MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar pjan direzzjonali dwar Ewropa soċjali: sentejn wara s-Summit Soċjali ta’ Porto
5.5.2023 - (2023/2586(RSP))
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura
Margarita de la Pisa Carrión
f’isem il-Grupp ECR
Guido Reil
f’isem il-Grupp ID
B9‑0236/2023
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar pjan direzzjonali dwar Ewropa soċjali: sentejn wara s-Summit Soċjali ta’ Porto
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (EPSR), ipproklamat solennement mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017,
– wara li kkunsidra d-dokument informali mill-Awstrija, il-Bulgarija, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, l-Irlanda, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, in-Netherlands u l-Iżvezja qabel is-Summit Soċjali ta’ Porto[1],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta’ Porto tal-Kunsill Ewropew tat-8 ta’ Mejju 2021,
– wara li kkunsidra l-mozzjoni alternattiva għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew lejn azzjoni Ewropea komuni dwar il-kura tal-5 ta’ Lulju 2022,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Stokkolma tal-Kunsill tal-Presidenti ta’ BusinessEurope tal-24-25 ta’ Novembru 2022,
– wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 28/2022 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tal-14 ta’ Diċembru 2022,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi l-iżvilupp sostenibbli huwa objettiv fundamentali tal-UE; billi t-tliet pilastri tal-iżvilupp sostenibbli huma l-pilastru ekonomiku, il-pilastru soċjali u l-pilastru ambjentali; billi l-iżvilupp sostenibbli huwa bbażat, fost affarijiet oħra, fuq livelli massimi ta’ impjiegi, progress soċjali u ġustizzja; billi dan huwa objettiv fundamentali tal-UE, kif stabbilit fl-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;
B. billi l-EPSR ġie pproklamat fl-2017 f’Gothenburg, u fassal 20 prinċipju; billi fis-Summit Soċjali ta’ Porto f’Mejju 2021, il-Kunsill impenja ruħu għal tliet miri ewlenin għall-2030 dwar l-impjiegi, it-taħriġ u l-faqar; billi, sal-2030, mill-inqas 78 % tal-popolazzjoni ta’ bejn l-20 u l-64 sena għandu jkollha impjieg; billi mill-inqas 60 % tal-adulti kollha għandhom jipparteċipaw f’taħriġ kull sena; billi, sal-2030, l-għadd ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali għandu jitnaqqas b’mill-inqas 15-il miljun;
C. billi l-miri ewlenin stabbiliti mill-Kummissjoni ġew implimentati mill-Istati Membri għal sena; billi ħames Stati Membri laħqu l-miri nazzjonali tagħhom dwar l-impjiegi, u nofs l-Istati Membri qabżu l-mira ta’ 78 % dwar l-impjiegi, filwaqt li l-kriżijiet li għaddejjin bħalissa li qed jaffettwaw dejjem aktar il-kompetittività Ewropea, għandhom jitqiesu bil-għan li jiġu ffukati mill-ġdid il-miri stabbiliti fl-2021 biex tittaffa l-pressjoni fuq l-Istati Membri biex jiksbuhom sal-2030[2];
D. billi r-Rapport Speċjali Nru 28/2022 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tal-14 ta’ Diċembru 2022 jiddikjara li, minkejja indikazzjonijiet li l-iskema tal-Appoġġ biex jittaffew ir-Riskji ta’ Qgħad f’Emerġenza (SURE) salvat eluf ta’ impjiegi, il-kontribut tagħha biex jittaffa l-qgħad ma jistax jiġi vvalutat bis-sħiħ minħabba li ma hemmx biżżejjed data konkreta;
E. billi l-inflazzjoni fil-livell tal-UE żiedet l-għoli tal-ħajja tal-unitajiet domestiċi medjani b’madwar 10 %, l-inċidenza ta’ deprivazzjoni materjali u soċjali b’madwar 2 % u r-rata tal-faqar enerġetiku u l-faqar monetarju assolut b’madwar 5 %; billi fi Stati Membri magħżula u fost gruppi vulnerabbli, l-effetti soċjali korrispondenti huma mistennija li jkunu ferm u ferm ogħla; billi dan x’aktarx li jkabbar id-distakki eżistenti fil-faqar u l-esklużjoni soċjali madwar l-UE[3]; billi fid-dawl tal-Att tal-Istati Uniti dwar it-Tnaqqis tal-Inflazzjoni, iżda anke pjanijiet simili oħra ta’ investiment minn pajjiżi terzi oħra, l-Ewropa teħtieġ viżjoni ġdida biex issir post industrijali innovattiv sal-2050 minflok ma tgħabbi lill-kumpaniji u liċ-ċittadini b’linji gwida, projbizzjonijiet u regolamenti;
F. billi huwa żball li l-politika soċjali u d-drittijiet ġusti tal-ħaddiema jiġu ttrasformati f’mudell għas-soċjalizzazzjoni jew soċjalista; billi s-soċjetajiet jirnexxu permezz tal-moderazzjoni tat-taxxi pubbliċi;
1. Itenni l-importanza tal-konklużjonijiet tas-Summit Soċjali ta’ Porto tal-2021, li jissottolinjaw li għadna qed ngħixu fi żminijiet mingħajr preċedent; jinnota li l-COVID-19 u l-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, li tinsab fuq l-għatba tal-UE, aggravaw il-kriżijiet tal-għoli tal-ħajja u tal-enerġija, li qed jolqtu bl-aktar mod iebes lill-gruppi l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna, u wasslu għal żieda fl-inugwaljanzi;
2. Jistieden lill-Istati Membri jieħdu r-riformi meħtieġa tax-xogħol biex irawmu l-istabbiltà tal-impjiegi u jnaqqsu r-rata tal-qgħad; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali tal-UE jaħdmu favur kopertura akbar ta’ negozjar kollettiv, bil-ħsieb li jittejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol fl-UE, li se jikkontribwixxu għal konverġenza soċjali ’l fuq u jnaqqsu l-faqar fost dawk li jaħdmu, l-esklużjoni soċjali u l-opportunitajiet mhux indaqs;
3. Jilqa’ t-tħabbira reċenti mill-Kummissjoni li se tippreżenta proposti konkreti biex sal-ħarifa ta’ din is-sena l-piż amministrattiv regolatorju jitnaqqas b’25 %, li se jkollhom impatti u benefiċċji soċjoekonomiċi pożittivi kemm għall-kumpaniji kif ukoll għaċ-ċittadini (iż-żgħażagħ fit-taħriġ, il-fundaturi u l-innovaturi, l-intrapriżi żgħar u medji, dawk li jaħdmu għal rashom u l-impjegati);
4. Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-effikaċja tal-SURE bħala strument temporanju għall-kriżijiet;
5. Jistieden lill-Kummissjoni tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-ispeċifiċitajiet tas-sistemi nazzjonali tal-protezzjoni soċjali u l-kompetenzi tal-Istati Membri; jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta, sa tmiem l-2023, dwar il-ħolqien ta’ karta tad-diżabilità tal-UE li tiġi rikonoxxuta fl-Istati Membri kollha; jilqa’ n-negozjati li għaddejjin bħalissa tas-sħab soċjali dwar id-dritt ta’ skonnessjoni; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-konvenjenza tal-ħolqien ta’ pass Ewropew tas-sigurtà soċjali biex tipprovdi lill-awtoritajiet nazzjonali, bħall-ispettorati tax-xogħol u tas-sigurtà soċjali, u lis-sħab soċjali involuti fl-ispezzjonijiet tax-xogħol u tas-sigurtà soċjali bi strument f’ħin reali ħalli jinfurzaw b’mod effettiv id-dritt nazzjonali u tal-UE;
6. Jilqa’ s-Sena Ewropea tal-Ħiliet; jenfasizza l-importanza tal-aċċess għat-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema u jisħaq fuq ir-rwol tas-sħab soċjali fl-istrateġiji tal-ħiliet, biex jiġi żgurat li tali taħriġ isir mingħajr tnaqqis fil-pagi, kif ukoll biex tiġi pprovduta informazzjoni dettaljata dwar il-ħiliet meħtieġa;
7. Jisħaq fuq l-importanza ta’ strateġija demografika li tappoġġja r-rata tat-twelid, bħala bażi meħtieġa għas-sostenibbiltà soċjali u l-progress soċjali;
8. Jisħaq fuq l-importanza tal-familja bħala l-pedament għall-progress soċjali u l-bażi ta’ kwalunkwe politika soċjali sostenibbli;
9. Jinsab imħasseb ħafna dwar l-erożjoni ġenerali fl-UE tal-gruppi b’introjtu medju minħabba l-politika ekonomika u l-iżviluppi negattivi fis-suq tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, filwaqt li jqisu dawn l-iżviluppi, jiżviluppaw pjanijiet ta’ azzjoni kkoordinati biex iżidu d-daqs tal-gruppi b’introjtu medju u jikkonsolidawhom;
10. Jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni għas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali fuq il-post tax-xogħol;
11. Ifakkar li l-prinċipju 11 tal-EPSR dwar l-indukrar tat-tfal u l-appoġġ għat-tfal jirrikjedi rispett lejn il-familji tagħhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri jindirizzaw il-faqar fost it-tfal bħala prijorità; ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal;
12. Iwissi li, f’allinjament mal-prinċipju 12 tal-EPSR, il-politika dwar il-klima u l-adattament tas-soċjetajiet tagħna għan-newtralità ambjentali jeħtieġ li jirrispettaw il-protezzjoni soċjali;
13. Jenfasizza li skont il-prinċipju 15 tal-EPSR, kull persuna anzjana għandha d-dritt għal riżorsi li jiżguraw ħajja dinjituża u li l-ħaddiema u l-persuni li jaħdmu għal rashom li jirtiraw ikollhom id-dritt għal pensjoni proporzjonata mal-kontribuzzjonijiet tagħhom u li tiżgura introjtu adegwat; jemmen li, b’mod parallel, l-Istati Membri għandhom jiżguraw sigurtà tal-introjtu fit-tul u li l-pensjonijiet minimi huma għoljin biżżejjed; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri biex isaħħu s-sistemi nazzjonali ta’ protezzjoni soċjali biex jiżguraw ħajja dinjituża għal kulħadd filwaqt li jippreservaw is-sostenibbiltà ta’ dawn is-sistemi;
14. Jenfasizza li, skont il-prinċipju 19 tal-EPSR, għandu jiġi pprovdut aċċess għal akkomodazzjoni soċjali jew assistenza għall-akkomodazzjoni ta’ kwalità tajba għal dawk fil-bżonn; iqis li politika li tiġġieled il-problema tal-persuni mingħajr dar tirrikjedi l-kostruzzjoni ta’ akkomodazzjoni soċjali u appartamenti affordabbli u miżuri li jiżguraw li l-persuni mingħajr dar ikollhom aċċess għal dawn il-forom ta’ akkomodazzjoni; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri jiżviluppaw politiki preventivi b’miżuri ta’ twissija bikrija biex jipprevjenu lin-nies milli jispiċċaw bla dar; huwa tal-fehma li l-migrazzjoni illegali minn pajjiżi terzi hija mutur strutturali sinifikanti ħafna tal-problema ta’ persuni mingħajr dar; iħeġġeġ lill-Istati Membri jsegwu politika stretta u robusta dwar il-migrazzjoni u l-ażil; iqis li l-ġlieda kontra l-problema tal-persuni mingħajr dar tirrikjedi wkoll politika tajba tas-suq tax-xogħol u miżuri mmirati lejn it-tnaqqis tal-faqar; jistieden lill-Istati Membri jipprevedu ċentri ta’ akkomodazzjoni li huma adattati speċifikament għall-ħtiġijiet tan-nisa mingħajr dar; iqis li l-eżempju Finlandiż wera li politika u strateġija ta’ “l-akkomodazzjoni l-ewwel” hija l-aktar għodda xierqa biex tgħin fir-riintegrazzjoni tal-persuni mingħajr dar għal żmien twil b’sitwazzjonijiet personali kumplessi, problemi ta’ alkoħol jew drogi, jew mard mentali;
15. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta’ aċċess għal servizzi essenzjali (prinċipju 20 tal-EPSR), li ġew taħt stress addizzjonali;
16. Itenni l-importanza ta’ Awtorità Ewropea tax-Xogħol li taħdem tajjeb u li hi effiċjenti, u jħares ’il quddiem lejn l-evalwazzjoni tagħha fl-1 ta’ Awwissu 2024;
17. Itenni d-dritt li jinkiseb intervent mill-bniedem kif ukoll id-dritt li wieħed ma jkunx soġġett għal deċiżjoni meħuda biss permezz ta’ pproċessar awtomatizzat kif iddikjarat fir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data[4]; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-azzjonijiet tal-UE jkomplu jinkorporaw l-ankra tal-prinċipju “bniedem fil-kontroll” fid-dinja tax-xogħol;
18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
- [1] https://www.permanentrepresentations.nl/documents/publications/2021/04/23/social-summit-non-paper.
- [2] Il-Kummissjoni Ewropea, “Il-Kummissjoni sodisfatta bil-miri tal-Istati Membri għal Ewropa aktar soċjali sal-2030”, 16 ta’ Ġunju 2022.
- [3] Menyhert, B., The effect of rising energy and consumer prices on household finances, poverty and social exclusion in the EU (L-effett taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-konsumatur fuq il-finanzi tal-unitajiet domestiċi, il-faqar u l-esklużjoni soċjali fl-UE), l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2022.
- [4] Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data). ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.