MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fl-UE – id-Direttiva Orizzontali kontra d-Diskriminazzjoni li ilha mistennija
12.4.2023 - (2023/2582(RSP))
skont l-Artikolu 136(5) tar-Regoli ta' Proċedura
Jaak Madison, Tom Vandendriessche, Nicolaus Fest, Patricia Chagnon, Philippe Olivier
f'isem il-Grupp ID
B9‑0202/2023
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fl-UE – id-Direttiva Orizzontali kontra d-Diskriminazzjoni li ilha mistennija
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 20, 21 u 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità[1],
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol[2],
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol[3],
– wara li kkunsidra l-proposta tat-2 ta' Lulju 2008 għal direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali (COM(2008)0426) (id-"Direttiva Orizzontali kontra d-Diskriminazzjoni"),
– wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fl-UE – id-Direttiva Orizzontali kontra d-Diskriminazzjoni li ilha mistennija (O‑000010/2023 – B9‑0013/23 u O‑000011/2023 – B9‑0014/23),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 136(5) u l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha dejjem kienu impenjati lejn il-prinċipji tal-ugwaljanza f'għajnejn il-liġi u n-nondiskriminazzjoni; billi l-identifikazzjoni ta' ċerti gruppi u l-għoti ta' trattament preferenzjali tikkontradixxi l-prinċipju tal-ugwaljanza f'għajnejn il-liġi, li jista' jirriżulta f'aktar polarizzazzjoni fis-soċjetajiet tagħna;
B. billi l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva orizzontali kontra d-diskriminazzjoni ilha mblukkata fil-Kunsill mill-2008; billi l-Artikolu 19 tat-TFUE jipprovdi li l-Kunsill irid jaġixxi unanimament meta jieħu azzjoni fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni;
C. billi diversi Stati Membri kkontestaw il-ħtieġa tal-proposta tal-Kummissjoni, billi qiesu li tikser il-kompetenzi nazzjonali dwar għadd ta' kwistjonijiet u li tmur kontra l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità;
D. billi fis-16 ta' April 2019, il-Kummissjoni approvat komunikazzjoni (COM(2019)0186) li tenfasizza n-nuqqasijiet fil-protezzjoni u tipproponi modi kif jiġi ffaċilitat it-teħid ta' deċiżjonijiet dwar in-nondiskriminazzjoni permezz tal-użu ta' votazzjoni msaħħa b'maġġoranza kwalifikata u l-proċedura leġiżlattiva ordinarja;
E. billi l-istħarriġ tal-Ewrobarometru tal-ħarifa tal-2022 maħruġ mill-Parlament sab li ż-żieda fl-għoli tal-ħajja hija l-iktar tħassib urġenti għal 93 % tal-Ewropej, segwit mit-theddida tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali (82 %); billi fl-ebda punt ma ssemma li ċ-ċittadini Ewropej huma mħassba dwar id-diskriminazzjoni;
1. Iqis li l-ugwaljanza f'għajnejn il-liġi u n-nondiskriminazzjoni huma valuri komuni li fuqhom hija msejsa l-UE u li dawn il-valuri huma inkorporati sew fit-Trattati tal-UE, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u l-leġiżlazzjoni sekondarja;
2. Ifakkar li l-kostituzzjoni nazzjonali u l-leġiżlazzjoni sekondarja ta' kull Stat Membru jħaddnu n-nondiskriminazzjoni u l-ugwaljanza f'għajnejn il-liġi bħala prinċipji ewlenin tal-ordnijiet legali nazzjonali tagħhom;
3. Jenfasizza li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-UE hija fost l-ogħla fid-dinja;
4. Jinnota li l-prinċipji tan-nondiskriminazzjoni u l-ugwaljanza huma diġà indirizzati biżżejjed fil-livell tal-UE f'diversi direttivi; iqis li l-proposta tal-Kummissjoni tal-2008 tidduplika d-dispożizzjonijiet tan-nondiskriminazzjoni li diġà jinsabu fid-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali (id-Direttiva 2000/43/KE), id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi (id-Direttiva 2000/78/KE), id-Direttiva riformulata dwar it-Trattament Ugwali (id-Direttiva 2006/54/KE) u diversi direttivi oħra;
5. Iqis li huwa messaġġ ċar li ma hemmx kunsens politiku biżżejjed fi ħdan il-Kunsill biex tiġi adottata direttiva orizzontali kontra d-diskriminazzjoni, peress li l-inizjattiva ilha mblukkata fil-Kunsill mill-2008 minħabba tħassib leġittimu; jisħaq li l-insistenza tal-Kummissjoni li tipproċedi b'din id-direttiva hija sinjal ċar li ma għandha l-ebda attenzjoni għall-pożizzjoni jew is-sovranità tal-Istati Membri u hija interessata biss li tippromwovi u tmexxi 'l quddiem l-aġenda politika tagħha stess;
6. Jinnota b'dispjaċir li l-UE u l-istituzzjonijiet tagħha għandhom it-tendenza li jiddedikaw wisq attenzjoni għal suġġetti mhux prijoritarji filwaqt li ma jindirizzawx biżżejjed kwistjonijiet serji li jiffaċċjaw iċ-ċittadini ordinarji;
7. Jenfasizza li s-sistemi ta' kwoti biex iġibu l-ugwaljanza statistika jagħmlu aktar ħsara milli ġid u jimminaw ix-xogħol li sar matul is-sekli biex jiġu żgurati drittijiet ugwali; jargumenta li r-rekwiżit ta' rappreżentanza tas-sessi fuq il-bażi tad-demografija jimmina n-nisa, li huma kapaċi ħafna li jinħatru f'pożizzjonijiet maniġerjali fuq il-mertu tagħhom stess, irrispettivament mis-sess tagħhom; jisħaq li kull persuna għandha tiġi ġġudikata u ppremjata fuq il-merti u l-kwalifiki tagħha u mhux fuq il-bażi tas-sess tagħha;
8. Huwa tal-fehma li l-attenzjoni fuq id-differenzi bejn l-individwi jew il-gruppi żżid id-diskriminazzjoni minflok ittaffiha; jinnota wkoll li fokus fuq l-ugwaljanza tal-eżitu jdgħajjef it-teħid ta' deċiżjonijiet individwali, li huwa prerekwiżit għal soċjetà ħielsa;
9. Huwa jenfasizza li l-UE għandha tibqa' organizzazzjoni intergovernattiva b'rispett u apprezzament għad-differenzi bejn l-Istati Membri tagħha; huwa jinsisti li l-istituzzjonijiet tal-UE jridu jirrispettaw il-prinċipju tal-proporzjonalità u joqogħdu lura milli jimponu l-aġenda ideoloġika tagħhom fuq l-Istati Membri u fuq iċ-ċittadini Ewropej; huwa jirrifjuta, f'dan ir-rigward, kwalunkwe pass lejn votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill u jtenni li l-votazzjoni b'unanimità f'ċerti oqsma hija waħda mir-rekwiżiti ewlenin għal kooperazzjoni Ewropea paċifika u ta' suċċess;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni.