Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0191/2023Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0191/2023

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ir-Rapport tal-2022 dwar l-Istat tad-Dritt - is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea

22.3.2023 - (2022/2898(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Patryk Jaki
f’isem il-Grupp ECR

Proċedura : 2022/2898(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0191/2023
Testi mressqa :
B9-0191/2023
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B9‑0191/2023

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-Rapport tal-2022 dwar l-Istat tad-Dritt - is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea

(2022/2898(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 5 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

 wara li kkunsidra l-opinjoni tas-Servizz Legali tal-Kunsill tas-27 ta’ Mejju 2014 dwar komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt: il-kompatibbiltà mat-Trattati,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi l-Unjoni hija msejsa fuq il-valuri stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-TUE; billi l-Artikolu 2 tat-TUE ma jagħti l-ebda kompetenza materjali lill-Unjoni u jelenka biss ċerti valuri li għandhom jiġu rrispettati kemm mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni kif ukoll mill-Istati Membri tagħha meta jaġixxu fi ħdan il-limiti tas-setgħat mogħtija lilhom mit-Trattati u mingħajr ma jiġu milquta dawk il-limiti; billi l-Artikolu 2 tat-TUE japplika mhux biss, u lanqas biss primarjament, għall-Istati Membri, iżda minflok prinċipalment għall-Unjoni Ewropea; billi l-istat tad-dritt għandu jkopri b’mod predominanti l-istituzzjonijiet tal-UE;

B. billi l-limiti tal-kompetenzi tal-Unjoni huma rregolati mill-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi, li jfisser li l-kompetenzi li ma jingħatawx lill-Unjoni mit-Trattati jibqgħu l-kompetenzi tal-Istati Membri;

C. billi l-Artikolu 7 tat-TUE biss jipprevedi kompetenza tal-Unjoni biex tissorvelja l-applikazzjoni tal-istat tad-dritt, bħala valur tal-Unjoni; billi l-Artikolu 7 tat-TUE ma jistabbilixxix bażi biex tkompli tiġi żviluppata jew emendata l-proċedura deskritta fih;

D. billi n-nuqqas ta’ definizzjoni maqbula tal-istat tad-dritt u n-nuqqas ta’ sistema waħda biex tiġi vvalutata l-konformità mal-istat tad-dritt fil-livell tal-UE, applikata bl-istess mod għall-Istati Membri kollha, ifisser li l-kunċett tal-istat tad-dritt huwa interpretat b’mod differenti minn Stat Membru għal ieħor;

E. billi r-rapport tal-2022 dwar l-istat tad-dritt għandu rakkomandazzjonijiet għal kull Stat Membru, minkejja li l-Kummissjoni ma għandha l-ebda kompetenza rilevanti; billi r-rakkomandazzjonijiet dwar l-istat tad-dritt jistgħu jiġu indirizzati biss lill-Istati Membri skont il-proċedura stabbilita mill-Artikolu 7(1) tat-TUE;

 

1. Jinnota t-tielet rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-istat tad-dritt; iqis li l-Kummissjoni m’għandha l-ebda kompetenza li tippermettilha tħejji rapport bħal dan;

2. Jieħu nota tal-fatt li s-sistemi ġudizzjarji, il-qafas kontra l-korruzzjoni, il-pluraliżmu tal-media u ċerti kwistjonijiet istituzzjonali relatati mas-sistema ta’ kontrolli u bilanċi huma kollha parti mill-ħarsa ġenerali annwali tal-Kummissjoni tas-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri; jinnota li l-Kummissjoni m’għandha l-ebda kompetenza biex tiddetermina jekk is-sitwazzjoni f’kull Stat Membru tikkostitwixxix xejra pożittiva jew negattiva li tista’ sservi ta’ eżempju tajjeb biex oħrajn isegwuhom;

3. Jinnota li ma sar l-ebda titjib meta mqabbel ma’ rapporti annwali preċedenti; jinnota li l-Kummissjoni għadha qed issibha diffiċli li tiddefinixxi x’inhu l-istat tad-dritt, peress li r-rapport tagħha dwar l-istat tad-dritt jiddeskrivi ħafna valuri differenti elenkati fl-Artikolu 2 tat-TUE;

4. Jieħu nota tal-monitoraġġ mill-Kummissjoni tal-indipendenza, il-kwalità u l-effiċjenza tas-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri; iqis li l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-korpi Statali, b’mod partikolari l-ġudikatura, hi wieħed mill-oqsma li għalihom l-Istati Membri ma trasferew l-ebda kompetenza lill-UE iżda jinnota li minkejja dan il-fatt, il-Kummissjoni qed tevalwahom xorta waħda; jiddispaċih dwar l-espansjoni tal-kompetenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE (QĠUE), u dan jimmina l-fiduċja fl-UE u l-prinċipji tal-proporzjonalità u l-lealtà, li joħorġu direttament mit-Trattati; jikkundanna s-sentenzi ultra vires tal-QĠUE;

5. Jinnota bi tħassib li, minbarra r-rappurtar ta’ fatti (oġġettivi), ir-rapport fih dikjarazzjonijiet evalwattivi (suġġettivi), mingħajr ma jiddelinjahom b’mod ċar; jikkritika l-fatt li, meta tivvaluta regolamenti legali simili fis-seħħ fi Stati Membri differenti, il-Kummissjoni sikwit tivvaluta soluzzjonijiet f’xi Stati Membri b’mod differenti minn soluzzjonijiet identiċi diġà fis-seħħ fi Stati Membri oħra; jikkundanna lill-Kummissjoni għat-trattament inugwali tal-Istati Membri deskritt fir-rapporti tagħha;

6. Jitlob rapport dwar l-istat tad-dritt fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni, inkluż abbużi tal-kompetenzi tal-UE, lobbying, favoritiżmu lejn pajjiżi jew kumpaniji partikolari u preġudizzji ideoloġiċi inaċċettabbli; jiddenunzja l-fatt li l-QĠUE qabżet il-kompetenzi tagħha tat-Trattat aktar u aktar u qed tieħu deċiżjonijiet ultra vires; jappoġġa r-reżistenza dejjem tikber ta’ xi Stati Membri kontra l-konformità mad-deċiżjonijiet tal-QĠUE għal raġunijiet ta’ sovranità jew nuqqas ta’ kostituzzjonalità; jemmen li dawn l-iżviluppi fil-QĠUE huma ta’ theddida sistemika għall-eżistenza tal-Unjoni; iqis, għalhekk, li r-rapporti annwali li ġejjin għandhom iqisu l-isfidi min-naħa tal-QĠUE għall-arkitettura u l-prinċipji legali tal-Unjoni bħala ksur serju fil-valutazzjonijiet tagħhom;

7. Jenfasizza li l-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fid-djalogu annwali tal-Kummissjoni dwar l-istat tad-dritt mhijiex obbligatorja; jesprimi l-fatt li jifhem lil dawk l-Istati Membri li ddeċidew li jissospendu l-kooperazzjoni mal-Kummissjoni, b’mod partikolari minħabba l-iżbalji metodoloġiċi tagħha fit-tħejjija tar-rapporti u l-fatt li ma tittrattax lil Stati Membri differenti bl-istess mod;

8. Jistieden lill-Kummissjoni tieqaf taġixxi bil-pretest tal-protezzjoni tal-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali biex tagħmel pressjoni politika fuq ċerti Stati Membri biex jibdlu miżuri approvati demokratikament li huma fil-kompetenzi tal-Istati Membri;

9. Jenfasizza li l-unika possibbiltà għall-indħil tal-Unjoni fi kwistjonijiet relatati mar-rispett tal-Istati Membri għall-valuri tal-Unjoni, bħala tali, hija l-Artikolu 7 tat-TUE; jenfasizza li l-Artikolu 7 tat-TUE huwa komplut u eżawrjenti; jirrikonoxxi r-rwol ewlieni tal-Kunsill fil-proċeduri li għaddejjin tal-Artikolu 7 tat-TUE;

10. Jenfasizza li sal-lum, l-ebda Stat Membru ma nstab li kiser il-valuri elenkati fl-Artikolu 2 tat-TUE, u l-ebda Stat Membru ma nstab li kien f’riskju serju li jiksirhom; jesprimi dispjaċir li l-Kunsill qed jevita l-votazzjoni prevista fil-proċedura tal-Artikolu 7(1) tat-TUE; jissottolinja li din il-proċedura m’għandhiex tiġi mtawla bla bżonn; iħeġġeġ lill-Kunsill jiskeda votazzjoni u b’hekk jikkonkludi l-proċedura;

11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali.

 

Aġġornata l-aħħar: 27 ta' Marzu 2023
Avviż legali - Politika tal-privatezza