Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0233/2023Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0233/2023

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI Lejn settur tal-algi tal-UE b'saħħtu u sostenibbli

29.3.2023 - (2023/2547(RSP))

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B9‑0000/2023
skont l-Artikolu 136(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Pierre Karleskind
f'isem il-Kumitat għas-Sajd

Proċedura : 2023/2547(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0233/2023
Testi mressqa :
B9-0233/2023
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B9‑0233/2023

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew “Lejn settur tal-algi tal-UE b’saħħtu u sostenibbli”

(2023/2547(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-“Patt Ekoloġiku Ewropew” (COM(2019)0640), l-“Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt” (COM(2020)0381) u l-“Ekonomija blu sostenibbli” (COM(2021)0240),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar it-tliet komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq[1],[2],[3],

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Linji gwida strateġiċi għal akkwakultura tal-UE li tkun aktar sostenibbli u kompetittiva għall-perjodu bejn l-2021 u l-2030” (COM(2021)0236),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Ottubru 2022 dwar l-impenn favur akkwakultura sostenibbli u kompetittiva fl-UE: it-triq ’il quddiem[4],

 wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar “Lejn settur tal-algi tal-UE b’saħħtu u sostenibbli” (O-000015/2023 – B9‑0000/2023),

 wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għas-Sajd,

1. Jilqa’ l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Lejn settur tal-algi tal-UE b’saħħtu u sostenibbli” (COM(2022)0592) u jaqbel li hemm potenzjal mhux sfruttat f’dan is-settur; jirrimarka li, filwaqt li d-domanda ġenerali għall-algi hija mistennija tiżdied fis-snin li ġejjin, jistgħu jinħolqu 85 000 impjieg addizzjonali fl-UE jekk tinkiseb iż-żieda prevista fil-produzzjoni tal-algi;

2. Jilqa’ l-objettiv li jiġu żviluppati swieq għall-applikazzjonijiet tal-algi tal-ikel u mhux tal-ikel u li dawn isiru aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali; jenfasizza li l-algi jistgħu jintużaw ukoll għall-għalf tal-annimali u tal-ħut, għall-farmaċewtiċi, għall-imballaġġ, għall-kożmetiċi u għall-bijofjuwils, fost skopijiet oħra;

3. Jirrimarka li s-settur jeħtieġ li jiżviluppa b’mod li ma jaffettwax l-ekwilibriju tal-ekosistemi tal-baħar u għandu jevita li jirrepeti l-istess żbalji ambjentali li saru qabel fuq l-art;

4. Jissottolinja li settur tal-algi tal-UE li qed jikber jista’ jikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi tal-UE f’termini tal-iżvilupp ta’ ekonomija blu, li mhux biss jipprovdilna prodotti u materjal tal-ikel ġodda b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, iżda jikkontribwixxi wkoll għas-servizzi tal-ekosistema bħas-sekwestru tal-karbonju u l-assorbiment tan-nutrijenti, kif ukoll inaqqas it-tniġġis, u b’hekk jikkontribwixxi għar-riġenerazzjoni tal-ekosistemi kostali tagħna; jemmen, f’dan ir-rigward, li jeħtieġ li jiġu mobilizzati aktar fondi tal-UE għal skopijiet ta’ riċerka;

5. Jirrimarka li l-algi u l-mikroalgi jistgħu jirrappreżentaw sors komplementari importanti ta’ proteina fil-produzzjoni sostenibbli tal-ikel u fis-sigurtà globali tal-ikel, kif enfasizzat fl-istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt”, u jistieden lill-Kummissjoni tqis dan il-potenzjal mhux sfruttat fir-rieżami tagħha tal-politika tal-UE dwar il-proteini;

6. Jinnota li l-komunikazzjoni tidentifika żoni vasti fl-Ewropa adattati għall-kultivazzjoni tal-makroalga; jirrikonoxxi l-ħtieġa li l-Istati Membri jintegraw il-kultivazzjoni tal-algi fil-pjanijiet spazjali nazzjonali jew reġjonali tagħhom skont id-Direttiva għall-ippjanar tal-ispazju marittimu[5];

7. Jemmen li jeħtieġ li jsir aktar biex tingħata aktar informazzjoni dwar il-metodi ta’ produzzjoni tal-algi u l-kundizzjonijiet tas-suq, u huwa meħtieġ qafas ta’ politika aktar koeżiv sabiex jitnaqqsu l-ostakli li jxekklu t-tkabbir tas-settur tal-algi; jenfasizza l-ħtieġa għal aktar riċerka sabiex jiġi massimizzat il-potenzjal tas-settur biex jikkontribwixxi b’mod pożittiv għall-ambjent, kemm f’termini ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima kif ukoll bħala bjar tal-karbonju blu;

8. Jitlob qafas regolatorju aktar koerenti għas-settur, li jħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu “punti uniċi ta’ servizz” għall-atturi interessati li jibdew jew jespandu l-operazzjonijiet tal-algakultura;

9. Jilqa’ l-azzjonijiet previsti tal-Kummissjoni biex tiżviluppa standards għal tipi differenti ta’ prodotti bbażati fuq l-algi u l-impenn tagħha li tiżviluppa sett ta’ għodod ġdid għall-bdiewa tal-algi; jilqa’ bl-istess mod l-intenzjoni li tiġi żviluppata gwida speċifika biex jiġi promoss l-ikkomplementar tal-għalf ibbażat fuq il-ħut b’għalf ibbażat fuq l-algi; jilqa’ l-proposta li jiġu ffinanzjati proġetti pilota għas-sajjieda li jfittxu li jiżviluppaw il-kultivazzjoni tal-makroalga;

10. Iqis li d-diversifikazzjoni tal-introjtu u l-ħolqien ta’ opportunitajiet ġodda għall-komunitajiet kostali meta jiżviluppaw il-biedja fl-oċeani għandhom jitqiesu li jikkumplementaw b’mod pożittiv il-prattiki tas-sajd sostenibbli;

11. Jilqa’ l-intenzjoni li jitwettqu attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni sabiex jiżdied l-għarfien tal-konsumaturi dwar prodotti bbażati fuq l-algi; jinnota li l-pjattaforma EU4Ocean tista’, b’mod konġunt mal-Istati Membri, tqajjem kuxjenza fl-iskejjel u fl-universitajiet dwar il-potenzjal tal-ekonomija blu;

12. Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi finanzjament adegwat għas-settur tal-algi tal-UE, u lill-Istati Membri jkomplu jinkoraġġixxu l-promozzjoni tal-algakultura u jiffaċilitaw l-użu u l-iżvilupp tal-algi bħala ikel u għalf, b’mod partikolari billi jimplimentaw proċessi ta’ awtorizzazzjoni aktar rapidi, mingħajr ma jittraskuraw speċijiet oħra mrobbija fl-akkwakultura;

13. Jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta inizjattiva speċifika biex tappoġġa l-konsum tal-algi fl-UE;

°

° °

14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni.

Aġġornata l-aħħar: 3 ta' Mejju 2023
Avviż legali - Politika tal-privatezza