MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar id-Dekriminalizzazzjoni Universali tal-Omosesswalità, fid-dawl tal-iżviluppi reċenti fl-Uganda
18.4.2023 - (2023/2643(RSP))
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Maria Walsh, Rosa Estaràs Ferragut, Frances Fitzgerald, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Tomas Tobé
f'isem il-Grupp PPE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0219/2023
B9‑0221/2023
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-Dekriminalizzazzjoni Universali tal-Omosesswalità, fid-dawl tal-iżviluppi reċenti fl-Uganda
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Uganda,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni li saret fid-29 ta' Marzu 2023 mill-esperti tan-NU li tikkundanna l-leġiżlazzjoni xokkanti ħafna kontra l-LGBT fl-Uganda,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni dwar il-Protezzjoni kontra l-Vjolenza u Ksur ieħor tad-Drittijiet tal-Bniedem kontra Persuni abbażi tal-Orjentazzjoni Sesswali jew l-Identità tal-Ġeneru reali jew imputata tagħhom adottata mill-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli fl-2014 (Riżoluzzjoni 275),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni li saret fit-22 ta' Marzu 2023 mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Volker Türk fejn ħeġġeġ lill-President tal-Uganda biex ma jiffirmax abbozz ta' liġi aħrax kontra l-omosesswalità,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) u l-UE (il-Ftehim ta' Cotonou) tal-2000, b'mod partikolari l-Artikolu 8(4) tiegħu dwar in-nondiskriminazzjoni,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 5 tal-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,
– wara li kkunsidra l-Protokoll tal-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli dwar id-Drittijiet tan-Nisa fl-Afrika (il-Protokoll ta' Maputo) tal-11 ta' Lulju 2003,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966 (ICCPR), li tiegħu l-Uganda ilha parti mill-1995,
– wara li kkunsidra l-obbligi internazzjonali rigward id-drittijiet tal-bniedem, inklużi dawk li jinsabu fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tan-NU 70/1 bit-titolu "Transforming our World – the 2030 Agenda for Sustainable Development" (Nittrasformaw id-Dinja tagħna – l-Aġenda 2030 għal Żvilupp Sostenibbli) (l-Aġenda 2030), adottata fis-Summit tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fi New York fil-25 ta' Settembru 2015, u li tistabbilixxi l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali, li jemenda u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u jħassar ir-Regolament (UE) 2017/1601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009[1],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Novembru 2020 bit-titolu "Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ għall-2020-2025" (COM(2020)0698),
– wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija għall-perjodu 2020-2024,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-obbligi deskritti skont id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem jirrispettaw id-dinjità inerenti u d-drittijiet ugwali u inaljenabbli tal-bnedmin kollha irrispettivament mill-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru tagħhom, kif ukoll ir-rispett u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom;
B. billi minkejja l-progress li sar s'issa, ħafna pajjiżi għad għandhom liġijiet li jikkriminalizzaw l-omosesswalità li spiss jintużaw biex jilleġittimizzaw id-diskriminazzjoni u l-vjolenza kontra l-persuni LGBT; billi mill-2022, liġijiet ħorox li jikkriminalizzaw l-omosesswalità ilhom fis-seħħ f'64 pajjiż madwar id-dinja, li l-maġġoranza tagħhom jinsabu fl-Afrika, fl-Asja u fil-Lvant Nofsani; billi minn total ta' 54 pajjiż Afrikan, 32 jikkriminalizzaw ir-relazzjonijiet bejn persuni tal-istess sess, u billi l-Mauritania, is-Sudan, in-Niġerja tat-Tramuntana u s-Somalja jikkastigaw l-omosesswalità bil-mewt;
C. billi fil-21 ta' Marzu 2023 il-parlament tal-Uganda approva abbozz ta' liġi aħrax kontra l-omosesswalità li jimmira u jipperikola d-drittijiet tal-persuni LGBT u ta' dawk li jappoġġjaw u jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem tagħhom; billi l-abbozz ta' liġi jipproponi l-piena tal-mewt għar-reat ta' "omosesswalità aggravata", għomor il-ħabs għal "reat ta' omosesswalità", sa 14-il sena ħabs għal "attentat ta' omosesswalità" u sa 20 sena ħabs għall-"promozzjoni tal-omosesswalità";
D. billi l-abbozz ta' liġi tal-Uganda ġie kkritikat bħala wieħed mill-eħrex liġijiet fid-dinja kontra l-LGBT; billi l-impożizzjoni tal-piena tal-mewt għall-intimità bejn persuni tal-istess sess, inkluża l-hekk imsejħa "omosesswalità serjali", hija ksur xokkanti ħafna tad-drittijiet tal-bniedem fundamentali u protetti internazzjonalment;
E. billi din il-leġiżlazzjoni tal-Uganda ġiet proposta wara snin ta' diskriminazzjoni u vjolenza instigati mill-istat u pperpetwati mill-istat abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru; billi matul dawn l-aħħar 15-il sena, l-esperti ripetutament qajmu tħassib serju dwar l-eskalazzjoni tar-riskji għad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni LGBT fl-Uganda;
F. billi fi Frar 2023 biss, iktar minn 110 persuni LGBT fl-Uganda rrapportaw inċidenti, inklużi arresti, vjolenza sesswali, żgumbramenti u tneżżigħ fil-pubbliku;
G. billi dan l-abbozz ta' liġi ġdid imur kontra d-dispożizzjonijiet kostituzzjonali tal-Uganda stess li jistipulaw l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni għal kulħadd; billi dan imur ukoll kontra l-obbligi legali internazzjonali tal-pajjiż dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-impenji politiċi dwar l-iżvilupp sostenibbli, b'mod partikolari l-SDGs 3, 5 u 10, u b'mod attiv ipoġġi d-drittijiet, is-saħħa u s-sigurtà tan-nies f'riskju gravi; billi dan l-abbozz ta' liġi għandu l-potenzjal li jippromwovi l-vjolenza u d-diskriminazzjoni kontra l-persuni LGBT;
H. billi l-ICCPR jirrikonoxxi d-dritt għall-ħajja bħala dritt fundamentali tal-bniedem u jiddikjara b'mod espliċitu li l-piena tal-mewt m'għandhiex tiġi imposta għal reati mhux vjolenti; billi l-ICCPR jipprojbixxi d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru u billi l-impożizzjoni tal-piena tal-mewt għal relazzjonijiet bejn persuni tal-istess sess tikser dan il-prinċipju;
I. billi l-kooperazzjoni internazzjonali tal-UE għandha tappoġġja l-isforzi tal-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (li qabel kienet tissejjaħ l-AKP) fl-iżvilupp ta' oqfsa legali u ta' politika ta' appoġġ u fl-eliminazzjoni ta' liġijiet, politiki, u prattiki punittivi, stigmatizzazzjoni u diskriminazzjoni li jimminaw id-drittijiet tal-bniedem;
J. billi l-UE hija impenjata li tippromwovi u tipproteġi d-drittijiet tal-persuni LGBT, inklużi miżuri għad-dekriminalizzazzjoni tal-omosesswalità, kif stipulat fir-Regolament NDICI – Ewropa Globali; billi l-UE hija impenjata, barra minn hekk, li tipproteġi lill-persuni LGBT u tippermettilhom jasserixxu d-drittijiet tagħhom madwar id-dinja, kif stipulat fl-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBT għall-2020–2025 u fil-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2020–2024;
1. Jikkundanna l-kriminalizzazzjoni tal-omosesswalità; jinsab imħasseb ħafna dwar l-adozzjoni mill-Parlament tal-Uganda tal-leġiżlazzjoni l-ġdida, li jkollha riperkussjonijiet negattivi serji fuq il-persuni LGBT u fuq is-soċjetà kollha kemm hi u tnaqqas il-kisbiet importanti li saru matul is-snin;
2. Jenfasizza li d-diskriminazzjoni fil-konfront tal-persuni LGBT timmina l-prinċipji l-iktar bażiċi tad-drittijiet tal-bniedem kif minquxa fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem; itenni li l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru huma kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp tad-dritt tal-individwu għall-privatezza, kif iggarantit mid-dritt internazzjonali u mill-kostituzzjonijiet nazzjonali;
3. Jiddeplora l-fatt li f'wisq pajjiżi madwar id-dinja, il-persuni LGBT għadhom vittmi ta' vjolenza, inklużi vjolenza sesswali, tortura, detenzjoni arbitrarja,d fastidju, diskriminazzjoni u, fl-iktar każijiet serji, qtil; jenfasizza li dawn l-atti għadhom jitwettqu l-iktar ta' spiss b'impunità u bl-awtoritajiet rilevanti jonqsu milli jieħdu azzjoni xierqa;
4. Jitlob ir-revoka ta' liġijiet ħorox li jikkriminalizzaw l-omosesswalità, jippermettu diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru u jinkoraġġixxu l-vjolenza; juri appoġġ għad-dekriminalizzazzjoni universali tal-omosesswalità;
5. Jistieden, bl-iktar mod qawwi, lill-Kummissjoni żżid l-azzjonijiet biex tipprevjeni, tiddenunzja u tiġġieled kull forma ta' diskriminazzjoni u fastidju kontra persuni LGBT, kif ukoll tikkundanna u tiġġieled b'mod attiv il-liġijiet, il-politiki u l-prattiki diskriminatorji, inkluża l-kriminalizzazzjoni ta' relazzjonijiet kunsenswali bejn persuni tal-istess sess;
6. Jirrikonoxxi l-progress sostanzjali li għamlet l-Uganda f'dawn l-aħħar snin fit-tnaqqis tal-impatt tal-HIV; ifakkar li l-prevalenza tal-HIV fl-irġiel li jkollhom rapport sesswali ma' rġiel oħra (MSM) fl-2021 kienet ta' 12,7 %;
7. Jinnota bi tħassib li din il-prevalenza hija ogħla b'mod sinifikanti minn tal-irġiel eterosesswali u ogħla mill-medja nazzjonali, u li gruppi vulnerabbli bħall-MSM għadhom inqas probabbli mill-popolazzjoni ġenerali li jirċievu s-servizzi ta' trattament, prevenzjoni u kura tal-HIV li jeħtieġu; huwa għalhekk estremament imħasseb li l-abbozz ta' liġi jikkriminalizza lill-persuni bl-HIV;
8. Jemmen li liġijiet inġusti bħal dawn jistigmatizzaw iktar l-isforzi ta' ttestjar, traċċar u prevenzjoni tal-HIV, li jmorru kontra l-għan li jeqirdu l-HIV u potenzjalment jagħmlu l-programmi li jsalvaw il-ħajja għal nies bl-HIV illegali, peress li jistgħu jikkostitwixxu "promozzjoni tal-omosesswalità";
9. Jistieden lill-UE tuża l-għodod ta' politika esterna eżistenti kollha tagħha biex tappoġġja u tipproteġi lill-persuni LGBT madwar id-dinja, inkluż fl-isforzi tagħha biex twassal għad-dekriminalizzazzjoni universali tal-omosesswalità; jissottolinja li l-UE għandha tuża l-politika ta' żvilupp tagħha biex tilħaq dawn l-objettivi, pereżempju billi tagħmel l-għajnuna għall-iżvilupp kundizzjonali fuq pajjiż sieħeb li jirrispetta l-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem u billi tissospendi l-assistenza f'każ ta' degradazzjoni fid-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem jew l-istat tad-dritt f'pajjiżi mhux tal-UE, kif stipulat fir-Regolament NDICI – Ewropa Globali;
10. Jirrifjuta bil-qawwa l-użu tal-piena tal-mewt fi kwalunkwe ċirkostanza, inkluża kwalunkwe leġiżlazzjoni li timponi l-piena tal-mewt għall-omosesswalità; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jinvolvu iktar lill-Gvern tal-Uganda biex jerġa' jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu dwar il-piena tal-mewt; jinnota, barra minn hekk, li l-impożizzjoni tal-piena tal-mewt ibbażata fuq tali leġiżlazzjoni hija qtil arbitrarju per se u ksur tal-Artikolu 6 tal-ICCPR;
11. Jisħaq li l-leġiżlazzjoni l-ġdida fl-Uganda tmur kontra l-obbligi legali internazzjonali tal-pajjiż dwar id-drittijiet tal-bniedem u mhijiex kompatibbli mal-impenji politiċi tal-Uganda dwar l-iżvilupp sostenibbli;
12. Jisħaq li l-leġiżlazzjoni l-ġdida taggrava u tilleġittimizza l-istigmatizzazzjoni, il-vjolenza, il-fastidju u d-diskriminazzjoni kontinwi kontra l-persuni LGBT u tħalli impatt fuq l-oqsma kollha ta' ħajjithom; jinnota, barra minn hekk, li l-leġiżlazzjoni l-ġdida proposta tpoġġi f'riskju l-integrità fiżika u mentali u s-saħħa tal-persuni leżbjani, gay, bisesswali u trans fl-Uganda bħala riżultat tal-atti kontinwi ta' vjolenza u intimidazzjoni;
13. Jistieden, bl-iktar mod qawwi, lill-President tal-Uganda joqgħod lura milli jippromulga liġijiet li jiddiskriminaw kontra l-persuni li jidentifikaw ruħhom bħala LGBTIQ u dawk li jappoġġjaw u jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem tagħhom, u li jkomplu jikkriminalizzawhom;
14. Jesprimi tħassib serju li l-liġi tal-Uganda għadha diskriminatorja ħafna kontra l-persuni LGBT u jistieden lill-awtoritajiet tal-Uganda jirrevedu kwalunkwe liġi li tikkriminalizza l-omosesswalità u l-attivisti LGBT, b'mod partikolari skont it-taqsimiet 145 u 146 tal-Kodiċi Penali tal-Uganda;
15. Ifakkar lill-Gvern tal-Uganda fl-obbligi tiegħu skont id-dritt internazzjonali u skont il-Ftehim ta' Cotonou, li jitolbu r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem universali u tal-libertajiet fundamentali;
16. Jistieden lid-delegazzjoni tal-UE fl-Uganda tkompli ssegwi mill-qrib is-sitwazzjoni tal-persuni LGBT u tappoġġja b'mod attiv lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u lill-persuni LGBT fil-post; jisħaq fuq l-importanza ta' sensibilizzazzjoni u tal-promozzjoni ta' fehim tas-sitwazzjoni tal-persuni LGBT u tal-familji tagħhom;
17. Jistieden lill-UE tagħmel użu sħiħ u effettiv mid-djalogu politiku previst fl-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Cotonou fid-djalogu tagħha mal-awtoritajiet tal-Uganda sabiex tgħin fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Uganda, tiddekriminalizza l-omosesswalità u tnaqqas il-vjolenza u d-diskriminazzjoni kontra l-persuni LGBT;
18. Jinsisti li l-UE għandha tkun lesta tieħu azzjonijiet konkreti jekk il-President tal-Uganda jiffirma l-abbozz ta' liġi l-ġdid, pereżempju, billi jagħmel iktar għajnuna għall-iżvilupp kundizzjonali fuq ir-rispett tal-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem mill-Uganda, f'konformità mal-impenn tal-UE li tippromwovi u tipproteġi d-drittijiet tal-persuni LGBT, inklużi miżuri għad-dekriminalizzazzjoni tal-omosesswalità;
19. Jilqa' l-Pjan Strateġiku għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli għall-2021–2030 adottat reċentement mill-Unjoni Afrikana;
20. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Uganda kif ukoll lill-Unjoni Afrikana u lill-istituzzjonijiet tagħha.
- [1] ĠU L 209, 14.6.2021, p. 1.