Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0204/2023Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0204/2023

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-isfidi li r-Repubblika tal-Moldova trid tiffaċċja

12.4.2023 - (2023/2595(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Anna Fotyga, Angel Dzhambazki, Joachim Stanisław Brudziński, Elżbieta Kruk, Jacek Saryusz‑Wolski, Adam Bielan, Witold Jan Waszczykowski, Beata Mazurek, Zbigniew Kuźmiuk, Beata Kempa, Anna Zalewska
f'isem il-Grupp ECR

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0198/2023

Proċedura : 2023/2595(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0204/2023
Testi mressqa :
B9-0204/2023
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B9‑0204/2023

Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-isfidi li r-Repubblika tal-Moldova trid tiffaċċja

(2023/2595(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika tal-Moldova u dwar il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant,

 wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-enerġija atomika u l-istati membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra[1], li jinkludi Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva u li daħal fis-seħħ fl-intier tiegħu fl-1 ta' Lulju 2016,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2020 dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni tal-UE mar-Repubblika tal-Moldova[2],

 wara li kkunsidra l-applikazzjoni għas-sħubija fl-UE tar-Repubblika tal-Moldova, ippreżentata fit-3 ta' Marzu 2022,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Versailles tal-10 u l-11 ta' Marzu 2022,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-29 ta' April 2022 tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Josep Borrell, dwar l-inċidenti ta' sigurtà reċenti fir-reġjun tat-Transnistrija,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi fid-9 ta' Frar 2023, il-President Ukren Volodymyr Zelenskyy informa lill-Kunsill Ewropew li l-Ukrajna kienet interċettat pjan tas-servizz sigriet Russu biex teqred is-sistema demokratika fil-Moldova u tistabbilixxi kontroll fuq il-pajjiż; billi dan ġie kkonfermat aktar tard mill-President tar-Repubblika tal-Moldova, Maia Sandu, li ddikjarat li l-pajjiż kien irċieva intelligence li tissuġġerixxi li r-Russja kienet qed tikkomplotta biex twaqqa' b'mod vjolenti t-tmexxija pro-Ewropea tal-pajjiż;

B. billi r-Repubblika tal-Moldova ġiet milquta serjament mill-gwerra ta' aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, prinċipalment minħabba l-wasla ta' aktar minn 730 000 refuġjat mill-Ukrajna mill-24 ta' Frar 2022, li minnhom madwar 90 000 (li nofshom huma minorenni) baqgħu fil-pajjiż;

C. billi l-ekonomija Moldovana kienet dipendenti ħafna fuq ir-Russja fir-rigward tas-sigurtà tal-kummerċ u tal-enerġija; billi r-Russja ħolqot artifiċjalment kriżi severa tal-provvista tal-gass fl-aħħar parti tal-2022 sabiex tagħmel pressjoni fuq il-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova u tipprova tbiegħed lill-pajjiż mit-triq pro-Ewropea tiegħu;

D. billi l-Federazzjoni Russa ilha tuża provokazzjoni u twettaq operazzjonijiet ibridi, inklużi kampanji ta' diżinformazzjoni u manipulazzjoni, bil-għan li timmina l-istabbiltà u s-sovranità tar-Repubblika tal-Moldova;

E. billi l-UE mmobilizzat 'il fuq minn EUR 1 biljun f'self u għotjiet għall-Moldova minn Ottubru 2021;

F. billi fit-23 ta' Ġunju 2022, il-mexxejja tal-UE taw status ta' kandidat tal-UE lill-Moldova;

G. billi r-reġjun okkupat de facto tat-Transnistrija qed jirċievi appoġġ dirett mill-Federazzjoni Russa, b'mill-inqas 1 500 suldat Russu, supplimentati minn 5 000 suldat addizzjonali mill-hekk imsejħa forzi armati tat-Transnistrija, preżenti fuq il-post;

H. billi fis-17 ta' Marzu 2022 ġie ffirmat ftehim bejn l-UE u l-Moldova dwar il-kooperazzjoni fil-ġestjoni tal-fruntieri, li jippermetti lill-Frontex tappoġġa lill-awtoritajiet Moldovani fl-attivitajiet ta' kuljum tal-ġestjoni tal-fruntieri u tas-sigurtà tal-fruntieri;

I. billi missili Russi mmirati lejn l-Ukrajna ttajru fuq it-territorju Moldovan f'diversi okkażjonijiet, bi ksur ċar tas-sovranità tal-Moldova; billi s-sistema ta' sorveljanza u difiża tal-ajru tal-Moldova għandha bżonn urġenti ta' investiment u modernizzazzjoni;

J. billi mindu bdiet il-gwerra Russa kontra l-Ukrajna kien hemm tħassib serju dwar operazzjonijiet potenzjali ta' bnadar foloz fil-Moldova;

K. billi l-Kremlin qed jiddependi fuq forzi pro-Russi fil-Moldova, uniti wara oligarki, biex jiddestabilizza s-sitwazzjoni politika fil-pajjiż, bl-aktar eżempju notevoli jkun il-Partit Șor; billi Ilan Șor u oligarka ieħor, Vladimir Plahotniuc, li t-tnejn li huma ħallew il-pajjiż, ġew sanzjonati mill-Istati Uniti u r-Renju Unit għall-involviment tagħhom f'każ ta' frodi bankarja b'valur ta' USD 1 biljun u skemi illeċiti oħra;

L. billi r-Repubblika tal-Moldova applikat għall-adeżjoni mal-UE fit-3 ta' Marzu 2022, li juri d-determinazzjoni tal-awtoritajiet u ċ-ċittadini tal-Moldova li jsegwu l-integrazzjoni Ewropea tal-pajjiż, u billi hija pajjiż kandidat tal-UE;

M. billi, waqt il-laqgħa mal-President tar-Repubblika tal-Moldova Maia Sandu f'Varsavja fi Frar 2023, il-President Joseph R. Biden Jr afferma mill-ġdid l-appoġġ qawwi tal-Istati Uniti għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Moldova; billi Biden enfasizza wkoll l-assistenza kontinwa tal-Istati Uniti biex tgħin lill-Moldova ssaħħaħ ir-reżiljenza politika u ekonomika tagħha, inklużi l-aġenda ta' riforma demokratika u s-sigurtà tal-enerġija tagħha, u biex tindirizza l-konsegwenzi tal-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna;

1. Jikkundanna bil-qawwa t-tentattivi tar-Russja biex tiddestabilizza r-Repubblika tal-Moldova, u partikolarment il-gvern u s-soċjetà tagħha, inkluż permezz tal-użu ta' mezzi ibridi, kif ukoll it-theddid ripetut tagħha li tinvadi l-Moldova u l-pjanijiet tagħha biex twaqqa' l-gvern u l-parlament tal-pajjiż eletti demokratikament; jesprimi s-solidarjetà sħiħa tiegħu mal-poplu tal-Moldova f'dawn iż-żminijiet diffiċli;

2. Jikkundanna bil-qawwa l-ksur ripetut tal-ispazju tal-ajru tal-Moldova minn missili Russi; iqis li t-theddid u l-provokazzjoni ripetuti Russi huma ksur tal-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tar-Repubblika tal-Moldova u jistieden lir-reġim Russu jwaqqaf immedjatament din l-azzjoni ostili kollha;

3. Jilqa' t-tmexxija u l-kuraġġ politiku tal-President Sandu, kif ukoll id-determinazzjoni u r-responsabbiltà li bihom l-awtoritajiet Moldovani rnexxielhom jikxfu u jiġġieldu t-tentattivi appoġġjati mir-Russi biex jiddestabilizzaw il-gvern; jappoġġja bil-qawwa l-passaġġ tal-Moldova lejn is-sħubija fl-UE u jirrikonoxxi li postha jinsab fl-UE u li ilha parti mill-kultura u ċ-ċivilizzazzjoni tal-Punent;

4. Jafferma mill-ġdid l-impenn sħiħ tiegħu għas-sħubija tar-Repubblika tal-Moldova fl-UE; jilqa' l-isforzi konsiderevoli tal-awtoritajiet Moldovani biex javvanzaw l-aġenda ta' riforma u d-determinazzjoni tagħhom li jissodisfaw id-disa' passi identifikati fl-opinjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Ġunju 2022[3] sabiex isir progress lejn is-sħubija fl-UE, minkejja l-pressjoni tar-Russja fuq il-Moldova u l-kriżijiet ikkawżati mill-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna;

5. Jistieden lill-Federazzjoni Russa tirtira l-forzi militari tagħha mit-territorju tar-Repubblika tal-Moldova u tappoġġja riżoluzzjoni paċifika u sostenibbli tal-kunflitt Transnistrijan, f'konformità mal-prinċipji tad-dritt internazzjonali;

6. Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jimmonitorjaw mill-qrib is-sitwazzjoni fir-Repubblika tal-Moldova, u biex jieħdu azzjoni biex jiġġieldu l-użu ta' mezzi ibridi mill-Federazzjoni Russa;

7. Jilqa' l-kundanna tal-Moldova tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna; jilqa' l-wegħda tal-Gvern Moldovna li jadotta l-miżuri restrittivi tal-UE kontra r-Russja;

8. Jilqa' ż-żieda sostanzjali fl-appoġġ tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) għall-Moldova fl-2022 biex titrawwem il-modernizzazzjoni tal-Forzi Armati tal-Moldova; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-kontribuzzjonijiet lir-Repubblika tal-Moldova permezz tal-EPF, speċjalment fir-rigward tas-sorveljanza tal-ajru, id-difiża tal-ajru, il-kapaċitajiet ċibernetiċi u l-kapaċitajiet ta' kmand u kontroll;

9. Ifakkar li l-ġestjoni tas-sitwazzjoni ta' madwar 90 000 refuġjat mill-Ukrajna li sabu kenn fil-pajjiż, kif ukoll ħafna aktar li għaddew mir-Repubblika tal-Moldova, tikkostitwixxi piż finanzjarju kbir għall-Istat tal-Moldova, li diġà sabet ruħha f'sitwazzjoni finanzjarja prekarja bħala riżultat tat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku ġġenerat mill-pandemija tal-COVID-19 u ż-żieda fil-prezzijiet tal-gass attivata b'mod artifiċjali minn Gazprom; jistieden lill-UE tkompli tipprovdi appoġġ finanzjarju fil-forma ta' aktar pakketti ta' appoġġ; jilqa', f'dan ir-rigward, iż-żieda addizzjonali ta' EUR 145 miljun f'assistenza makrofinanzjarja proposta mill-Kummissjoni fl-24 ta' Jannar 2023[4]; jitlob l-adozzjoni rapida tal-proposta sabiex il-fondi jkunu jistgħu jitħallsu matul l-2023;

10. Ifaħħar is-solidarjetà kbira murija miċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova lejn ir-rifuġjati mill-Ukrajna li qed jaħarbu mill-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja, il-qerda tagħha ta' bliet u rħula Ukreni, u t-twettiq tagħha ta' atroċitajiet u delitti tal-gwerra, billi fetħu djarhom biex jilqgħu eluf minnhom; jilqa' l-isforzi li saru mill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova biex jappoġġjaw lir-rifuġjati Ukreni;

11. Jissottolinja l-fatt li, waqt il-laqgħa tiegħu mal-President Sandu f'Varsavja fi Frar 2023, il-President Biden afferma mill-ġdid l-appoġġ qawwi tal-Istati Uniti għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Moldova, kif ukoll enfasizza l-assistenza kontinwa tal-Istati Uniti biex tgħin lill-Moldova ssaħħaħ ir-reżiljenza politika u ekonomika tagħha, inklużi l-aġenda ta' riforma demokratika u s-sigurtà tal-enerġija tagħha, u biex tindirizza l-konsegwenzi tal-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna;

12. Jisħaq fuq ir-rwol importanti li kellha r-Repubblika tal-Moldova s'issa fis-sikurezza u l-istabbiltà tal-fruntiera tal-Lvant tal-UE fil-kuntest tal-kriżi umanitarja kkawżata mill-gwerra ta' aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna;

13. Jilqa' l-istabbiliment tal-Pjattaforma ta' Appoġġ għall-Moldova mill-Istati Membri tal-UE, il-pajjiżi tal-G7, is-sħab internazzjonali u l-istati tal-istess fehma, maħsuba biex timmobilizza u tikkoordina l-appoġġ internazzjonali, bħala sinjal ċar tal-impenn tal-UE u tas-sħab tagħha għall-futur Ewropew tar-Repubblika tal-Moldova; iħeġġeġ lis-sħab kollha tal-Pjattaforma biex jiżguraw l-iżborż f'waqtu tal-wegħdiet tagħhom u biex iżidu malajr il-finanzjament f'każ li jinbidlu l-ħtiġijiet tal-Moldova;

14. Jilqa' l-kooperazzjoni bejn ir-Repubblika tal-Moldova u l-UE fil-qasam tal-ġlieda kontra t-theddid ibridu u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li r-Repubblika tal-Moldova tingħata l-assistenza kollha meħtieġa biex issaħħaħ il-mekkaniżmi istituzzjonali tagħha u l-kapaċità tagħha li tindirizza r-riskji ibridi;

15. Ifaħħar l-azzjonijiet reċenti tal-awtoritajiet Moldovani kontra l-propaganda Russa, inkluża l-projbizzjoni temporanja fuq diversi siti web ta' diżinformazzjoni Russi taħt l-istat ta' emerġenza impost u l-projbizzjoni fuq simboli militari pro-Russi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet Moldovani jżidu l-involviment tagħhom mal-popolazzjoni tar-reġjun tat-Transnistrija tar-Repubblika tal-Moldova;

16. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Istati Membri jassistu lill-Moldova fiċ-ċibersigurtà u l-komunikazzjonijiet strateġiċi tagħha sabiex ittejjeb ir-reżiljenza tagħha għal attakki possibbli mir-Russja, u tappoġġa l-ħidma tal-ġurnalisti u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jfittxu li jiġġieldu d-diżinformazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri ulterjuri kontra l-indħil barrani u d-diżinformazzjoni u jappoġġjaw lill-Moldova f'dan ir-rigward;

17. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw lir-Repubblika tal-Moldova biex tiżgura l-indipendenza enerġetika, il-konnettività, id-diversifikazzjoni u l-effiċjenza tagħha, kif ukoll tħaffef l-iżvilupp ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli; jistieden lill-awtoritajiet Moldovani jżommu l-impenji tal-pajjiż bħala membru tal-Komunità tal-Enerġija u jimplimentaw it-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija tal-UE, b'mod partikolari s-separazzjoni bejn it-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-gass u tal-elettriku; jissottolinja l-fatt li l-kriżi attwali toffri opportunità biex tintemm id-dipendenza ekonomika u tal-enerġija fuq ir-Russja, bidla li għandha tkun appoġġjata mill-UE u l-Istati Membri;

18. Jilqa' l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 u l-25 ta' Marzu 2022; jistieden lill-Istati Membri jixtru b'mod konġunt gass naturali, gass naturali likwifikat u idroġenu permezz ta' pjattaforma komuni li hija aċċessibbli wkoll għall-istati tal-Balkani tal-Punent u t-tliet pajjiżi assoċjati tas-Sħubija tal-Lvant; itenni, f'dan il-kuntest, is-sejħa tiegħu għal embargo immedjat fuq il-gass Russu; jistieden lill-awtoritajiet Moldovani u lill-Kummissjoni jaħdmu flimkien biex jipproduċu valutazzjoni ċara tal-ħtiġijiet tal-Moldova għall-ħżin tal-gass għall-perjodu li ġej;

19. Jilqa' l-intensifikazzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Moldova matul is-sena li għaddiet, f'konformità mal-fażi strateġika l-ġdida f'dawn ir-relazzjonijiet li ġiet introdotta bid-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew f'Ġunju 2022 li jingħata status ta' kandidat tal-UE lir-Repubblika tal-Moldova; iħeġġeġ lill-mexxejja tal-UE u tal-Istati Membri jkomplu jinvestu fi djalogu politiku mar-Repubblika tal-Moldova;

20. Jitlob lill-UE tkompli tappoġġja r-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tal-infrastruttura ferrovjarja fir-Repubblika tal-Moldova, kif ukoll il-port ta' Giurgiulești, bħala parti mis-soluzzjoni għall-problemi reġjonali u globali tas-sigurtà tal-ikel u bħala mod kif jissaħħu l-ekonomiji tar-Repubblika tal-Moldova u l-Ukrajna;

21. Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jappoġġjaw l-integrazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova billi jinkorporaw il-pajjiż fi programmi, strumenti u aġenziji tal-UE, bħall-programm tas-suq uniku tal-UE, il-programm Ewropa diġitali, il-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża;

22. Jenfasizza l-importanza li l-Moldova tingħata aċċess għall-istrumenti finanzjarji ta' qabel l-adeżjoni tal-UE kemm jista' jkun kmieni; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta biex tirrevedi r-Regolament tal-IPA III[5] kif xieraq hekk kif ikun fattibbli, inkluża proposta biex jiżdied b'mod suffiċjenti l-baġit ġenerali tal-IPA III;

23. Jilqa' t-talba reċenti tal-Kunsill Ewropew lill-Kummissjoni biex tippreżenta pakkett ta' appoġġ għall-Moldova qabel is-sajf 2023; jistieden lill-Kummissjoni tiddetermina u tipprovdi pakkett ta' appoġġ ambizzjuż għar-Repubblika tal-Moldova;

24. Jilqa' l-miżuri temporanji ta' liberalizzazzjoni biex tiġi appoġġjata l-ekonomija tal-Moldova billi tingħata kwoti annwali ta' tariffi mingħajr dazju biex tegħleb it-telf tas-swieq tal-esportazzjoni tagħha fir-Russja, il-Belarussja u l-Ukrajna;

25. Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jadottaw sanzjonijiet personali kontra l-oligarki pro-Russi Ilan Șor u Vladimir Plahotniuc;

26. Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-isforzi tal-Moldova biex timmodernizza s-sistema ta' pagament tagħha sabiex tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha għall-integrazzjoni fiż-Żona Unika ta' Pagamenti bl-Euro malajr kemm jista' jkun;

27. Jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri biex jiżguraw l-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet fuq perjodu qasir u fit-tul biex jitnaqqsu u sussegwentement jabolixxu t-tariffi tar-roaming bejn il-Moldova u l-UE sabiex l-iskema ta' "roaming daqslikieku f'pajjiżek" tiġi estiża għar-Repubblika tal-Moldova;

28. Jilqa' l-passi li diġà ttieħdu mill-Gvern Moldovan biex isaħħaħ il-kapaċità għall-implimentazzjoni tal-prijoritajiet ta' integrazzjoni tal-UE u jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ aktar robust f'dan il-qasam;

29. Jissottolinja l-fatt li, b'mod simili għall-Ukrajna, il-prospett konkret li tingħaqad mal-UE huwa element essenzjali ta' tama li se jżomm il-moral tal-popolazzjoni Moldovana matul dan il-perjodu ta' insigurtà estrema u ta' tbatija materjali;

30. Jappoġġja l-isforzi tal-Moldova biex tkompli fit-triq tagħha favur l-UE, wara li ngħatat status ta' kandidat tal-UE f'Ġunju 2022, u biex tersaq eqreb lejn l-istandards u l-istituzzjonijiet Ewro-Atlantiċi;

31. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Moldova, lill-Federazzjoni Russa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, lin-NU u lill-Kunsill tal-Ewropa.

Aġġornata l-aħħar: 17 ta' April 2023
Avviż legali - Politika tal-privatezza