MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ir-repressjoni ulterjuri fil-konfront tal-poplu Belarussu, b'mod partikolari l-każijiet ta' Andrzej Poczobut u Ales Bialiatski
8.3.2023 - (2023/2573(RSP))
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Manu Pineda
f'isem il-Grupp tax-Xellug
B9‑0163/2023
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-repressjoni ulterjuri fil-konfront tal-poplu Belarussu, b'mod partikolari l-każijiet ta' Andrzej Poczobut u Ales Bialiatski
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,
– wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Belarussja,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tal-10 u tal-14 ta' Awwissu 2020 u tal-24 ta' Mejju 2021,
– wara li kkunsidra r-Rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja (A/77/195), ippubblikat fl-20 ta' Lulju 2022,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol tal-21 ta' April 2022 dwar il-ħelsien tal-mexxejja tat-trade unions Belarussi,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi s-sitwazzjoni fil-Belarussja kompliet tmur għall-agħar mill-elezzjoni presidenzjali tad-9 ta' Awwissu 2020; billi l-istituzzjonijiet tan-NU rrappurtaw repressjoni fuq dimostranti u figuri tal-oppożizzjoni, u talbu li s-sistema ġudizzjarja tiggarantixxi l-istat tad-dritt; billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja stqarret li l-unika soluzzjoni għal din is-sitwazzjoni hija permezz tad-djalogu politiku inklużiv u l-obbligu ta' rendikont;
B. billi l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem ikkundanna każijiet ta' detenzjoni u arrest arbitrarji, tortura u trattament krudili, inuman jew degradanti, u proċessi inġusti u magħluqa ta' persuni meqjusa mill-awtoritajiet bħala kritiċi għall-gvern;
C. billi individwi u organizzazzjonijiet li pubblikament jesprimu oppożizzjoni għall-gwerra fl-Ukrajna u għall-kollaborazzjoni Belarussa f'dik il-gwerra sussegwentement ġew arrestati, inkluża t-tmexxija tal-Kungress Belarussu tat-Trade Unions Demokratiċi;
D. billi l-mexxejja tal-oppożizzjoni Sviatlana Tsikhanouskaia in absentia ġiet ikkundannata 15-il sena ħabs fis-6 ta' Marzu 2023; billi l-Qorti tat ukoll sentenza ta' 18-il sena lill-ex Ministru tal-Kultura tal-Belarussja Pavel Latushka;
E. billi l-awtoritajiet Belarussi emendaw il-leġiżlazzjoni biex iwessgħu l-kamp ta' applikazzjoni għall-organizzazzjonijiet biex jiġu kkategorizzati bħala "estremisti"; billi dan intuża mill-Qorti Suprema Belarussa biex tillikwida l-Kungress Belarussu tat-Trade Unions Demokratiċi u l-organizzazzjonijiet affiljati tiegħu; billi 31 mill-mexxejja u l-attivisti tagħha bħalissa jinsabu taħt prosekuzzjoni; billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja ddenunzjat il-fatt li dawn il-prattiki ġew applikati għal organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili oħra;
F. billi l-ġurnalist Andrzej Poczobut ġie arrestat fil-25 ta' Marzu 2021 u ġie kkundannat għal tmien snin ħabs fuq akkużi ta' inkoraġġiment ta' azzjonijiet immirati li jagħmlu ħsara lis-sigurtà nazzjonali u jinċitaw l-ostilità etnika; billi huwa rrappurtat li hemm 33 rappreżentant ieħor tal-media li bħalissa jinsabu l-ħabs fil-Belarussja;
G. billi l-fundatur taċ-Ċentru tad-Drittijiet tal-Bniedem ta' Viasna u rebbieħ tal-Premju Nobel għall-Paċi 2022 Ales Bialiatski ġie kkundannat 10 snin ħabs fit-3 ta' Marzu 2023 fuq akkużi ta' evażjoni tat-taxxa u finanzjament ta' aġir u gruppi li jiksru l-ordni pubbliku;
H. billi huwa stmat li bħalissa hemm 30 000 truppa Russa stazzjonati fil-Belarussja mal-armata Russa involuta f'invażjoni illegali tal-Ukrajna; billi hemm aktar minn 19 000 truppa tan-NATO, inkluż il-militar tal-Istati Uniti, stazzjonati f'pajjiżi ġirien tal-Belarussja (il-Polonja, il-Latvja u l-Litwanja);
I. billi minn Ottubru 2020, l-UE imponiet ħames pakketti ta' sanzjonijiet fuq il-Belarussja li jkopru 195 individwu u 34 entità Belarussa, inklużi kumpaniji pubbliċi, kif ukoll restrizzjonijiet fuq il-kummerċ, projbizzjoni fuq it-tranżazzjonijiet mal-Bank Ċentrali tal-Belarussja u projbizzjoni mis-SWIFT fuq ħames banek Belarussi; billi l-UE eskludiet lit-trasportaturi Belarussi milli jużaw l-ajruporti u l-ispazju tal-ajru tal-UE wara l-arrest tal-ġurnalisti tal-oppożizzjoni Raman Pratasevich u Sofia Sapega meta l-ajruplan li kienu qed jivvjaġġaw fuqu kien imġiegħel jinżel f'Minsk;
J. billi l-persuni li jfittxu ażil minn pajjiżi terzi li jippruvaw jaslu fl-Unjoni Ewropea permezz tal-Belarussja jiġu sistematikament miċħuda d-drittijiet fundamentali tagħhom u spiss jintbagħtu lura l-Belarussja bi ksur tal-prinċipju ta' non-refoulement, kif ukoll detenuti b'mod arbitrarju kemm fil-Polonja kif ukoll fil-Latvja; billi mill-inqas erba' persuni mietu fil-fruntiera bejn il-Polonja u l-Belarussja fl-aħħar xahar, inkluża mara li baqgħet mingħajr assistenza minkejja l-allerti lill-awtoritajiet Pollakki;
1. Jesprimi l-akbar solidarjetà tiegħu mal-poplu tal-Belarussja, kif ukoll it-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni attwali f'dak il-pajjiż; jenfasizza l-ħtieġa ta' soluzzjoni paċifika u demokratika b'rispett sħiħ lejn is-sovranità tal-Belarussja u tal-poplu Belarussu;
2. Jikkundanna l-kriminalizzazzjoni tas-soċjetà ċivili Belarussa u l-prosekuzzjoni ta' attivisti u ġurnalisti u jitlob il-ħelsien ta' dawk kollha arrestati jew ikkundannati f'dan il-kuntest, inklużi Andrzej Poczobut, Ales Bialiatski, Raman Pratasevic u Sofia Sapega; jappella għat-treġġigħ lura tal-liġijiet immirati li jxekklu l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u għall-allinjament tal-Belarussja mal-istandards internazzjonali dwar id-dritt għal proċess ġust;
3. Jisħaq li l-vittmi kollha ta' ksur u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem iridu jiġu żgurati aċċess għall-ġustizzja u d-dritt tagħhom għal rimedju effettiv;
4. Jiddeplora l-emendi reċenti għall-Kodiċi Kriminali, li jwessgħu l-lista ta' reati punibbli b'piena tal-mewt; jappella b'urġenza għall-abolizzjoni tal-piena tal-mewt fil-Belarussja u madwar id-dinja;
5. Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw l-isforzi tas-Segretarju Ġenerali tan-NU u ta' atturi internazzjonali oħra biex isiru n-negozjati għall-paċi; jenfasizza l-fatt li t-tisħiħ tal-forzi militari fil-fruntieri tal-Lvant tal-UE jista' jikkontribwixxi għal aktar konfrontazzjoni ma' konsegwenzi potenzjalment diżastrużi għall-Belarussja u l-Ewropa kollha kemm hi; jinsab imħasseb dwar it-tkabbir tan-NATO lejn il-Lvant;
6. Jenfasizza r-riskju ta' kunflitt nukleari fir-reġjun u jappella lill-partijiet kollha joqogħdu lura milli jieħdu kwalunkwe pass f'dik id-direzzjoni; jiddeplora d-deċiżjoni tal-Belarussja li tirrinunzja l-istatus mhux nukleari tagħha u jappella li fil-qalba ta' ftehimiet ta' sigurtà futuri jkun hemm miżuri effettivi għad-denuklearizzazzjoni reġjonali; jikkundanna l-għoti ta' armi nukleari minn setgħat nukleari lil pajjiżi terzi;
7. Jesprimi solidarjetà ma' dawk fil-Belarussja li jipprotestaw kontra l-invażjoni tal-Ukrajna; iħeġġeġ bil-qawwa li l-Istati Membri tal-UE jipproteġu u jagħtu ażil lill-Belarussi u lir-Russi ppersegwitati talli tkellmu kontra l-gwerra jew talli pprotestaw kontriha, kif ukoll lid-diżerturi Belarussi u Russi u lil dawk li joġġezzjonaw minħabba raġunijiet ta' kuxjenza; jinsisti li l-protezzjoni u l-ażil jiġu estiżi wkoll għad-diżerturi Ukreni u għal dawk li joġġezzjonaw minħabba raġunijiet ta' kuxjenza;
8. Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-Partit tax-Xellug Belarussu "Dinja Ġusta" u l-isforzi tiegħu biex iwettaq riformi ekonomiċi u soċjali fil-Belarussja kif ukoll l-oppożizzjoni tagħhom għall-istrumentalizzazzjoni tal-istat sovran tal-Belarussja fil-gwerra fl-Ukrajna;
9. Jesprimi tħassib dwar l-impatt negattiv tas-sanzjonijiet ekonomiċi tal-UE fuq il-poplu Belarussu kollu;
10. Jesprimi tħassib serju dwar is-sitwazzjoni umanitarja ta' persuni minn pajjiżi terzi li jfittxu protezzjoni internazzjonali fil-fruntieri bejn il-Belarussja u l-UE; jistieden lill-atturi kollha, b'mod partikolari lill-awtoritajiet Pollakki u Latvjani, jirrispettaw bis-sħiħ id-dritt internazzjonali, inkluż il-prinċipju ta' non-refoulement, kif ukoll il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE dwar l-ażil u l-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen;
11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-Gvern tal-Belarussja.