Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0203/2023Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0203/2023

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-isfidi li r-Repubblika tal-Moldova trid tiffaċċja

12.4.2023 - (2023/2595(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Viola von Cramon‑Taubadel, Jordi Solé, Sergey Lagodinsky, Jakop G. Dalunde, Alice Kuhnke, Pär Holmgren, Tineke Strik, Francisco Guerreiro, Markéta Gregorová
f'isem il-Grupp Verts/ALE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0198/2023

Proċedura : 2023/2595(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0203/2023
Testi mressqa :
B9-0203/2023
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B9‑0203/2023

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-isfidi li r-Repubblika tal-Moldova trid tiffaċċja

(2023/2595(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Moldova,

 wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2022 li tagħti status ta' kandidat tal-UE lir-Repubblika tal-Moldova,

 wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra[1],

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta ta' wara s-Seba' Kunsill ta' Assoċjazzjoni tal-UE-Moldova tas-7 ta' Frar 2023,

 wara li kkunsidra l-opinjoni konġunta tal-Kummissjoni ta' Venezja u tad-Direttorat Ġenerali għad-Drittijiet tal-Bniedem u għall-Istat tad-Dritt tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-abbozz ta' Liġi dwar il-valutazzjoni esterna tal-imħallfin u l-prosekuturi, adottata mill-Kummissjoni ta' Venezja fil-134 Sessjoni Plenarja tagħha fl-14 ta' Marzu 2023,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta' Marzu 2023 dwar it-tkomplija tal-UE li tipprovdi l-appoġġ rilevanti kollu lir-Repubblika tal-Moldova,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-invażjoni fuq skala sħiħa mill-Federazzjoni Russa tal-Ukrajna fl-24 ta' Frar 2022 affettwat is-sigurtà u l-istabbiltà reġjonali, kif ukoll is-sitwazzjoni soċjoekonomika tal-ġirien tagħha, b'mod partikolari r-Repubblika tal-Moldova; billi r-Russja tkompli bl-isforzi tagħha biex tiddestabbilizza r-reġjun inkluża l-Moldova f'tentattiv biex tfixkel il-perkors demokratiku tagħha;

B. billi mindu bdiet il-gwerra Russa kontra l-Ukrajna kien hemm tħassib dwar operazzjonijiet Russi potenzjali ta' bnadar foloz fil-Moldova; billi l-President tal-Moldova Maia Sandu wissiet li r-Russja għandha pjanijiet biex twaqqa' t-tmexxija tal-Moldova; billi fid-9 ta' Frar 2023 is-servizz tal-intelligence tal-Moldova rrapporta li r-Russja kienet qed taġixxi biex tiddestabbilizza l-pajjiż;

C. billi fil-21 ta' Frar 2023, ir-Russja ħassret digriet tal-2012 li kien jorbotha li tirrispetta s-sovranità tal-Moldova fi sforzi biex jiġi solvut il-futur tar-reġjun tat-Transnistrija; billi r-Russja għandha madwar 1,600 truppa fit-Transnistrija; billi l-awtoritajiet tal-Moldova arrestaw diversi allegati attivisti pro-Russi kif ukoll allegat operatur tal-kumpanija militari privata Wagner li pprova jidħol fil-pajjiż; billi r-Russja kisret l-ispazju tal-ajru tal-Moldova f'diversi okkażjonijiet;

D. billi r-Russja għadha teżerċita pressjoni politika u ekonomika fuq il-Moldova; billi f'Ottubru 2022, ir-Russja naqqset il-fluss tal-gass naturali lejn il-Moldova b'terz; billi l-prezzijiet tal-enerġija żdiedu u l-inflazzjoni telgħet għal 30 %; billi l-output ekonomiku tal-Moldova naqas b'5.9 % sena wara sena f'termini reali fl-2022; billi l-istħarriġiet juru li ħafna nies fil-Moldova jaraw l-għoli tal-ħajja u l-qgħad li qed jiżdiedu bħala l-isfidi ewlenin li qed jiffaċċja l-pajjiż;

E. billi mill-24 ta' Frar 2022 aktar minn 750 000 refuġjat Ukren qasmu l-fruntiera lejn il-Moldova u aktar minn 100 000 minnhom fittxew sikurezza, protezzjoni u sigurtà aktar fit-tul fil-Moldova; billi aktar min 90 % tar-refuġjati huma nisa u tfal;

F. billi minn Settembru 2022 kien hemm diversi protesti kontra l-gvern; billi l-pulizija tal-Moldova tiddikjara li sfrattat pjan minn grupp ta' atturi appoġġjati mir-Russja biex jikkawżaw "disturb tal-massa" matul il-protesti u li l-forzi favur ir-Russja abbużaw mill-pożizzjoni ekonomika vulnerabbli taċ-ċittadini billi pprovdew inċentivi finanzjarji biex jattendu għall-protesti kontra l-gvern;

G. billi l-UE għenet lill-Moldova biex issib sorsi alternattivi ta' gass naturali biex tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq ir-Russja u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp ipprovda kumpens u krediti għall-kontijiet tal-enerġija għall-akkwist ta' riżervi strateġiċi tal-gass; billi fit-2 ta' Novembru 2022, għall-ewwel darba l-Moldova importat il-gass naturali permezz ta' fluss fiżiku bil-maqlub mill-fruntiera bejn is-Slovakkja u l-Ukrajna, li huwa pass kruċjali lejn it-tnaqqis tad-dipendenza tagħha fuq Gazprom; billi minn Marzu 2022, il-grilja tal-elettriku tal-Moldova ġiet sinkronizzata man-network tal-Ewropa Kontinentali tal-ENTSO-E;

H. billi fit-23 ta' Ġunju 2022 il-Kunsill ta l-istatus ta' kandidat tal-UE lir-Repubblika tal-Moldova bil-fehim li l-Moldova għandha timplimenta disa' passi, inklużi r-riforma tas-settur tal-ġustizzja, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-miżuri ta' deoligarkizzazzjoni;

I. billi fit-23 ta' Marzu 2023, il-Kunsill Ewropew afferma mill-ġdid li l-Unjoni Ewropea se tkompli tipprovdi l-appoġġ rilevanti kollu lill-Moldova biex issaħħaħ ir-reżiljenza, is-sigurtà, l-istabbiltà u l-ekonomija tal-pajjiż u tgħinha fil-perkors tagħha għall-adeżjoni mal-UE; billi l-Kunsill Ewropew stieden lill-Kummissjoni tippreżenta pakkett ta' appoġġ qabel il-laqgħa li jmiss tiegħu;

1. Jesprimi solidarjetà mal-Moldova u jtenni l-appoġġ sod tiegħu għas-sovranità tar-Repubblika tal-Moldova u għalhekk jikkundanna l-aggressjoni ibrida mill-Federazzjoni Russa u r-rappreżentanti tagħha li jfittxu li jiddestabbilizzaw il-pajjiż u jfixkluh mill-perkors demokratiku tiegħu, kemm jekk billi jiksru l-ispazju tal-ajru tal-Moldova, ċiberattakki, kampanji ta' diżinformazzjoni, l-użu tal-enerġija bħala arma jew l-orkestrazzjoni ta' protesti;

2. Jinnota l-mewġa reċenti ta' protesti kontra l-gvern fil-Moldova u filwaqt li jappoġġja bis-sħiħ id-dritt taċ-ċittadini għal-libertà ta' assemblea u għal-libertà tal-kelma, jikkundanna l-inċentivi finanzjarji rrapportati li huma mogħtija minn atturi pro-Russi bi skambju għall-parteċipazzjoni fi protesti bħala abbuż ċar tal-pożizzjoni ekonomika vulnerabbli taċ-ċittadini, li fiha nnifisha hija fil-biċċa l-kbira dovuta għall-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna;

3. Itenni l-appoġġ tiegħu għad-deċiżjoni tal-Istati Membri li jagħtu status ta' kandidat tal-UE lill-Moldova, f'konformità mal-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u bħala l-bidu ta' proċess ibbażat fuq il-mertu; jistieden lill-Istati Membri jsaħħu r-rieda politika biex jagħtu spinta ġdida lill-proċess ta' tkabbir u jwettqu l-wegħdiet tagħhom permezz ta' passi konkreti u pożittivi fil-proċessi ta' adeżjoni ta' pajjiżi li jfittxu li jissieħbu fl-Unjoni u li jistħoqqilhom li jkunu parti mill-familja Ewropea;

4. Jilqa' t-tħabbira tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta' Marzu 2023 ta' pakkett ta' appoġġ għall-Moldova li għandu jiġi pprovdut mill-Kummissjoni qabel is-sajf; jilqa' l-appoġġ baġitarju dirett ipprovdut lill-Moldova, il-liberalizzazzjoni tat-trasport bit-triq u l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ temporanju mal-UE għal seba' prodotti agrikoli sa Ġunju 2024;

5. Jilqa' l-assistenza tal-UE lill-Moldova fir-riforma tas-settur tal-enerġija tagħha billi tiddiversifika s-sorsi tal-enerġija tagħha u tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq ir-Russja; jistieden lill-Kummissjoni taħdem biex ittejjeb l-effiċjenza enerġetika, tattira l-investiment f'sorsi tal-enerġija rinnovabbli u ttejjeb il-konnettività, filwaqt li tiżgura s-sostenibbiltà ambjentali u tistinka lejn in-newtralità tal-karbonju f'konformità mal-prijoritajiet strateġiċi tal-Moldova;

6. Jilqa' l-isforzi tal-Moldova biex tieħu d-disa' passi stabbiliti fid-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2022 li fuqha kien ibbażat l-istatus ta' kandidat tagħha, flimkien mar-riformi tagħha fil-kuntest tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni usa'/Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva, inklużi dawk fir-rigward tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, u jħeġġiġha tkompli f'dan il-perkors;

7. Jesprimi appoġġ għall-iskjerament tal-Missjoni Ċivili Konsultattiva tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni tal-UE għall-Moldova sabiex tassisti lill-ġustizzja tal-Moldova, lill-pulizija u lill-awtoritajiet doganali fl-istabbiliment ta' settur tas-sigurtà effettiv, kif ukoll fil-ġlieda kontra l-attakki ċibernetiċi u d-diżinformazzjoni; jilqa' wkoll f'dan il-kuntest it-tnedija f'Lulju 2022 taċ-Ċentru ta' Appoġġ tal-UE għas-Sigurtà Interna u l-Ġestjoni tal-Fruntieri fil-Moldova;

8. Ifaħħar il-wirja ta' solidarjetà tal-Moldova mar-refuġjati mill-Ukrajna u l-appoġġ kontinwu għalihom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu programmi ta' appoġġ addizzjonali speċifiċi għan-nisa refuġjati, b'mod partikolari, f'kollaborazzjoni man-NU, appoġġ speċjalizzat għall-vittmi ta' vjolenza bbażata fuq il-ġeneru u aċċess għas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva, u jassistu lill-Moldova f'dan l-aspett; ifakkar ukoll fil-ħtieġa li l-Moldova tirrispetta l-impenji tagħha biex ittejjeb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tiġġieled il-vjolenza kontra n-nisa, kif innotat fid-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li tagħti status ta' kandidat tal-UE lill-Moldova;

9. Jistieden lill-atturi responsabbli jevitaw id-destabbilizzazzjoni tas-sitwazzjoni fit-Transnistrija u jipprevjenu l-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja milli tinfirex lejn it-territorju tal-Moldova; jistieden lill-Federazzjoni Russa tirtira bis-sħiħ u mingħajr kundizzjonijiet il-forzi u l-armamenti militari tagħha mir-reġjun tat-Transnistrija f'konformità mad-Deċiżjonijiet tas-Summit ta' Istanbul tal-1999 dwar l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u fir-rigward tas-sovranità u l-integrità territorjali tar-Repubblika tal-Moldova;

10. Jilqa' r-rieda tal-Moldova li tallinja ruħha mal-biċċa l-kbira tas-sanzjonijiet imposti mill-UE fuq il-Federazzjoni Russa għall-aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna; jistieden lill-Kummissjoni tassisti lill-Moldova fl-implimentazzjoni ta' dawn is-sanzjonijiet u tipprovdi appoġġ biex ittaffi kwalunkwe konsegwenza negattiva;

11. Jistieden lill-Kummissjoni takkomoda b'mod adegwat il-ħtiġijiet ta' appoġġ li jirriżultaw mill-istatus ta' kandidat ġdid tal-Moldova, inkluż billi tistabbilixxi direttorat dedikat fid-DĠ NEAR u tiżgura kapaċitajiet suffiċjenti fid-Delegazzjoni tal-UE f'Chișinău; jitlob li l-Moldova ssir eliġibbli għall-istrumenti finanzjarji ta' qabel l-adeżjoni mal-UE mill-aktar fis possibbli, u mhux aktar tard mill-bidu taċ-ċiklu finanzjarju pluriennali tal-UE li jmiss; jistieden lill-Kummissjoni tippremja l-progress sostenibbli b'introduzzjoni gradwali usa' tal-Moldova u ta' pajjiżi kandidati oħrajn f'politiki u inizjattivi rilevanti tal-UE, sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jgawdu l-benefiċċji tal-adeżjoni matul il-proċess u mhux biss meta jitlesta;

12. Jistieden lill-Kummissjoni tespandi l-opportunitajiet għall-Moldova biex tipparteċipa fil-ħidma tal-istituzzjonijiet tal-UE u tosservaha, kif ukoll biex ittejjeb id-djalogu politiku strutturat, inkluż id-djalogu dwar il-marġnijiet tal-Kunsill Ewropew;

13. Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tħaffef il-ħidma lejn l-integrazzjoni tal-Moldova fis-suq uniku tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tesplora miżuri biex tissospendi d-dazji ta' importazzjoni fuq l-esportazzjonijiet kollha tal-Moldova lejn l-UE, iżżid il-kwoti għall-prodotti agrikoli tal-Moldova u tiffaċilita l-aċċess għas-suq tax-xogħol għall-Moldovani fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni tabolixxi t-tariffi tar-roaming bejn il-Moldova u l-UE;

14. Jistieden lill-Kummissjoni tassisti lill-Moldova bl-isforzi tagħha dwar riformi effettivi ta' deoligarkizzjoni billi tipprovdi appoġġ biex jiżdiedu l-kapaċitajiet tal-investigaturi u tal-prosekuturi u billi twieġeb għall-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja tal-14 ta' Marzu 2023;

15. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Moldova jkomplu bl-isforzi tagħhom biex jirriformaw is-sistema tal-ġustizzja, b'mod partikolari fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-proċeduri ta' eżaminar għall-imħallfin u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

16. Jenfasizza l-importanza li s-soċjetà ċivili tiġi involuta bħala parti mill-proċess ta' riforma u jfakkar li l-involviment akbar tas-soċjetà ċivili fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet huwa stabbilit fid-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li tagħti lill-Moldova status ta' kandidat tal-UE;

17. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jgħinu lill-Moldova fit-titjib tar-reżiljenza tagħha għal attakki ibridi Russi futuri possibbli, inkluż fl-oqsma tad-difiża, taċ-ċibersigurtà u tal-komunikazzjoni strateġika; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri oħra kontra l-indħil barrani u d-diżinformazzjoni, u jappoġġjaw lill-Moldova f'dan ir-rigward;

18. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jagħtu appoġġ lill-Moldova fl-ambitu tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi sabiex jagħtu spinta lill-kapaċitajiet tagħha ta' sigurtà u ta' difiża; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu għażliet biex jgħinu lill-Moldova b'tagħmir ta' sorveljanza tal-ajru;

19. Jistenna bil-ħerqa s-summit li jmiss tal-Komunità Politika Ewropea li għandu jsir fil-Moldova f'Ġunju 2023;

20. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-SEAE, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Moldova.

 

Aġġornata l-aħħar: 17 ta' April 2023
Avviż legali - Politika tal-privatezza