Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0146/2023Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0146/2023

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar it-twaqqif ta' Korp tal-Etika indipendenti tal-UE

14.2.2023 - (2023/2555(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Daniel Freund
f'isem il-Grupp Verts/ALE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0144/2023

Proċedura : 2023/2555(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0146/2023
Testi mressqa :
B9-0146/2023
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B9‑0146/2023

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-twaqqif ta' Korp tal-Etika indipendenti tal-UE

(2023/2555(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Settembru 2021 dwar it-tisħiħ tat-trasparenza u l-integrità fl-istituzzjonijiet tal-UE billi jiġi stabbilit korp tal-etika indipendenti tal-UE[1],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2022 dwar is-suspetti ta' korruzzjoni mill-Qatar u l-ħtieġa usa' ta' trasparenza u responsabbiltà fl-istituzzjonijiet Ewropej[2],

 wara li kkunsidra l-ittra tal-President tal-Kummissjoni Ursula Von der Leyen lill-Kunsill tat-18 ta' Marzu 2022 inkluż is-segwitu tal-Kummissjoni għar-riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Settembru 2021 dwar it-tisħiħ tat-trasparenza u l-integrità fl-istituzzjonijiet tal-UE billi jiġi stabbilit korp tal-etika indipendenti tal-UE,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Parlament Ewropew appoġġa b'mod wiesa' proposta għat-twaqqif ta' korp tal-etika indipendenti fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Settembru 2021;

B. billi minn dik id-data 'l hawn il-Kummissjoni ma ressqitx proposta għal ftehim interistituzzjonali bil-ħsieb li jiġi stabbilit korp tal-etika indipendenti;

C. billi r-rivelazzjonijiet tal-influwenza u l-lobbying minn pajjiżi terzi komplew jesponu l-oqfsa etiċi insuffiċjenti fi ħdan l-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi tal-UE u n-nuqqas tas-sistema attwali li twettaq awtomonitoraġġ tar-regoli attwali;

D. billi r-rivelazzjonijiet reċenti ta' korruzzjoni fil-Parlament għal darb'oħra wrew in-nuqqasijiet ewlenin tar-regoli attwali dwar il-kunflitti ta' interess, l-effetti ta' revolving door u l-korruzzjoni u l-infurzar tagħhom kemm fil-Parlament kif ukoll fil-Kummissjoni;

E. billi l-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet pubbliċi u fil-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet hija pilastru ta' kwalunkwe gvern demokratiku u tirrikjedi eżemplarità, integrità, trasparenza, responsabbiltà u l-ogħla standards ta' mġiba etika;

F. billi qatt ma ġiet imposta penali finanzjarja waħda għal ksur tal-Kodiċi ta' Kondotta tal-Membri minkejja li ġew iddokumentati mill-inqas 26 ksur fir-rapporti annwali tal-Kumitat Konsultattiv dwar l-Imġiba għall-Membri;

1. Itenni bil-qawwa l-proposta tiegħu li tinsab fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Settembru 2021 dwar it-tisħiħ tat-trasparenza u l-integrità fl-istituzzjonijiet tal-UE billi jistabbilixxi korp tal-etika indipendenti tal-UE biex jikkonkludi ftehim interistituzzjonali abbażi tal-Artikolu 295 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea biex jinħoloq korp tal-etika indipendenti tal-UE għall-Parlament u għall-Kummissjoni li jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi kollha tal-UE iżda li ma jkunx jiddependi fuq il-parteċipazzjoni ta' kwalunkwe istituzzjoni, aġenzija jew korp uniku għajr il-Parlament u l-Kummissjoni;

2. Ifakkar li l-proposta tiegħu tipprevedi korp tal-etika magħmul minn disa' esperti indipendenti li jeħtiġilhom jinfurzaw b'mod kredibbli r-regoli dwar il-kunflitti ta' interess, l-effetti ta' revolving door u l-korruzzjoni fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE fil-futur;

3. Jemmen li fid-dawl tar-rivelazzjonijiet reċenti dwar il-korruzzjoni, is-sistema attwali ta' awtomonitoraġġ naqset milli tipprevjeni skandli li jikkonċernaw il-kunflitti ta' interess, l-effetti ta' revolving door u l-korruzzjoni;

4. Jemmen bis-sħiħ li korp tal-etika indipendenti jista' jikseb kredibbiltà billi jsir mudell għall-kontroll tal-influwenza u l-lobbying minn pajjiżi terzi billi jgħaqqad il-funzjonijiet tal-korpi eżistenti responsabbli għall-etika;

5. Itenni għalhekk it-talba tiegħu biex dan il-korp tal-etika indipendenti jingħata d-dritt li jniedi investigazzjonijiet fuq inizjattiva proprja u joħroġ pubblikament ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu, inkluż dwar sanzjonijiet possibbli, sabiex dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet jinżammu responsabbli billi jagħtu pariri dwar ir-regoli etiċi għall-Kummissarji, il-Membri tal-Parlament Ewropew, il-membri ta' istituzzjonijiet oħra u l-persunal tagħhom;

6. Jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma rnexxilhiex tressaq proposta għal ftehim interistituzzjonali f'dawn is-17-il xahar minn meta l-Parlament adotta r-riżoluzzjoni tiegħu; jinsisti li l-Kummissjoni tippreżenta b'mod urġenti proposta lill-Parlament għal korp tal-etika indipendenti miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi kollha tal-UE;

7. Jenfasizza l-fatt li r-rivelazzjonijiet reċenti ta' korruzzjoni fil-Parlament ikkorroboraw il-fatt li r-regoli attwali ma ġewx implimentati u infurzati biżżejjed u jemmen li jekk il-Parlament jitqies li qed jiġi attakkat minn influwenza moħbija, dan huwa minħabba li ma ħoloqx biżżejjed mekkaniżmi ta' protezzjoni, inklużi regoli robusti kontra l-kunflitti ta' interess, l-effetti ta' revolving door u l-korruzzjoni u saħansitra strumenti aktar b'saħħithom biex jinfurzahom;

8. Jenfasizza li xi wħud minn dawn in-nuqqasijiet żvelati minn rivelazzjonijiet reċenti fil-Parlament jinkludu mekkaniżmu ta' sorveljanza u infurzar kompletament insuffiċjenti b'Kumitat Konsultattiv dwar l-Imġiba tal-Membri mingħajr setgħa, politika ta' sanzjonijiet li mhix trasparenti u kważi ineżistenti mill-President, regoli li huma laxki wisq għall-ex Membri, inkluż nuqqas ta' perjodu ta' preklużjoni, l-ebda infurzar tal-obbligi skont ir-reġistru tat-trasparenza u l-ħtieġa li jiġi riformat, salvagwardji insuffiċjenti kontra l-korruzzjoni fir-rigward tal-impjiegi sekondarji, l-assi, ir-rigali u l-ivvjaġġar, politika falluta rigward gruppi ta' ħbiberija, trasparenza ineżistenti dwar l-infiq taħt l-Allowance għall-Ispejjeż Ġenerali u protezzjoni aktar dgħajfa tal-informaturi minn dak deskritt fil-leġiżlazzjoni attwali fl-istituzzjonijiet kollha tal-UE, iżda speċjalment fil-Parlament;

9. Jimpenja ruħu li jirriforma r-Regoli ta' Proċedura interni tiegħu dwar it-trasparenza, l-integrità u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni bl-għan li dawn isiru aktar ċari; jimpenja ruħu li jiżgura li, tal-inqas, kwalunkwe ksur jiġi sanzjonat finanzjarjament u li l-Kumitat Konsultattiv tiegħu dwar l-Imġiba tal-Membri jiġi riformat mill-qrib f'konformità mal-proposta għal korp tal-etika indipendenti tal-UE u li dawn ir-riformi jiġu vvutati fil-plenarja malajr kemm jista' jkun u mhux aktar tard minn Ġunju 2023;

10. Jirrimarka li rivelazzjonijiet reċenti dwar il-Kummissjoni bħan-nuqqas ta' trasparenza fil-komunikazzjoni tagħha mal-kumpaniji farmaċewtiċi, is-sejba tal-fajls ta' Uber dwar l-isforzi ta' lobbying ta' Neelie Kroes, in-nuqqas ta' trasparenza rigward il-vjaġġi tal-Kummissarju Schinas lejn ir-reġjun tal-Golf u l-involviment imħallas tal-ex Kummissarju Avramopoulos fl-assoċjazzjoni Fight Impunity juru li hemm bżonn ta' regoli aktar stretti fi ħdan il-Kummissjoni, li hija nieqsa mill-kapaċità li timmonitorja b'mod proattiv jekk l-uffiċjali humiex qed jikkonformaw mar-regoli fis-seħħ u li l-kastigi mhumiex effettivi;

11. Jesprimi tħassib dwar in-nuqqas ġenerali ta' trasparenza fi ħdan l-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi tal-UE, iżda speċjalment in-nuqqas li jittejjeb il-qafas ta' trasparenza fil-Kunsill, b'tali mod li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea qed tiġi injorata għalkollox;

12. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra r-rivelazzjonijiet reċenti u tressaq proposta ambizzjuża għal korp tal-etika b'saħħtu li jkun jista' jinforza b'mod kredibbli r-regoli attwali u jagħti pariri dwar it-tisħiħ tal-oqfsa etiċi attwali; jinsab lest li jidħol f'negozjati dwar it-twaqqif ta' korp tal-etika indipendenti bl-għan li jinħoloq mill-aktar fis possibbli;

13. Jistieden lill-Konferenza tal-Presidenti tagħha taħtar in-negozjaturi tagħha u tibgħat ittra biex tiftaħ negozjati mal-Kummissjoni u ma' istituzzjonijiet, aġenziji u korpi oħra li huma lesti li jissieħbu;

14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

 

Aġġornata l-aħħar: 15 ta' Frar 2023
Avviż legali - Politika tal-privatezza