissottolinja l-ħtieġa li jittejbu t-teknoloġiji intelliġenti tas-sistema tat-trasport sabiex dawn jibdew jirrikonoxxu aħjar liċ-ċiklisti fit-toroq;

7. Jistieden lill-Kummissjoni tirrikonoxxi l-industrija tar-roti, inkluża l-manifattura tal-batteriji għar-roti elettriċi u l-ekonomija ċirkolari, u b'mod partikolari l-SMEs, bħala sħab leġittimi fl-ekosistema tal-mobbiltà tal-istrateġija industrijali tal-UE, u fil-programmi ta' infrastruttura industrijali u fl-iskemi ta' finanzjament; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkoraġġixxu proġetti dwar l-użu tar-roti u setturi relatati bħall-mobbiltà, it-turiżmu, is-saħħa u l-isport, fost oħrajn;

8. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw il-produzzjoni ta' roti u komponenti "Made in Europe", biex b'hekk jistimulaw il-kompetittività tal-industrija tal-UE, billi jnaqqsu d-distakk fl-investiment, iżommu kundizzjonijiet ekwi globali u jistimulaw ir-rilokalizzazzjoni u s-sigurtà tal-katina tal-provvista, u billi jinkoraġġixxu impjiegi ta' kwalità għolja, joħolqu raggruppamenti għar-roti u jsaħħu t-taħriġ vokazzjonali relatat mal-industrija;

9. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-użu tar-roti jkun aċċessibbli għall-persuni b'mobbiltà mnaqqsa, u li jkun ukoll affordabbli għall-gruppi vulnerabbli; jinnota li l-Fond Soċjali Ewropew għall-Klima u l-fondi strutturali u ta' investiment jistgħu jgħinu lil dawk li huma l-aktar affettwati mill-"faqar tat-trasport" billi jappoġġjaw ix-xiri ta' roti jew l-aċċess għal servizzi ta' kondiviżjoni tar-roti;

10. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jwettqu kampanji edukattivi u taħriġ, inklużi kampanji ta' informazzjoni, biex iżidu s-sensibilizzazzjoni dwar is-sikurezza fit-toroq, filwaqt li jappoġġjaw l-użu sikur tar-roti u tar-roti elettriċi; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tipproponi linji gwida dwar l-użu sikur tar-roti (elmi, restrizzjonijiet tal-età, ġarr tat-tfal, eċċ.), u jitlob li tingħata attenzjoni partikolari għall-inkoraġġiment taċ-ċikliżmu fost in-nisa u l-anzjani, b'mod partikolari permezz tat-titjib tas-sikurezza;

11. Jinnota, f'dan il-kuntest, li l-infurzar u l-monitoraġġ xierqa huma essenzjali għas-sikurezza u s-sigurtà tal-utenti, u jitlob li l-enfasi titqiegħed fuq l-infurzar tar-regoli eżistenti sabiex tiġi żgurata l-koeżistenza rispettuża ta' modi differenti ta' trasport;

12. Jissottolinja l-potenzjal tar-roti elettriċi biex jintużaw aktar ir-roti; jinnota li sabiex jinżamm l-użu rapidu tar-roti elettriċi u l-aċċess għalihom, dawk li b'assistenza kapaċi jilħqu veloċitajiet sa 25 km/h iridu jingħataw klassifikazzjoni legali xierqa kemm fil-leġiżlazzjoni tal-UE kif ukoll f'dik nazzjonali;

13. Jirrimarka li għandha tingħata kunsiderazzjoni xierqa lill-ispazji ta' parkeġġ sikuri għar-roti u l-kapaċità ta' ċċarġjar għar-roti elettriċi meta jsir l-ippjanar tal-akkomodazzjoni;

14. Iħeġġeġ lill-kumpaniji, lill-organizzazzjonijiet pubbliċi u lill-istituzzjonijiet jippromwovu l-użu tar-roti permezz ta' inċentivi speċifiċi, inklużi programmi għall-impjegati u l-installazzjoni ta' biżżejjed spazji għall-parkeġġ tar-roti b'ċarġers tar-roti elettriċi, u jipprovdu faċilitajiet sanitarji adegwati;

15. Jenfasizza li t-turiżmu tar-roti u l-użu tar-roti fiż-żoni rurali iridu jiġu appoġġjati billi jitħaffef l-iżvilupp tan-network EuroVelo u s-17-il rotta tiegħu, b'mod partikolari billi jiġi żgurat appoġġ aktar b'saħħtu kif ukoll billi jiġu sfruttati s-sinerġiji man-network TEN-T;

16. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jnaqqsu r-rati tal-VAT għall-provvista, il-kiri u t-tiswija ta' roti u roti elettriċi;

17. Jistieden lill-Kummissjoni taħtar l-2024 bħala s-"Sena Ewropea tar-Roti";

18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kumissjoni u lill-Istati Membri kif ukoll lill-parlamenti tagħhom.

 

Aġġornata l-aħħar: 15 ta' Frar 2023
Avviż legali - Politika tal-privatezza