MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-azzjoni tal-UE għall-ġlieda kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi
24.5.2023 - (2023/2703(RSP))
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura
Pernille Weiss
f’isem il-Grupp PPE
Tiemo Wölken
f’isem il-Grupp S&D
Billy Kelleher
f’isem il-Grupp Renew
Joanna Kopcińska
f’isem il-Grupp ECR
Tilly Metz
f’isem il-Grupp Verts/ALE
Anja Hazekamp
f’isem il-Grupp tax-Xellug
B9‑0258/2023
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-azzjoni tal-UE għall-ġlieda kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b’mod partikolari l-Artikolu 168 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-26 ta’ April 2023 għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-azzjonijiet tal-UE għall-ġlieda kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi f’approċċ “Saħħa Waħda” (COM(2023)0191),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Settembru 2018 dwar Pjan ta’ Azzjoni Ewropew “Saħħa Waħda” kontra r-Reżistenza għall-Antimikrobiċi (AMR)[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Novembru 2021 dwar Strateġija Farmaċewtika għall-Ewropa[2],
– wara li kkunsidra r-Regola 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi f’Lulju 2022 il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, identifikat ir-reżistenza għall-antimikrobiċi (AMR) bħala waħda mit-tliet theddidiet ewlenin għas-saħħa li għandhom jingħataw prijorità fl-UE[3]; billi huwa stmat li aktar minn 35 000 persuna fl-UE/fiż-ŻEE u aktar minn 1.2 miljun persuna globalment[4] imutu kull sena bħala konsegwenza diretta ta’ infezzjoni minħabba batterji reżistenti għall-antibijotiċi; billi l-impatt fuq is-saħħa tal-AMR huwa komparabbli ma’ dak tal-influwenza, tat-tuberkulożi u tal-HIV/AIDS f’daqqa u x-xejriet fl-aħħar data[5] juru żieda sinifikanti fin-numru ta’ infezzjonijiet u ta’ mwiet attribwibbli għal kważi l-kombinazzjonijiet kollha ta’ reżistenza batterji-antibijotiċi, speċjalment fl-ambjenti tal-kura tas-saħħa, fejn madwar 70 % tal-każijiet ta’ infezzjonijiet b’batterji reżistenti għall-antibijotiċi kienu infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa;
B. billi jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni ulterjuri, ir-rata globali ta’ mwiet minħabba l-AMR sal-2050 tista’ tilħaq aktar minn 10 miljun fis-sena, ogħla min-numru mistenni ta’ mwiet mill-kanċer u mid-dijabete f’daqqa, u jista’ jikkawża ħsara ekonomika katastrofika daqs il-kriżi finanzjarja globali tal-2008-2009;
C. billi l-AMR għandha konsegwenzi serji relatati mas-saħħa tal-bniedem u mal-ekonomija għas-sistemi tal-kura tas-saħħa peress li, billi tnaqqas il-kapaċità li jiġi evitat u ttrattat il-mard infettiv, hija thedded, fost affarijiet oħrajn, il-kapaċità li jsiru operazzjonijiet kirurġiċi, jinħata trattament lil pazjenti immunokompromessi, isiru trapjanti tal-organi u tingħata terapija tal-kanċer u tirriżulta fi spejjeż kbar għas-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-pajjiżi tal-UE/ŻEE[6], li diġà jinsabu taħt pressjoni bħala riżultat ta’ fatturi bħall-pandemija tal-COVID-19; billi l-AMR hija wkoll theddida għas-sikurezza alimentari u għas-sigurtà alimentari peress li għandha impatt fuq is-saħħa tal-annimali u fuq is-sistemi tal-produzzjoni;
D. billi, għalkemm l-AMR taffettwa lill-Istati Membri b’modi differenti, l-azzjoni fil-livell tal-UE sabiex tiġi indirizzata l-AMR tista’ tipprovdi valur miżjud ċar, peress li l-ebda Stat Membru wieħed waħdu ma jista’ jipprovdi soluzzjoni adegwata għal din il-kwistjoni transfruntiera u globali;
E. billi l-AMR hija kwistjoni ta’ “Saħħa Waħda”, li jfisser li tinkludi s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali u l-ambjent, u hija theddida transfruntiera multidimensjonali għas-saħħa li ma tistax tiġi indirizzata minn settur wieħed b’mod indipendenti jew minn pajjiżi individwali waħedhom, peress li l-ġlieda kontra l-AMR teħtieġ livell għoli ta’ kollaborazzjoni bejn is-setturi u bejn il-pajjiżi, inkluż fil-livell globali;
F. billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Ġunju 2017 intitolata “Pjan ta’ Azzjoni Saħħa Waħda Ewropew kontra r-Reżistenza Antimikrobika (RAM)” (“Pjan ta’ Azzjoni tal-2017 dwar l-AMR”) (COM(2017)0339)[7] tiddeskrivi aktar minn 70 azzjoni li jkopru s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali u l-ambjent, li l-progress tagħhom ġie mmonitorjat b’mod regolari[8]; billi, madankollu, hemm bżonn ta’ aktar azzjoni fit-tliet komponenti kollha tat-trijade Saħħa Waħda sabiex tiġi indirizzata b’suċċess it-theddida tal-AMR; billi dan jirrikjedi li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jagħtu aktar attenzjoni lil dawn l-oqsma u li jinvolvu rwieħhom u jrawmu kollaborazzjoni bejn is-setturi tas-saħħa tal-bniedem, tas-saħħa tal-annimali, tal-ikel, tal-ilma u tal-ambjent;
G. billi l-programm EU4Health joffri investiment għall-ġlieda kontra l-AMR, b’mod partikolari permezz ta’ għotjiet diretti lill-awtoritajiet tal-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ miżuri li jikkonċernaw l-AMR, bħal pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali (NAPs) dwar l-AMR tas-Saħħa Waħda, il-prevenzjoni tal-infezzjonijiet u l-kontroll kemm ta’ infezzjonijiet miksubin mill-komunità kif ukoll dawk assoċjati mal-kura tas-saħħa, kif ukoll strateġiji ta’ politika tal-użu tajjeb tal-antimikrobiċi, li għandhom iservu biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill fl-Istati Membri kollha;
H. billi l-programm Orizzont Ewropa se jipprovdi appoġġ għal azzjonijiet ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni u għal sħubija tas-Saħħa Waħda dwar l-AMR[9], filwaqt li l-finanzjament mill-Bank Ewropew tal-Investiment[10] u l-assistenza fl-ambitu tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku[11] jistgħu jipprovdu appoġġ addizzjonali għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill;
I. billi l-NAPs tal-AMR tas-Saħħa Waħda, jekk ikunu ffinanzjati b’mod adegwat, huma essenzjali għal rispons koordinat dwar l-AMR fis-setturi kollha; billi, fid-dikjarazzjoni politika tal-2016 tal-laqgħa ta’ livell għoli tal-Assemblea Ġenerali dwar ir-reżistenza għall-antimikrobiċi[12], l-Istati Membri tan-NU impenjaw irwieħhom li jaħdmu fil-livelli nazzjonali, reġjonali u globali sabiex jiżviluppaw, f’konformità mar-riżoluzzjoni 68.7 tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa, pjanijiet ta’ azzjoni multisettorjali, f’konformità ma’ approċċ Saħħa Waħda u mal-pjan ta’ azzjoni globali dwar l-AMR[13];
J. billi, fir-rapport ta’ ħarsa ġenerali tagħha tal-18 ta’ Ottubru 2022[14], il-Kummissjoni sabet li, filwaqt li l-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali huma fis-seħħ fl-Istati Membri kollha u l-biċċa l-kbira huma bbażati fuq approċċ ta’ Saħħa Waħda mill-inqas sa ċertu punt, dawn ivarjaw b’mod konsiderevoli fil-kontenut u fid-dettall, u kkonkludiet li ħafna Stati Membri għandhom jadottaw aktar minn approċċ tas-Saħħa Waħda, b’mod partikolari fir-rigward ta’ miżuri li jikkonċernaw l-ambjent, li ta’ spiss ikunu neqsin jew ma jkunux żviluppati sew; billi l-biċċa l-kbira tal-NAPs isemmu mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni minn settur għall-ieħor, komponent ewlieni tal-approċċ ta’ Saħħa Waħda, iżda dan il-mekkaniżmu spiss ma jkollux struttura, mandat u kompożizzjoni ċari; billi aspetti tas-Saħħa Waħda ta’ ċerti NAPs jinkludu l-edukazzjoni u t-taħriġ tal-persunal inkarigat mill-ġestjoni tal-ilma fl-ambjent, b’mod partikolari t-trattament tal-ilma mormi marbut mar-residwi mill-produzzjoni u mal-użu tal-mediċini, mat-tnaqqis ta’ skart tal-isptarijiet mhux trattat u mal-ġbir ta’ mediċini mhux użati minn unitajiet domestiċi u ta’ antimikrobiċi mill-farms; billi, barra minn hekk, il-komponenti ewlenin bħall-partijiet operazzjonali, ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni ġeneralment ma jkunux żviluppati sew fl-NAPs infushom u lanqas ma jkunu disponibbli fid-dokumenti relatati, u l-informazzjoni dwar l-ibbaġitjar tkun fil-biċċa l-kbira nieqsa mill-NAPs;
K. billi tqajjem tħassib dwar l-implimentazzjoni sostenibbli tal-NAPs tal-Istati Membri u l-arranġamenti fis-seħħ fl-Istati Membri biex jiġi żgurat li l-objettivi strateġiċi tagħhom jintlaħqu b’mod effettiv; billi, għalhekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkollhom NAP abbażi tal-approċċ ta’ Saħħa Waħda, sostnut minn struttura xierqa u b’monitoraġġ u b’riżorsi speċifiċi assenjati għal kull attività;
L. billi s-sorveljanza u l-monitoraġġ robusti tal-AMR u tal-konsum tal-antimikrobiċi (AMC) fil-livelli kollha fis-saħħa tal-bniedem, iżda wkoll fis-setturi veterinarji, tal-pjanti u ambjentali, kif ukoll fil-miżuri ta’ ġestjoni tal-ilma, tas-sanità u tal-ilma mormi, huma kruċjali sabiex jiġi vvalutat it-tixrid tal-AMR, jiġi appoġġat l-użu prudenti tal-antimikrobiċi u jiġu informati r-risponsi ta’ prevenzjoni u ta’ kontroll tal-infezzjonijiet;
M. billi komponent kruċjali fl-ippjanar tal-prevenzjoni u tal-kontroll tal-infezzjonijiet, fl-identifikazzjoni tax-xejriet u fl-indirizzar tal-AMR huwa data tajba u komparabbli dwar l-użu, l-amministrazzjoni, ir-rimi u s-sorsi antimikrobiċi, kif ukoll data tajba u kumparabbli dwar l-adozzjoni u l-iżvilupp ta’ trattamenti antimikrobiċi ġodda u innovattivi; billi l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw l-istabbiliment ta’ pjattaforma ta’ punt uniku ta’ servizz għal din id-data u għandhom jikkontemplaw ir-rwol potenzjali tal-Awtorità għat-Tħejjija u għar-Rispons f’Każ ta’ Emerġenza tas-Saħħa (HERA) jew taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) f’dan ir-rigward;
N. billi l-Istati Membri jridu jiġbru data rilevanti u komparabbli dwar il-volum tal-bejgħ ta’ prodotti mediċinali antimikrobiċi veterinarji u dwar l-użu ta’ prodotti mediċinali antimikrobiċi għal kull speċi ta’ annimali; billi l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/2371[15] jagħmluha possibbli li jittejjeb il-ġbir ta’ data u ta’ informazzjoni komparabbli u kompatibbli dwar l-AMR u l-AMC; billi hija neċessarja aktar azzjoni mill-Istati Membri sabiex jitneħħew il-lakuni eżistenti fis-sorveljanza u fil-monitoraġġ u sabiex tiġi żgurata l-kompletezza tad-data kemm dwar l-AMR kif ukoll dwar l-AMC fil-livelli kollha, inkluż billi tiġi rrakkomandata d-data li għandha tiġi rrapportata, jiġi esplorat il-potenzjal li jiżdiedu l-armonizzazzjoni tal-linji gwida dwar il-frekwenza tal-aġġornamenti tad-data, l-approċċi għall-analiżi tad-data u l-livelli ta’ dettall fir-rapportar tad-data, u jiġu żviluppati sistemi integrati għas-sorveljanza tal-AMR u tal-AMC li jinkludu s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali, is-saħħa tal-pjanti, l-ikel, l-ilma mormi u l-ambjent;
O. billi l-importanza relattiva tar-riżervi potenzjali kollha u tar-rotot ta’ trażmissjoni għall-AMR għadha ma hijiex magħrufa, u b’rikonoxximent tal-fatt li s-sorveljanza sħiħa tat-tixrid tal-AMR ma hijiex fattibbli, għadha meħtieġa aktar riċerka primarja għall-fini tar-raffinar tas-sorveljanza u tal-monitoraġġ tal-AMR u b’mod partikolari sabiex jiġi ffaċilitat it-teħid ta’ deċiżjonijiet ibbażat fuq l-evidenza f’dan ir-rigward;
P. billi x-xjenza tas-sorveljanza u tal-monitoraġġ ma hijiex statika, u għalhekk ir-riċerka dwar dan għandha tingħata prijorità għolja sabiex jiġi żgurat li jiġu applikati metodoloġiji rilevanti;
Q. billi hija meħtieġa aktar evidenza dwar l-iżvilupp u t-tixrid tal-AMR permezz tal-esponiment tal-patoġeni għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u għal prodotti bijoċidali; billi l-possibbiltà ta’ dan l-iżvilupp ta’ reżistenza għandha titqies bħala parti mill-evalwazzjonijiet tas-sikurezza u mit-teħid ta’ deċiżjonijiet għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u għal prodotti bijoċidali; billi l-Istati Membri, bl-għajnuna tal-Kummissjoni, għandhom jikkunsidraw mezzi għall-ġbir ta’ data siewja u komparabbli dwar ir-rabta kawżali potenzjali bejn il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, il-bijoċidi u l-AMR, kif ukoll ir-rwol li jista’ jkollhom l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) u l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) fl-evalwazzjoni ta’ din id-data u fl-identifikazzjoni ta’ xejriet madwar l-UE kollha;
R. billi d-dimensjonijiet ambjentali tal-AMR ingħataw anqas attenzjoni mill-AMR fis-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali; billi r-rapport tal-Programm Ambjentali tan-NU tal-2023 “Bracing for Superbugs: Strengthening environmental action in the One Health response to AMR” jipprovdi evidenza li l-ambjent għandu rwol importanti fl-iżvilupp, fit-trażmissjoni u fit-tixrid tal-AMR u huwa parti vitali mis-soluzzjoni għall-indirizzar tal-AMR[16]; billi d-dimensjonijiet ambjentali tal-AMR jinkludu t-tniġġis mill-ilma mormi mill-isptarijiet u mill-komunità, l-effluwent mill-produzzjoni farmaċewtika, l-ilma tax-xeba’ li joriġina mill-agrikoltura tal-pjanti u tal-annimali u forom oħrajn ta’ skart u ta’ rilaxx; billi l-monitoraġġ ambjentali tal-AMR fl-ilma ħelu, fl-ilma mormi, fl-ilma tal-baħar u fil-ħamriji agrikoli huwa essenzjali sabiex jinftiehem aktar ir-rwol li għandha l-preżenza fl-ambjent ta’ residwi antimikrobiċi fit-tfaċċar u fit-tixrid tal-AMR, il-livelli ta’ kontaminazzjoni ambjentali u r-riskji għas-saħħa tal-bniedem; billi l-monitoraġġ huwa essenzjali wkoll sabiex jikkomplementa d-data klinika billi jipprovdi data bbażata fuq il-popolazzjoni mis-sorveljanza ambjentali tal-ilma mormi, bl-użu ta’ materjal li l-kampjuni tiegħu jittieħdu minn popolazzjoni kbira;
S. billi r-residwi tal-prodotti mediċinali, b’mod partikolari mill-industriji farmaċewtiċi u mill-isptarijiet, u mill-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi[17], jinsabu b’mod wiesa’ fl-ilma ħelu (ilma tal-wiċċ u ilma ta’ taħt l-art) u fil-ħamriji, u diversi pubblikazzjonijiet urew li diversi farmaċewtiċi (inklużi antibijotiċi), mikroplastiks, metalli u sustanzi kimiċi oħrajn jistgħu jikkontribwixxu għall-AMR;
T. billi l-azzjonijiet żviluppati permezz tal-NAPs tal-AMR għandhom jinkludu l-istabbiliment u l-monitoraġġ tal-istandards tal-effluwent, il-ħidma mal-inġiniera tal-produzzjoni, tal-ilma u tal-ilma mormi sabiex jiġu promossi l-aktar teknoloġiji ta’ mitigazzjoni xierqa sabiex jitnaqqas it-tniġġis tal-AMR, jiżdiedu l-ispezzjonijiet, tittejjeb il-manutenzjoni tas-sistemi, tittieħed responsabbiltà akbar għall-ġestjoni tal-ilma mormi u tiġi promossa l-ekonomija ċirkolari; billi huwa neċessarju wkoll li tiġi żviluppata sorveljanza robusta tal-AMR fl-ilma mormi bħala mezz sabiex tiġi pprovduta informazzjoni integrata dwar l-AMR fil-komunitajiet moqdijin u sabiex tiġi indirizzata ħtieġa ewlenija għall-monitoraġġ ambjentali, filwaqt li tiġi infprmata wkoll ir-riċerka meħtieġa sabiex jiġu stabbiliti limiti xierqa fuq ir-rimi;
U. filwaqt li l-proposti tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2022[18] għandhom l-għan li jsaħħu l-monitoraġġ ambjentali tal-AMR fl-ilma ħelu, fl-ilma mormi u fil-ħamriji agrikoli, iżda ġiet rikonoxxuta wkoll il-ħtieġa li jittieħed approċċ tas-“Saħħa Waħda” dwar l-AMR għas-sistemi ta’ sorveljanza, inkluż l-ambjent[19]; billi s-sorveljanza integrata tas-sejbiet dwar il-mikroorganiżmi reżistenti għall-mediċini fil-bnedmin, fl-annimali, fil-pjanti, fl-ikel, fl-ilma mormi u fl-ambjent hija neċessarja sabiex jiġu evitati, identifikati u ġestiti malajr it-tifqigħat ta’ mard infettiv u sabiex tiġi indirizzata l-AMR fis-setturi kollha, inkluż permezz tal-involviment tal-fergħat rilevanti tal-akkademja, u billi l-kooperazzjoni msaħħa f’dawn is-setturi tista’ twassal ukoll għal iffrankar f’termini finanzjarji; billi dan il-proċess jinvolvi l-kondiviżjoni tad-data u tal-informazzjoni bejn is-setturi għal approċċ aktar effettiv u koordinat għall-ġlieda kontra l-AMR; billi d-data pprovduta minn dawn is-sistemi ta’ sorveljanza tista’ ttejjeb il-fehim tal-epidemjoloġija kumplessa tal-AMR u tipprovdi informazzjoni sabiex jitwettqu valutazzjonijiet tar-riskju li jistgħu jiggwidaw ir-rakkomandazzjonijiet ta’ politika u jgħinu sabiex jiġu żviluppati inizjattivi bħala rispons għar-riskji tal-AMR qabel ma jsiru emerġenzi fuq skala kbira;
V. billi l-prevenzjoni u l-kontroll robusti tal-infezzjonijiet, b’mod partikolari f’ambjenti ta’ kura akuta bħal sptarijiet u f’faċilitajiet tal-kura fit-tul, jistgħu jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra l-AMR, mhux l-anqas peress li l-pandemija tal-COVID-19 żiedet l-għarfien dwar kif il-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet, inklużi miżuri tal-ilma, tas-sanità u tal-iġjene (WASH) jistgħu jnaqqsu t-trażmissjoni tal-mikrobi, inklużi dawk reżistenti; billi, madankollu, b’aktar minn 70 % tal-piż tal-AMR li ġej minn infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa, hemm bżonn ta’ provvediment u ta’ investiment akbar għall-iżvilupp ta’ standards għoljin ta’ prevenzjoni u ta’ kontroll tal-infezzjonijiet u tad-WASH sikuri, permezz ta’ impenn b’saħħtu għall-istrateġija globali għall-protezzjoni u għall-kontroll tal-infezzjonijiet, żieda fl-opportunitajiet ta’ politika tal-użu tajjeb għall-professjonisti tal-kura tas-saħħa, standards għoljin ta’ sikurezza tal-pazjenti u investimenti diretti mill-Istati Membri f’dan il-qasam;
W. billi l-isforzi għall-ġlieda kontra l-AMR huma mxekklin ukoll min-nuqqas dejjem aktar komuni ta’ antibijotiċi madwar id-dinja u dawk li jippreskrivu jkollhom jirrikorru għal antimikrobiċi alternattivi minħabba n-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-aġenti l-aktar xierqa u adattati għall-iskop, li jirriżulta f’infezzjonijiet reżistenti għad-droga u li jikkontribwixxi għall-piż tal-AMR; billi, għalhekk, hemm ħtieġa urġenti li jiġu evitati u mmaniġġjati n-nuqqasijiet dejjem akbar ta’ mediċini;
X. billi huwa ferm rikonoxxut li l-użu mhux xieraq tal-antimikrobiċi, kif ukoll il-kontroll inadegwat tal-infezzjonijiet u tal-prevenzjoni, kemm fil-bnedmin kif ukoll fl-annimali, huma l-fatturi ewlenin wara livelli ogħla ta’ AMR; billi, madankollu, hemm rapporti konsistenti ta’ nuqqasijiet fl-iżgurar ta’ livelli għoljin ta’ politika tal-użu tajjeb tal-antimikrobiċi madwar l-Istati Membri; billi l-użu prudenti tal-antimikrobiċi u l-istandards għoljin tal-prevenzjoni u tal-kontroll tal-infezzjonijiet fil-livelli tal-komunità u fl-isptarijiet u fil-faċilitajiet tal-kura fit-tul huma aspetti essenzjali fit-tnaqqis tat-tfaċċar u tal-iżvilupp tal-AMR; billi r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tikkomplementa r-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni farmaċewtika tal-Unjoni li, fid-Direttiva riveduta dwar il-kodiċi tal-Unjoni relatat mal-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem[20], tipproponi l-introduzzjoni ta’ miżuri regolatorji speċifiċi sabiex jittejjeb l-użu prudenti tal-antimikrobiċi;
Y. billi l-istimi juru li fl-UE 8 % tal-antibijotiċi kollha għall-użu mill-bniedem jiġu kkonsmati mingħajr riċetta[21]; filwaqt li l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) stħarrġet lill-pajjiżi ġirien tal-UE mir-Reġjun Ewropew tagħha u stmat li sa wieħed minn kull tliet persuni f’dawk il-pajjiżi jikkonsmaw antibijotiċi mingħajr riċetta medika[22], bil-metodi ewlenin għall-kisba tal-antibijotiċi li jinxtraw mingħajr riċetta f’pajjiżhom jew barra l-pajjiż (minkejja d-dritt applikabbli), l-użu ta’ dawk li jifdal jew il-kisba tagħhom mingħand il-ħbieb u l-familja[23];
Z. billi l-Azzjoni Konġunta tal-UE dwar ir-Reżistenza għall-Antimikrobiċi u l-Infezzjonijiet Assoċjati mal-Kura tas-Saħħa (EU-JAMRAI) identifikat nuqqas ta’ għodod effiċjenti sabiex tiġi influwenzata l-implimentazzjoni tal-politika tal-użu tajjeb tal-AMR fis-sistemi tal-kura tas-saħħa kemm fil-livell tal-pajjiżi kif ukoll f’dak Ewropew[24]; billi hemm bżonn li jiġu żviluppati l-elementi ewlenin tal-programmi Ewropej ta’ politika tal-użu tajjeb tal-antibijotiċi sabiex dawn jiġu tradotti f’politiki prattiċi u li jistgħu jinkisbu fil-livelli tal-Istati Membri u tal-UE;
AA. billi l-AMR twassal għal żieda fil-morbidità u fil-mortalità tal-annimali u tipperikola s-saħħa, it-trattament xieraq u, għalhekk, il-produttività tal-annimali, li jfisser li għandu impatt soċjoekonomiku kbir fuq is-settur agrikolu; billi s-sikurezza tal-katina alimentari hija affettwata mis-saħħa u mit-trattament xieraq tal-annimali, b’mod partikolari dawk imrobbijin għall-produzzjoni tal-ikel; billi l-iżgurar ta’ livell għoli ta’ saħħa u ta’ trattament xieraq tal-annimali jwassal għal reżiljenza mtejba fl-annimali, u b’hekk dawn isiru anqas vulnerabbli għall-mard, li jgħin sabiex jitnaqqas l-użu tal-antimikrobiċi; billi, meta s-saħħa tal-annimali jew tal-bniedem tkun f’riskju, il-produtturi tal-annimali u l-veterinarji għandhom xorta waħda, bħala l-aħħar alternattiva, ikollhom l-għażla li jagħmlu użu xieraq mill-antibijotiċi barra mil-lista ta’ riżerva għall-użu mill-bniedem;
AB. billi s-setturi tal-agrikoltura u tat-trobbija tal-annimali Ewropej diġà ħadu miżuri sinifikanti u kisbu tnaqqis sinifikanti fir-riskji tal-AMR, b’mod partikolari billi taw prijorità lill-użu terapewtiku tal-antibijotiċi fuq l-użu profilatiku[25];
AC. billi l-użu tal-antimikrobiċi fil-prodotti mediċinali għall-annimali jaċċellera l-ħolqien u t-tixrid ta’ mikroorganiżmi reżistenti u jikkomprometti l-użu effettiv tan-numru diġà limitat ta’ antimikrobiċi eżistenti għat-trattament tal-infezzjonijiet fil-bniedem; billi l-istudji fl-2017 stmaw li, f’termini assoluti, 73 % tal-antimikrobiċi kollha mibjugħin fuq livell globali jintużaw f’annimali mrobbijin għall-ikel; billi, skont dawk l-istudji, il-forom farmaċewtiċi adattati għat-trattament tal-grupp (soluzzjonijiet orali, taħlitiet lesti minn qabel u trab orali) kienu jirrappreżentaw madwar 88 % tal-bejgħ totali u dawk maħsubin għat-trattament ta’ annimali individwali (injettatabelli u preparazzjonijiet oħrajn) ammontaw għal madwar 12 % tal-bejgħ totali; billi, skont l-EFSA, sar progress fit-tnaqqis tal-AMR fl-annimali li jipproduċu l-ikel f’diversi Stati Membri f’dawn l-aħħar snin;
AD. billi l-użu tal-ħama tad-dranaġġ u tad-demel bħala fertilizzanti fuq ħamrija agrikola jista’ jwassal għall-iżvilupp tal-AMR permezz tat-tixrid ta’ batterji reżistenti għall-antimikrobiċi u ta’ ġeni reżistenti għall-antimikrobiċi fl-ambjent, li jkomplu jikkontaminaw il-katina alimentari; billi huwa neċessarju li jiġu introdotti prattiki prudenti ta’ ġestjoni tad-demel, għalkemm hija meħtieġa aktar data sabiex ikunu jistgħu jinbdew azzjonijiet ibbażati fuq l-evidenza;
AE. billi l-istabbiliment ta’ miri konkreti u li jistgħu jitkejlu sabiex jakkumpanjaw il-miżuri ta’ implimentazzjoni, definiti f’konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, huwa mod effettiv sabiex jintlaħqu l-għanijiet għall-prevenzjoni u għat-tnaqqis tal-AMR fi żmien speċifikat u sabiex jiġi mmonitorjat il-progress; billi saru diskussjonijiet dwar il-miri tal-AMR fuq livell internazzjonali, pereżempju fil-kuntest tat-Task Force Trans-Atlantika dwar ir-Reżistenza għall-Antimikrobiċi, l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU u l-G7, u, aktar reċentement, f’Novembru 2022, it-tielet Konferenza Ministerjali Globali ta’ Livell Għoli dwar ir-Reżistenza għall-Antimikrobiċi rrikonoxxiet il-valur tal-istabbiliment ta’ miri sabiex jiġu ggalvanizzati azzjoni politika nazzjonali u globali b’saħħitha u konsolidazzjoni tal-isforzi u tal-impenn;
AF. billi, filwaqt li ġiet inkluża mira għal tnaqqis ta’ 50 % tal-bejgħ globali tal-UE ta’ antimikrobiċi għall-annimali tar-razzett u fl-akkwakultura sal-2030 fl-istrateġija mill-għalqa sal-platt u fil-pjan ta’ azzjoni ta’ tniġġis żero u t-tnaqqis fl-użu ta’ antimikrobiċi f’annimali tar-razzett għandu jiġi mmonitorjat permezz tal-miżuri ta’ appoġġ tal-politika agrikola komuni, bħalissa ma hemm l-ebda mira relatata mal-AMR fis-settur tas-saħħa tal-bniedem fil-livell tal-UE; billi l-Kummissjoni, flimkien mal-ECDC, fasslet miri konkreti kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri li jnaqqsu l-użu mhux neċessarju tal-antimikrobiċi, fejn il-miri rakkomandati fil-livell tal-Istati Membri jqisu kif xieraq kull sitwazzjoni nazzjonali u livelli eżistenti differenti ta’ konsum tal-antimikrobiċi u t-tixrid ta’ patoġeni reżistenti ewlenin u dawn jirriflettu l-livell ta’ sforzi li għandhom isiru minn kull Stat Membru sabiex jintlaħqu l-miri komuni tal-UE filwaqt li ma jiġux kompromessi s-saħħa u s-sikurezza tal-pazjenti, filwaqt li jippermettu wkoll appoġġ immirat fejn neċessarju u għall-monitoraġġ tal-progress futur;
AG. billi l-istabbiliment ta’ miri rakkomandati fil-livell tal-UE dwar l-AMC u l-AMR huwa mezz utli sabiex jinkiseb u jiġi mmonitorjat il-progress kemm fil-fatturi sottostanti li jinfluwenzaw l-AMR, b’mod partikolari l-konsum tal-antimikrobiċi, u t-tixrid tal-AMR, b’mod partikolari fir-rigward tal-patoġeni li joħolqu l-akbar piż u theddida għas-saħħa pubblika fl-UE, u filwaqt li l-miri rakkomandati huma bbażati fuq data eżistenti rrapportata taħt is-sorveljanza tal-UE fl-2019, magħżula bħala sena bażi, minħabba li s-sitwazzjoni fl-2020 u fl-2021 titqies bħala eċċezzjonali, u għalhekk ma hijiex xierqa sabiex isservi bħala bażi, minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u l-miżuri restrittivi eċċezzjonali fis-seħħ, il-miri rakkomandati għandhom jikkontribwixxu għall-kisba ta’ għanijiet komuni u jistgħu jiġu kkomplementati minn miri nazzjonali li jkopru aspetti oħra relatati mal-AMR, bħall-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet, il-politika tal-użu tajjeb tal-antimikrobiċi, il-prattiki ta’ ordni bir-riċetta, it-taħriġ, u daqsijiet adegwati tal-pakketti;
AH. billi l-Ewrobarometru Speċjali tal-2022 dwar l-AMR jiżvela li l-għarfien dwar l-antibijotiċi għadu batut fl-UE, billi huma biss nofs dawk li ġew intervistati li huma konxji li l-antibijotiċi ma humiex effettivi kontra l-viruses, u li għad hemm differenzi kbar fl-għarfien taċ-ċittadini tal-UE madwar l-Istati Membri u, barra minn hekk, kważi wieħed minn kull għaxar ċittadini tal-UE jieħu antibijotiċi mingħajr riċetta, tali riżultati juru l-ħtieġa li jiżdied u jittejjeb l-infurzar tal-leġiżlazzjoni eżistenti u futura dwar il-farmaċewtiċi fl-Istati Membri u l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni dwar l-AMR u l-użu prudenti tal-antimikrobiċi fil-livelli kollha bħala mezz sabiex jiżdied l-għarfien u jiġi stimolat it-tibdil fl-imġiba fost iċ-ċittadini u l-professjonisti tal-kura tas-saħħa;
AI. billi l-edukazzjoni, it-titjib tal-ħiliet, is-sensibilizzazzjoni u t-taħriġ tal-professjonisti li jaħdmu fis-settur tas-saħħa tal-bniedem, fis-settur tal-agronomija u fis-settur veterinarju dwar l-AMR, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet u dwar l-approċċ “Saħħa Waħda” għandhom rwol importanti fil-ġlieda kontra l-AMR, b’mod partikolari minħabba r-rwoli tagħhom bħala promoturi għall-użu prudenti tal-antimikrobiċi u edukaturi tal-pazjenti u tal-bdiewa; billi l-programmi u l-kurrikuli ta’ edukazzjoni kontinwa bbażata fuq l-evidenza għandhom jinkludu taħriġ transsettorjali obbligatorju u korsijiet ta’ kompetenza dwar l-AMR, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet, dwar ir-riskji ambjentali, dwar il-bijosigurtà u dwar il-politika tal-użu tajjeb tal-antimikrobiċi, kif xieraq;
AJ. billi komponent ewlieni fl-indirizzar tal-AMR se jkun l-għarfien pubbliku u t-tibdil fl-imġiba; billi se jkun meħtieġ approċċ inklużiv u minn isfel għal fuq sabiex titħeġġeġ il-bidla fl-imġiba, u l-benefiċċju potenzjali tal-iffaċilitar tal-kondiviżjoni tal-għarfien u tal-aħjar prattiki;
AK. billi skont id-WHO, minn Lulju 2017 ġew approvati 11-il antibijotiku ġdid (jew mill-Kummissjoni jew mill-US Food and Drug Administration jew mit-tnejn) u, b’xi eċċezzjonijiet, l-antibijotiċi approvati ġodda għandhom benefiċċju kliniku limitat fuq it-trattamenti eżistenti, peress li aktar minn 80 % huma minn klassijiet eżistenti li fihom il-mekkaniżmi ta’ reżistenza huma stabbiliti sew u hija mistennija emerġenza rapida tar-reżistenza;
AL. billi bħalissa hemm 43 antibijotiku u kombinazzjoni ma’ entità terapewtika ġdida li qegħdin jiġu żviluppati, u ftit minnhom biss jissodisfaw tal-anqas wieħed mill-kriterji ta’ innovazzjoni tad-WHO (jiġifieri n-nuqqas ta’ kontroreżistenza magħrufa, sit ta’ rbit, mod ta’ azzjoni u/jew klassi ġodda), li jfisser li, b’mod ġenerali, il-pipeline kliniku u l-antibijotiċi approvati reċentement ma humiex biżżejjed sabiex jindirizzaw l-isfida taż-żieda fil-feġġa u fit-tixrid tal-AMR;
AM. billi l-batterjofagi għandhom potenzjal konsiderevoli li jsiru għodda affordabbli u effettiva għall-kontroll tal-batterji bħala alternattiva potenzjali għat-terapija bl-antibijotiċi jew komplementari għaliha, u qafas regolatorju xieraq għar-reġistrazzjoni tal-batterjofagi kemm bħala addittivi tal-għalf kif ukoll bħala prodotti mediċi veterinarji f’konformità mal-linji gwida tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) “Guidelines on quality, safety and efficacy of veterinary medicinal products specifically designed for phage therapy” għandhom jingħataw prijorità;
AN. billi n-nuqqas li jiġu żviluppati u rrilaxxati antibijotiċi ġodda effettivi jew aġenti antimikrobiċi ġodda qiegħed jaggrava l-impatt tal-AMR; billi, għalhekk, hemm ħtieġa urġenti li jiġu żviluppati u implimentati inċentivi ġodda u li jiġu kkunsidrati trattamenti alternattivi bħall-batterjofagi, filwaqt li jiġu żgurati l-aċċessibbiltà u l-affordabbiltà tal-prodotti appoġġati pubblikament;
AO. billi l-Kummissjoni għandha l-għan li tippromwovi riċerka avvanzata f’antimikrobiċi ġodda u qodma, trattamenti alternattivi, inklużi batterjofagi, dijanjostika u vaċċini kontra patoġeni reżistenti, u li tiżviluppa kontromiżuri mediċi u teknoloġiji relatati u tindirizza l-isfidi tas-suq;
AP. billi globalment, kważi 50 % tat-trattamenti antibijotiċi umani jinbdew mingħajr dijanjożi xierqa u bid-droga ħażina, filwaqt li jiġi enfasizzat il-potenzjal tad-dijanjostika fl-evitar ta’ użu mhux xieraq u eċċessiv tal-antibijotiċi[26];
AQ. billi, mill-pjan ta’ azzjoni tal-2017 dwar l-AMR, ġew proposti diversi proposti għal mudelli ekonomiċi ġodda sabiex jiġu introdotti fis-suq antimikrobiċi ġodda, inkluż fil-konklużjonijiet tal-JAMRAI li, fil-31 ta’ Marzu 2021, stabbilixxa strateġija għall-implimentazzjoni ta’ inċentivi multinazzjonali fl-Ewropa sabiex jiġu stimulati l-innovazzjoni tal-antimikrobiċi u l-aċċess għalihom;
AR. billi l-Kummissjoni kkummissjonat studju intitolat “bringing AMR Medical Counter Measures on the market” li jissimula erba’ tipi ta’ mekkaniżmi ta’ inċentiv ta’ daqs finanzjarju differenti sabiex tiġi ppremjata l-innovazzjoni u jiġi żgurat l-aċċess għall-antimikrobiċi, jiġifieri garanzija tad-dħul, benefiċċji tad-dħul fis-suq flimkien ma’ garanzija tad-dħul, benefiċċji tad-dħul b’somma f’daqqa u pagamenti għall-ilħuq ta’ objettivi intermedji, akkumpanjati minn għażliet għall-implimentazzjoni tagħhom fil-livell tal-UE; billi l-istudju rrikonoxxa wkoll il-ftehim wiesa’ li l-mekkaniżmi ta’ inċentiv għandhom jiġu kkomplementati minn mekkaniżmi ta’ inċentiv;
AS. billi aktar investiment fir-riċerka u fl-iżvilupp ta’ għodod dijanjostiċi innovattivi jikkomplementa l-isforzi sabiex jittejbu l-prevenzjoni u t-trattament; billi għodod dijanjostiċi aktar rapidi u aktar akuti jiffaċilitaw użu aktar prudenti tal-antimikrobiċi fl-ambjenti kollha tal-kura tas-saħħa;
AT. billi l-programm ta’ ħidma EU4Health 2023 joffri investiment fil-ġlieda kontra l-AMR, b’mod partikolari permezz tal-azzjoni speċifika “Appoġġ għall-innovazzjoni u għall-aċċess għall-antimikrobiċi”, li se jippermetti l-ħolqien ta’ network li jappoġġa lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fit-tħejjija u fl-implimentazzjoni tal-akkwist(i) ta’ kontromiżuri mediċi u ta’ kapaċitajiet ta’ riżerva għall-produzzjoni ta’ kontromiżuri mediċi mmirati tal-AMR jew għall-aċċess għalihom;
AU. billi l-azzjonijiet dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni appoġġati mill-programmi Orizzont 2020 u Orizzont Ewropa huma kruċjali għall-iżvilupp, għall-evalwazzjoni u għall-implimentazzjoni ta’ miżuri kontra l-AMR, l-appoġġ u l-kollaborazzjoni kontinwi jibqgħu kruċjali sabiex jissaħħaħ l-impatt tar-riċerka u tal-innovazzjoni għad-detezzjoni, għall-prevenzjoni u għat-trattament ta’ infezzjonijiet ikkawżati minn patoġeni reżistenti u għandhom jissaħħu;
AV. billi l-AMR hija kwistjoni urġenti li għaliha ma hemm l-ebda soluzzjoni fuq terminu qasir; billi għandha tibqa’ prijorità ta’ finanzjament fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri lil hinn miċ-ċikli baġitarji kurrenti u tibbenefika minn appoġġ kontinwu fil-livell tal-UE;
AW. billi l-vaċċini huma għodod kosteffettivi u b’saħħithom għall-prevenzjoni ta’ mard komunikabbli kemm fil-bnedmin kif ukoll fl-annimali, u għalhekk għandhom il-potenzjal li jnaqqsu t-tixrid tal-infezzjonijiet tal-AMR u jnaqqsu l-użu tal-antimikrobiċi; billi, għalhekk, huwa neċessarju li jiġu promossi l-użu tat-tilqim permezz ta’ miżuri sabiex tiżdied is-sensibilizzazzjoni fost iċ-ċittadini u l-professjonisti tal-kura tas-saħħa dwar l-importanza tal-vaċċini u billi tiġi indirizzata l-eżitazzjoni għall-vaċċinazzjoni, fil-gruppi kollha ta’ età iżda b’mod partikolari fil-gruppi f’riskju kif ukoll l-iżvilupp u d-disponibbiltà tal-vaċċini u l-aċċess għalihom;
AX. billi l-kooperazzjoni transsettorjali tal-Istati Membri u l-involviment tal-partijiet ikkonċernati huma kruċjali sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva ta’ politiki u tal-azzjonijiet ta’ “Saħħa Waħda” tal-AMR u din il-kooperazzjoni għandha tissaħħaħ, partikolarment permezz tan-Network tal-UE “Saħħa Waħda” dwar l-AMR;
AY. billi l-livell għoli ta’ kooperazzjoni bejn l-aġenziji tal-UE ((EFSA, ECDC u EMA) għandu jissaħħaħ u jiġi estiż aktar sabiex jinkludi l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) u l-ECHA, sabiex jiġi żgurat rispons konsistenti, ta’ Saħħa Waħda, ibbażat fuq l-evidenza, għall-AMR;
AZ. billi l-ġlieda kontra l-AMR fil-kuntest tal-approċċ “Saħħa Waħda” hija prijorità fl-istrateġija globali tal-UE dwar is-saħħa5, inkluż permezz tal-inklużjoni ta’ dispożizzjonijiet konkreti dwar l-AMR fil-kuntest tan-negozjati permezz tad-WHO ta’ ftehim internazzjonali potenzjali dwar il-prevenzjoni tal-pandemiji, it-tħejjija u r-rispons għalihom, filwaqt li l-attenzjoni globali għall-AMR qiegħda tikber, it-trawwim ta’ kooperazzjoni internazzjonali huwa meħtieġ sabiex jiġu żgurati rispons koordinat mill-komunità globali u appoġġ adegwat integrat lejn il-prijoritajiet stabbiliti fil-livelli globali u reġjonali għall-isforzi ta’ finanzjament, ta’ riċerka u ta’ politika u f’dak ir-rigward li għandha sseħħ kooperazzjoni msaħħa, b’mod partikolari fil-kuntest tan-Nazzjonijiet Uniti, tal-G7, tal-G20 u mal-organizzazzjonijiet kwadripartitiċi (l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO), il-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP)48, l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (WOAH) u d-WHO) iżda wkoll b’mod bilaterali bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi;
BA. billi l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-2017 dwar l-AMR u tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill għandha tiġi mmonitorjata regolarment sabiex jitkejjel il-progress fl-ilħuq tal-objettivi tagħhom u jiġu identifikati l-lakuni fl-isforzi sabiex tiġi indirizzata l-AMR;
Ġenerali
1. Għadu ferm imħasseb dwar it-theddida globali għas-saħħa kkawżata mir-reżistenza għall-antimikrobiċi (AMR) u jesprimi dispjaċir għat-telf rikorrenti u dejjem akbar tal-ħajja, fl-UE u f’postijiet oħrajn, minħabba l-AMR; huwa konvint bis-sħiħ li l-AMR teħtieġ strateġija b’diversi aspetti fl-UE, ibbażata fuq l-approċċ “Saħħa Waħda”;
2. Jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-miżuri tal-UE għall-ġlieda kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi bbażata fuq l-approċċ “Saħħa Waħda” u jistieden lill-Kunsill jadotta rakkomandazzjoni li tqis din ir-riżoluzzjoni bħala mod kif tiżdied l-azzjoni f’oqsma li jikkomplementaw il-leġiżlazzjoni skont il-leġiżlazzjoni l-pakkett dwar il-farmaċewtiċi propost;
3. Madankollu, ifakkar li s-setgħat sabiex jiġu adottati atti vinkolanti tal-Unjoni favur “il-ġlieda kontra [l-]flaġelli kbar tas-saħħa”, “[il-ġlieda kontra] theddid transkonfinali serju għas-saħħa” u “[l-istabbiliment ta’] standards għolja ta’ kwalità u sigurtà għall-prodotti mediċinali u t-tagħmir għall-użu mediku” għadhom soġġetti għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja skont l-Artikolu 168 tat-TFUE; għalhekk, huwa tal-fehma li jekk il-miżuri miksubin skont rakkomandazzjoni ma jkunux biżżejjed, tkun meħtieġa aktar azzjoni leġiżlattiva fil-livell tal-UE;
4. Jenfasizza li l-indirizzar b’suċċess tal-AMR jeħtieġ approċċ fuq tliet binarji li jikkombina l-użu prudenti tal-antibijotiċi għall-bnedmin u għall-annimali, l-implimentazzjoni ta’ miżuri tajbin ta’ prevenzjoni u ta’ kontroll tal-infezzjonijiet, speċjalment fl-ambjenti tal-kura tas-saħħa u l-promozzjoni tar-riċerka u tal-iżvilupp f’antimikrobiċi ġodda u f’alternattivi għall-antimikrobiċi; jisħaq li l-azzjonijiet f’dawn l-oqsma huma biss komplementari għal xulxin u ma jistgħux iservu bħala raġuni sabiex jitnaqqsu l-ambizzjonijiet fi kwalunkwe qasam ieħor;
Pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali kontra l-AMR
5. Jistieden lill-Istati Membri sabiex jistabbilixxu, jippublikaw u jimplimentaw pjan ta’ azzjoni nazzjonali kontra l-AMR (NAP), fuq il-bażi tal-approċċ “Saħħa Waħda” u f’konformità mal-objettivi tal-Pjan ta’ Azzjoni Globali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u d-Dikjarazzjoni tal-2016 tal-laqgħa ta’ livell għoli tan-Nazzjonijiet Uniti tal-Assemblea Ġenerali dwar l-AMR sal-1 ta’ Marzu 2024, u jaġġornaw b’mod regolari dawn il-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali. L-Istati Membri, b’mod partikolari għandhom:
a. jiżguraw li l-ġlieda kontra l-AMR u l-promozzjoni tal-użu prudenti tal-antimikrobiċi jidhru bħala prijoritajiet tas-sistemi tas-saħħa nazzjonali fl-NAPs;
b. jiżguraw li l-NAPs jinkludu pjanijiet ta’ implimentazzjoni u ta’ monitoraġġ, il-bini tal-kapaċitajiet, riżorsi umani u finanzjarji xierqa u mekkaniżmi sabiex tiġi żgurata l-governanza effettiva tagħhom;
c. jiżguraw li l-NAPs jinkludu mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni minn settur għall-ieħor b’mandat ċar, bi struttura u b’kompożizzjoni operatorji, inklużi esperti u prattikanti mis-setturi tas-saħħa tal-bniedem, tas-saħħa tal-annimali u tal-ambjent;
d. jiżguraw li l-NAPs jinkludu miżuri speċifiċi sabiex jintlaħqu għanijiet kumplessivi li jistgħu jitkejlu, modalitajiet ta’ implimentazzjoni u indikaturi sabiex jiġi vvalutat il-progress fil-kisba ta’ dawn l-għanijiet, inklużi l-kostijiet ta’ infezzjonijiet umani multireżistenti u ta’ ħtiġijiet mediċi mhux issodisfati u li dawn jinkludu l-miri rakkomandati stabbiliti fit-taqsima E ta’ din ir-rakkomandazzjoni;
e. jiżguraw li l-NAP jirreferi għall-elementi rilevanti tal-pjanijiet strateġiċi nazzjonali tal-politika agrikola komuni għall-ġlieda kontra l-AMR;
f. jiżguraw li l-NAP jadotta approċċ ibbażat fuq ir-riskju u jinkludi miżuri bbażati fuq l-evidenza għall-prevenzjoni, għall-monitoraġġ u għat-tnaqqis tat-tixrid tal-AMR fl-ambjent;
g. jallokaw riżorsi umani u finanzjarji xierqa u suffiċjenti għall-implimentazzjoni effettiva tal-NAP, filwaqt li jiddefinixxu l-prijoritajiet u d-distribuzzjoni tar-riżorsi kif xieraq, filwaqt li jiżguraw l-implimentazzjoni f’oqsma injorati bħall-ambjent;
h. jiżguraw li l-AMR jiġi indirizzat jew ikkunsidrat fi pjanijiet ta’ azzjoni jew fi gwida nazzjonali oħrajn, pereżempju pjanijiet dwar il-kanċer, pjanijiet dwar is-saħħa tat-tfal u tal-ommijiet, ippjanar għall-pandemiji u pjanijiet ta’ kura fit-tul;
i. jevalwaw l-NAPs b’mod regolari, jiġifieri tal-anqas kull sentejn, u jivvalutaw l-effetti tagħhom u jieħdu azzjoni sabiex jindirizzaw ir-riżultat tal-evalwazzjoni u kwalunkwe kontribut rilevanti ieħor, filwaqt li jqisu sejbiet ġodda u xejriet emerġenti; u
j. jagħmlu disponibbli għall-pubbliku d-data kollha użata f’dan ir-rigward fuq sit web apposta;
Is-sorveljanza u l-monitoraġġ tal-AMR u tal-konsum tal-antimikrobiċi (AMC)
6. Jistieden lill-Istati Membri jneħħu l-lakuni eżistenti ta’ sorveljanza u ta’ monitoraġġ u jiżguraw il-kompletezza tad-data, inkluża data f’ħin reali fejn xieraq, sal-2030, kemm dwar l-AMR kif ukoll dwar l-AMC fil-livelli kollha (bħal fil-komunità, fl-isptarijiet u fil-faċilitajiet ta’ kura fit-tul) sabiex jappoġġaw l-użu prudenti tal-antimikrobiċi fis-saħħa tal-bniedem, billi:
a. jiżguraw li, f’koordinazzjoni mal-ECDC, is-sorveljanza tal-AMR fil-batterji mill-bnedmin tinkludi mhux biss il-fluss tad-demm fil-ġisem u l-iżolati tal-fluwidu ċerebrospinali (iżolati invażivi) iżda anke l-iżolati l-oħrajn kollha mil-laboratorji tal-mikrobijoloġija klinika, u li d-data korrispondenti tiġi rrapportata b’mod regolari lill-ECDC sabiex jiġu identifikati u jitkejlu aħjar l-iskala u t-tixrid ta’ patoġeni reżistenti għall-antimikrobiċi fl-Istati Membri u bejniethom;
b. jirrikjedu li l-infezzjonijiet ikkawżati minn ċerti organiżmi kritiċi reżistenti għal ħafna mediċini, eż. Acinetobacter baumannii reżistenti għall-karbapenem, Enterobacteriaceae reżistenti għall-karbapenem (eż. Klebsiella pneumoniae, Escherichia coli) u Candida auris, ikunu mard notifikabbli skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali;
c. jespandu s-sorveljanza tal-AMR fil-bnedmin għall-patoġeni b’AMR emerġenti jew stabbilita, minħabba l-esponiment tagħhom għal sustanzi fl-ambjent, b’mod partikolari dawk użati fi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jew fi prodotti bijoċidali;
d. jiġbru data dwar l-ordni bir-riċetti u l-għoti ta’ antimikrobiċi għall-użu mill-bniedem fil-livelli xierqa, u jużaw id-data dwar ir-riċetti elettroniċi, u infrastruttura diġitali oħra għall-ġbir u għall-kondiviżjoni tad-data dwar is-saħħa, b’mod partikolari l-Ispazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa, sabiex jippermettu l-monitoraġġ tal-ordni bir-riċetta ta’ antimikrobiċi u sabiex jipprovdu feedback dwar ix-xejriet u x-xejriet tal-ordni bir-riċetta li jinvolvu lil min jippreskrivi, lill-ispiżeriji u lil partijiet oħrajn li jiġbru data bħal din; il-ġbir ta’ din id-data għandu jkun limitat għall-finijiet tal-użu prudenti tal-antimikrobiċi fis-saħħa tal-bniedem u għandu dejjem ikun konformi mar-Regolament dwar l-EHDS u jinkludi salvagwardji b’saħħithom sabiex jiġu rrispettati d-data personali u l-privatezza tas-suġġetti tad-data;
e. jiżviluppaw sistemi integrati għas-sorveljanza tal-AMR u tal-AMC li jinkludu s-saħħa tal-bniedem kemm fil-livell terzjarju kif ukoll f’dak komunitarju, kif ukoll is-saħħa tal-annimali, is-saħħa tal-pjanti, l-ikel, l-ilma mormi u l-ambjent (b’mod partikolari l-ilma u l-ħamrija); dan il-monitoraġġ integrat u kontinwu għandu jitfassal sabiex jidentifika b’mod effiċjenti u rapidu t-tifqigħat iżda, bl-istess mod, fil-każ tal-ħamrija u tal-korpi tal-ilma, sabiex jiġu ddeterminati l-preżenza tal-ġeni tal-AMR, ix-xejriet u t-tossiċità tagħhom, u r-riżultati ta’ din is-sorveljanza għandhom jinformaw strateġiji effettivi sabiex tiġi indirizzata l-AMR fis-setturi kollha;
f. jesploraw il-potenzjal li jżidu l-armonizzazzjoni tal-linji gwida għas-sorveljanza, jiġifieri l-frekwenza tal-aġġornamenti tad-data, l-approċċi għall-analiżi tad-data, il-livelli ta’ dettall fir-rapportar tad-data, id-definizzjonijiet tal-indikaturi u l-unitajiet ta’ kejl tagħhom, sabiex tkun tista’ ssir ikunu jistgħu jitqabblu r-riżultati bejn l-Istati Membri;
7. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi bażi tad-data fil-livell tal-UE dwar l-AMR u l-AMC fis-saħħa tal-bniedem, fis-saħħa tal-annimali u fl-ambjent;
8. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-mard tal-annimali kkawżat minn batterji reżistenti għall-antimikrobiċi, abbażi tal-opinjonijiet tal-EFSA), sabiex taċċerta jekk kwalunkwe waħda minn dawn il-mardiet għandhiex bżonn tiġi elenkata fir-Regolament (UE) 2016/429[27] bl-għan li tikkategorizzahom għal kwalunkwe miżura ta’ sorveljanza regolatorja, ta’ kontroll jew ta’ ġestjoni oħra;
Il-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet, u l-ilma, is-sanità u l-iġjene
Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ kontroll tal-infezzjonijiet fis-saħħa tal-bniedem jiġu implimentati u mmonitorjati kontinwament sabiex jikkontribwixxu għal-limitazzjoni tat-tixrid ta’ patoġeni reżistenti għall-antimikrobiċi, b’mod partikolari billi:
isaħħu l-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet u jtejbu d-WASH, it-tindif ambjentali u l-immaniġġjar tal-iskart fl-ambjenti tal-kura tas-saħħa u f’faċilitajiet ta’ kura fit-tul permezz ta’:
l-iżgurar tal-kompetenzi ewlenin għall-prevenzjoni u għall-kontroll tal-infezzjonijiet/għad-WASH għall-professjonisti tal-iġjene fl-isptarijiet;
l-iżgurar ta’ riżorsi adegwati għall-implimentazzjoni tar-rekwiżiti minimi, u meta possibbli, tal-komponenti ewlenin tal-programmi ta’ prevenzjoni u ta’ kontroll tal-infezzjonijiet;
iii. l-iżgurar ta’ riżorsi finanzjarji u umani adegwati għall-programmi ta’ prevenzjoni u ta’ kontroll tal-infezzjonijiet u ta’ titjib tas-servizzi tad-WASH;
iv. it-titjib tad-disponibbiltà tal-għodod dijanjostiċi;
v. il-kontroll tal-kwalità;
vi. is-sorveljanza;
vii. l-evalwazzjoni;
viii. l-iżvilupp ta’ linji gwida xierqa; u
ix. attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ taħriġ disponibbli għall-professjonisti rilevanti kollha tal-kura tas-saħħa;
b. itejbu l-infrastruttura eżistenti tal-isptarijiet u tar-riżorsi umani sabiex jiżguraw livell għoli ta’ prevenzjoni u ta’ kontroll tal-infezzjonijiet, filwaqt li jirrispettaw il-kriterji ta’ sostenibbiltà ambjentali;
c. jiżguraw rabtiet b’saħħithom mas-sikurezza tal-pazjenti u mal-prevenzjoni ta’ infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa, inkluża s-sepsi, b’mod partikolari billi jtejbu s-sorveljanza, it-taħriġ tal-persunal tal-kura tas-saħħa u jiżguraw appoġġ mikrobijoloġiku u rekords tal-pazjenti ta’ kwalità għolja;
d. jiżguraw taħriġ kontinwu dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet u tad-WASH+ għall-persunal kollu fil-komunità, fl-isptarijiet u fil-faċilitajiet tal-kura fit-tul;
e. itejbu t-taħriġ dwar ir-rimi tal-iskart u r-rabtiet transsettorjali li jikkontribwixxu għat-tixrid tal-infezzjoni u tal-AMR tal-persunal kollu fil-komunità, fl-isptarijiet u fil-faċilitajiet tal-kura fit-tul;
f. jiżguraw li l-kwistjonijiet relatati mal-AMR jiġu inklużi fil-kurrikuli tal-istudji u tal-apprendistati kollha relatati mal-kura tas-saħħa, u li l-programmi nazzjonali ta’ immunizzazzjoni jiġu żviluppati u implimentati bis-sħiħ għall-gruppi kollha ta’ età iżda b’mod partikolari għall-gruppi f’riskju, filwaqt li jirrieżaminaw il-programmi b’perspettivi ta’ prevenzjoni tal-AMR, u jieħdu miżuri sabiex jeliminaw progressivament il-mard li jista’ jiġi evitat bil-vaċċini fuq il-bażi tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ Diċembru 2018 dwar kooperazzjoni msaħħa kontra l-mard li jista’ jiġi evitat bit-tilqim[28];
10. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri sabiex itejbu s-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali li jipproduċu l-ikel sabiex inaqqsu l-okkorrenza u t-tixrid ta’ mard infettiv fil-biedja u, konsegwentement, inaqqsu l-ħtieġa għall-użu antimikrobiku, b’mod partikolari billi:
a. iħeġġu ferm lill-kirurgi veterinarji u lil atturi rilevanti oħrajn sabiex jagħtu pariri lill-bdiewa dwar miżuri preventivi u ta’ kontroll kontra mard infettiv inklużi metodi alternattivi li jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-projbizzjoni fuq l-użu profiliku tal-antimikrobiċi fil-produzzjoni tal-ikel inklużi fl-aħħar reviżjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-mediċini veterinarji;
b. jillimitaw l-antibijotiċi użati fl-annimali għal dawk li d-WHO elenkat bħala “l-anqas importanti” għas-saħħa tal-bniedem, u jirrestrinġu l-użu ta’ dawk ikklassifikati bħala “l-ogħla prijorità ta’ importanza kritika”[29];
c. iħeġġu l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ bijosigurtà u ta’ prevenzjoni u ta’ kontroll tal-infezzjonijiet fil-farms;
d. jimplimentaw approċċ minn isfel għal fuq għall-bidliet fl-imġiba fl-industrija tal-biedja permezz tal-edukazzjoni u billi jiffaċilitaw il-kondiviżjoni tal-għarfien u tal-aħjar prattiki;
e. jagħmlu użu mill-appoġġ disponibbli permezz tal-politika agrikola komuni sabiex jiġu implimentati miżuri preventivi kontra mard infettiv li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti legali minimi tal-UE;
f. jagħmlu użu mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura (2021-2027) għal proġetti inklużi fil-programmi nazzjonali, u f’konformità mar-regoli ta’ eliġibbiltà ddefiniti mill-Istati Membri kkonċernati, kif ukoll l-għoti ta’ appoġġ finanzjarju jew strutturali addizzjonali meta jkun meħtieġ;
g. jimplimentaw l-azzjonijiet tal-Istati Membri deskritti fl-Anness tal-linji gwida strateġiċi għal akkwakultura tal-UE li tkun aktar sostenibbli u kompetittiva għall-perjodu bejn l-2021 u l-2030 (COM(2021)0236);
h. iħeġġu l-użu ta’ alternattivi għall-antibijotiċi fl-akkwakultura;
i. jippromwovu l-użu tat-tilqim, inkluż fl-akkwakultura, u alternattivi li jgħinu fil-prevenzjoni ta’ ċertu mard u jevitaw l-użu bla bżonn ta’ antimikrobiċi;
j. jippromwovu l-iżvilupp u tal-użu ta’ addittivi tal-għalf innovattivi, u jippromwovu interventi nutrizzjonali sabiex tinżamm u tittejjeb is-saħħa tal-istokk u għall-prevenzjoni tal-mard u tal-ħtieġa għall-użu antimikrobiku;
k. itejbu s-saħħa tal-annimali permezz tal-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ bijosikurezza, ta’ bijosigurtà, ta’ tilqim u ta’ trobbija tajba tal-annimali;
l. jiżviluppaw strateġiji għat-titjib tal-ġestjoni tal-iġjene u tal-ilma mormi fil-produzzjoni tal-ikel, fl-immaniġġjar tal-iskart tal-annimali u fit-trattament tal-ilma mormi;
m. jiżviluppaw miżuri mmirati skont is-settur ladarba d-data dwar l-użu ta’ antimikrobiċi skont l-ispeċi ta’ annimali li jipproduċu l-ikel issir disponibbli skont l-Artikolu 57 tar-Regolament (UE) 2019/6;
n. jiżviluppaw trattament minn qabel immirat tal-iskart madwar il-farm sal-biċċerija sabiex jitneħħew il-mikroorganiżmi tal-AMR u sabiex jitnaqqsu l-antimikrobiċi qabel ma jintrema fl-ambjent jew fis-sistemi ġenerali tad-drenaġġ;
o. itejbu d-disponibbiltà u l-effiċjenza ekonomika tal-għodod dijanjostiċi;
p. inaqqsu l-użu ta’ dawk l-antibijotiċi li l-evidenza xjentifika tissuġġerixxi li għandhom jintużaw bħala l-aħħar alternattiva fil-mediċina tal-bniedem;
11. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta għar-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-trattament xieraq tal-annimali tar-razzett, fuq il-bażi tar-rakkomandazzjonijiet mill-EFSA, peress li, kif rikonoxxut fl-istrateġija tal-UE mill-għalqa sal-platt, trattament aħjar jgħin sabiex jissaħħu s-sistemi immuni tal-annimali;
12. Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw prattiki tajbin, ibbażati fuq l-evidenza, ta’ ġestjoni tad-demel u prattiki tajbin ta’ ġestjoni tal-ħama tad-dranaġġ filwaqt li jindirizzaw l-applikazzjoni tagħhom fl-agrikoltura sabiex inaqqsu l-esponiment ambjentali għal sustanzi bi proprjetajiet antimikrobiċi u għad-determinanti tal-AMR;
13. Jitlob l-ottimizzazzjoni tas-sistema ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni għall-antimikrobiċi użati fil-protezzjoni tal-pjanti fil-livell reġjonali u tal-pajjiżi skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-UNEP;[30]
14. Jisħaq li l-linji gwida tal-UE dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet fis-saħħa tal-bniedem, b’mod partikolari għall-isptarijiet u għall-faċilitajiet tal-kura fit-tul jeħtieġ li jiġu stabbiliti sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Ġunju 2026 b’links u b’aġġornamenti xierqa għal-linji gwida kliniċi, u li meta jiġu żviluppati dawn il-linji gwida, għandhom jitqiesu l-linji gwida internazzjonali u għandha tiġi żgurata kollaborazzjoni mill-qrib mas-soċjetajiet professjonali Ewropej u nazzjonali;
Politika tal-użu tajjeb tal-antimikrobiċi u l-użu prudenti tal-antimikrobiċi
15. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-miżuri tas-saħħa tal-bniedem jiġu implimentati sabiex jappoġġaw l-użu prudenti tal-aġenti antimikrobiċi, b’mod partikolari billi:
a. jimplimentaw il-linji gwida tal-UE għat-trattament ta’ infezzjonijiet komuni u għall-profilassi perioperattiva u jadattaw dawn il-linji gwida għaċ-ċirkostanzi nazzjonali, meta dan ikun neċessarju, sabiex jiġu rrispettati l-aħjar prattiki u jiġi ottimizzat l-użu prudenti tal-antimikrobiċi;
b. ifasslu miżuri għall-professjonisti tal-kura tas-saħħa sabiex jiġi żgurat li jsegwu l-linji gwida dwar l-użu prudenti;
c. jiffaċilitaw l-iskambju ta’ għarfien u tal-aħjar prattiki fost il-professjonisti tal-kura tas-saħħa fil-livelli kollha tal-kura tas-saħħa;
d. iħeġġu lill-professjonisti tal-kura tas-saħħa sabiex jagħmlu lill-pazjenti konxji mir-riskju ta’ użu ħażin, ta’ użu eċċessiv u ta’ rimi żbaljat tal-antimikrobiċi;
e. itejbu d-disponibbiltà, il-kosteffettività, u l-puntwalità tat-testijiet dijanjostiċi, b’kunsiderazzjoni speċifika mogħtija lit-testijiet rapidi mwettqin qabel ir-riċetta tat-trattament antimikrobiku, b’mod partikolari fil-kura primarja, sabiex jiġu żgurati l-aħjar riċetta u l-użu sostenibbli tal-antibijotiċi u b’hekk jiġi ottimizzat it-tnaqqis tat-trattament antimikrobiku fl-użu ta’ antibijotiċi bi spettru wiesa’; u
f. meta possibbli, jirrestrinġu r-riċetta għall-antibijotiċi għal konsultazzjonijiet wiċċ imb wiċċ;
16. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi skambji tal-aħjar prattika bejn l-Istati Membri dwar programmi effettivi ta’ ġestjoni tal-antimikrobiċi;
17. Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu programmi għall-ġbir u għar-rimi sikur ta’ antimikrobiċi mhux użati, skaduti u residwi mill-komunità, mill-isptarijiet u mill-faċilitajiet ta’ kura fit-tul, mill-farms, mill-fornituri tal-mediċina veterinarja, u mill-faċilitajiet tal-produzzjoni, u jiżguraw li l-pubbliku jkun jista’ jagħmel użu minn dawn il-faċilitajiet ta’ rimi permezz ta’ faċilità lokali tal-kura tas-saħħa;
18. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jaħdmu flimkien sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni konsistenti tar-Regolament 2019/6, b’mod li jitqiesu d-differenzi tal-Istati Membri fl-użu veterinarju tal-antimikrobiċi, sabiex jiġi żgurat li l-veterinarji ma jkunux obbligati jużaw aktar antibijotiċi milli jqisu li jkunu neċessarji għat-trattament ta’ annimal, u li ma jillimitax b’mod mhux xieraq l-użu aktar frekwenti ta’ kontromiżuri mediċi, bħall-vaċċini;
19. Jistieden lill-Kummissjoni taħdem favur l-iżvilupp ta’ linji gwida tal-UE għat-trattament ta’ infezzjonijiet komuni kbar fil-bnedmin u għal profilassi perioperattiva fil-bnedmin, li jinkludu informazzjoni dwar l-użu ta’ testijiet dijanjostiċi adegwati, b’mod partikolari inklużi rakkomandazzjonijiet sabiex isir sforz sabiex dejjem isiru testijiet dijanjostiċi, inklużi testijiet rapidi, meta jkunu disponibbli, qabel l-ordni tat-trattament antimikrobiku, il-ħtieġa għall-antibijotiċi, l-għażla tal-antibijotiku xieraq (jekk ikun neċessarju, fuq il-bażi ta’ valutazzjoni mill-professjonist mediku wara test dijanjostiku), id-doża u l-intervalli tad-doża, u d-durata tat-trattament/tal-profilassi, filwaqt li jitqiesu l-aħjar prattika disponibbli, id-disponibbiltà tal-antibijotiċi u l-ħtieġa li jiġi żgurat l-użu ottimali u l-aktar prudenti tagħhom, filwaqt li tqis il-ktieb dwar l-antibijotiċi AWaRe tad-WHO[31] meta tiżviluppa dawn il-linji gwida u tiżgura kollaborazzjoni msaħħa mas-soċjetajiet professjonali Ewropej u nazzjonali;
20. Jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw ir-riskju tal-iżvilupp ta’ reżistenza għall-antimikrobiċi umani u veterinarji mill-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jew ta’ prodotti bijoċidali, fuq il-bażi ta’ evidenza xjentifika, bħala parti mill-evalwazzjoni tas-sikurezza u mit-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar dawn il-prodotti, u, jekk ikun neċessarju, f’konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati affettwati, sabiex jiġu implimentati l-kundizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet xierqa tal-użu għall-prodotti kkonċernati;
Miri rrakkomandati għall-konsum tal-antimikrobiċi u għar-reżistenza għall-antimikrobiċi
21. Jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri nazzjonali xierqa sabiex jiżguraw li, sal-2030, il-konsum totali tal-antibijotiċi mill-bnedmin (f’termini tad-doża ta’ kuljum definita (DDD) għal kull 1 000 abitant), fis-setturi tal-komunità u tal-isptarijiet f’daqqa, inkluż f’faċilitajiet ta’ kura fit-tul, jitnaqqas b’20 % fl-UE meta mqabbel mas-sena bażi 2019 bl-ogħla DDD ta’ 15 fi kwalunkwe Stat Membru;
22. Jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri nazzjonali xierqa sabiex jiżguraw li, sal-2030, tal-anqas 70 % tal-konsum totali tal-antibijotiċi mill-bnedmin ikun jappartjeni għall-grupp ta’ Aċċess tal-antibijotiċi, kif definit fil-klassifika AWaRe tad-WHO;
23. Jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri nazzjonali xierqa sabiex jiżguraw li, sal-2030, l-inċidenza totali ta’ infezzjonijiet fid-demm bi Staphylococcus aureus reżistenti għall-metiċillina (MRSA) (għadd għal kull 100 000 ruħ fil-popolazzjoni) titnaqqas bi 15 % fl-UE, meta mqabbla mas-sena bażi 2019;
24. Jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri nazzjonali xierqa sabiex jiżguraw li, sal-2030, l-inċidenza totali ta’ infezzjonijiet fid-demm bl-Escherichia coli tat-tielet ġenerazzjoni reżistenti għaċ-ċefalosporini (għadd għal kull 100 000 ruħ fil-popolazzjoni) titnaqqas b’10 % fl-UE, meta mqabbla mas-sena bażi 2019;
25. Jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri nazzjonali xierqa sabiex jiżguraw li, sal-2030, l-inċidenza totali ta’ infezzjonijiet fid-demm bil-Klebsiella pneumoniae reżistenti għall-karbapenem (għadd għal kull 100 000 ruħ fil-popolazzjoni) titnaqqas b’5 % fl-UE, meta mqabbla mas-sena bażi 2019;
26. Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu indikaturi li jappoġġaw il-kisba tal-miri rakkomandati kif ukoll miri dwar aspetti oħrajn relatati mal-AMR bħall-kontroll tal-prevenzjoni tal-infezzjonijiet, il-politika tal-użu tajjeb tal-antimikrobiċi, il-prattiki ta’ ordni bir-riċetta u t-taħriġ, u l-miżuri stabbiliti għandhom jiżguraw sforz b’saħħtu, iżda sostenibbli, sabiex jintlaħqu dawn il-miri bi tnaqqis minn sena għal sena sabiex jiġi evitat il-back-loading u tiġi protetta s-sikurezza tal-pazjenti;
27. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi miżuri xierqa sabiex tikkontribwixxi għall-kisba tal-istrateġija mill-għalqa sal-platt u l-mira tal-pjan ta’ azzjoni għal tniġġis żero ta’ tnaqqis ta’ 50 % tal-bejgħ globali tal-UE ta’ antimikrobiċi użati għall-annimali tar-razzett u fl-akkwakultura sal-2030, u jenfasizza li l-progress li diġà sar fil-livell tal-Istati Membri għandu jitqies u t-trattament xieraq tal-annimali jeħtieġ li jiġi żgurat, filwaqt li l-bdiewa għandhom jingħataw appoġġ sabiex jimplimentaw il-miżuri stabbiliti;
28. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti prijorità lill-pubblikazzjoni tal-atti delegati li jifdal għar-Regolament (UE) 2019/6 li għandhom x’jaqsmu mal-prodotti veterinarji, sabiex tibbilanċja mill-ġdid il-kundizzjonijiet ekwi bejn il-prodotti tal-laħam mill-UE u dawk importati minn pajjiżi terzi billi tiżgura li l-annimali jkunu soġġetti għall-istess standards dwar l-użu antimikrobiku irrispettivament minn jekk jitrabbewx fl-UE jew fi bnadi oħrajn;
Sensibilizzazzjoni, edukazzjoni u taħriġ
29. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw, f’kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u professjonali kif ukoll mal-partijiet ikkonċernati, li l-programmi ta’ edukazzjoni kontinwa u l-kurrikuli nazzjonali bbażati fuq l-evidenza, f’oqsma bħall-mediċina, l-infermerija, il-farmaċija, id-dentistrija, il-mediċina veterinarja, l-iskejjel tal-biedja u x-xjenzi agronomiċi jinkludu taħriġ transsettorjali obbligatorju dwar l-AMR, il-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet, ir-riskji ambjentali, il-bijosigurtà u l-alternattivi għall-antibijotiċi, kif ukoll dwar il-politika tal-użu tajjeb tal-antimikrobiċi, inkluż l-użu prudenti tal-antimikrobiċi u l-impatt tat-tnaqqis tal-ħtieġa għall-antibijotiċi, kif xieraq;
30. Jistieden lill-Istati Membri sabiex iqajmu kuxjenza fost il-professjonisti pubbliċi u tas-saħħa li jaħdmu fis-setturi tas-saħħa tal-bniedem u veterinarji u fost il-produtturi farmaċewtiċi dwar l-eżistenza ta’ programmi għall-ġbir u għar-rimi sikur ta’ antimikrobiċi mhux użati, skaduti u residwi u l-importanza ta’ dawk il-programmi fil-prevenzjoni tal-AMR;
31. Jistieden lill-Istati Membri jħeġġu u, meta xieraq, jiffaċilitaw l-iżvilupp transsettorjali ta’ programmi ta’ taħriġ u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki bejn is-setturi;
32. Jistieden lill-Istati Membri jżidu u jtejbu l-komunikazzjoni u s-sensibilizzazzjoni dwar l-AMR u l-użu prudenti tal-antimikrobiċi sabiex jipromwovu l-għarfien u t-tibdil fl-imġiba billi:
a. jipprovdu lill-professjonisti li jaħdmu fis-setturi tas-saħħa tal-bniedem, veterinarji u agronomiċi b’informazzjoni aġġornata regolarment dwar l-AMR fil-livelli nazzjonali u lokali kif ukoll materjali ta’ informazzjoni dwar l-AMR u l-importanza ta’ prevenzjoni u ta’ kontroll effettivi tal-infezzjonijiet, ir-riskji ambjentali, l-istandards imtejbin tat-trattament xieraq tal-annimali, il-bijosigurtà, is-sorveljanza u l-politika tal-użu tajjeb tal-antimikrobiċi, inkluż l-użu prudenti tal-antimikrobiċi u t-titjib tal-prattiki ta’ ordni bir-riċetta;
b. imexxu attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni fost il-pubbliku u kampanji ta’ komunikazzjoni fuq skala kbira dwar l-AMR, speċjalment il-prevenzjoni tagħha permezz tal-iġjene, b’mod partikolari l-iġjene tal-idejn, u l-użu prudenti tal-antimikrobiċi, inkluż ir-rimi sikur tagħhom, fil-livell nazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward ta’ liema infezzjonijiet jistgħu jiġu ttrattati permezz tal-antibijotiċi u liema ma jistgħux, filwaqt li jitqiesu d-differenzi fil-popolazzjoni lokali u l-aħjar prattika fir-rigward ta’ komunikazzjoni effettiva;
c. imexxu kampanji ta’ komunikazzjoni mmirati sabiex iqajmu sensibilizzazzjoni fost gruppi speċifiċi tal-popolazzjoni, bl-użu ta’ mezzi u ta’ kanali ta’ komunikazzjoni xierqa għal dawn il-gruppi speċifiċi;
d. imexxu kampanji ta’ komunikazzjoni transsettorjali, meta xieraq, sabiex iħeġġu l-kondiviżjoni tar-riżorsi;
e. jiffaċilitaw il-komunikazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati u l-industriji li huma l-mira tat-tibdil fl-imġiba, sabiex iħeġġu l-kondiviżjoni tal-għarfien u tal-aħjar prattika;
f. jiżviluppaw interventi ta’ tibdil fl-imġiba mmirati lejn gruppi professjonali ewlenin, pazjenti jew il-pubbliku ġenerali fl-ekosistema tal-AMR ta’ “Saħħa Waħda”, fuq il-bażi tal-esperjenza minn theddid ieħor għas-saħħa pubblika, eż., il-COVID-19, l-HIV, jew it-tipjip;
g. imexxu inizjattivi sabiex titqajjem kuxjenza fost il-ġenituri u t-tfal tal-età tal-iskola dwar l-importanza ta’ iġjene tajba fil-ġlieda kontra l-AMR, inkluż bħala parti mill-edukazzjoni primarja dwar l-ikel, is-saħħa u l-ekonomija domestika;
33. Jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina l-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni u l-kampanji ta’ komunikazzjoni msemmijin hawn fuq u tinforma lill-aġenziji rilevanti tal-UE u lil korpi oħrajn sabiex timmassimizza l-impatt tagħhom;
34. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-ECDC u lill-EMA jappoġġaw u jikkomplementaw l-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni tal-Istati Membri dwar l-AMR u l-użu prudenti tal-antimikrobiċi b’azzjonijiet ta’ komunikazzjoni madwar l-UE kollha meta jkunu rilevanti permezz ta’ opportunitajiet ta’ taħriġ bħall-proġett AMR-EDUCare[32];
35. Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri fit-taħriġ kontinwu u fl-apprendiment tul il-ħajja tal-professjonisti li jaħdmu fis-settur tas-saħħa tal-bniedem, fis-settur veterinarju u fis-settur tal-agronomija dwar it-theddida tal-AMR u l-prevenzjoni tagħha skont l-approċċ “Saħħa Waħda” permezz ta’ opportunitajiet ta’ taħriġ bħall-inizjattiva għat-Taħriġ Imtejjeb għal Iżjed Sikurezza fl-Ikel[33];
Ir-riċerka u l-iżvilupp, u inċentivi għall-innovazzjoni u għall-aċċess għall-antimikrobiċi u kontromiżuri mediċi oħrajn għall-AMR
36. Jistieden bi ħġaru lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni sabiex jappoġġaw il-kondiviżjoni tad-data dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni teknoloġika għall-identifikazzjoni, għall-prevenzjoni u għat-trattament ta’ infezzjonijiet fil-bnedmin ikkawżati minn patoġeni reżistenti għall-antimikrobiċi, inklużi l-istabbiliment ta’ sħubija Ewropea li tippermetti l-koordinazzjoni, l-allinjament u l-finanzjament tar-riċerka u tal-innovazzjoni transsettorjali fuq “AMR tas-Saħħa Waħda”, u l-investiment sinifikanti fiha; jitlob li din is-sħubija tinbena fuq l-involviment sostnut tal-partijiet ikkonċernati, inklużi l-industrija, is-soċjetà ċivili, b’mod partikolari l-organizzazzjonijiet tal-pazjenti, l-akkademja, bħall-inizjattiva tal-Yniversitajiet Ewropej u l-esperti mhux governattivi, matul l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-parteċipazzjoni fi sħubija Ewropea dwar “AMR tas-Saħħa Waħda” fil-prattika tkun aċċessibbli wkoll għall-SMEs;
37. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jippromwovu l-iżvilupp u l-aċċessibbiltà tal-antimikrobiċi, kif ukoll l-użu ta’ kontromiżuri mediċi oħrajn rilevanti għall-ġlieda kontra l-AMR fil-bnedmin, b’mod partikolari t-testijiet dijanjostiċi u l-vaċċini mmirati lejn patoġeni reżistenti għall-antimikrobiċi;
38. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jipprovdu riżorsi suffiċjenti sabiex jappoġġaw ir-riċerka u l-iżvilupp li jindirizzaw l-AMR fiċ-ċiklu baġitarju eżistenti u jimpenjaw ruħhom li jkunu prijorità fiċ-ċiklu baġitarju li jmiss billi:
a. jingħata appoġġ lill-Istati Membri fl-identifikazzjoni ta’ patoġeni reżistenti għall-antimikrobiċi ta’ prijorità fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri, fl-immappjar ta’ kontromiżuri mediċi eżistenti, futuri u nieqsa għall-AMR, u fid-definizzjoni tal-profili tal-prodotti fil-mira;
b. jingħata appoġġ għar-riċerka u għall-iżvilupp ta’ kontromiżuri mediċi tal-AMR, b’mod partikolari billi jiġi kkoordinat il-finanzjament tar-riċerka translazzjonali u l-iżvilupp fi stadju tard tal-kontromiżuri mediċi tal-AMR, filwaqt li jiġi evitat xogħol doppju għalxejn, inklużi provi kliniċi għall-antimikrobiċi b’kunsiderazzjoni xierqa tar-rwol potenzjali tad-DĠ HERA bħala “koordinatur tar-R&Ż mediċi” effettiv li jmexxi r-riċerka fl-UE sabiex jitħaffef l-iżvilupp ta’ antibijotiċi ġodda u ta’ alternattivi;
c. jingħata appoġġ għar-riċerka fi trattamenti alternattivi, inklużi l-batterjofagi;
d. jiġu evitati n-nuqqasijiet ta’ mediċini u tittejjeb b’mod sinifikanti l-kontinwità tal-provvista ta’ antimikrobiċi u ta’ kontromiżuri mediċi oħrajn tal-AMR fl-UE, b’mod partikolari billi jiġu appoġġati u kkoordinati l-inizjattivi tal-Istati Membri dwar il-manifattura, l-akkwist u l-ħażna, filwaqt li jiġi evitat l-“intrappolament” f’teknoloġiji ta’ kontromiżuri mediċi speċifiċi;
e. jittejbu t-tbassir tad-domanda, u l-valutazzjoni u l-indirizzar tal-vulnerabbiltajiet tal-katina tal-provvista tal-antibijotiċi, u l-kumulazzjoni ta’ riżerva tal-antibijotiċi fil-mira sabiex jiġu evitati n-nuqqasijiet;
f. jiġu kkoordinati l-għotjiet u t-tmexxija tal-programmi ta’ appoġġ b’attenzjoni partikolari fuq ir-riċerka u fuq l-iżvilupp fi stadju bikri mill-akkademja u mill-SMEs;
39. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jikkontribwixxu għat-tfassil u għall-governanza ta’ skema ta’ inċentivi ta’ attrazzjoni f’diversi pajjiżi madwar l-UE kollha sabiex jabilitaw ambjent ta’ innovazzjoni sostenibbli u fit-tul, żvilupp rapidu u aċċess għall-antimikrobiċi; jinnota li skema bħal din tista’ tieħu l-forma ta’ garanziji tad-dħul, benefiċċji għad-dħul fis-suq flimkien ma’ garanziji tad-dħul, benefiċċji għad-dħul fis-suq b’somma f’daqqa jew pagamenti għall-ilħuq tal-objettivi intermedji; jitlob li l-industrija rilevanti u partijiet ikkonċernati oħrajn jiġu kkonsultati matul il-proċess tat-tfassil sabiex jiġi kkomplementat il-qafas regolatorju applikabbli għall-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem;
40. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni sabiex jiġbru flimkien ir-riżorsi, imexxu inizjattivi kollaborattivi, jikkontribwixxu finanzjarjament għall-implimentazzjoni tal-iskema ta’ inċentivi ta’ attrazzjoni, u jimpenjaw ruħhom li jipparteċipaw fin-network imsemmi fil-programm ta’ ħidma 2023 tal-EU4Health;
41. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jirrieżaminaw l-iskema u l-impatt tagħha fuq l-iżvilupp u fuq l-aċċessibbiltà tal-antimikrobiċi f’intervalli regolari u kull meta jkun xieraq, u jinnota li dan għandu jinkludi konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha;
42. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jinċentivaw l-iżvilupp u t-tqegħid fis-suq ta’ alternattivi għall-antimikrobiċi, kif ukoll ta’ testijiet dijanjostiċi innovattivi u ta’ vaċċini għas-saħħa tal-annimali u ta’ alternattivi għall-antimikrobiċi, bħall-anestetiċi lokali jew id-drogi psikofarmakoloġiċi, inkluż disinn għall-antibijotiċi degradabbli;
Kooperazzjoni
43. Jistieden lill-Istati Membri jirrapportaw data dwar l-AMR u dwar il-konsum tal-antimikrobiċi lis-Sistema Globali ta’ Sorveljanza tar-Reżistenza għall-Antimikrobiċi u l-Użu Tagħhom (GLASS)[34];
44. Jistieden lill-Istati Membri jieħdu vantaġġ mil-laqgħat regolari tan-Network tas-Saħħa Waħda tal-AMR tal-UE u ta’ kumitati u ta’ gruppi ta’ ħidma rilevanti oħrajn li jiddiskutu l-AMR sabiex:
a. itejbu l-kooperazzjoni bejniethom u mal-Kummissjoni, mal-aġenziji rilevanti tal-UE, u mal-partijiet ikkonċernati tal-AMR, mal-professjonisti u mal-esperti;
b. jiskambjaw l-aħjar prattiki, b’mod partikolari dwar miżuri li jiżguraw il-konformità tal-professjonisti tal-kura tas-saħħa mal-linji gwida dwar l-użu prudenti;
c. jikkondividu l-NAPs dwar l-AMR u r-rapporti ta’ implimentazzjoni u l-evalwazzjonijiet relatati ma’ xulxin, mal-Kummissjoni u mal-aġenziji rilevanti tal-UE, u jippermettu r-rieżami bejn il-pari ta’ dawk id-dokumenti;
45. Jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-kooperazzjoni dwar l-AMR bejn il-professjonisti li jaħdmu fis-setturi tas-saħħa tal-bniedem, veterinarji u tal-agronomija u mal-partijiet ikkonċernati, sabiex jittejjeb l-approċċ “Saħħa waħda” dwar l-AMR;
46. Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-kooperazzjoni dwar l-AMR bejnha nnifisha, l-EFSA, l-EMA, l-ECDC, l-EEA u l-ECHA u ssaħħaħ l-approċċ “Saħħa Waħda” dwar l-AMR permezz ta’ grupp ta’ ħidma tal-AMR bejn l-aġenziji li għandu:
a. jipprovdi pjattaforma effettiva billi jiġu organizzati laqgħat regolari sabiex jiġi żgurat l-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-AMR u tiddiskuti t-talbiet u l-mandati li ġejjin; u
b. trawwem l-integrazzjoni tad-data ta’ sorveljanza fis-setturi kollha f’konformità mal-approċċ “Saħħa Waħda”;
47. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa qafas ta’ monitoraġġ sabiex tivvaluta l-progress u r-riżultati miksubin fl-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tal-2017 dwar l-AMR u din ir-rakkomandazzjoni;
48. Jistieden lill-Istati Membri jiġbru u jagħmlu disponibbli d-data kollha użata f’dan ir-rigward u jistabbilixxu bażi tad-data madwar l-UE kollha u jistieden lill-Kummissjoni sabiex tagħmel din id-data disponibbli għall-pubbliku fuq sit web apposta sabiex trawwem it-trasparenza;
Azzjoni globali
49. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jippromwovu l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ma’ pajjiżi mhux tal-UE ta’ standards promossi minn korpi internazzjonali li jistabbilixxu l-istandards, b’mod partikolari:
a. għal standards u għal linji gwida aktar ambizzjużi tad-WOAH dwar l-użu responsabbli u prudenti tal-aġenti antimikrobiċi fil-mediċina veterinarja, li għandhom jirriflettu l-ħtieġa li jitneħħa gradwalment l-użu tal-antimikrobiċi sabiex jiġi promoss it-tkabbir jew jiżdied ir-rendiment tal-annimali madwar id-dinja;
b. għall-iżvilupp ta’ gwida dwar l-użu prudenti ta’ aġenti antimikrobiċi għal finijiet fitosanitarji mill-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti[35];
c. għall-implimentazzjoni tal-Codex Alimentarius rivedut il-Kodiċi ta’ Prattika sabiex tiġi Minimizzata u Limitata r-Reżistenza għall-Antimikrobiċi Trażmessa mill-Ikel[36] u tal-Linji Gwida dwar il-Monitoraġġ u s-Sorveljanza Integrati tar-Reżistenza għall-Antimikrobiċi Trażmessa mill-Ikel[37];
50. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jaħdmu lejn l-inklużjoni ta’ dispożizzjonijiet konkreti dwar l-AMR wara approċċ “Saħħa Waħda” fil-kuntest ta’ negozjati dwar ftehim internazzjonali potenzjali tad-WHO dwar il-prevenzjoni tal-pandemiji, u t-tħejjija u r-rispons għalihom; jitlob f’dan ir-rigward li tingħata prijorità partikolari lill-miżuri relatati mal-ilma nadif, mas-sanità u mal-iġjene;
51. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jappoġġaw inizjattivi tad-WHO sabiex iħejju gwida dwar kif għandhom jiġu implimentati prattiki tajba ta’ manifattura għall-immaniġġjar tal-iskart u tal-ilma mormi fil-kuntest tal-produzzjoni tal-antimikrobiċi, wara d-deċiżjoni tal-Bord Eżekuttiv tad-WHO tat-30 ta’ Novembru 2018 dwar din il-kwistjoni;
52. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni sabiex jippromwovu l-AMR bħala prijorità politika għolja fl-ambjenti tal-G7 u tal-G20, bl-għan li jintlaħqu impenji ambizzjużi fil-livell globali, inklużi l-istabbiliment u l-promozzjoni għall-adozzjoni ta’ prinċipji ta’ gwida sabiex il-piż finanzjarju li jirriżulta mill-inċentivi ta’ attrazzjoni għall-antimikrobiċi jiġi kondiviż b’mod ġust fost il-pajjiżi tal-G20 jew tal-G7;
53. Jesiġi li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jippromwovu fil-konferenza ta’ livell għoli ppjanata tan-NU dwar l-AMR fl-2024 it-tisħiħ tal-impenji globali sabiex tiġi indirizzata l-AMR, inklużi l-miri għall-użu tal-antimikrobiċi fuq il-bażi tal-manifest Ministerjali f’Muscat dwar l-AMR;
54. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jsaħħu l-kollaborazzjoni tagħhom dwar oqsma ewlenin tal-indirizzar tal-AMR, bħar-riċerka, is-sorveljanza, il-komunikazzjoni u l-kondiviżjoni tal-għarfien kemm madwar id-dinja kif ukoll fil-viċinat tal-UE; jitlob b’mod partikolari li jiġu esplorati opportunitajiet ulterjuri għall-kollaborazzjoni bejn l-HERA u l-kontropartijiet internazzjonali;
55. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jappoġġaw u jinvolvu rwieħhom b’mod attiv fil-“Pjattaforma ta’ Sħubija bejn Diversi Partijiet Ikkonċernati tal-AMR”, sabiex[38]jgħinu fl-istabbiliment ta’ viżjoni globali kondiviża u sabiex jinbena aktar kunsens dwar l-AMR;
56. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jipprovdu kapaċità ta’ żvilupp u jappoġġaw inizjattivi tal-AMR f’pajjiżi b’introjtu baxx u medju, b’mod partikolari billi:
a. jinvolvu fl-Inizjattiva Tim Ewropa lill-Afrika dwar is-sigurtà tas-saħħa sostenibbli permezz ta’ Approċċ “Saħħa Waħda”, li b’mod partikolari għandha l-għan li tgħin fl-indirizzar tal-AMR;
b. jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali “Saħħa Waħda” dwar l-AMR f’pajjiżi b’introjtu baxx u medju, b’mod partikolari permezz tal-Fond Fiduċjarju b’Diversi Sħab (MPTF) tal-AMR tan-NU[39];
c. jikkontribwixxu għall-isforzi fl-indirizzar tal-mard infettiv u tal-AMR f’pajjiżi b’introjtu baxx u medju bħal permezz tas-Sħubija għall-Provi Kliniċi bejn il-Pajjiżi Ewropej u Dawk Fil-Fażi tal-Iżvilupp (l-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3)[40];
d. jappoġġaw il-programmi tal-vaċċin;
e. jappoġġaw il-ġbir, il-kondiviżjoni u l-analiżi ta’ data ta’ sorveljanza affidabbli;
f. tingħata prijorità lill-indirizzar tal-kawżi ewlenin ekonomiċi, soċjali u ambjentali tas-saħħa u tal-mard, f’konformità mal-Istrateġija Globali tal-UE dwar is-Saħħa, b’mod partikolari l-aċċess għal sistemi tal-ilma nadif u tas-sanità;
Rapportar
57. Jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill erba’ snin wara l-adozzjoni ta’ din ir-riżoluzzjoni dwar il-progress fl-implimentazzjoni tagħha;
°
° °
58. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Istati Membri, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.
- [1] ĠU C 433, 23.12.2019, p. 153.
- [2] ĠU C 224, 8.6.2022, p. 47.
- [3]https://health.ec.europa.eu/publications/hera-factsheet-health-union-identifying-top-3-priority-health-threats_mt.
- [4] Murray, C.J.L., Ikuta, K.S., Sharara, F., et al. ‘Global burden of bacterial antimicrobial resistance in 2019: a systematic analysis’, Lancet, Vol. 399, No 10325, pp. 629-655: www.thelancet.com/journals/lancet/article/PIIS0140-6736(21)02724-0/fulltext.
- [5] https://www.ecdc.europa.eu/sites/default/files/documents/Health-burden-infections-antibiotic-resistant-bacteria.pdf.
- [6] https://www.ecdc.europa.eu/en/news-events/eaad-2022-launch.
- [7] https://www.oecd.org/health/health-systems/AMR-Tackling-the-Burden-in-the-EU-OECD-ECDC- Briefing-Note-2019.pdf.
- [8] https://health.ec.europa.eu/system/files/2020-01/amr_2017_action-plan_0.pdf.
- [9] https://cordis.europa.eu/programme/id/HORIZON_HORIZON-HLTH-2024-DISEASE-09-01; https://research-and-innovation.ec.europa.eu/system/files/2022-02/ec_rtd_he-partnerships-onehealth- amr.pdf.
- [10] https://www.eib.org/en/index.htm.
- [11] Ir-Regolament (UE) 2021/240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi Strument ta’ Appoġġ Tekniku (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 1).
- [12] https://digitallibrary.un.org/record/845917#record-files-collapse-header.
- [13] https://www.who.int/publications/i/item/9789241509763.
- [14] https://health.ec.europa.eu/publications/overview-report-member-states-one-health-national-action-plans-against-antimicrobial-resistance_mt.
- [15] Ir-Regolament (UE) 2022/2371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Novembru 2022 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE (ĠU L 314, 6.12.2022, p. 26).
- [16] https://www.unep.org/resources/superbugs/environmental-action.
- [17] https://www.nature.com/articles/s41579-021-00649-x.pdf, p. 266.
- [18] Il-proposta tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Ottubru 2022 għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2000/60/KE li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma, id-Direttiva 2006/118/KE dwar il-protezzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art kontra t-tniġġis u d-deterjorament u d-Direttiva 2008/105/KE dwar standards ta’ kwalità ambjentali fil-qasam tal-politika tal-ilma (COM(2022)0540) u l-proposta tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Ottubru 2022 għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trattament tal-ilma mormi urban (riformulazzjoni) (COM(2022)0541).
- [19] L-istudju – “Study on a future-proofing analysis of the 2017 EU AMR Action Plan”, il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari, Novembru 2022.
- [20] Il-proposta tal-Kummissjoni tas-26 ta’ April 2023 għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kodiċi tal-Unjoni dwar prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem, u li tħassar id-Direttiva 2001/83/KE u d-Direttiva 2009/35/KE (COM(2023)0192).
- [21] “Data dwar ir-reżistenza għall-antimikrobiċi: l-użu tal-antimikrobiċi fl-UE naqas, iżda għad fadal xi jsir”, il-Kummissjoni Ewropea, is-17 ta’ Novembru 2022: https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/en/IP_22_6951.
- [22] “1 in 3 use antibiotics without prescription, WHO/Europe’s study shows”, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, il-21 ta’ Novembru 2022: https://www.who.int/europe/news/item/21-11-2022-1-in-3-use-antibiotics-without-prescription--who-europe-s-study-shows.
- [23] Studju – “Antimicrobial resistance and causes of non-prudent use of antibiotics in human medicine in the EU”, il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari, April 2017.
- [24] Nota ta’ politika – “Appropriate use of antibiotics in a One Health Perspective”, EU-JAMRAI, 2021: https://eu-jamrai.eu/wpcontent/uploads/2021/02/201020_EUJAMRAI_policy-brief_WP7_appropriate-use-of-antibiotics-one-health-perspective.pdf.
- [25] Ir-Regolament (UE) 2019/6 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar prodotti mediċinali veterinarji u li jħassar id-Direttiva 2001/82/KE (ĠU L 4, 7.1.2019, p. 43).
- [26] https://www.bcg.com/publications/2022/model-for-tackling-antimicrobial-resistance
- [27] Ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trasmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”). ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1.
- [28] Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ Diċembru 2018 dwar kooperazzjoni msaħħa kontra l-mard li jista’ jiġi evitat bit-tilqim. ĠU C 466, 28.12.2018, p. 1.
- [29] https://apps.who.int/iris/bitstream/handle/10665/312266/9789241515528-eng.pdf.
- [30] https://www.unep.org/resources/superbugs/environmental-action?gclid=CjwKCAjw3ueiBhBmEiwA4BhspORyl2FvYKYC7fLimOJhkw0cUCYkdzVm-iNEyTrumAw90gQ2ap7nBRoC6LgQAvD_BwE
- [31] https://www.who.int/publications/i/item/9789240062382
- [32] https://www.amreducare.eu/
- [33] https://food.ec.europa.eu/horizontal-topics/official-controls-and-enforcement/legislation-official-controls/better-training-safer-food_mt
- [34] https://www.who.int/initiatives/glass
- [35] https://www.ippc.int/en/
- [36] https://www.fao.org/fao-who-codexalimentarius/sh-proxy/en/?lnk=1&url=https%253A%252F%252Fworkspace.fao.org%252Fsites%252Fcodex%252FStandards%252FCXC%2B61-2005%252FCXC_061e.pdf
- [37] https://www.fao.org/fao-who-codexalimentarius/sh-proxy/en/?lnk=1&url=https%253A%252F%252Fworkspace.fao.org%252Fsites%252Fcodex%252FStandards%252FCXG%2B94-2021%252FCXG_94e.pdf
- [38] https://www.fao.org/antimicrobial-resistance/quadripartite/the-platform/en/
- [39] https://mptf.undp.org/fund/amr00
- [40] https://research-and-innovation.ec.europa.eu/research-area/health/edctp_mt