Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0164/2023Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0164/2023

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ir-repressjoni ulterjuri fil-konfront tal-poplu Belarussu, b'mod partikolari l-każijiet ta' Andrzej Poczobut u Ales Bialiatski

8.3.2023 - (2023/2573(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Sandra Kalniete, Michael Gahler, Rasa Juknevičienė, Željana Zovko, David McAllister, Andrius Kubilius, Isabel Wiseler‑Lima, Vladimír Bilčík, Tomasz Frankowski, Andrzej Halicki, Arba Kokalari, Andrey Kovatchev, David Lega, Miriam Lexmann, Antonio López‑Istúriz White, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Liudas Mažylis, Radosław Sikorski, Milan Zver
f'isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0164/2023

Proċedura : 2023/2573(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0164/2023
Testi mressqa :
B9-0164/2023
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B9‑0164/2023

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-repressjoni ulterjuri fil-konfront tal-poplu Belarussu, b'mod partikolari l-każijiet ta' Andrzej Poczobut u Ales Bialiatski

(2023/2573(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Belarussja,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-21 u t-22 ta' Ottubru 2021,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Josep Borrell, tal-25 ta' Marzu 2021 dwar il-mira tal-Unjoni tal-Pollakki fil-Belarussja u tas-17 ta' Jannar 2023 dwar il-proċessi kontra mexxejja tal-oppożizzjoni u ġurnalisti,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-G7 tal-4 ta' Novembru 2022 dwar il-Belarussja,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi r-reġim Belarussu kompla bl-atti ta' repressjoni tiegħu fil-konfront tal-poplu Belarussu, bir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti, l-attivisti tal-oppożizzjoni u ħafna oħrajn jiġu ppersegwitati għal raġunijiet politiċi; billi l-prosekuzzjoni kriminali għadha waħda mill-aktar forom severi ta' repressjoni u għadha mifruxa;

B. billi, sa Marzu 2023, hemm aktar minn 1 450 persuna fuq il-lista ta' priġunieri politiċi Belarussi miżmuma miċ-Ċentru tad-Drittijiet tal-Bniedem ta' Viasna; billi 69 persuna ġew miżjuda mal-lista fi Frar 2023; billi Viasna hija konxja ta' mill-inqas 2 900 persuna li nstabu ħatja f'każijiet kriminali b'motivazzjoni politika;

C. billi l-arresti arbitrarji ta' individwi talli eżerċitaw id-drittijiet ċivili tagħhom ikomplu; billi Viasna rrappurtat 258 tali arrest fi Frar 2023, kif ukoll 195 każ ta' persekuzzjonijiet amministrattivi b'motivazzjoni politika; billi l-imħallfin taw 31 sentenza ta' priġunerija amministrattiva u 11-il multa fl-istess perjodu;

D. billi Ales Bialiatski, difensur prominenti tad-drittijiet tal-bniedem u fundatur taċ-Ċentru tad-Drittijiet tal-Bniedem ta' Viasna, ġie arrestat fit-12 ta' Frar 2022 u nżamm f'detenzjoni ta' qabel il-proċess; billi l-proċess motivat politikament tiegħu beda fil-5 ta' Jannar 2023 u ġie konkluż fit-3 ta' Marzu 2023 fejn ġie kkundannat 10 snin f'kolonja penali u multa qawwija; billi nstab ħati ta' "kuntrabandu" u ta' "ksur serju tal-ordni pubblika";

E. billi Andrzej Poczobut, ġurnalist u viċi-president tal-Unjoni tal-Pollakki fil-Belarussja, ġie arrestat fil-25 ta' Marzu 2021 u aktar tard ġie kkundannat tliet snin ħabs fuq akkużi li "insulta pubblikament lill-President tal-Belarussja" u li "inċita l-mibegħda etnika"; billi fit-8 ta' Frar 2023, il-Qorti Reġjonali ta' Hrodna sabitu ħati li inkoraġġixxa azzjonijiet immirati biex jagħmlu ħsara lis-sigurtà nazzjonali tar-Repubblika tal-Belarussja u li inċita l-ostilità etnika, u kkundannatu tmien snin ħabs f'kolonja penali b'sigurtà msaħħa;

F. billi l-akkużi kontra Andrzej Poczobut u Ales Bialiatski huma ġeneralment meqjusa bħala motivati politikament u mmirati biex isikktu l-vuċijiet indipendenti u jrażżnu l-libertà tal-espressjoni u l-assoċjazzjoni;

G. billi l-forzi politiċi demokratiċi tal-Belarussja għadhom qed jiġu ppersegwitati; billi fis-17 ta' Jannar 2023, beda l-proċess b'motivazzjoni politika in absentia tal-kap tal-Kabinett Tranżitorju Magħqud, Sviatlana Tsikhanouskaya, u tal-membri tal-Kunsill ta' Koordinazzjoni, inklużi Maryia Maroz, Volha Kavalkova, Pavel Latushka u Siarhei Dyleuski; billi fis-6 ta' Marzu 2023, Sviatlana Tsikhanouskaya ġiet ikkundannata15-il sena ħabs, Pavel Latushka 18-il sena ħabs u Maryia Maroz, Volha Kavalkova u Siarhei Dyleuski 12-il sena ħabs;

H. billi l-awtoritajiet fil-Belarussja kisru ripetutament id-drittijiet tal-bniedem taċ-ċittadini tal-Belarussja, inklużi d-drittijiet tagħhom għal-libertà tal-espressjoni, l-assemblea paċifika, u l-assoċjazzjoni; billi r-repressjoni għadha taffettwa s-setturi kollha tas-soċjetà, inklużi l-akkademja, il-media u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-persekuzzjoni tal-individwi tkompli bl-iskuża tal-ġlieda kontra l-estremiżmu u t-terroriżmu;

I. billi l-priġunieri politiċi huma soġġetti għal repressjoni addizzjonali; billi din tieħu l-forma ta' detenzjoni ta' priġunieri politiċi f'kundizzjonijiet li huma pprojbiti skont l-obbligi internazzjonali tal-Belarussja, jiġu soġġetti għal pieni dixxiplinarji għal raġunijiet foloz, jitqiegħdu f'ċelel ta' kastig, jissaħħaħ il-livell ta' sigurtà għal xi priġunieri politiċi u jiġi estiż b'mod arbitrarju t-terminu tagħhom ta' priġunerija, jinkiser id-dritt tal-priġunieri politiċi għall-korrispondenza u jiġi mċaħħda minn żjarat tal-familja fuq skużi mhux plawżibbli;

J. billi r-reġim kompla bl-atti tiegħu ta' repressjoni kontra l-avukati b'ritaljazzjoni għall-espressjoni ta' fehmiet dwar kwistjonijiet ta' drittijiet, li rrappreżentaw lill-klijenti f'każijiet b'motivazzjoni politika, u li tkellmu kontra l-gwerra fl-Ukrajna; billi minn Awwissu 2020, mill-inqas 70 avukat tilfu l-liċenzji tagħhom wara deċiżjonijiet arbitrarji mill-Ministeru tal-Ġustizzja jew proċeduri b'motivazzjoni politika ta' rtirar ta' liċenzji; billi fl-2022, seba' avukati ffaċċjaw akkużi kriminali b'motivazzjoni politika u komplew jiffaċċjaw akkużi amministrattivi, detenzjonijiet, tfittxijiet u fastidju;

K. billi l-awtoritajiet Belarussi jkomplu jadottaw miżuri li jirrestrinġu d-drittijiet tal-Belarussi li jgħixu barra; billi, fl-2022 u l-2023, 58 persuna ġew arrestati wara li rritornaw il-Belarussja għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-protesti tal-2020 jew talli qasmu kontenut meqjus bħala "estremista" fuq il-media soċjali;

L. billi r-reġim ta' Lukashenka ħa miżuri dejjem aktar repressivi kontra l-minoranzi nazzjonali fil-Belarussja, b'mod partikolari l-minoranza Pollakka, inkluż l-għeluq ta' skejjel li jgħallmu f'din il-lingwa minoritarja nazzjonali, kif ukoll kontra organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-minoranza Pollakka, bħall-Unjoni tal-Pollakki fil-Belarussja; billi r-reġim ta' Lukashenka qed jgħawweġ il-verità storika u l-memorja billi jxerred gideb dwar allegati atroċitajiet imwettqa kontra l-Belarussja matul it-Tieni Gwerra Dinjija u immedjatament wara mill-Underground Pollakk; billi d-diskriminazzjoni sistematika kontra l-minoranza nazzjonali Pollakka ilha għaddejja għal ħafna snin;

M. billi fl-1 ta' Marzu 2023, l-uffiċċju uffiċjali tal-Belarussja demokratika nfetaħ fi Brussell f'ċerimonja li għaliha attendiet Sviatlana Tsikhanouskaya;

N. billi r-reġim illeġittimu qed ikompli jrażżan il-libertà tar-reliġjon u t-twemmin; billi r-reġim ipprojbixxa l-qima fil-Knisja New Life ta' Minsk u żamm f'detenzjoni lill-pastor tal-knisja, Viachaslau Hancharenka, kif ukoll lill-pastor Antoni Bokun; billi fis-26 ta' Settembru 2022, Minsk Heritage, l-aġenzija tal-bini li għandha l-kontroll tal-bini tal-Knisja Kattolika l-Ħamra, ordnat lill-parroċċa biex tneħħi l-proprjetà kollha tagħha mill-bini wara nar f'ċirkostanzi mhux spjegati;

O. billi skont il-Kunsill ta' Koordinazzjoni, fl-2022 biss, tmien saċerdoti Kattoliċi Rumani, tliet saċerdoti Kattoliċi Griegi, sitt qassisin Ortodossi u seba' pastors Protestanti ffaċċjaw diversi forom ta' pressjoni mir-reġim illeġittimu, li jvarjaw minn multi għal termini twal ta' priġunerija, inkluż Siarhei Rezanovich, li kien ikkundannat 16-il sena ħabs f'kolonja penali taħt kundizzjonijiet stretti; billi l-priġunieri politiċi huma sistematikament miċħuda aċċess għal-letteratura reliġjuża u żjarat minn qassisin jew pastors;

P. billi fis-7 ta' Settembru 2022, il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa stieden lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa biex iwaqqaf Grupp ta' Kuntatt dwar il-Belarussja f'kooperazzjoni mar-rappreżentanti tal-forzi demokratiċi tal-Belarussja u s-soċjetà ċivili;

1. Jafferma mill-ġdid is-solidarjetà tiegħu mal-poplu tal-Belarussja, li għadu jissielet għal Belarussja sovrana, ħielsa u demokratika u li qed jirriskja l-libertà u, aktar u aktar ta' spiss, il-ħajja, u jappella b'mod urġenti għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-priġunieri politiċi kollha u tal-persuni kollha detenuti, arrestati jew ikkundannati b'mod arbitrarju għal raġunijiet politikament motivati, u għat-tneħħija tal-akkużi kollha kontrihom, kif ukoll għar-riabilitazzjoni sħiħa tagħhom u kumpens finanzjarju għad-danni li ġarrbu bħala riżultat tad-detenzjoni illeġittima tagħhom; jitlob li tintemm il-vjolenza Statali;

2. Ikompli jikkundanna, bl-aktar mod qawwi possibbli, ir-repressjoni li għaddejja fil-konfront tas-soċjetà ċivili, tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-ġurnalisti u l-attivisti politiċi fil-Belarussja, inkluż permezz ta' proċessi b'motivazzjoni politika; jikkundanna r-repressjoni sistematika tar-reġim ta' Lukashenka fil-konfront taċ-ċivili, li ġiegħlet eluf ta' Belarussi jaħarbu mill-pajjiż mill-elezzjonijiet misruqa tad-9 ta' Awwissu 2020; itenni li l-kampanja ta' repressjoni sistematika li għaddejja bħalissa u l-ispostament furzat taċ-ċittadini jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem;

3. Jikkundanna d-detenzjoni u l-kundanna ta' Andrzej Poczobut u Ales Bialiatski; jikkundanna l-ksur numerużi tad-dritt tagħhom għal proċess ġust u jappella għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tagħhom, kif ukoll ir-riabilitazzjoni u l-kumpens sħiħ tagħhom;

4. Jikkundanna l-fatt li l-proċessi b'motivazzjoni politika jinżammu wara bibien magħluqa u mingħajr proċess dovut tal-liġi, u b'hekk jiksru l-obbligi u l-impenji internazzjonali tal-pajjiż, li jirriżultaw f'sentenzi ħorox u mhux ġustifikati mogħtija lill-mexxejja tal-oppożizzjoni;

5. Jikkundanna l-persekuzzjoni tal-minoranza nazzjonali Pollakka fil-Belarussja u tar-rappreżentanti tagħha; jistieden lill-awtoritajiet Belarussi jwaqqfu l-miżuri kollha meħuda kontra l-minoranza nazzjonali Pollakka u jirrispettaw id-drittijiet tagħha, inkluż id-dritt għall-edukazzjoni bil-Pollakk;

6. Itenni l-kundanna qawwija tiegħu tal-involviment tal-Belarussja fil-gwerra ta' aggressjoni mhux ġustifikata u mhux ipprovokata tar-Russja kontra l-Ukrajna u tal-appoġġ li tipprovdi, inkluż permezz tal-hekk imsejjaħ referendum li jerġa' jdaħħal l-istatus nukleari tal-pajjiż, iżda wkoll billi jippermetti l-moviment tat-truppi u l-armi, l-użu tal-ispazju tal-ajru tal-pajjiż, ir-riforniment u l-ħażna ta' munizzjon militari; jirrikonoxxi li l-Belarussja hija kompliċi fl-isponsorizzazzjoni statali tat-terroriżmu u kompliċi ta' stat li juża mezzi ta' terroriżmu;

7. Jikkundanna r-retorika belliġeranti użata mill-mexxejja tal-Belarussja kontra l-Ukrajna u t-tixrid massiv ta' propaganda u diżinformazzjoni dwar il-gwerra ta' aggressjoni; itenni li Lukashenka u uffiċjali Belarussi oħra jaqsmu r-responsabbiltà għad-delitti tal-gwerra mwettqa fl-Ukrajna u għandhom jinżammu responsabbli fil-qrati internazzjonali xierqa u fit-tribunal speċjali propost għad-delitt ta' aggressjoni kontra l-Ukrajna; jesprimi l-appoġġ tiegħu lill-voluntiera u l-partiġjani Belarussi li qed jiġġieldu għall-indipendenza tal-Belarussja u li qed jgħinu lill-Ukrajna fid-difiża tagħha kontra l-gwerra ta' aggressjoni Russa;

8. Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jsaħħu s-sanzjonijiet tal-UE kontra individwi u entitajiet responsabbli għar-repressjoni sistematika fil-Belarussja, biex jiżguraw l-infurzar xieraq tagħhom u jindirizzaw il-lakuni fl-implimentazzjoni tas-sanzjonijiet; jitlob li s-sanzjonijiet kollha maħruġa kontra r-Russja fir-rigward tal-gwerra ta' aggressjoni kontra l-Ukrajna jkunu riflessi b'mod strett għall-Belarussja;

9. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ u protezzjoni lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u lis-soċjetà ċivili fil-Belarussja, li se jiffaċċjaw repressjoni severa, inkluż billi joħorġu viżi ta' emerġenza biex jitilqu mill-Belarussja jekk ikun meħtieġ;

10. Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-appoġġ għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet għat-trade unions indipendenti tal-Belarussja, għall-media ħielsa, għas-soċjetà ċivili, u għall-attivisti favur id-demokrazija kemm fil-Belarussja kif ukoll fl-eżilju; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jipprovdu appoġġ lis-soċjetà ċivili tal-Belarussja, lill-media indipendenti u lill-gruppi u strutturi politiċi demokratiċi, inklużi l-Kunsill ta' Koordinazzjoni u l-Kabinett Tranżitorju Magħqud; jistieden lill-forzi demokratiċi Belarussi jżommu u jippromwovu l-għaqda biex jilħqu l-objettiv tagħhom ta' Belarussja ħielsa, demokratika u indipendenti;

11. Jissottolinja l-ħtieġa ta' investigazzjoni komprensiva tar-reati mwettqa mir-reġim ta' Lukashenka kontra l-poplu tal-Belarussja; jistieden lill-Istati Membri japplikaw b'mod attiv il-prinċipju ta' ġurisdizzjoni universali u jħejju kawżi fil-qorti kontra uffiċjali tal-Belarussja responsabbli għal jew kompliċi ta' vjolenza u repressjoni sistematika u reati kontra l-umanità, inkluż Aliaksandr Lukashenka;

12. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jikkooperaw ma' sħab internazzjonali, bħall-Mekkaniżmu ta' Moska tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, kif ukoll mad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u s-soċjetà ċivili fuq il-post, biex jiġu żgurati l-monitoraġġ, id-dokumentazzjoni u r-rappurtar tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u sussegwentement tiġi stabbilita r-responsabbiltà u ssir ġustizzja mal-vittmi;

13. Jappella lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jieħdu l-azzjoni kollha meħtieġa fl-istituzzjonijiet u fil-proċedimenti internazzjonali u fil-Qorti Kriminali Internazzjonali jew fi tribunali jew qrati internazzjonali xierqa oħra biex jappoġġjaw l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-azzjonijiet relatati mal-gwerra ta' aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna mwettqa minn dawk responsabbli politikament fil-Belarussja, b'mod partikolari Aliaksandr Lukashenka, bħala reati tal-gwerra u reati kontra l-umanità;

14. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi task force li tiftaħ djalogu politiku mar-rappreżentanti ta' Belarussja demokratika sabiex taħdem fuq ftehim multisettorjali komprensiv li jkun il-pedament tal-kooperazzjoni ma' Belarussja demokratika ladarba r-reġim attwali ma jibqax fil-poter; itenni li dan għandu jkun akkumpanjat flimkien ma' pjan ta' riżorsi finanzjarji u amministrattivi, li għandu jiġi implimentat sabiex jitwettqu u jiġu ffinanzjati r-riformi meħtieġa fil-pajjiż ladarba dan ikun possibbli; jissottolinja l-importanza tal-uffiċċju maħluq ġdid ta' Belarussja demokratika fi Brussell, li għandu jservi bħala missjoni diplomatika de facto importanti;

15. Itenni l-importanza li tiġi formalizzata r-relazzjoni bejn il-forzi demokratiċi Belarussi u l-Parlament sabiex tissaħħaħ ir-rappreżentanza tal-Belarussja fix-xena internazzjonali u fil-ħidma tal-organizzazzjonijiet internazzjonali; jissottolinja, f'dan ir-rigward, it-twaqqif tal-Kabinett Tranżitorju Magħqud tal-Belarussja u l-Kunsill ta' Koordinazzjoni bħala sħab fdati u kostruttivi fl-indirizzar tal-isfidi li jaffettwaw ir-relazzjonijiet reġjonali u bilaterali bejn l-UE u l-Belarussja; jappella, għalhekk, għall-parteċipazzjoni mġedda tar-rappreżentanti demokratiċi uffiċjali tal-Belarussja fl-Assemblea Parlamentari Euronest u d-Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-Belarussja;

16. Itenni l-kundanna tiegħu tad-deċiżjoni reċenti tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali (KOI) li jippermetti lill-atleti Belarussi jikkompetu fil-kwalifiki għall-Olimpjadi ta' Pariġi tal-2024 taħt bandiera newtrali, li jmur kontra l-iżolament multidimensjonali tal-Belarussja mill-komunità internazzjonali u li se jintuża mir-reġim għal finijiet ta' propaganda; jistieden lill-Istati Membri u lill-komunità internazzjonali jeżerċitaw pressjoni fuq il-KOI biex jerġa' lura minn din id-deċiżjoni, li tħammar wiċċ id-dinja internazzjonali tal-isport, u biex jadottaw pożizzjoni simili fuq kwalunkwe avveniment sportiv, kulturali jew xjentifiku ieħor;

17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Belarussja, u lir-rappreżentanti tal-oppożizzjoni demokratika tal-Belarussja.

 

 

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Marzu 2023
Avviż legali - Politika tal-privatezza