MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar introjtu minimu adegwat li jiżgura inklużjoni attiva
8.2.2023 - (2022/2840(RSP))
skont l-Artikolu 136(5) tar-Regoli ta' Proċedura
Guido Reil, Dominique Bilde, Elena Lizzi, Stefania Zambelli
f'isem il-Grupp ID
Margarita de la Pisa Carrión, Anna Zalewska, Elżbieta Rafalska, Ádám Kósa, Enikő Győri
B9‑0116/2023
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar introjtu minimu adegwat li jiżgura inklużjoni attiva
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 156 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra d-dokument informali mill-Awstrija, il-Bulgarija, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, l-Irlanda, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, in-Netherlands u l-Iżvezja qabel is-Summit Soċjali ta' Porto ta' Mejju 2021,
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 1992 dwar il-kriterji komuni rigward ir-riżorsi u l-għajnuna soċjali suffiċjenti fis-sistemi ta' protezzjoni soċjali[1],
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta' Jannar 2023 dwar introjtu minimu adegwat li jiżgura inklużjoni attiva[2],
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-28 ta' Settembru 2022 għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar introjtu minimu adegwat li jiżgura l-inklużjoni attiva (COM(2022)0490),
– wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 25/2021 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tat-8 ta' Diċembru 2021 bit-titolu "L-appoġġ tal-FSE għall-ġlieda kontra l-qgħad fit-tul: Jeħtieġ li l-miżuri jkunu mmirati, imfassla u mmonitorjati aħjar"[3],
– wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar introjtu minimu adegwat li jiżgura inklużjoni attiva (O‑000050/2022 – B9‑0000/2023 u O‑000051/2022 – B9‑0000/2023),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 136(5) u l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,
A. billi fl-2021, 95,4 miljun persuna fl-UE kienu f'riskju ta' faqar jew ta' esklużjoni soċjali[4];
B. billi l-persuni l-aktar milquta mill-faqar jew fir-riskju li jaqgħu fil-faqar huma l-ommijiet waħedhom, il-persuni akbar fl-età, il-persuni b'diżabilità, b'livell baxx ta' edukazzjoni, b'mard fit-tul jew b'mard kroniku, persuni li esperjenzaw qgħad fit-tul jew assenza twila mis-suq tax-xogħol, u l-migranti; billi fl-2021, 16 % tal-pensjonanti Ewropej kienu f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali;
C. billi fl-2020, madwar 36 miljun ċittadin tal-UE, li jammontaw għal madwar 8 % tal-popolazzjoni, ma kinux kapaċi jżommu djarhom sħan b'mod adegwat; billi f'din l-istess sena madwar 6 % tal-popolazzjoni tal-UE kellhom arretrati fil-kontijiet tal-utilitajiet tagħhom; billi fl-2018, l-ifqar unitajiet domestiċi Ewropej (jiġifieri dawk li jaqgħu fl-10 % l-aktar baxxa tal-kategorija ta' introjtu) nefqu 8,3 % tan-nefqa tagħhom fuq l-enerġija[5];
D. billi l-kriżi tal-enerġija u l-inflazzjoni (ekoloġika), li kienu t-tnejn ikkawżati mill-politiki u l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-klima u l-politika ta' interessi baxxi tal-Bank Ċentrali Ewropew, u marru għall-agħar minħabba fihom, u li ġew aggravati mill-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, se jżidu l-għadd ta' ċittadini u unitajiet domestiċi affettwati mill-insigurtà u l-faqar;
E. billi l-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55 %" se jressaq miljuni ta' Ewropej lejn il-faqar enerġetiku; billi l-estensjoni tal-Iskema tal-UE għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet għall-bini u t-trasport se tippenalizza l-unitajiet domestiċi b'introjtu baxx li ma jistgħux jaffordjaw jinvestu f'rinnovazzjonijiet u installazzjonijiet ta' sistemi tal-enerġija rinnovabbli għaljin u li jiffrankaw l-enerġija; billi l-unitajiet domestiċi b'introjtu baxx x'aktarx li jintlaqtu l-aktar minn din il-politika, li se taggrava s-sitwazzjoni diġà prekarja tagħhom;
F. billi l-persuni qiegħda huma f'riskju ogħla ta' faqar; billi l-aħjar mod biex in-nies jinħarġu mill-faqar huwa li jingħataw impjiegi ta' kwalità għolja; billi, f'dan ir-rigward, it-taħriġ imfassal apposta u t-taħriġ (mill-ġdid) tal-ħiliet huma essenzjali għall-integrazzjoni (mill-ġdid) tal-persuni fis-suq tax-xogħol;
G. billi l-miżuri ta' konfinament meħuda b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 aggravaw il-problema tal-qgħad fit-tul fl-UE; billi skont ir-Rapport Speċjali Nru 25/2021 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, il-miżuri ffinanzjati permezz tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) mhux dejjem kellhom fil-mira lill-persuni qiegħda fit-tul u għalhekk mhux dejjem indirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom;
H. billi l-iskemi ta' introjtu minimu (MISs) huma benefiċċji u servizzi li flimkien jikkostitwixxu xibka ta' sikurezza għal persuni li, kemm jekk f'impjieg kif ukoll mingħajr impjieg, ma jkollhomx biżżejjed riżorsi finanzjarji biex jiżguraw standard minimu ta' għajxien għalihom infushom, inkluż kwalunkwe dipendenti[6];
I. billi skont l-Artikolu 156 tat-TFUE, il-forniment u l-ġestjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali huma kompetenza tal-Istati Membri, li l-UE tikkoordina iżda ma tarmonizzax; billi l-livelli ta' protezzjoni soċjali, il-kapaċità ekonomika u s-sistemi tas-sigurtà soċjali fis-seħħ ivarjaw b'mod sostanzjali bejn l-Istati Membri; billi x-xbieki ta' sikurezza soċjali nazzjonali huma differenti ħafna u għalhekk mhumiex komparabbli;
J. billi l-MISs garantiti jeżistu fl-Istati Membri kollha bħala programmi ta' appoġġ għall-introjtu tal-aħħar rimedju bl-għan li l-unitajiet domestiċi b'introjtu baxx jiġu protetti mill-faqar; billi t-tfassil ta' dawn l-iskemi jvarja skont l-approċċ ta' kull Stat Membru għall-protezzjoni soċjali; billi l-MISs differenti fl-Ewropa jistgħu jinqasmu b'mod wiesa' f'ħames tipi[7];
K. billi l-istimi tan-nuqqas ta' użu tal-appoġġ għall-introjtu minimu tipikament ivarjaw minn 30 % sa 50 % tal-popolazzjoni eliġibbli, li jista' jiġi spjegat minn fatturi bħan-nuqqas ta' informazzjoni u l-kumplessità tal-aċċess[8];
L. billi xi persuni huma kapaċi jidħlu (mill-ġdid) fis-suq tax-xogħol u huma disponibbli biex jidħlu, filwaqt li oħrajn mhumiex (immedjatament) kapaċi jaħdmu, bħal persuni b'diżabilità severa jew problemi tas-saħħa[9];
1. Jinnota r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta' Jannar 2023 dwar introjtu minimu adegwat li jiżgura l-inklużjoni attiva; jirrikonoxxi li MISs adegwati stabbiliti mill-Istati Membri jistgħu jgħinu biex inaqqsu l-faqar; jafferma mill-ġdid li l-politika soċjali għandha madankollu tkun kompetenza esklussiva tal-Istati Membri;
2. Jenfasizza l-fatt li l-faqar u r-riskju tal-faqar jistgħu jitnaqqsu biss permezz ta' miżuri mill-Istati Membri li jippromwovu impjiegi stabbli u ta' kwalità għolja, li għalihom huma meħtieġa politiki mmirati lejn tkabbir ekonomiku stabbli u investiment;
3. Jemmen li huwa essenzjali li l-MISs ikunu mfassla tajjeb sabiex jiżguraw li ma joħolqux diżinċentivi għan-nies biex jaħdmu jew isakkruhom f'ċiklu ta' dipendenza fuq il-benefiċċji soċjali u jżommuhom fil-faqar; huwa tal-fehma li l-introjtu minn xogħol regolari (anke fil-livell tal-paga minima) irid dejjem ikun ogħla mill-ammont ipprovdut mill-appoġġ għall-introjtu minimu biex jiġi żgurat li wieħed ma jiġix diżinċentivat milli jaħdem u li x-xogħol irregolari ma jiġix inċentivat;
4. Jisħaq li l-MISs għandhom jitqiesu bħala forma temporanja ta' appoġġ u organizzati bħala perkorsi għall-impjieg u, għalhekk, għandhom ikunu akkumpanjati minn politiki attivi għall-integrazzjoni (mill-ġdid) fis-suq tax-xogħol;
5. Jisħaq li l-MISs huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali jew sottonazzjonali u jikkorrispondu għal kuntesti nazzjonali jew reġjonali; jisħaq li l-Istati Membri huma intitolati jistabbilixxu u jifformulaw il-kriterji ta' eliġibbiltà u jimponu kundizzjonijiet, bħall-fatt li l-benefiċjarji jiġu preklużi milli jirċievu benefiċċji tal-qgħad jew milli jkollhom isegwu edukazzjoni obbligatorja, iwettqu xogħol pubbliku jew jaċċettaw offerti ta' impjieg;
6. Jisħaq li d-deċiżjonijiet ta' politika dwar l-MISs fl-Istati Membri jsiru fil-livell nazzjonali, reġjonali jew saħansitra lokali, u xi drabi anke jinvolvu wkoll taħlita ta' dawn il-livelli ta' governanza; jisħaq li t-twettiq ta' MISs f'livelli ta' governanza aktar baxxi jista' jikkontribwixxi għal approċċ aktar immirat u effiċjenti, peress li l-ħtiġijiet tal-unitajiet domestiċi jvarjaw bejn ir-reġjuni fl-Istati Membri;
7. Jinnota li f'ħafna Stati Membri, il-kompożizzjoni tal-unitajiet domestiċi hija kunsiderazzjoni essenzjali meta, f'dawn il-pajjiżi, jiġi stabbilit il-livell ta' appoġġ u konsegwentement jiġi applikat l-ittestjar tal-mezzi bbażati fuq l-unitajiet domestiċi;
8. Huwa tal-fehma li meta jiġi kkalkulat l-ammont ipprovdut permezz tal-MISs, il-benefiċċji in natura għandhom jitqiesu biex jiġi żgurat li t-total ma jkunx eċċessiv iżda pjuttost jirrifletti l-ħtiġijiet reali;
9. Jemmen li l-kriterji ta' aċċess għall-MISs għandhom ikunu ċari u koerenti u jħeġġeġ lill-Istati Membri jissimplifikaw il-proċeduri amministrattivi rilevanti; iqis li huwa importanti għall-awtoritajiet, iċ-ċentri u l-amministrazzjonijiet pubbliċi rilevanti li jipprovdu lill-benefiċjarji potenzjali bl-informazzjoni kollha meħtieġa u jgħinuhom jissottomettu l-applikazzjonijiet tagħhom għal appoġġ għall-introjtu; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu disponibbli għodod kemm diġitali kif ukoll mhux diġitali biex jassistu lill-benefiċjarji potenzjali;
10. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jevalwaw regolarment l-MISs tagħhom u jaġġornawhom meta jkun meħtieġ sabiex jirriflettu l-għoli tal-ħajja fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali;
11. Jisħaq li l-MISs huma ffinanzjati mill-kontribwenti u għalhekk għandhom jintużaw b'mod trasparenti; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimmonitorjaw mill-qrib kemm l-adegwatezza kif ukoll l-effikaċja tal-MISs tagħhom fil-ġlieda kontra l-faqar; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq l-importanza ta' koordinazzjoni tajba u skambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet u l-aġenziji nazzjonali rilevanti fl-oqsma tal-protezzjoni soċjali u l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol;
12. Huwa tal-fehma li l-promozzjoni ta' impjiegi ta' kwalità għolja u ż-żamma tal-impjiegi jirrikjedu politiki attivi tas-suq tax-xogħol li jinkludu t-tagħlim tul il-ħajja u appoġġ u gwida personalizzati; iħeġġeġ lill-Istati Membri jfasslu dawn il-miżuri skont il-ħtiġijiet u s-sitwazzjonijiet individwali tal-benefiċjarji tal-appoġġ għall-introjtu minimu; jistieden lill-Istati Membri jużaw l-FSE+, flimkien ma' approċċ personalizzat, biex jgħinu lill-persuni qiegħda fit-tul fil-perjodu 2021-2027;
13. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jinvestu fl-indukrar tat-tfal pubbliku biex in-nisa jkunu jistgħu jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol;
14. Jinnota li f'xi Stati Membri, l-MISs huma ffinanzjati wkoll permezz ta' kontribuzzjonijiet mill-impjegaturi u mill-impjegati; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq l-importanza li jiġu ppreservati kemm dawn l-approċċi nazzjonali għall-MISs kif ukoll il-kompetittività tal-intrapriżi u n-negozji;
15. Iqis li huwa essenzjali li l-kost fiskali tal-MISs jiġi mmonitorjat bir-reqqa; iqis li l-eliġibbiltà biex wieħed jirċievi appoġġ għall-introjtu minimu tista' tiġi ristretta ladarba benefiċjarju jkun ipparteċipa f'tali skema għal ammont ta' żmien partikolari jew ikun irċieva ċertu ammont ta' appoġġ;
16. Jinsab imħasseb dwar l-għadd li qed jikber b'mod drammatiku ta' migranti u rifuġjati li huma benefiċjarji tal-MISs f'ħafna Stati Membri, fenomenu li ġie kkawżat u mar għall-agħar minħabba politiki tal-migrazzjoni li fallew; jemmen li l-MISs jistgħu jkunu fattur ta' attrazzjoni għall-immigrazzjoni tal-massa; jinsab imħasseb li dan il-piż finanzjarju li qed jiżdied se jdgħajjef is-sistemi ta' protezzjoni soċjali ta' Stati Membri differenti;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
- [1] ĠU L 245, 26.8.1992, p. 46.
- [2] ĠU C 41, 3.2.2023, p. 1.
- [3] https://www.eca.europa.eu/mt/Pages/DocItem.aspx?did=60158.
- [4] https://ec.europa.eu/eurostat/web/products-eurostat-news/-/edn-20211015-1.
- [5] Briefing – "Energy poverty in the EU" (Il-faqar enerġetiku fl-UE), Parlament Ewropew, Direttorat Ġenerali għas-Servizzi ta' Riċerka Parlamentari, 4 ta' Lulju 2022.
- [6] https://www.caritas.eu/minimum-income-schemes-to-ensure-dignity-for-all.
- [7] Dokument ta' ħidma – "Guaranteed Minimum Income Schemes in Europe: Landscape and Design" (Skemi ta' Introjtu Minimu Garantiti fl-Ewropa: Xenarju u Disinn) (WP/21/179), Fond Monetarju Internazzjonali, Dipartiment tal-Affarijiet Fiskali, Lulju 2021.
- [8] Il-proposta tal-Kummissjoni tat-28 ta' Settembru 2022 għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar introjtu minimu adegwat li jiżgura l-inklużjoni attiva (COM(2022)0490).
- [9] Il-proposta tal-Kummissjoni tat-28 ta' Settembru 2022 għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar introjtu minimu adegwat li jiżgura l-inklużjoni attiva (COM(2022)0490).