Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0260/2023Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0260/2023

ABBOZZ TA’ RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW LILL-KUNSILL U LILL-KUMMISSJONI wara l-investigazzjoni ta’ allegati kontravvenzjonijiet u amministrazzjoni ħażina fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-użu tal-Pegasus u ta’ software ta’ spjunaġġ għas-sorveljanza ekwivalenti

22.5.2023 - (2023/2500(RSP))

imressqa skont l-Artikolu 208(12) tar-Regoli ta’ Proċedura

Sophie in ‘t Veld
f’isem il-Kumitat ta’ Inkjesta biex Jinvestiga l-Użu tal-Pegasus u ta’ Software ta’ Spjunaġġ għas-Sorveljanza Ekwivalenti


Proċedura : 2023/2500(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0260/2023
Testi mressqa :
B9-0260/2023
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B9‑0664/2023

Abbozz ta’ rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill u lill-Kummissjoni wara l-investigazzjoni ta’ allegazzjonijiet ta’ kontravvenzjonijiet u ta’ amministrazzjoni ħażina fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-użu tal-Pegasus u ta’ software ta’ spjunaġġ għas-sorveljanza ekwivalenti (2023/2500(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u b’mod partikolari l-Artikoli 2, 4, 6 u 21 tiegħu,

 wara li kkunsidra l-Artikoli 16, 223, 225 u 226 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

 wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”), u b’mod partikolari l-Artikoli 7, 8, 11, 17, 21, 41, 42 u 47 tagħha,

 wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika)[1] (“Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika”),

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data)[2],

 wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI[3],

 wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2013/40 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Awwissu 2013 dwar attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/222/ĠAI[4] (“id-Direttiva dwar iċ-Ċiberkriminalità”),

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi reġim tal-Unjoni għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, is-senserija, l-assistenza teknika, it-transitu u t-trasferiment ta’ oġġetti b’użu doppju[5] (“ir-Regolament dwar l-Oġġetti b’Użu Doppju”),

 wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/797 tas-17 ta’ Mejju 2019 dwar miżuri restrittivi kontra attakki ċibernetiċi li jheddu lill-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha[6]  kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/796 tas-17 ta’ Mejju 2021[7],

 wara li kkunsidra l-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b’vot universali dirett[8],

 wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 95/167/KE, Euratom, KEFA tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tad-19 ta’ April 1995 dwar id-dispożizzjonijiet dettaljati li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta’ inkjesta tal-Parlament Ewropew[9],

 wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2022/480 tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Marzu 2022 dwar it-twaqqif ta’ kumitat ta’ inkjesta biex jinvestiga l-użu tal-Pegasus u ta’ software ta’ spjunaġġ għas-sorveljanza ekwivalenti, u d-definizzjoni tas-suġġett tal-inkjesta, kif ukoll ir-responsabbiltajiet, il-kompożizzjoni numerika u l-mandat tal-Kumitat[10],

 wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2018/843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, u li temenda d-Direttivi 2009/138/KE u 2013/36/UE[11] (it-tielet Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus”),

 wara li kkunsidra l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2022 li jistabbilixxi qafas komuni għas-servizzi tal-midja fis-suq intern (l-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Midja) u li jemenda d-Direttiva 2010/13/UE (COM(2022)0457),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 12 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

 wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) fil-kawża C-37/20[12] dwar id-direttiva kontra l-ħasil tal-flus li fiha l-provvista ta’ informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi tal-entitajiet irreġistrati territorju tal-Istati Membri tkun aċċessibbli fil-każijiet kollha u għal kwalunkwe membru tal-pubbliku inġenerali hija ddikjarata invalida.

 wara li kkunsidra l-Artikolu 17 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

 wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Prinċipji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem[13],

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU Michelle Bachelet tad-19 ta’ Lulju 2022 bit-titolu “L-użu ta’ software ta’ spjunaġġ għas-sorveljanza ta’ ġurnalisti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem”,

 wara li kkunsidra l-kumment tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa Dunja Mijatovic tas-27 ta’ Jannar 2023 bit-titolu “Software ta’ spjunaġġ intrużiv ferm jhedded l-essenza tad-drittijiet tal-bniedem”[14],

 wara li kkunsidra l-Kummenti Preliminari tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS) dwar is-Software ta’ Spjunaġġ Modern tal-15 ta’ Frar 2022[15],

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, u b’mod partikolari l-Artikoli 8, 10, 13, 14 u 17 tagħha, u l-Protokolli ta’ din il-Konvenzjoni,

 wara li kkunsidra l-Valutazzjoni ta’ Theddid mill-Kriminalità Serja u Organizzata (SOCTA) tal-Europol tal-2021 bit-titolu “Influwenza li Tikkorrompi: l-Infiltrazzjoni u l-Imminar tal-Ekonomija u s-Soċjetà tal-Ewropa mill-Kriminalità Organizzata”,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) bit-titolu “Is-Sorveljanza mis-servizzi ta’ intelliġenza: salvagwardji tad-drittijiet fundamentali u rimedji fl-UE”, u l-aġġornamenti ppreżentati fit-28 ta’ Frar 2023 għall-Kumitat ta’ Inkjesta biex Jinvestiga l-Użu tal-Pegasus u ta’ Software ta’ Spjunaġġ għas-Sorveljanza Ekwivalenti (PEGA),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-12 ta’ Marzu 2014 dwar il-programm ta’ sorveljanza tal-NSA tal-Istati Uniti, il-korpi ta’ sorveljanza f’diversi Stati Membri u l-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE u dwar il-kooperazzjoni transatlantika fil-Ġustizzja u l-Interni[16] u b’mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fiha dwar it-tisħiħ tas-sigurtà tal-IT fl-istituzzjonijiet, il-korpi u aġenziji tal-UE,

 wara li kkunsidra l-opinjoni tal-EDPS 24/2022 tal-11 ta’ Novembru 2022 dwar l-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media,

 wara li kkunsidra l-glossarju dwar is-software malizzjuż u s-software ta’ spjunaġġ mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà (ENISA),

 wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew dwar kif il-Kummissjoni Ewropea vvalutat l-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem qabel ma pprovdiet appoġġ lil pajjiżi Afrikani biex jiżviluppaw kapaċitajiet ta’ sorveljanza (każ 1904/2021/MHZ),

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-2 ta’ Frar 20203 mis-Sa. Irene Kahn, Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-libertà tal-opinjoni u l-espressjoni u s-Sur Fernand de Varennes, Rapporteur Speċjali tan-NU dwar kwistjonijiet ta’ minoranzi li fiha jitolbu investigazzjoni tal-allegat programm ta’ spjunaġġ immirat lejn mexxejja Katalani[17],

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tad-Dritt (il-Kummissjoni ta’ Venezja) dwar is-sorveljanza demokratika tas-servizzi tas-sigurtà[18] u l-Opinjoni tagħha bit-titolu “Il-Polonja - Opinjoni dwar l-Att tal-15 ta’ Jannar 2016 li jemenda l-Att dwar il-Pulizija u Ċerti Atti Oħra”[19],

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat ta’ Inkjesta biex Jinvestiga l-Użu tal-Pegasus u ta’ Software ta’ Spjunaġġ għas-Sorveljanza Ekwivalenti (A9‑0189/2023),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi, grazzi għall-isforzi ta’ CitizenLab u Amnesty Tech u diversi ġurnalisti investigattivi, ġieżvelat li korpi ta’ governanza f’diversi pajjiżi, kemm Stati Membri tal-UE u pajjiżi mhux tal-UE, użaw il-Pegasus u software ta’ spjunaġġ għas-sorveljanza ekwivalenti kontra ġurnalisti, politiċi, uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, diplomatiċi, avukati, negozjanti, atturi tas-soċjetà ċivili u atturi oħrajn, għal skopijiet politiċi u saħansitra kriminali;  billi tali prattiki huma allarmanti immens u juru r-riskju ta’ abbuż minn teknoloġiji ta’ sorveljanza biex jiġu mminati d-drittijiet fundamentali tal-bniedem, id-demokrazija u l-proċessi elettorali;

B. billi kull meta jissemma t-terminu “software ta’ spjunaġġ” fir-rapport, ifisser il-“Pegasus u software ta’ spjunaġġ għas-sorveljanza ekwivalenti” kif definit fid-Deċiżjoni tal-Parlament biex jitwaqqaf il-Kumitat PEGA;

C. billi ġie osservat li atturi tal-istat użaw software ta’ spjunaġġ b’mod deliberat u li jqarraq billi użaw software ta’ spjunaġġ li jista’ juri wiċċ ta’ programm, fajl jew kontenut leġittimi (“żiemel ta’ Troja”), bħal messaġġi foloz minn istituzzjonijiet pubbliċi; billi f’xi każijiet l-awtoritajiet pubbliċi użaw operaturi ta’ telefonija ċellulari biex jittrażmettu kontenut malizzjuż lill-apparat tal-persuna fil-mira; billi s-software ta’ spjunaġġ jista’ jintuża billi jiġu sfruttati vulnerabbiltajiet jum żero mingħajr l-interazzjoni tal-mira mal-kontenut infettat, jista’ jneħħi t-traċċi kollha tal-preżenza tiegħu wara t-tneħħija tal-installazzjoni u jista’ janonimizza l-link bejn l-operaturi remoti u s-server;

D. billi fil-bidu tal-era tal-komunikazzjoni mobbli, is-smigħ sigriet kien isir permezz tal-interċettazzjoni ta’ telefonati u, wara, ta’ messaġġi testwali f’format sempliċi;

E. billi l-wasla ta’ applikazzjonijiet ta’ komunikazzjoni mobbli kriptati wasslet għall-emerġenza tal-industrija ta’ software ta’ spjunaġġ li tesplora vulnerabbiltajiet eżistenti fis-sistemi operattivi tal-ismartphones biex tinstalla software użat għall-importazzjoni ta’ software ta’ spjunaġġ fit-telefown, inkluż permezz ta’ infezzjonijiet “click zero” mingħajr ma l-utent ikun jaf jew ma jieħu ebda azzjoni; li jippermetti l-estrazzjoni ta’ data qabel il-kriptaġġ; billi tali software ta’ spjunaġġ click zero, mid-disinn tiegħu stess, jagħmel diffiċli ferm l-iskrutinju effettiv u sinifikanti tal-użu tiegħu;

F. billi l-għarfien dwar il-vulnerabbiltajiet fis-sistemi ta’ software jiġi nnegozjat direttament bejn il-partijiet, jew huwa ffaċilitat minn sensara; billi dan lin-negozju jinkludi atturi mhux statali u organizzazzjonijiet kriminali;

G. billi l-akkwist, in-negozjar u l-ħżin ta’ vulnerabbiltajiet jum żero fundamentalment jimminaw l-integrità u s-sigurtà tal-komunikazzjoni u ċ-ċibersigurtà taċ-ċittadini tal-UE;

H. billi l-użu tas-sorveljanza ta’ software ta’ spjunaġġ għandu jibqa’ l-eċċezzjoni u dejjem soġġett għal awtorizzazzjoni ġudizzjarja ex ante effettiva,  vinkolanti u sinifikanti minn awtorità ġudizzjarja imparzjali u indipendenti, li trid tiżgura li l-miżura tkun meħtieġa u proporzjonata u strettament limitata għal każijiet li jaffettwaw is-sigurtà nazzjonali, it-terroriżmu u l-kriminalità serja;  billi t-tekniki ta’ sorveljanza huma suxxettibbli li jiġu abbużati f’ambjenti mingħajr sistema ta’ kontrokontrolli effettiva;

I. billi kwalunkwe sorveljanza ta’ software ta’ spjunaġġ trid tiġi skrutinizzata minn awtorità indipendenti ta’ sorveljanza ex post, li trid tiżgura li kwalunkwe sorveljanza awtorizzata titwettaq f’konformità mad-drittijiet fundamentali u f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-QĠUE, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) u l-Kummissjoni ta’ Venezja; billi din l-awtorità ta’ sorveljanza ex post għandha tordna t-terminazzjoni tas-sorveljanza immedjatament jekk jinstab li hija inkompatibbli mad-drittijiet u l-kundizzjonijiet imsemmijin hawn fuq;

J. billi s-sorveljanza ta’ software ta’ spjunaġġ li ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni u l-ġurisprudenza tal-QĠUE u tal- QEDB tkun tinvolvi ksur tal-valuri minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE u tad-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta; b’mod partikolari, l-Artikoli 7, 8, 11, 17, 21 u 47 tagħha li jirrikonoxxu d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji speċifiċi, bħar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, il-protezzjoni tad-data personali, il-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni, id-dritt għall-proprjetà, id-dritt għan-nondiskriminazzjoni, kif ukoll id-dritt għal rimedju effettiv, proċess ġust u l-preżunzjoni tal-innoċenza;

K. billi d-drittijiet tal-persuni fil-mira huma stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-konvenzjonijiet internazzjonali, b’mod partikolari d-dritt għall-privatezza u d-dritt għal proċess ġust, u fir-regoli tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-persuni suspettati u akkużati; billi dawn id-drittijiet ġew ikkonfermati mill-QĠUE u mill-ġurisprudenza tal-QEDB;

L. billi l-impatt ta’ sorveljanza mmirata fuq in-nisa jista’ jkun partikolarment ta’ ħsara, peress li l-awtoritajiet jistgħu jużaw l-iskrutinju soċjali akbar li għalih huma sottoposti n-nisa biex jużaw data privata u intima li tkun ġiet estratta permezz ta’ software ta’ spjunaġġ bħala arma għal kampanja ta’ malafama;

M. billi mit-testimonjanzi tal-persuni fil-mira huwa ċar li anke jekk ir-rimedju legali u d-drittijiet ċivili jistgħu jeżistu fuq il-karta, dawn fil-biċċa l-kbira jsiru nulli quddiem it-tfixkil mill-korpi ta’ governanza, in-nuqqas jew in-nonimplimentazzjoni tad-dritt tal-persuni fil-mira li jiġu infurmati u x-xkiel amministrattiv għal individwi biex li jkollhom jipproduċu provi li huma sfaw fil-mira;  billi anke f’sistemi bi proċeduri veloċi u miftuħin, in-natura tas-software ta’ spjunaġġ tagħmilha diffiċli li tingħata prova ta’ min kienu l-awturi tal-attakk u b’liema mod u sa liema punt individwu safa’ fil-mira;

N. billi l-qrati ma aċċettawx l-evidenza forensika ta’ esperti indipendenti iżda biss evidenza bbażata fuq eżaminazzjoni tal-awtoritajiet, is-sigurtà jew l-infurzar tal-liġi li allegatament huma wara l-attakk; billi dan iħalli lill-persuni fil-mira f’sitwazzjoni paradossali mingħajr ebda għażla vijabbli biex jagħtu prova ta’ infezzjoni b’software ta’ spjunaġġ;

O. billi l-gvern Pollakk dgħajjef u elimina s-salvagwardji istituzzjonali u legali, inkluż proċeduri xierqa ta’ sorveljanza u skrutinju, u b’hekk effettivament ħalla lill-persuni fil-mira mingħajr ebda rimedju sinifikanti; billi s-software ta’ spjunaġġ għas-sorveljanza Pegasus intuża b’mod illegali biex jispija fuq ġurnalisti, politiċi tal-oppożizzjoni, avukati, prosekuturi u atturi tas-soċjetà ċivili għal skopijiet politiċi;

P. billi l-gvern Ungeriż dgħajjef u elimina s-salvagwardji istituzzjonali u legali, inkluż proċeduri xierqa ta’ sorveljanza u skrutinju, u b’hekk effettivament ħalla lill-persuni fil-mira mingħajr ebda rimedju sinifikanti; billi s-software ta’ spjunaġġ għas-sorveljanza Pegasus intuża b’mod illegali biex jispija fuq ġurnalisti, politiċi tal-oppożizzjoni, avukati, prosekuturi u atturi tas-soċjetà ċivili għal skopijiet politiċi;

Q. billi ġie uffiċjalment ikkonfermat li Membru tal-Parlament Ewropew (MPE) għall-Greċja u ġurnalist Grieg it-tnejn ġew interċettati mis-Servizz ta’ Intelligence Nazzjonali tal-Greċja (EYP) u kienu fil-mira tas-software ta’ spjunaġġ Predator; billi eks impjegat ta’ Meta b’nazzjonalità tal-Istati Uniti u Griega kien simultanjament interċettat mill-EYP u fil-mira tas-software ta’ spjunaġġ Predator, li l-użu tiegħu huwa illegali skont il-liġi tal-Greċja; billi  skont ir-rapporti fil-midja, Membri Parlamentari tal-oppożizzjoni u tal-partit fil-gvern fil-Greċja, attivisti tal-partit u ġurnalisti wkoll allegatament kienu fil-mira tas-software ta’ spjunaġġ Predator jew ta’ interċettazzjonijiet konvenzjonali mill-EYP jew it-tnejn li huma; billi l-gvern Grieg jiċħad li xtara jew uża Predator, iżda huwa ferm probabbli li l-Predator intuża minn persuni qrib ħafna tal-uffiċċju tal-Prim Ministru jew f’isimhom; billi l-gvern Grieg ammetta li ta liċenzji tal-esportazzjoni lil Intellexa għall-bejgħ tas-software ta’ spjunaġġ Predator lil gvernijiet ripressivi, bħall-Madagascar u s-Sudan; billi l-gvern wieġeb għall-iskandlu b’emendi leġiżlattivi li jkomplu jnaqqsu d-drittijiet tal-persuni fil-mira biex ikunu infurmati wara li tkun saret is-sorveljanza u qiegħed ikompli jxekkel il-ħidma ta’ awtoritajiet indipendenti;

R. billi r-rivelazzjonijiet urew żewġ kategoriji ta’ miri ta’ software ta’ spjunaġġ fi Spanja; billi l-ewwel waħda tinkludi l-Prim Ministru u l-Ministru tad-Difiża, il-Ministru tal-Intern u uffiċjali għoljin oħrajn; billi t-tieni kategorija hija parti minn dik li tissejjaħ “Catalangate” mill-organizzazzjoni Citizen Lab. u tinkludi 65 persuna fil-mira, inkluż figuri politiċi mill-Gvern Reġjonali tal-Katalonja, Membri tal-moviment favur l-indipendenza pro-Katalan, MEPs, avukati, akkademiċi u atturi tas-soċjetà ċivili; billi l-awtoritajiet Spanjoli ammettew f’Mejju 2020 li 18-il persuna kienu fil-mira b’awtorizzazzjoni ġudizzjarja, għalkemm s’issa għadhom ma żvelawx il-mandati jew ebda informazzjoni oħra, billi invokaw is-sigurtà nazzjonali meta taw rendikont għall-użu ta’ software ta’ spjunaġġ għas-sorveljanza fi Spanja; billi 47 persuna oħra wkoll allegatament kienu fil-mira, iżda ma rċevew l-ebda informazzjoni oħra għajr dik mingħand Citizen Lab;

S. billi ebda allegazzjoni ta’ infezzjoni b’software ta’ spjunaġġ ma ġiet ikkonfermata f’Ċipru; billi Ċipru huwa ċentru Ewropew importanti għall-esportazzjoni għall-industrija tas-sorveljanza u post attraenti għall-kumpaniji li jbigħu t-teknoloġiji tas-sorveljanza;

T. billi hemm indikazzjonijiet qawwija fost l-oħrajn li l-gvernijiet tal-Marokk u tar-Rwanda, fost oħrajn, immiraw ċittadini tal-Unjoni ta’ profil għoli b’software ta’ spjunaġġ, inkluż il-President ta’ Franza, il-Prim Ministru, il-Ministru tad-Difiża u l-Ministru tal-Intern ta’ Spanja, il-Prim Ministru tal-Belġju, l-eks President tal-Kummissjoni u l-eks Prim Ministru tal-Italja, u Carine Kanimba, bint Paul Rusesabagina;

U. billi wieħed jista’ jassumi b’mod sikur li l-Istati Membri kollha xtraw jew użaw sistema waħda jew iktar ta’ software ta’ spjunaġġ; billi l-biċċa l-kbira tal-gvernijiet fl-Unjoni Ewropea se joqogħdu lura minn użu illeġittimu ta’ software ta’ spjunaġġ, iżda fin-nuqqas ta’ qafas legali solidu li jinkludi salvagwardji u sorveljanza, ir-riskju ta’ abbuż huwa plawżibbli ħafna; u fid-dawl tal-isfidi tekniċi għad-detezzjoni u t-traċċar ta’ infezzjonijiet;

V. billi l-maġġoranza tal-gvernijiet tal-Istati Membri u l-parlamenti tal-Istati Membri ma pprovdewx lill-Parlament Ewropew informazzjoni sinifikanti dwar l-oqfsa legali li jirregolaw l-użu ta’ software ta’ spjunaġġ lil hinn minn dak li diġà kien magħruf pubblikament, minkejja l-obbligu li dan isir skont l-Artikolu 3(4) tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Marzu 1995 dwar id-dispożizzjonijiet dettaljati li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta’ inkjesta tal-Parlament Ewropew; billi huwa diffiċli li jiġi vvalutat l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u s-salvagwardji, is-sorveljanza, u l-mezzi ta’ rimedju, li jipprevjeni l-protezzjoni adegwata tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini;

W. billi l-Artikolu 4(3) tat-TUE jgħid li “Skond il-prinċipju tal-koperazzjoni leali, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, f’rispett reċiproku sħiħ, jgħinu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li joħorġu mit-Trattati”;

X. billi diversi figuri ewlenin mill-industrija tas-software ta’ spjunaġġ kisbu ċ-ċittadinanza Maltija, li tiffaċilita l-operazzjonijiet tagħhom fl-Unjoni u minnha;

Y. billi ħafna żviluppaturi u bejjiegħa differenti tas-software ta’ spjunaġġ huma jew kienu rreġistrati fi Stat Membru wieħed jew iktar; billi l-eżempji jinkludu l-Grupp NSO bi preżenza korporattiva fil-Lussemburgu, f’Ċipru, fin-Netherlands u fil-Bulgarija, il-kumpanija omm ta’ Intellexa, Thalestris Limited, fl-Irlanda, fil-Greċja, fl-Iżvizzera u f’Ċipru, DSIRF fl-Awstrija, Amesys u Nexa Technologies fi Franza, Tykelab u RCS Lab fl-Italja, u FinFisher (issa mhux operattiva) fil-Ġermanja;

Z. billi l-Unjoni Ewropea ma tipparteċipax  fil-Ftehim ta’ Wassenaar dwar il-Kontrolli tal-Esportazzjoni għall-Armi Konvenzjonali u l-Prodotti u t-Teknoloġiji b’Użu Doppju; billi l-Istati Membri kollha minbarra Ċipru qed jipparteċipaw fil-Ftehim ta’ Wassenaar, għalkemm Ċipru ressaq talba biex jingħaqad mal-Ftehim ta’ Wassenaar żmien twil ilu; billi Ċipru huwa marbut bir-Regolament dwar l-Oġġetti b’Użu Doppju;

AA. billi r-reġim tal-esportazzjoni tal-Iżrael[20] japplika fil-prinċipju għaċ-ċittadini Iżraeljani kollha, anki meta joperaw mill-UE; billi l-Iżrael mhuwiex pajjiż parteċipant fil-Ftehim ta’ Wassenaar iżda jsostni li xorta waħda japplika l-istandards tiegħu;

AB. billi l-esportazzjoni ta’ software ta’ spjunaġġ mill-Unjoni lejn pajjiżi mhux tal-UE hija rregolata fir-Regolament dwar l-Oġġetti b’Użu Doppju, li ġie rivedut fl-2021; billi l-Kummissjoni ħarġet l-ewwel rapport ta’ implimentazzjoni f’Settembru 2022[21];

AC. billi xi produtturi ta’ software ta’ spjunaġġ li jesportaw lejn pajjiżi terzi jistabbilixxu lilhom infushom fi ħdan l-Unjoni biex jiksbu rispettabilità filwaqt li jinnegozjaw f’software ta’ spjunaġġ ma’ reġimi totalitarji; billi qed iseħħu esportazzjonijiet mill-Unjoni lejn reġimi totalitarji jew atturi mhux statali, bi ksur tar-regoli tal-esportazzjoni tal-UE;

AD. billi Amesys u Nexa Technologies bħalissa qed jiġu mħarrka fi Franza talli esportaw teknoloġija ta’ sorveljanza lejn il-Libja, l-Eġittu u l-Arabja Sawdija; billi l-kumpaniji ta’ Intellexa bbażati fil-Greċja allegatament esportaw il-prodotti tagħhom lejn il-Bangladesh, is-Sudan, il-Madagascar u mill-inqas pajjiż Għarbi wieħed; billi s-software ta’ FinFisher qed jintuża minn għexieren ta’ pajjiżi madwar id-dinja kollha, inkluż l-Angola, il-Bahrain, il-Bangladesh, l-Eġittu, l-Etjopja, il-Gabon, il-Ġordan, il-Każakstan, il-Myanmar, l-Oman, il-Qatar, l-Arabja Sawdija, it-Turkija u s-servizzi tal-intelliġenza tal-Marokk li ġew akkużati li użaw is-software ta’ spjunaġġ Pegasus kontra ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, is-soċjetà ċivili u politiċi minn Amnesty u Forbidden Stories; billi mhux magħruf jekk ingħatawx liċenzji tal-esportazzjoni għall-esportazzjoni ta’ software ta’ spjunaġġ lejn dawn il-pajjiżi kollha;

AE. billi n-numru ta’ dawk li attendew il-fieri tal-armi u ISSWorld li kienu qed jikkummerċjalzzaw il-kapaċitajiet ta’ software ta’ spjunaġġ juri l-prevalenza ta’ fornituri ta’ software ta’ spjunaġġ u prodotti u servizzi relatati minn pajjiżi terzi, li numru sinifikanti minnhom għandhom kwartieri ġenerali fl-Iżrael (pereżempju, NSO Group, Wintego, Quadream u Cellebrite), u jiżvela produtturi prominenti fl-Indja (ClearTrail), ir-Renju Unit (BAe Systems u Black Cube) u l-Emirati Għarab Magħquda (DarkMatter), filwaqt li l-Lista ta’ Entitajiet tal-Istati Uniti li tpoġġi fil-lista sewda il-produtturi ta’ software ta’ spjunaġġ li jinsabu fl-Iżrael (NSO Group u Candiru), ir-Russja (Positive Technologies) u Singapore (Computer Security Initiative Consultancy PTE LTD.) jenfasizza iktar id-diversità tal-oriġini fost il-produtturi tas-software ta’ spjunaġġ; billi għall-fiera tattendi wkoll firxa wiesgħa ta’ awtoritajiet pubbliċi Ewropej, inkluż forzi tal-pulizija lokali;

AF. billi l-Artikolu 4(2) tat-TUE jipprevedi li s-sigurtà nazzjonali tibqa’ r-responsabbiltà unika ta’ kull Stat Membru;

AG. billi, madankollu, il-QĠUE ddeċidiet (il-kawża C-623/17) li “minkejja li huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu l-interessi essenzjali tagħhom ta’ sigurtà u jadottaw il-miżuri xierqa sabiex jiżguraw is-sigurtà interna u esterna tagħhom, is-sempliċi fatt li miżura nazzjonali ttieħdet għall-finijiet tal‑protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali ma jistax jimplika l-inapplikabbiltà tad-dritt tal‑Unjoni u jeżenta lill-Istati Membri milli jirrispettaw dan id-dritt”;

AH. billi l-QĠUE ddeċidiet (il-kawża C‑203/15) li “L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Lulju 2002, dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11, kif ukoll tal-Artikolu 52(1), tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità, żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-data kollha dwar it-traffiku u tad-data kollha dwar il-lokalizzazzjoni tal-abbonati u tal-utenti rreġistrati kollha fir-rigward tal-mezzi kollha ta’ komunikazzjoni elettronika”;

AI. billi l-QĠUE ddeċidiet (il-kawża C-203/15) li “L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, kif emendata bid-Direttiva 2009/136, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11, kif ukoll tal-Artikolu 52(1), tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-protezzjoni u s-sigurtà tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni, b’mod partikolari l-aċċess mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għad-data miżmuma, mingħajr ma tillimita, fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-kriminalità, dan l-aċċess għall-finijiet biss tal-ġlieda kontra l-kriminalità gravi, mingħajr ma tissuġġetta l-imsemmi aċċess għal kontroll minn qabel minn qorti jew minn awtorità amministrattiva indipendenti, u mingħajr ma teżiġi li d-data inkwistjoni tinżamm fit-territorju tal-Unjoni”;

AJ. billi l-ġurisprudenza tal-QEDB tagħmilha ċara li kwalunkwe sorveljanza għandha ssir f’konformità mal-liġi, taqdi għan leġittimu u tkun meħtieġa u proporzjonata; billi, barra minn hekk, il-qafas legali għandu jipprevedi salvagwardji preċiżi, effettivi u komprensivi dwar il-miżuri ta’ ordnar, twettiq u opportunitajiet ta’ rimedju potenzjali kontra miżuri ta’ sorveljanza, li għandhom ikunu soġġetti għal rimedju ġudizzjarju xieraq u superviżjoni effettiva[22];

AK. billi l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tal-Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta’ Data Personali (Konvenzjoni 108), li ġiet modernizzata reċentement bħala Konvenzjoni 108+, tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali għal skopijiet ta’ sigurtà tal-Istat (nazzjonali), inkluż id-difiża u l-Istati Membri kollha huma partijiet ta’ din il-Konvenzjoni;

AL. billi aspetti importanti tal-użu ta’ software ta’ spjunaġġ ta’ sorveljanza għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, l-iskoperta jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra theddid għas-sigurtà pubblika u l-prevenzjoni tiegħu, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-UE;

AM. billi l-Karta tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għal-limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali, u li din trid tkun prevista mil-liġi, tirrispetta l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet ikkonċernati, tkun soġġetta għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, u tkun imposta biss jekk tkun meħtieġa u li ġenwinament taqdi għanijiet ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ oħrajn; billi fil-każ tal-użu ta’ software tal-ispjunaġġ il-livell ta’ interferenza mad-dritt għall-privatezza tant huwa sever li l-individwu fil-fatt huwa mċaħħad minnu u l-użu ma jistax jitqies dejjem bħala proporzjonat, irrispettivament minn jekk il-miżura tistax titqies neċessarja biex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi ta’ stat demokratiku;

AN. billi d-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika tipprovdi li l-Istati Membri jridu jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet; billi l-użu tal-għodod ta’ sorveljanza jikkostitwixxi restrizzjoni tad-dritt għall-protezzjoni tat-tagħmir terminali mogħti mid-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika; billi dan iqiegħed il-liġijiet nazzjonali dwar software ta’ spjunaġġ fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika b’mod simili għal-liġijiet nazzjonali dwar iż-żamma tad-data; billi l-użu regolari tat-teknoloġija intrużiva ta’ software ta’ spjunaġġ ma jkunx kompatibbli mal-ordni legali tal-Unjoni;

AO.  billi taħt il-liġi internazzjonali stat għandu biss id-dritt li jinvestiga reati potenzjali fi ħdan il-ġurisdizzjoni tiegħu u jrid jirrikorri għall-assistenza ta’ stati oħra fejn l-investigazzjoni trid issir fi stati oħra sakemm ma jkunx hemm bażi għat-twettiq ta’ investigazzjonijiet fil-ġurisdizzjoni l-oħra dovuta għal ftehim internazzjonali, jew fil-każ ta’ Stati Membri, fid-dritt tal-Unjoni;

AP. billi l-infezzjoni ta’ apparat b’software ta’ spjunaġġ u l-ġbir sussegwenti ta’ data jseħħu permezz tas-servers tal-fornitur tas-servizz mobbli, billi r-roaming mingħajr ħlas fl-Unjoni rriżulta f’persuni li kultant ikollhom kuntratti mobbli minn Stati Membri oħra minn dawk li jgħixu fihom, bħalissa ma hemmx bażi legali fid-dritt tal-Unjoni għall-ġbir tad-data fl-Istat Membru l-ieħor permezz tal-użu ta’ software ta’ spjunaġġ;

AQ. billi David Kaye, l-eks Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni[23] u Irene Khan, Rapporteur Speċjali tan-NU attwali dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni[24], sejħu għal moratorju immedjat fuq l-użu, it-trasferiment u l-bejgħ ta’ għodod ta’ sorveljanza sakemm jiddaħħlu fis-seħħ salvagwardji tad-drittijiet tal-bniedem rigorużi biex jirregolaw il-prattiki u jiggarantixxu li l-Gvernijiet u atturi mhux statali jużaw dawk l-għodod b’modi leġittimi;

AR. billi hemm każijiet fejn kumpaniji ta’ software ta’ spjunaġġ, b’mod partikolari Intellexa, mhux talli biegħu l-interċettazzjoni u l-estrazzjoni tat-teknoloġija nnifisha, iżda wkoll is-servizz sħiħ, li ssir referenza għalih bħala “hacking bħala servizz” jew “ċiberintelliġenza attiva”, u offriet il-pakkett ta’ metodi ta’ tekoloġija ta’ sorveljanza u interċettazzjoni, kif ukoll it-taħriġ għal persunal u appoġġ tekniku, operazzjonali u metodoloġiku; billi dan is-servizz jista’ jippermetti lill-kumpanija tkun fil-kontroll tal-operazzjoni ta’ sorveljanza sħiħa u taggrega d-data ta’ sorveljanza; billi din il-prattika hija kważi impossibbli li tiġi sorveljata u kkontrollata mill-awtoritajiet relevanti; billi dan jagħmilha diffiċli biex jiġu rispettati l-prinċipji ta’ proporzjonalità, neċessità, leġittimità, legalità u adegwatezza; billi dan is-servizz mhuwiex permess mill-aġenzija tal-esportazzjoni tad-difiża tal-Iżrael (DECA); billi Ċipru ntuża biex jinqabżu l-limitazzjonijiet skont il-liġi tal-Iżrael sabiex il-hacking jiġi pprovdut bħala servizz;

AS. billi l-Istati Membri jridu jikkonformaw mad-Direttiva 2014/24/UE u d-Direttiva 2009/81/KE dwar l-akkwist pubbliku u fil-qasam tad-difiża, rispettivament; billi jridu jiġġustifikaw b’mod adegwat id-derogi skont l-Artikolu 346(1)(b) tat-TFUE, peress li d-Direttiva 2009/81/KE espliċitament tqis il-karatteristiċi sensittivi tal-akkwist fil-qasam tad-difiża u tosserva l-Ftehim tad-WTO dwar l-Akkwist tal-Gvern, kif emendat fit-30 ta’ Marzu 2012[25] jekk ikunu parti minnu;

AT. billi l-EDPS enfasizza li l-Istati Membri jridu jirrispettaw il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-ġurisprudenza tal-QEDB, li tiffisa limiti għal attivitajiet ta’ sorveljanza għas-sigurtà nazzjonali; billi, barra minn hekk, meta tintuża għal skopijiet ta’ infurzar tal-liġi, is-sorveljanza trid tikkonforma mal-liġi tal-UE u b’mod partikolari mal-Karta u d-direttivi tal-UE bħad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika u d-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi;

AU. billi ġie rrappurtat li istituzzjonijiet finanzjarji kbar ippruvaw jinkoraġġixxu lill-produtturi tas-software ta’ spjunaġġ milli japplikaw standards xierqa tad-drittijiet tal-bniedem u d-diliġenza dovuta u jkomplu jbigħu software ta’ spjunaġġ lil reġimi ripressivi;

AV. billi fil-programm Orizzont 2020, l-Iżrael huwa kklassifikat it-tielet fost il-Pajjiżi Assoċjati għall-parteċipazzjoni ġenerali fil-programm; billi il-Ftehim taħt Orizzont Ewropa mal-Iżrael għandu baġit totali ta’ EUR 95.5 biljun għall-2021-2027[26]; billi xi fondi saru disponibbli għall-kumpaniji militari u tas-sigurtà Iżraeljani permezz ta’ dawn il-programmi Ewropej[27];

AW. billi l-istrument leġiżlattiv ewlieni fi ħdan il-politiki tal-iżvilupp tal-Unjoni huwa r-Regolament (UE) 2021/947[28] (ir-Regolament dwar l-Ewropa Globali) u l-finanzjament tal-Unjoni jista’ jiġi pprovdut permezz tat-tipi ta’ finanzjament previsti mir-Regolament Finanzjarju; billi l-għajnuna tista’ tiġi sospiża fil-każ ta’ degradazzjoni fid-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem jew l-istat tad-dritt f’pajjiżi terzi;

1. Jenfasizza l-importanza inkontestabbli tal-protezzjoni tal-privatezza, id-dritt għad-dinjità u l-ħajja privata u tal-familja, il-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni, il-libertà ta’ għaqda u ta’ assoċjazzjoni, u d-dritt ta’ proċess ġust, b’mod partikolari f’dinja dejjem iktar diġitali fejn iktar u iktar mill-attivitajiet tagħna jsiru online;

2. Jieħu l-pożizzjoni soda li l-ksur ta’ dawn id-drittijiet u libertajiet fundamentali huwa kruċjali f’termini tar-rispett għall-prinċipji legali komuni stipulati fit-Trattati u f’sorsi oħra, u jinnota li hija hemm fin-nofs id-demokrazija nnifisha, peress li l-użu ta’ software ta’ spjunaġġ fuq il-politiċi, is-soċjetà ċivili u l-ġurnalisti għandu effett dissważiv u jolqot b’mod gravi d-dritt għall-għaqda paċifika, il-libertà tal-espressjoni u għall-parteċipazzjoni pubblika;

3. Jikkundanna bil-qawwa l-użu ta’ software ta’ spjunaġġ mill-gvernijiet tal-Istati Membri u mill-membri tal-awtoritajiet tal-gvern jew tal-istituzzjonijiet tal-Istat għall-finijiet ta’ monitoraġġ, rikatt, intimidazzjoni, manipulazzjoni u skreditar  ta’ membri tal-oppożizzjoni, tal-kritiċi u tas-soċjetà ċivili, ta’ eliminazzjoni tal-iskrutinju demokratiku u tal-istampa libera, tal-manipulazzjoni tal-elezzjonijiet u tal-imminar tal-istat tad-dritt billi jiġu mmirati mħallfin, prosekuturi u avukati għal finijiet politiċi;

4. Jirrimarka li dan l-użu illeġittimu ta’ software ta’ spjunaġġ mill-gvernijiet nazzjonali u mhux tal-UE jaffettwa direttament u indirettament l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, u b’hekk idgħajjef l-integrità tad-demokrazija tal-Unjoni Ewropea;

5. Jinnota bi tħassib serju l-inadegwatezza fundamentali tal-istruttura attwali ta’ governanza tal-Unjoni biex tirrispondi għall-attakki fuq id-demokrazija, id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt minn ġewwa l-Unjoni, u n-nuqqas ta’ azzjoni meħuda minn ħafna Stati Membri, jinnota li meta jkunu mhedda fi Stat Membru wieħed, l-Unjoni kollha titpoġġa f’riskju;

6. Jisħaq li l-istandards diġitali li jirregolaw l-iżviluppi teknoloġiċi fl-Unjoni jridu jirrispettaw id-drittijiet fundamentali;

7. Jieħu l-pożizzjoni soda li l-esportazzjoni ta’ software ta’ spjunaġġ mill-Unjoni lejn dittatorjati u reġimi repressivi b’rekords ħżiena tad-drittijiet tal-bniedem, fejn dawn l-għodod jintużaw kontra l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti u l-kritiċi tal-gvern huwa ksur gravi tad-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta u ksur gravi tar-regoli tal-Unjoni dwar l-esportazzjoni;

8. Jesprimi wkoll it-tħassib tiegħu dwar l-użu illeġittimu ta’ software ta’ spjunaġġ u l-kummerċ illeċitu tiegħu minn Stati Membri, li kollettivament jittrasformaw l-Unjoni bħala destinazzjoni għall-industrija tas-software ta’ spjunaġġ;

9. Jesprimi tħassib dwar l-immirar ta’ personalitajiet ta’ profil għoli, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u ġurnalisti fl-Unjoni b’software ta’ spjunaġġ, minn pajjiżi mhux tal-UE;

10. Huwa mħasseb bl-istess mod dwar ir-retiċenza apparenti li jiġu investigati l-abbuż ta’ software ta’ spjunaġġ, kemm jekk is-suspettat ikun Stat Membru kif ukoll jekk ikun korp ta’ governanza ta’ pajjiż mhux tal-UE; jinnota l-progress bil-mod ħafna u n-nuqqas ta’ trasparenza fl-investigazzjonijiet ġudizzjarji dwar l-abbuż tas-software ta’ spjunaġġ kontra mexxejja tal-gvern u ministri tal-Istati Membri tal-UE u l-Kummissjoni, kif ukoll kontra membri tas-soċjetà ċivili, ġurnalisti jew opponenti politiċi;

11. Jinnota li l-qafas legali ta’ xi Stati Membri ma jipprevedix salvagwardji preċiżi, effettivi u komprensivi dwar l-ordnar u t-twettiq ta’ miżuri ta’ sorveljanza u mekkaniżmi ta’ rimedju potenzjali kontrihom; jinnota li tali miżuri jridu jaqdu għan leġittimu, u jkunu meħtieġa u proporzjonati;

12. Jiddispjaċih li l-gvernijiet tal-Istati Membri, il-Kunsill u l-Kummissjoni naqsu milli jikkooperaw bis-sħiħ mal-inkjesta u milli jaqsmu l-informazzjoni relevanti u sinifikanti kollha, sabiex jgħinu lill-kumitat ta’ inkjesta jissodisfa l-kompiti tiegħu, kif jiddikjara l-mandat tiegħu; jirrikonoxxi li parti minn din l-informazzjoni tista’ tkun soġġetta għal rekwiżiti legali stretti ta’ segretezza u kunfidenzjalità; iqis it-tweġiba kollettiva tal-Kunsill kompletament inadegwata u kuntrarja għall-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera kif imnaqqax fl-Artikolu 4(3) tat-TUE;

13. Jikkonkludi li la l-Istati Membri, la l-Kunsill u lanqas il-Kummissjoni ma dehru interessati xejn f’li jagħmlu l-aħjar sforz biex l-abbuż ta’ software ta’ spjunaġġ jiġi investigat bis-sħiħ, b’hekk ipproteġew gvernijiet tal-Unjoni li jiksru d-drittijiet tal-bniedem fi ħdan l-Unjoni Ewropea u lil hinn minnha;

14. Jikkonkludi li fil-Polonja seħħew kontravvenzjonijiet u amministrazzjoni ħażina ewlenin fl-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni;

15. Jistieden lill-Polonja biex:

(a) tħeġġeġ lill-Prosekutur Ġenerali Pubbliku biex iniedi inkjesti dwar l-abbuż ta’ software ta’ spjunaġġ;

(b) terġa’ tistabbilixxi b’mod urġenti salvagwardji istituzzjonali u legali suffiċjenti, inkluż skrutinju ex ante u ex post effettiv u vinkolanti kif ukoll mekkaniżmi ta’ sorveljanza indipendenti, inkluż reviżjoni ġudizzjarja tal-attivitajiet ta’ sorveljanza; jisħaq li fil-kuntest ta’ skrutinju ex ante effettiv, it-talba lill-qorti għal sorveljanza operattiva, kif ukoll l-ordni tal-qorti għal tali sorveljanza, għandu jkun fiha ġustifikazzjoni ċara u indikazzjoni tal-mezzi tekniċi li ser jintużaw għas-sorveljanza, u fil-kuntest ta’ skrutinju ex post effettiv, għandu jiġi stabbilit obbligu li l-persuna soġġetta għal sorveljanza tiġi infurmata bil-fatt, it-tul, l-ambitu u l-mod kif ser tiġi pproċessata d-data miksuba matul is-sorveljanza operattiva;

(c) tintroduċi leġiżlazzjoni konsistenti li tipproteġi liċ-ċittadini, lil hinn minn jekk is-sorveljanza operattiva titwettaqx mis-servizz ta’ prosekuzzjoni pubblika, is-servizzi sigrieti jew kwalunkwe entità statali oħra;

(d) tikkonforma mad-deċiżjoni tat-Tribunal Kostituzzjonali dwar l-Att tal-Pulizija tal-1990;

(e) tikkonforma mal-opinjoni tal-Kummissjoni ta’ Venezja dwar l-Att tal-Pulizija tal-2016;

(f) tikkonforma mad-diversi sentenzi tal-QEDB, bħas-sentenza tal-każ Roman Zakharov vs ir-Russja fl-2015 li jenfasizza l-ħtieġa għal kriterji ta’ sorveljanza stretti, awtorizzazzjoni u sorveljanza ġudizzjarja xierqa, il-qerda immedjata ta’ data irrilevanti, skrutinju ġudizzjarju fuq proċeduri ta’ urġenza u rekwiżit għan-notifika tal-persuni fil-mira, kif ukoll is-sentenza fil-każ Klass et oħrajn vs il-Ġermanja fl-1978 li jiddeskrivi li s-sorveljanza trid tkun ta’ importanza suffiċjenti biex tinħtieġ tali invażjoni tal-privatezza;

(g) tikkonforma mad-deċiżjonijiet kollha tal-QĠUE u tal-QEDB relatati mal-indipendenza tal-ġudikatura u l-preminenza tad-dritt tal-UE;

(h) tirtira l-Artikolu 168a tal-Att miktub mill-ġdid li Jemenda l-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali tal-2016;

(i) terġa’ tistabbilixxi l-indipendenza sħiħa tal-ġudikatura u tirrispetta s-setgħat statutorji tal-korpi ta’ sorveljanza rilevanti kollha, bħall-Ombudsman, il-President tal-Uffiċċju għall- Protezzjoni tad-Data Personali u l-Uffiċċju Suprem għall-Verifika, biex jiġi żgurat li l-korpi ta’ sorveljanza kollha jiksbu kooperazzjoni sħiħa u aċċess għall-informazzjoni u biex jipprovdu informazzjoni sħiħa lill-persuni fil-mira kollha;

(j) tistabbilixxi b’mod urġenti l-allokazzjoni każwali tal-każijiet lill-imħallfin tal-qrati għal kull applikazzjoni li tiġi sottomessa, anki fi tmiem il-ġimgħa u barra mill-ħinijiet normali tan-negozju, biex tiġi evitata l-għażla ta’ “imħallfin amikevoli” mis-servizzi sigrieti, u tiżgura t-trasparenza ta’ tali sistema billi, inter alia, tuża algoritmu li abbażi tiegħu jintgħażel imħallef li jiġi allokat b’mod aleatorju għal każ disponibbli pubblikament;

(k) terġa’ ddaħħal is-sistema tradizzjonali ta’ sorveljanza parlamentari fejn il-partit tal-oppożizzjoni jieħu l-Presidenza tal-Kumitat Parlamentari ta’ Superviżjoni għas-Servizzi Speċjali (KSS);

(l) tiċċara b’mod urġenti s-sitwazzjoni rigward l-użu ħażin ta’ software ta’ spjunaġġ fil-Polonja, sabiex ma tpoġġi ebda dubju fuq l-integrità tal-elezzjonijiet li ġejjin;

(m) timplimenta sewwa u tinforza d-Direttiva (UE) 2016/680 (id-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi), u tiżgura li l-awtorità tal-protezzjoni tad-data għandha s-setgħa ta’ superviżjoni fuq l-ipproċessar tad-data personali minn, inter alia, awtoritajiet bħall-Uffiċċju Ċentrali Kontra l-Korruzzjoni u l-Aġenzija Interna tas-Sigurtà;

(n) timplimenta d-Direttiva dwar il-Protezzjoni tal-Informaturi;

(o) toqgħod lura milli tadotta dispożizzjonijiet dwar il-komunikazzjoni elettronika f’liġijiet ġodda li jmorru kontra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB);

(p) tiżgura d-disponibbiltà ta’ rimedji legali effettivi għaċ-ċittadini tal-Polonja milquta mill-implimentazzjoni tal-liġijiet li jmorru kontra l-Kostituzzjoni tal-Polonja u l-KEDB;

(q) tistieden lill-Europol biex tinvestiga l-każijiet kollha ta’ allegat abbuż ta’ software ta’ spjunaġġ;

(r) tiggarantixxi r-reviżjoni kostituzzjonali indipendenti tal-liġijiet fil-Polonja;

(s) terġa’ tistabbilixxi l-indipendenza tar-rwol tal-Prosekutur-Ġenerali Pubbliku mill-Ministeru tal-Ġustizzja sabiex tiżgura li l-investigazzjonijiet tal-allegat ksur tad-drittijiet fundamentali jkunu ħielsa minn kunsiderazzjonijiet politiċi;

16. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tivvaluta l-kompatibbiltà tal-Att tal-2018 tal-Polonja dwar il-protezzjoni tad-data personali pproċessata b’rabta mal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità mad-Direttiva tal-UE dwar l-Infurzar tal-Liġi u, jekk meħtieġ, biex tniedi proċedura ta’ ksur;

17. Jikkonkludi li fl-Ungerija seħħew kontravvenzjonijiet u amministrazzjoni ħażina kbarfl-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni;

18. Jistieden lill-Ungerija biex:

(a) terġa’ tistabbilixxi b’mod urġenti salvagwardji istituzzjonali u legali suffiċjenti, inkluż skrutinju ex ante u ex post effettiv u vinkolanti kif ukoll mekkaniżmi ta’ sorveljanza indipendenti, inkluż reviżjoni ġudizzjarja tal-attivitajiet ta’ sorveljanza; jisħaq li fil-kuntest ta’ skrutinju ex ante effettiv, it-talba lill-qorti għal sorveljanza operattiva, kif ukoll l-ordni tal-qorti għal tali sorveljanza, għandu jkun fiha ġustifikazzjoni ċara u indikazzjoni tal-mezzi tekniċi li ser jintużaw għas-sorveljanza, u fil-kuntest ta’ skrutinju ex post effettiv, għandu jiġi stabbilit obbligu li l-persuna soġġetta għal sorveljanza tiġi infurmata bil-fatt, it-tul, l-ambitu u l-mod kif ser tiġi pproċessata d-data miksuba matul is-sorveljanza operattiva;

(b) tikkonforma mad-diversi sentenzi tal-QEDB, bħas-sentenza tal-kawża Roman Zakharov vs ir-Russja fl-2015 li tenfasizza l-ħtieġa għal kriterji ta’ sorveljanza stretti, awtorizzazzjoni u sorveljanza ġudizzjarji xierqa, il-qerda immedjata ta’ data irrilevanti, skrutinju ġudizzjarju fuq proċeduri ta’ urġenza u rekwiżit għan-notifika tal-persuni fil-mira, kif ukoll is-sentenza fil-kawża Klass et oħrajn vs Il-Ġermanja fl-1978 li tenfasizza li s-sorveljanza trid tkun ta’ importanza suffiċjenti biex tagħmel neċessarja tali invażjoni tal-privatezza, kif ukoll ir-rekwiżit għal notifika tas-suġġetti taħt sorveljanza;

(c) tikkonforma mad-deċiżjonijiet kollha tal-QĠUE u tal-QEDB relatati mal-indipendenza tal-ġudikatura u l-preminenza tad-dritt tal-UE;

(d) terġa’ tistabbilixxi korpi indipendenti ta’ sorveljanza f’konformità mas-sentenza tal-QEDB fil-kawża Hüttl vs L-Ungerija fejn il-qorti tiddikjara li l-Awtorità Nazzjonali għall-Protezzjoni tad-Data u l-Libertà tal-Informazzjoni (NAIH) mhumiex kapaċi jwettqu sorveljanza indipendenti tal-użu ta’ software ta’ spjunaġġ peress li s-servizzi sigrieti huma intitolati li jiċħdu aċċess għal ċerti dokumenti fuq il-bażi ta’ segretezza;

(e) terġa’ tistabbilixxi l-indipendenza sħiħa tal-ġudikatura u tal-korpi ta’ sorveljanza rilevanti kollha, bħall-Ombudsman u l-Awtoritajiet tal-Protezzjoni tad-Data, biex jiġi żgurat li l-korpi ta’ sorveljanza kollha jiksbu kooperazzjoni sħiħa u aċċess għall-informazzjoni u biex jipprovdu informazzjoni sħiħa lill-persuni fil-mira kollha;

(f) terġa’ ddaħħal impjegati indipendenti fi rwoli ewlenin f’korpi ta’ sorveljanza bħall-Qorti Kostituzzjonali, il-Qorti Suprema, il-Qorti tal-Awdituri, is-servizz tal-prosekuzzjoni, il-Bank Nazzjonali tal-Ungerija u l-Kumitat Nazzjonali tal-Elezzjoni;

(g) timplimenta d-Direttiva dwar il-Protezzjoni tal-Informaturi;

(h) tistieden lill-Europol biex tinvestiga l-każijiet kollha ta’ allegat abbuż ta’ software ta’ spjunaġġ;

(i) toqgħod lura milli tadotta dispożizzjonijiet dwar il-komunikazzjoni elettronika f’liġijiet ġodda li jmorru kontra l-KEDB;

(j) tiżgura d-disponibbiltà ta’ rimedji legali effettivi għaċ-ċittadini tal-Ungerija milquta mill-implimentazzjoni tal-liġijiet li jmorru kontra l-Kostituzzjoni tal-Ungerija u l-KEDB;

19. Jikkonkludi li fil-Greċja seħħew kontravvenzjonijiet u amministrazzjoni ħażina fl-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni;

20. Jistieden lill-Greċja biex:

(a) terġa’ tistabbilixxi u ssaħħaħ b’mod urġenti salvagwardji istituzzjonali u legali suffiċjenti, inkluż skrutinju ex ante u ex post effettiv kif ukoll mekkaniżmi ta’ sorveljanza indipendenti;

(b) tirrevoka b’urġenza l-liċenzji tal-esportazzjoni kollha li mhumiex kompletament konformi mar-Regolament dwar l-Oġġetti b’Użu Doppju u tinvestiga l-allegazzjonijiet ta’ esportazzjonijiet illegali, fost oħrajn lejn is-Sudan;

(c) tiżgura li l-awtoritajiet jistgħu jinvestigaw b’mod ħieles u mingħajr xkiel l-allegazzjonijiet kollha dwar l-użu ta’ software ta’ spjunaġġ;

(d) tirtira b’mod urġenti l-Emenda 826/145 tal-Liġi 2472/1997, li aboliet il-kapaċità tal-Awtorità Ellenika għas-Sigurtà tal-Komunikazzjoni u l-Privatezza (ADAE) li tinnotifika liċ-ċittadini bit-tneħħija tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet; temeda l-Liġi 5002/2022 bil-għan li terġa’ tistabbilixxi d-dritt tal-persuni fil-mira għal informazzjoni immedjata, fuq talba, hekk kif is-sorveljanza tkun tlestiet, u tikkoreġi dispożizzjonijiet oħrajn li jdgħajfu s-salvagwardji, l-iskrutinju u l-kontabbiltà;

(e) terġa’ tistabbilixxi l-indipendenza sħiħa tal-ġudikatura u tal-korpi ta’ sorveljanza rilevanti kollha, bħall-Ombudsman u l-Awtoritajiet tal-Protezzjoni tad-Data, u tirrispetta bis-sħiħ l-indipendenza tal-ADAE, biex jiġi żgurat li l-korpi ta’ sorveljanza u superviżjoni kollha jiksbu kooperazzjoni sħiħa u aċċess għall-informazzjoni u biex jipprovdu informazzjoni sħiħa lill-persuni fil-mirakollha;

(f) tiżgura l-ADAE tista’ tistabbilixxi arkivju elettroniku biex tkun tista’ twettaq il-kompitu tagħha;

(g) tiċċara b’mod urġenti s-sitwazzjoni rigward l-użu ħażin ta’ software ta’ spjunaġġ fil-Greċja, sabiex ma tpoġġi ebda dubju fuq l-integrità tal-elezzjonijiet li ġejjin;

(h) treġġa’ lura l-emenda leġiżlattiva tal-2019 li poġġiet lis-Servizz ta’ Intelligence Nazzjonali (EYP) taħt il-kontroll dirett tal-Prim Ministru;timplimenta garanziji kostituzzjonali u tippermetti l-iskrutinju parlamentari tal-operazzjonijiet tiegħu, mingħajr l-iskuża tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni;

(i) tiżgura l-indipendenza tat-tmexxija tal-Awtorità Nazzjonali għat-Trasparenza (EAD);

(j) tiżgura li l-ġudikatura jkollha l-mezzi u l-appoġġ kollha meħtieġa għall-investigazzjoni wara l-allegat abbuż ta’ software ta’ spjunaġġ u taqbad evidenza fiżika ta’ prokuri, kumpaniji sensara u bejjiegħa ta’ software ta’ spjunaġġ li huma marbuta mal-infezzjonijiet ta’ software ta’ spjunaġġ;

(k) tistieden lill-Europol biex jingħaqad immedjatament mal-investigazzjonijiet;

(l) toqgħod lura mill-indħil politiku fil-ħidma tal-Kap Prosekutur;

21. Jikkonkludi li inġenerali, il-qafas regolatorju fi Spanja jidher li huwa konformi mar-rekwiżiti stabbiliti mit-Trattati; jindika, madankollu, li huma meħtieġa xi riformi, u l-implimentazzjoni fil-prattika għandha tkun kompletament konformi mad-drittijiet fundamentali u tiżgura l-protezzjoni tal-parteċipazzjoni pubblika;

22. Jistieden, għalhekk, lil Spanja biex:

(a) twettaq investigazzjoni sħiħa, ġusta u effettiva, li fiha tiġi pprovduta ċarezza sħiħa dwar il-każijiet kollha allegati ta’ użu ta’ software ta’ spjunaġġ, inkluż is-47 każ li dwarhom għadu mhux ċar jekk l-individwi kkonċernati sfawx fil-mira tal-Aġenzija Nazzjonali Spanjola tal-Intelligence (CNI) b’ordni tal-qorti jew le, jew jekk xi awtorità oħra kinitx irċeviet ordnijiet mill-qorti biex twettaq sorveljanza fuqhom legalment, kif ukoll dwar l-użu ta’ software ta’ spjunaġġ kontra l-Prim Ministru u membri tal-gvern, u tippreżenta s-sejbiet b’mod kemm jista’ jkun wiesa’, f’konformità mal-liġijiet applikabbli;

(b) tipprovdi aċċess xieraq lill-persuni mmirati għall-awtorizzazzjoni ġudizzjarja maħruġa mill-Qorti Suprema lis-CNI biex tagħmel sorveljanza ta’ 18-il persuna;

(c) tikkoopera mal-qrati biex tiżgura li l-individwi mmirati b’software ta’ spjunaġġ ikollhom aċċess għal rimedju legali reali u sinifkanti, u li l-inkjesti ġudizzjarji jiġu konklużi mingħajr dewmien b’mod imparzjali u bir-reqqa, li għalihom għandhom jiġu allokati biżżejjed riżorsi;

(d) tibda r-riforma tal-qafas legali tas-CNI, kif imħabbar f’Mejju 2022;

(e) tistieden lill-Europol, li tista’ tikkontribwixxi b’kompetenza tekniku, biex tissieħeb fl-investigazzjonijiet;

23. Jikkonkludi li hemm evidenza ta’ amministrazzjoni ħażina fl-implimentazzjoni tal-Regolament dwar l-Oġġetti b’Użu Doppju tal-UE f’Ċipru li tirrikjedi skrutinju mill-qrib;

24. Jistieden lil Ċipru biex:

(a) jivvaluta bir-reqqa l-liċenzji tal-esportazzjoni kollha maħruġa għal software ta’ spjunaġġ u jirrevokawhom fejn xieraq;

(b) jivvaluta fid-dettall il-konsenja ta’ materjal ta’ software ta’ spjunaġġ fi ħdan is-suq intern tal-UE bejn Stati Membri u jimmappja l-kumpaniji Iżraeljani jew kumpaniji li huma proprjetà ta’ ċittadini Iżraeljani jew immexxija minnhom li huma rreġistrati f’Ċipru u li huma involuti f’tali attivitajiet;

(c) joħroġ ir-rapport tal-investigatur speċjali dwar il-każ “Spyware Van”, kif mitlub mill-kumitat waqt il-missjoni uffiċjali tiegħu f’Ċipru;

(d) jinvestiga bis-sħiħ, bl-għajnuna tal-Europol, l-allegazzjonijiet kollha ta’ użu illeġittimu u ta’ esportazzjonijiet ta’ software ta’ spjunaġġ, l-iktar fuq il-ġurnalisti, l-avukati , l-atturi tas-soċjetà ċivili u ċ-ċittadini Ċiprijotti;

25. Huwa tal-fehma li s-sitwazzjoni f’xi  Stati Membri oħra hija wkoll raġuni ta’ tħassib, b’mod partikolari minħabba l-preżenza ta’ industrija ta’ software ta’ spjunaġġ profittabbli u li qed tespandi u li tibbenefika mir-reputazzjoni tajba, is-suq uniku u l-moviment ħieles tal-Unjoni, li tippermetti lil xi Stati Membri bħal Ċipru u l-Bulgarija jsiru ċentru ta’ esportazzjoni għal software ta’ spjunaġġ għal reġimi repressivi madwar id-dinja;

26. Huwa tal-opinjoni li n-nuqqas jew ir-rifjut tal-awtoritajiet nazzjonali li jiżguraw il-protezzjoni xierqa għaċ-ċittadini tal-Unjoni, inkluż lakuni regolatorji u strumenti legali xierqa, juru biċ-ċarezza kollha meħtieġa li l-azzjoni fil-livell tal-Unjoni hija indispensabbli biex jiġi żgurat li jinżamm l-ispirtu tat-Trattati u li tiġi rispettata l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, sabiex id-drittijiet taċ-ċittadini li jgħixu f’ambjent sigur fejn  id-dinjità tal-bniedem, il-ħajja privata, id-data personali u l-proprjetà jiġu rispettati, kif meħtieġ skont id-Direttiva 2012/29/UE, li tgħid li kull vittma ta’ reat għandha d-dritt li tirċievi appoġġ u protezzjoni skont il-ħtiġijiet indiviwali tagħha;

27. Jikkonkludi li  twettqu nuqqasijiet serji fl-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mill-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) meta pprovdew appoġġ lil pajjiżi mhux tal-UE, inkluż iżda mhux limitat għal 10 tali pajjiżi fis-Saħel, biex ikunu jistgħu jiżviluppaw kapaċitajiet ta’ sorveljanza[29];

28. Jieħdu l-pożizzjoni li l-kummerċ fis-software ta’ spjunaġġ u l-użu tiegħu jeħtieġ li jiġu rregolati b’mod strett; madankollu, filwaqt li jirrikonoxxi li l-proċess leġiżlattiv jista’ jieħu ż-żmien, filwaqt li l-abbuż irid jitwaqqaf immedjatament; jitlob li jiġu adottati immedjatament kundizzjonijiet għall-użu legali,  il-bejgħ, l-akkwist, it-trasferiment ta’ software ta’ spjunaġġ; jinsisti li, għall-użu kontinwu ta’ software ta’ spjunaġġ, l-Istati Membri għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin sal-31 ta’ Diċembru 2023:

(a) il-każijiet kollha ta’ allegat abbuż ta’ software ta’ spjunaġġ jiġu investigati u riżolti bis-sħiħ mingħajr dewmien mill-awtoritajiet xierqa tal-infurzar tal-liġi, tal-prosekuzzjoni u ġudizzjarji; 

(b) jippruvaw li l-qafas li jirregola l-użu ta’ software ta’ spjunaġġ huwa konformi mal-istandards stabbiliti mill-Kummissjoni ta’ Venezja u mal-ġurisprudenza rilevanti mill-QĠUE u l-QEDB;

(c) jieħdu impenn espliċitu li jinvolvu lill-Europol skont l-Artikoli 4, 5 u 6 tar-Regolament tal-Europol relatat ma’ investigazzjonijiet dwar allegazzjonijiet ta’ użu illeġittimu ta’ software ta’ spjunaġġ; u li

(d) il-liċenzji kollha tal-esportazzjoni li mhumiex kompletament konformi mar-Regolament dwar l-Oġġetti b’Użu Doppju jiġu revokati;

29. Iqis li t-twettiq tal-kundizzjonijiet irid jiġi vvalutat mill-Kummissjoni sat-30 ta’ Novembru 2023; iqis ukoll, li s-sejbiet tal-valutazzjoni għandhom jiġu ppubblikati f’rapport pubbliku;

30. Jisħaq li filwaqt li jiġu miġġielda l-kriminalità serja u t-terroriżmu, u filwaqt li jirrikonoxxi li l-kapaċità li dan isir hija ta’ importanza kritika għall-Istati Membri, il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u tad-demokrazija hija essenzjali; jisħaq ukoll, li l-użu ta’ software ta’ spjunaġġ minn Stati Membri għandu jkun proporzjonali, m’għandux ikun arbitrarju, u s-sorveljanza għandha tkun awtorizzata biss f’ċirkostanzi determinati minn qabel u b’mod strett; iqis li mekkaniżmi ex ante effettivi biex tiġi żgurata s-sorveljanza ġudizzjarja huma kritiċi għall-protezzjoni tad-drittijiet individwali; jerġa’ jafferma li d-drittijiet individwali ma jistgħux jitpoġġew f’riskju billi jiġi permess aċċess bla xkiel għas-sorveljanza; jenfasizza li l-kapaċità tal-ġudikatura li twettaq sorveljanza ex post sinifikanti u effettiva fil-qasam ta’ talbiet għal sorveljanza għas-sigurtà nazzjonali hija importanti wkoll, biex jiġi żgurat li l-użu sproporzjonat ta’ software ta’ spjunaġġ minn gvernijiet ikun jista’ jiġi kkontestat;

31. Jenfasizza li l-użu ta’ software ta’ spjunaġġ għall-infurzar tal-liġi għandu jkun regolat b’mod dirett permezz ta’ miżuri bbażati fuq il-Kapitolu 4 tat-Titolu 5 tat-TFUE dwar il-Kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali; jenfasizza li l-konfigurazzjoni ta’ software ta’ spjunaġġ li huwa importat fl-UE jew inkella li jitqiegħed fis-suq għandu jkun regolat permezz ta’ miżura bbażata fuq l-Artikolu 114 tat-TFUE; jinnota li l-użu ta’ software ta’ spjunaġġ għal skopijiet ta’ sigurtà nazzjonali jista’ jiġi rregolat biss b’mod inidirett permezz ta’, pereżempju, drittijiet fundamentali u regoli relatati mal-protezzjoni tad-data;

32. Iqis li  minħabba d-dimensjoni transnazzjonali u tal-UE tal-użu tas-software ta’ spjunaġġ, huwa meħtieġ skrutinju koordinat u trasparenti fil-livell tal-UE biex tiġi żgurata mhux biss il-protezzjoni taċ-ċittadini tal-UE iżda anke l-validità tal-evidenza miġbura permezz ta’ software ta’ spjunaġġ f’każijiet transfruntiera, u li hemm ħtieġa ċara għal standards komuni tal-UE abbażi tal-Kapitolu 4 tat-Titolu 5 tat-TFUE li jirregolaw l-użu ta’ software ta’ spjunaġġ mill-korpi tal-Istati Membri, li jużaw l-istandards stabbiliti mill-QĠUE, il-QEDB u l-Kummissjoni ta’ Venezja u l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali[30]; iqis li standards tal-UE bħal dawn għandhom ikopru tal-anqas l-elementi li ġejjin:

(a) l-użu previst ta’ software ta’ spjunaġġ għandu jkun awtorizzat biss f’każijiet eċċezzjonali u speċifiċi bil-għan li tiġi protetta s-sigurtà nazzjonali u irid ikun soġġett għal awtorizzazzjoni ġudizzjarja ex ante effettiva , vinkolantiu sinifikanti minn awtorità ġudizzjarja imparzjali u indipendenti jew korp ta’ sorveljanza demokratiku indipendenti ieħor, li jkollhom aċċess għall-informazzjoni rilevanti kollha, li turi l-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-miżura prevista;

(b) l-immirar b’software ta’ spjunaġġ għandu jdum biss sakemm ikun strettament meħtieġ, l-awtorizzazzjoni ġudizzjarja għandha tiddefinixxi minn qabel l-ambitu u t-tul preċiżi għal kull apparat aċċessat u l-hacking jista’ jiġi estiż biss meta tingħata awtorizzazzjoni ġudizzjarja ulterjuri għal tul ta’ żmien speċifikat ieħor, minħabba n-natura tas-software ta’ spjunaġġ u l-possibbiltà ta’ sorveljanza retroattiva; l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom ukoll jimmiraw biss apparati jew kontijiet ta’ utenti finali individwali u joqogħdu lura minn hacking ta’ fornituri ta’ servizzi tal-internet u teknoloġiċi, bil-għan li jevitaw li jiġu affetwati utenti mhux fil-mira;

(c) l-awtorizzazzjoni għall-użu ta’ software ta’ spjunaġġ tista’ tingħata biss f’każijiet eċċezzjonali fir-rigward ta’ investigazzjonijiet f’lista limitata u magħluqa ta’ reati  definiti b’mod ċar u preċiż li jirrappreżentaw theddida ġenwina għas-sigurtà nazzjonali, u software ta’ spjunaġġ jista’ jintuża biss għal persuni li fir-rigward tagħhom hemm biżżejjed indikazzjonijiet li wettqu jew qed jippjanaw li jwettqu tali reati kriminali serji;

(d) data li hija protetta bi privileġġi jew immunitajiet li jirreferu għal kategoriji ta’ persuni (bħal politiċi, tobba, eċċ.) jew relazzjonijiet protetti b’mod speċifiku (bħall-privilegg bejn l-avukat u l-klijent) jew regoli dwar id-determinazzjoni u l-limitazzjoni tar-responsabbiltà kriminali relatata mal-libertà tal-istampa u l-libertà tal-espressjoni f’media oħra, m’għandhiex tipprova tinkiseb permezz ta’ software ta’ spjunaġġ sakemm ma jkunx hemm biżżejjed raġunijiet, stabbiliti taħt is-sorveljanza ġudizzjarja, li jikkonfermaw l-involviment ta’ attivitajiet kriminali jew kwistjonijiet ta’ sigurtà nazzjonali, li għandhom ikunu soġġetti għal qafas komuni;

(e) iridu jitfasslu regoli speċifiċi għas-sorveljanza bit-teknoloġija tas-software ta’ spjunaġġ peress li dan jippermetti aċċess retroattiv mingħajr limitu għall-messaġġi, il-fajls u l-metadata;

(f) l-Istati Membri għandhom jippubblikaw, bħala minimu, in-numru ta’ talbiet għas-sorveljanza approvati u miċħuda, u t-tip u l-għan tal-investigazzjoni u jirreġistraw b’mod anonimu kull investigazzjoni f’reġistru nazzjonali b’identifikatur uniku sabiex ikun jista’ jiġi investigat f’każ ta’ suspetti ta’ abbuż;

(g) il-korpi ta’ skruntinju nazzjonali għandhom jirrapportaw lill-Istati Membri, u wara l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw din l-informazzjoni lill-Kummissjoni fuq bażi regolari; il-Kummissjoni għandha tuża din l-informazzjoni fir-rapport dwar l-istat tad-dritt annwali tagħha biex tippermetti paragun bejn l-użu ta’ software ta’ spjunaġġ fl-Istati Membri;

(h) id-dritt ta’ notifika għall-persuna: fil-mira: wara li tkun intemmet is-sorveljanza, l-awtoritajiet jenħtieġ li jinnotifikaw lill-persuna bil-fatt li kienet soġġetta għall-użu ta’ software ta’ spjunaġġ mill-awtoritajiet, inkluż informazzjoni dwar id-data u t-tul tas-sorveljanza, il-mandat maħruġ għall-operazzjoni ta’ sorveljanza, id-data miksuba, l-informazzjoni dwar kif dik id-data ntużat u minn liema atturi, id-data tat-tħassir tad-data u d-dritt u l-arranġamenti prattiċi għat-tfittxija ta’ rimedji amministrattivi u ġudizzjarji quddiem l-awtoritajiet kompetenti; jinnota li tali notifika għandha ssir mingħajr dewmien żejjed, sakemm awtorità ġudizzjarja indipendenti ma tagħtihomx dewmien għan-notifika, f’liema każ in-notifika immedjata tipperikola serjament l-iskop tas-sorveljanza;

(i) id-dritt ta’ notifika għal persuni mhux fil-mira li d-data tagħhom tkun ġiet aċċessata; wara l-perjodu li għalih tkun ġiet awtorizzata s-sorveljanza jkun intemm, l-awtoritajiet għandhom jinnotifikaw lill-persuni li d-dritt għall-privatezza tagħhom ikun ġie interferit b’mod gravi permezz tal-użu ta’ software ta’ spjunaġġ iżda li ma kinux il-mira tal-operazzjoni; l-awtoritajiet għandhom jinnotifikaw lil din il-persuna bil-fatt li d-data tagħhom ġiet aċċessata mill-awtoritajiet, jipprovdu informazzjoni dwar id-data u t-tul tas-sorveljanza, il-mandat maħruġ għall-operazzjoni ta’ sorveljanza, id-data miksuba, l-informazzjoni dwar kif dik id-data ntużat u minn liema atturi, u d-data tat-tħassir tad-data; jinnota li din in-notifika għandha tintbagħat mingħajr dewmien żejjed, sakemm awtorità ġudizzjarja indipendenti ma tagħtihomx dewmien għan-notifika, f’liema każ in-notifika immedjata tipperikola serjament l-iskop tas-sorveljanza;

(j) sorveljanza ex post effettiva, vinkolanti u indipendenti fuq l-użu ta’ software ta’ spjunaġġ li l-korpi responsabbli għalih rid ikollhom il-mezzi u s-setgħat kollha meħtieġa biex jeżerċitaw sorveljanza sinifikanti u jkun akkumpanjat minn sorveljanza parlamentari bbażata fuq sħubija bejn il-partiti b’awtorizzazzjoni xierqa u b’aċċess sħiħ għal biżżejjed informazzjoni biex jiġi aċċertat li s-sorveljanza twettqet legalment u b’mod proporzjonali, u s-sorveljanza parlamentari ta’ informazzjoni kunfidenzjali sensittiva għandha tiġi ffaċilitata permezz tal-infrastruttura, il-proċessi u l-awtorizzazzjonijiet tas-sigurtà meħtieġa; lil hinn mid-defininzzjoni jew id-demarkazzjoni tal-kunċett ta’ sigurtà nazzjonali, il-korpi ta’ sorveljanza nazzjonali għandhom ikunu kompetenti għall-ambitu sħiħ tas-sigurtà nazzjonali;

(k) il-prinċipji fundamentali tal-proċessi dovuti u tas-sorveljanza ġudizzjarja jridu jkunu ċentrali għar-reġim li jirrigwarda s-software ta’ spjunaġġ għas-sorveljanza;

(l) rimedju legali sinifikanti għal miri diretti u indiretti u li individwi li jallegaw li huma affettwati ħażin mis-sorveljanza jrid ikollhom aċċess għal rimedju permezz ta’ korp indipendenti; għalhekk, jitlob l-introduzzjoni ta’ obbligu ta’ notifika għall-awtoritajiet tal-istat, inkluż skadenzi xierqa għan-notifika, fejn it-trażmissjoni sseħħ ladarba t-theddida għas-sigurtà tkun għaddiet;

(m) ir-rimedji legali jridu jkunu effettivi kemm fil-liġi kif ukoll fil-fatt u jridu jkunu magħrufa u aċċessibbli; jisħaq li tali rimedji jeħtieġu investigazzjoni rapida, bir-reqqa u imparzjali minn korp indipendenti ta’ sorveljanza u li dan il-korp għandu jkollu aċċess, kompetenza u kapaċitajiet tekniċi biex jittratta d-data rilevanti kollha biex ikun jista’ jiddetermina jekk il-valutazzjoni tas-sigurtà magħmula mill-awtoritajiet ta’ individwu hijiex affidabbli u proporzjonata; f’każijiet fejn ikunu ġew ivverfikati abbużi, għandhom japplikaw sanzjonijiet adegwati jew ta’ natura kriminali jew amministrattiva, skont il-liġi nazzjonali relevanti fl-Istati Membri;

(n) it-titjib ta’  aċċess bla ħlas tal-persuni fil-mira għall-kompetenza teknoloġika f’dan l-istadju, peress li d-disponibbiltà u l-affordabbiltà miżjuda tal-proċessi teknoloġiċi, bħall-analiżi forensika, ikunu jippermettu lill-persuni fil-mira jippreżentaw każijiet iktar b’saħħithom fil-qorti; u jtejjeb ir-rappreżentazzjoni ta’ persuni fil-mira fil-qorti permezz ta’ tisħiħ tal-kapaċitajiet tekonoloġiċi tar-rappreżentazzjoni legali u tal-ġudikatura biex il-persuni fil-mira jingħataw pariri aħjar, jiġi indentifikat ksur, u tittejjeb is-sorveljanza u l-kontabbiltà għal abbuż ta’ software ta’ sorveljanza;

(o) it-tisħiħ tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal proċess ġust billi jiġi żgurat li dawk akkużati b’reati jitħallew u jkunu jistgħu jivverifikaw l-akkuratezza, l-awtentiċità, l-affidabbiltà u anke l-legalità tal-evidenza li tintuża kontrihom u b’hekk tiġi miċħuda kwalunkwe applikazzjoni ġeneralizzata tar-regoli nazzjonali dwar is-segretezza tad-difiża;

(p) matul is-sorveljanza, l-awtoritajiet għandhom iħassru d-data kollha irrilevanti għall-invesitgazzjoni awtorizzata u wara li tintemm is-sorveljanza u l-investigazzjoni li għalihom tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni, l-awtoritajiet għandhom iassru d-data kif ukoll kwalunkwe dokument relatat, bħal noti li ttieħdu matul dak il-perjodu, dan it-tħassir irid jiġi rreġistrat, u jkun verifikabbli;

(q) informazzjoni rilevanti li tkun inkisbet permezz ta’ software ta’ spjunaġġ għandha tkun aċċessibbli biss għall-awtoritajiet awtorizzati għall-iskop tal-operazzjoni biss; dan l-aċċess għandu jkun limitat għal perjodu ta’ żmien partikolari, kif speċifikat fil-proċess ġudizzjarju;

(r) jeħtieġ li jiġu stabbiliti standards minimi għad-drittijiet tal-individwi fi proċedimenti kriminali dwar l-ammissibbiltà ta’ evidenza miġbura bl-għajnuna ta’ software ta’ spjunaġġ; il-possibbiltà ta’ informazzjoni falza jew manipulata prodotta b’riżultat tal-użu ta’ software ta’ spjunaġġ (personifikazzjoni) jeħtieġ li tiġi inkluża fil-proċedura kriminali;

(s) l-Istati Membri jridu jinnotifikaw lil xulxin f’każ ta’ sorveljanza ta’ ċittadini jew residenti ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ numru ta’ mobile ta’ trasportatur fi Stat Membru ieħor;

(t) fis-software ta’ sorveljanza jeħtieġ li jiġi inkluż indikatur sabiex il-korpi ta’ sorveljanza jkunu jistgħu jidentifikaw mingħajr ebda ambigwità min ikun uża s-software f’każ ta’ suspett ta’ abbuż; il-firma obbligatorja għal kull użu ta’ software ta’ spjunaġġ għandha tikkonsisti f’tikketta individwali għall-awtorità responsabbli, it-tip ta’ software ta’ spjunaġġ użat u numru tal-każ anonimizzat;

33. Jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu konsultazzjonijiet pubbliċi mal-partijiet ikkonċernati, jiżguraw it-trasparenza tal-proċessi leġiżlattivi u jinkludu standards u salvagwardji tal-UE meta jabbozzaw leġiżlazzjoni ġdida dwar l-użu u l-bejgħ ta’ software ta’ spjunaġġ;

34. Jenfasizza li software ta’ spjunaġġ biss li huwa ddisinjat  sabiex jippermetti u jiffaċilita l-funzjonalità ta’ software ta’ spjunaġġ skont il-qafas leġiżlattiv kif stabbilit fil-paragrafu 29 jista’ jitqiegħed fis-suq intern, jiġi żviluppat jew użat fl-Unjoni; jafferma li tali regolament dwar it-tqegħid fis-suq ta’ software ta’ spjunaġġ li jipprevedi “stat tad-dritt sa mid-disinn” abbażi tal-Artikolu 114 tat-TFUE jenħtieġ li jagħti livell għoli ta’ protezzjoni liċ-ċittadini tal-Unjoni; iqis li mhuwiex ġustifikabbli li, filwaqt li r-Regolament dwar l-Oġġetti b’Użu Doppju pprovda protezzjoni lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi mill-esportazzjoni ta’ software ta’ spjunaġġ mill-UE mill-2021, mhijiex mogħtija protezzjoni ekwivalenti liċ-ċittadini tal-UE;

35. Iqis li t-teknoloġija ta’ interċettazzjoni u estrazzjoni biss tista’ tinbiegħ minn kumpaniji fl-UE u tinxtara mill-Istati Membri, u mhux “il-hacking bħala servizz”, li jinkludi l-forniment ta’ appoġġ tekniku, operazzjonali u metodoloġiku tat-teknoloġija ta’ sorveljanza, u jippermetti lill-fornitur aċċess għal ammont sproporzjonat ta’ data li huwa inkompatibbli mal-prinċipji ta’ proporzjonalità, neċessità, leġittimità, legaltà u adegwatezza; jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi proposta leġiżlattiva f’dan ir-rigward;

36. Jisħaq li s-software ta’ spjunaġġ jista’ jitqiegħed fis-suq għall-bejgħ u għall-użu biss minn awtoritajiet pubbliċi, abbażi ta’ lista magħluqa, li l-istruzzjonijiet tagħhom jinkludu investigazzjonijiet ta’ reati jew il-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali li għalihom jista’ jiġi awtorizzat l-użu ta’ software ta’ spjunaġġ; iqis li l-aġenziji tas-sigurtà jenħtieġ li jużaw biss software ta’ spjunaġġ meta r-rakkomandazzjonijiet kollha stabbiliti mill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali jkunu ġew implimentati[31];

37. Jenfasizza l-obbligu li tintuża verżjoni ta’ software ta’ spjunaġġ li hija ddisinjata  b’tali mod li timminimizza l-aċċess għad-data kollha maħżuna fuq apparat, iżda jentieġ li jkun iddisinjat b’tali mod li jillimita l-aċċess għad-data għall-minimu ta’ dak li huwa strettament meħtieġ għall-iskop tal-investigazzjoni awtorizzata;

38. Jikkonkludi li meta Stat Membru jkun xtara software ta’ spjunaġġ, l-akkwist irid ikun verifikabbli għal korp tal-awditjar indipendenti u imparzjali b’awtorizzazzjoni xierqa;

39. Jisħaq li l-entitajiet kollha li jqiegħdu software ta’ spjunaġġ fis-suq intern jenħtieġ li jikkonformaw ma’ rekwiżiti stretti ta’ diliġenza dovuta, u kumpaniji li japplikaw għal proċess ta’ akkwist pubbliku biex ikunu fornituri jentieġ li jgħaddu minn proċess ta’ skrutinju li jinkludi r-risposta tal-kumpanija għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq bis-software tagħha u jekk it-teknoloġija sserraħx fuq id-data miġbura bi prattiki ta’ sorveljanza mhux demokratiċi u abbużivi; jenfasizza li l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali kompetenti jenħtieġ li jirrapportaw lill-Kummissjoni fuq bażi annwali dwar il-konformità;

40. Jisħaq li l-kumpaniji li joffru teknoloġiji jew servizzi ta’ sorveljanza lil atturi statali jenħtieġ li jiżvelaw lill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali kompetenti n-natura tal-liċenzji tal-esportazzjoni;

41. Jenfasizza li l-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu perjodu ta’ rtirar, li temporanjament jipprevjeni lil eks impjegati ta’ korpi jew aġenziji ta’ governanza milli jaħdmu għal kumpaniji ta’ software ta’ spjunaġġ;

Ħtieġa għal konfini  għas-sigurtà nazzjonali

42. Huwa mħasseb dwar il-każijiet ta’ invokazzjoni mhux ġustifikata “tas-sigurtà nazzjonali” għall-ġustifikazzjoni tal-użu ta’ software ta’ spjunaġġ u biex tiġi żgurata segretezza assoluta u nuqqas ta’ responsabbiltà; jilqa’ d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni, f’konformità mal-ġurisprudenza tal-QĠUE[32] li sempliċi referenza għas-sigurtà nazzjonali ma tistax tiġi interpretata bħala li tikkostitwixxi eżenzjoni illimitata mill-applikazzjoni tal-liġi tal-UE u jenħtieġ li tirrikjedi ġustifikazzjoni ċara, u jistieden lill-Kummissjoni ssegwi dik id-dikjarazzjoni fil-każijiet fejn hemm indikazzjonijiet ta’ abbuż; iqis li f’soċjetà demokratika u trasparenti li tirrispetta l-istat tad-dritt, tali limitazzjonijiet f’ġieħ is-sigurtà nazzjonali ser ikunu l-eċċezzjoni u mhux ir-regola;

43. Iqis li l-kunċett ta’ sigurtà nazzjonali jrid jiġi pparagunat mal-ambitu iżjed ristrett tas-sigurtà interna, fejn dan tal-aħħar għandu ambitu usa’, inkluż il-prevenzjoni tar-riskji għaċ-ċittadini, u, b’mod partikolari, l-infurzar tal-liġi kriminali;

44. Jiddispjaċih għad-diffikultajiet li jirriżultaw min-nuqqas ta’ definizzjoni legali komuni tas-sigurtà nazzjonali li tistabbilixxi kriterji biex jiġi determinat liema reġim legali jista’ japplika fi kwistjonijiet ta’ sigurtà nazzjonali kif ukoll demarkazzjoni ċara tal-qasam fejn jista’ japplika tali reġim speċjali;

45. Iqis li l-użu ta’ software ta’ spjunaġġ jikkostitwixxi limitazzjoni tad-drittijiet fundamentali; iqis ukoll li fejn jintuża kunċett f’kuntest legali, li jġib miegħu it-trasferiment tad-drittijiet u l-impożizzjoni ta’ obbligi (u b’mod partikolari, limitazzjonijiet tad-drittijiet fundamentali tal-individwi), il-kunċett jeħtieġ li jkun ċar u prevedibbli għall-persuni kollha affettwati minnu;  ifakkar li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tipprevedi li kwalunkwe limitazzjoni għad-drittijiet fundamentali skont l-Artikolu 52(1) trid tiġi stipulata fil-liġi; għalhekk iqis li huwa meħtieġ li tiġi definita “s-sigurtà nazzjonali” biex tkun definita b’mod ċar; jenfasizza li lil hinn mid-demarkazzjoni preċiża, id-dominju tas-sigurtà nazzjonali jrid ikun soġġett għal sorveljanza independenti, vinkolanti u effettiva b’mod sħiħ;

46. Jisħaq li jekk l-awtoritajiet jinvokaw raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali bħala ġustifikazzjoni għall-użu ta’ software ta’ sorveljanza, jenħtieġ li, apparti mill-qafas stabbilit fil-paragrafu 29, juru konformità mad-dritt tal-UE, inkluż aderenza mal-prinċipji ta’ proporzjonalità, neċessità, leġittimità, legalità u adegwatezza; jenfasizza li l-ġustifikazzjoni jenħtieġ li tkun aċċessibbli faċilment u ssir disponibbli lil korp ta’ skrutinju nazzjonali għall-valutazzjoni;

47. Itenni, f’dan il-kuntest, li l-Istati Membri kollha ffirmaw il-Konvenzjoni 108+, li tistabbilixxi standards u obbligi għall-protezzjoni ta’ individwi rigward l-ipproċessar tad-data personali, inkluż għal finijiet ta’ sigurtà nazzjonali; jirrimarka li l-Konvenzjoni 108+ hija qafas Ewropew vinkolanti li jindirizza l-ipproċessar tad-data minn servizzi ta’ intelligence u sigurtà; iħeġġeġ lill-Isttai Membri kollha biex jirratifikaw din il-konvenzjoni mingħajr dewmien, biex jimplimentaw l-istandards tagħha fil-liġi nazzjonali minn issa u biex jaġixxu skont din rigward is-sigurtà nazzjonali;

48. Jenfasizza li eċċezzjonijiet u restrizzjonijiet għal numru limitat ta’ dispożizzjonijiet tal-konvenzjoni huma permessi biss meta jkunu f’konformità mar-rekwiżiti msemmijin fl-Artikolu 11 tal-konvenzjoni, li jfisser li fl-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni 108+, kull eċċezzjoni u restrizzjoni speċifika trid tkun prevista mil-liġi, trid tirrispetta l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, u trid tiġġustifika li “tikkostitwixxi miżura neċessarja u proporzjonata f’soċjetà demokratika” għal waħda mir-raġunijiet leġittimi elenkati fl-Artikolu 11[33] u li tali eċċezzjonijiet u restrizzjonijiet m’għandhomx jinterferixxu ma’ “stħarriġ u [...] superviżjoni indipendenti u effettivi skont il-leġiżlazzjoni domestika tal-Parti rispettva”;

49. Jinnota wkoll li l-Konvenzjoni 108+ tenfasizza li s-sorveljanza “għandu jkollha s-setgħat ta’ investigazzjoni u intervent”; iqis li reviżjoni u superviżjoni effettivi jimplikaw setgħat vinkolanti fejn hemm l-akbar impatt fuq id-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari fil-fażijiet ta’ aċċess, analiżi u ħżin tal-ipproċessar tad-data personali;

50. Iqis li n-nuqqas ta’ setgħat vinkolanti tal-korpi ta’ sorveljanza fi ħdan id-dominju tas-sigurtà nazzjonali huwa inkompatibbli mal-kriterju stabbilit fil-Konvenzjoni 108+ li jgħid li dan “jikkostitwixxi miżura neċessarja u proporzjonata f’soċjetà demokratika”;

51. Jirrimarka li l-Konvenzjoni 108+ tippermetti numru limitat ħafna ta’ eċċezzjonijiet rigward l-Artikolu 15 tagħha iżda ma tippermettix tali eċċezzjonijiet, notevolment rigward il-paragrafu 2 (doveri ta’ sensibilizzazzjoni), il-paragrafu 3 (konsultazzjoni dwar miżuri legiżlattivi u amministrattivi), il-paragrafu 4 (talbiet u lmenti minn individiwi), il-paragrafu 5 (indipendenza u imparzjalità), il-paragrafu 6 (riżorsi meħtieġa għat-twettiq effettiv tal-kompiti), il-paragrafu 7 (rappurtar perjodiku), il-paragrafu 8 (kunfidenzjalità), il-paragrafu 9 (possibbiltà ta’ appell) u l-paragrafu 10 (ebda setgħa rigward korpi meta jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom);

Implimentazzjoni u infurzar aħjar tal-leġiżlazzjoni eżistenti

52. Jenfasizza n-nuqqasijiet fl-oqfsa legali nazzjonali u l-ħtieġa għal infurzar aħjar tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni biex jiġu kontrobilanċjati dawn in-nuqqasijiet; jidentifika l-liġijiet tal-Unjoni li ġejjin bħala rilevanti iżda li huma spiss implimentati b’mod mhux xieraq u/jew infurzati: id-Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus, id-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi, ir-regoli dwar l-akkwist, ir-Regolament dwar l-Oġġetti b’Użu Doppju, il-każistika (deċiżjonijiet dwar is-sorveljanza u s-sigurtà nazzjonali), u d-Direttiva dwar l-Informaturi; jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga u tirrapporta dwar in-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni u l-infurzar u tressaq pjan direzzjonali biex tikkorreġihom sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Awwissu 2023;

53. Iqis l-implimentazzjoni xierqa u l-infurzar strett tal-qafas legali tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, speċjalment id-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi, ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data u d-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika, bħala kruċjali; iqis importanti bl-istess mod l-implimentazzjoni sħiħa tas-sentenzi rilevanti tal-QĠUE, li għadhom neqsin f’diversi Stati Membri; ifakkar li l-Kummissjoni għandha rwol ċentrali fl-infurzar tad-dritt l-UE, u jenħtieġ li tagħmel użu mill-għodod kollha disponibbli, inkluż proċeduri ta’ ksur f’każijiet peristenti ta’ nuqqas ta’ konformità;

54. Jitlob li l-Ftehim ta’ Wassenaar isir ftehim vinkolanti għall-parteċipanti kollha tiegħu, bil-għan li dan isir trattat internazzjonali;

55. Jitlob li Ċipru u l-Iżrael isiru stati parteċipanti fil-Ftehim ta’ Wassenaar, ifakkar lill-Istati Membri li jridu jsiru l-isforzi kollha biex jippermettu lil Ċipru  u l-Iżrael jingħaqdu mal-Ftehim ta’ Wassenaar;

56. Jisħaq li l-Ftehim ta’ Wassenaar jenħtieġ li jinkludi qafas għad-drittijiet tal-bniedem li jinkorpora l-ħruġ ta’ liċenzji għat-teknoloġiji ta’ software ta’ spjunaġġ, jivvaluta u jirrevedi l-konformità tal-kumpaniji li jipproduċu teknoloġiji ta’ software ta’ spjunaġġ u li l-parteċipanti jenħtieġ li jipprojbixxu x-xiri ta’ teknoloġiji ta’ sorveljanza minn stati li mhumiex parti mill-Ftehim;

57. Jisħaq li fid-dawl tar-rivelazzjonijiet tas-software ta’ spjunaġġ, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jenħtieġ li jwettqu investigazzjoni fil-fond tal-liċenzji tal-esportazzjoni mogħtija għall-użu ta’ software ta’ spjunaġġ skont ir-Regolament dwar l-Oġġetti b’Użu Doppju u l-Kummissjoni jenħtieġ li taqsam ir-riżultati ta’ din il-valutazzjoni mal-Parlament;

58. Jenfasizza l-ħtieġa għal traċċabblità u kontabbiltà għall-esportazzjonijiet ta’ software ta’ spjunaġġ u jfakkar li l-kumpaniji tal-UE jenħtieġ li jkunu jistgħu jesportaw biss software ta’ spjunaġġ li juri biżżejjed proprjetajiet ta’ traċċabbiltà biex jiġi żgurat li r-responsabbiltà dejjem tkun tista’ tiġi attribwita;

59. Jenfasizza li l-Kummissjoni teħtieġ li tiċċekkja regolarment u tinforza kif xieraq ir-Regolament dwar l-Oġġetti b’Użu Doppju mfassal mill-ġdid biex tevita “għażla opportunistika tar-reġim tal-esportazzjoni” fl-Unjoni, kif inhu l-każ attwalment fil-Bulgarija u Ċipru, u li l-Kummissjoni jenħtieġ li jkollha riżorsi xierqa għal dan il-kompitu;

60. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-unitajiet responsabbli mis-sorveljanza u l-infurzar tar-Regolament dwar l-Oġġetti b’Użu Doppju jkollhom biżżejjed kapaċità ta’ persunal;

61. Jitlob li jsiru emendi għar-Regolament dwar l-Oġġetti b’Użu Doppju biex jiġi ċċarat fl-Artikolu 15 li l-permessi għall-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju ma għandhomx jingħataw fejn oġġetti huma jew jistgħu jkunu maħsuba għal konnessjoni mar-repressjoni interna u/jew il-kummissjoni ta’ ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u tal-liġi umanitarja internazzjonali; jitlob li jiġu implimentati bis-sħiħ il-kontrolli tad-drittijiet tal-bniedem u tad-diliġenza dovuta fil-proċess għall-ħruġ ta’ liċenzji u li jsir titjib ulterjuri bħal rimedju għal persuni li jkunu sfaw fil-mira ta’ abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u r-rappurtar trasparenti tad-diliġenza dovuta mwettqa;

62. Jitlob li jsiru bidliet fir-Regolament dwar l-Oġġetti b’Użu Doppju biex jiġi żgurat li t-tranżitu jkun ipprojbit f’każijiet fejn il-prodotti huma jew jistgħu jkunu maħsuba għal repressjoni interna u/jew il-kummissjoni ta’ ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u tal-liġi umanitarja internazzjonali;

63. Jisħaq li, f’emenda futura tar-Regolament dwar l-Oġġetti b’Użu Doppju, l-awtoritajiet nazzjonali nominati responsabbli għall-approvazzjoni u ċ-ċaħda tal-liċenzji tal-esportazzjoni għal oġġetti b’użu doppju jenħtieġ li jipprovdu rapporti dettaljati li jinkludu informazzjoni dwar l-oġġett b’użu doppju inkwistjoni; in-numru ta’ liċenzji li saret applikazzjoni għalihom, l-isem tal-pajjiż esportatur, deskrizzjoni tal-kumpanija tal-esportazzjoni u jekk din il-kumpanija hijiex sussidjarja; deskrizzjoni tal-utent finali u d-destinazzjoni; il-valur tal-liċenzja tal-esportazzjoni; ir-raġuni għaliex il-liċenzja tal-esportazzjoni ġiet approvata jew miċħuda; jenfasizza li dawn ir-rapporti jenħtieġ li jsiru pubbliċi kull tliet xhur; jitlob li jiġi stabbilit kumitat parlamentari permanenti ddedikat b’aċċess għal informazzjoni klassifikata mill-Kummissjoni, għall-iskop ta’ sorveljanza parlamentari;

64. Jisħaq li, f’emenda futura tar-Regolament dwar l-Oġġetti b’Użu Doppju, l-eċċezzjoni għall-obbligu li tingħata informazzjoni lill-Kummissjoni għal raġunijiet ta’ sensittività kummerċjali, ta’ difiża u ta’ politika barranija jew ta’ raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali trid titneħħa; iqis, minflok, li sabiex jiġi evitat li informazzjoni sensittiva tkun disponibbli għal pajjiżi mhux tal-UE, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tikklassifika ċerta informazzjoni fir-rapport annwali tagħha;

65. Jisħaq li d-definizzjoni ta’ oġġetti ta’ sorveljanza ċibernetika fir-Regolament dwar l-Oġġetti b’Użu Doppju riformulat ma tistax tingħata interpretazzjoni restrittiva iżda jenħtieġ li tinkludi t-teknoloġiji kollha f’dan il-qasam, bħal tagħmir ta’ interċettazzjoni jew imblukkar tat-telekomunikazzjonijiet mobbli; software ta’ intrużjoni; sistemi jew tagħmir ta’ sorveljanza tal-komunikazzjonijiet tan-network IP; software mfassal jew modifikat apposta għall-monitoraġġ jew l-analiżi mill-infurzar tal-liġi; tagħmir akustiku ta’ detezzjoni bil-laser; għodod forensiċi li jieħdu data mhux ipproċessata minn apparat tal-informatika jew tal-komunikazzjoni u li jevitaw il-kontrolli “tal-awtentikazzjoni” jew tal-awtorizzazzjoni tal-apparat; sistemi jew tagħmir elettroniċi, iddisinjati jew għas-sorveljanza u l-monitoraġġ tal-ispettru elettromanjetiku għal skopijiet ta’ intelligence militari jew ta’ sigurtà; u Inġenji tal-Ajru Mingħajr Ekwipaġġ li kapaċi jwettqu sorveljanza;

66. Jitlob li jkun hemm leġiżlazzjoni Ewropea addizzjonali li tirrikjedi li l-atturi korporattivi li jipproduċu u/jew jesportaw teknoloġiji ta’ sorveljanza jinkludu oqfsa ta’ drittijiet tal-bniedem u ta’ diliġenza dovuta konformi mal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem (UNGPs);

Kooperazzjoni internazzjonali għall-protezzjoni taċ-ċittadini

67. Jitlob li jkun hemm strateġija konġunta bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar is-software ta’ spjunaġġ, li tinkludi lista bajda u/jew lista sewda konġunti ta’ bejjiegħa ta’ software ta’ spjunaġġ li l-għodod tagħhom ġew abbużati jew huma f’riskju li jiġu abbużati biex jiġu mmirati b’mod malizzjuż uffiċjali tal-gvern, ġurnalisti, u s-soċjetà ċivili, li joperaw kontra l-politika tas-sigurtà u barranija tal-Unjoni, minn gvernijiet barranin b’rekord fqir tad-drittijiet tal-bniedem, (mhux) awtorizzati li jbigħu lill-awtoritajiet pubbliċi, kriterji komuni għall-bejjiegħa li għandhom jiġu inklużi f’waħda mil-listi, arranġamenti għal rappurtar komuni bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar l-industrija, skrutinju komuni, obbligi komuni ta’ diliġenza dovuta għall-bejjiegħa u l-kriminalizzazzjoni tal-bejgħ ta’ software ta’ spjunaġġ lil atturi mhux statali;

68. Jitlob li l-Kunsill Kummerċjali u tat-Teknoloġija tal-UE u l-Istati Uniti jorganizza konsultazzjonijiet wiesgħa u miftuħa mas-soċjetà ċivili għall-iżvilupp ta’ strateġija u standards konġunti bejn l-UE u l-Istati Uniti, inkluż lista bajda u/jew lista sewda konġunti;

69. Jitlob li jinbdew taħditiet ma’ pajjiżi oħra, b’mod partikolari l-Iżrael, biex jiġi stabbilit qafas għall-kummerċjalizzazzjoni u l-liċenzji tal-esportazzjoni ta’ software ta’ spjunaġġ, inkluż regoli dwar it-trasparenza, lista ta’ pajjiżi eliġibbli rigward standards tad-drittijiet tal-bniedem  u arranġamenti ta’ diliġenza dovuta;

70. Jinnota li meta mqabbla mal-Istati Uniti, fejn l-NSO malajr kienet intefgħet mal-lista sewda u l-President tal-Istati Uniti ffirma Ordni Eżekuttiva, li tiddikjara li ma tistax tagħmel użu operattiv minn software ta’ spjunaġġ kummerċjali li jippreżenta riskji sinifikanti għall-counter-intelligence jew għas-sigurtà għall-Gvern tal-Istati Uniti jew riskji sinifikanti ta’ użu mhux xieraq minn gvern barrani jew persuna barranija, ma ttieħdet ebda azzjoni suffiċjenti fil-livell tal-Unjoni fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ software ta’ spjunaġġ u l-infurzar tar-regoli dwar l-esportazzjoni;

71. Jikkonkludi li r-regoli tal-Unjoni dwar l-esportazzjoni u l-infurzar tagħhom iridu jissaħħew għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f’pajjiżi mhux tal-UEu jridu jingħataw l-għodod meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħhhom b’mod effettiv; ifakkar li l-UE jenħtieġ li tfittex li tingħaqad mal-Istati Uniti u alleati oħra fir-regolamentazzjoni tal-kummerċ fis-software ta’ spjunaġġ u l-użu tas-setgħa tas-suq kombinat tagħhom biex iġibu l-bidla u tistabbilixxi standards robusti ta’ trasparenza, traċċabbiltà u kontabbiltà għall-użu ta’ tekonoloġija ta’ sorveljanza, li għandhom jilħqu l-qofol tagħhom f’inizjattiva fil-livell tan-Nazzjonijiet Uniti;

Vulnerabbiltajiet jum żero

72. Jitlob li jkun hemm regolamentazzjoni tal-iskoperta, il-kondiviżjoni, it-tiswija u l-isfruttar tal-vulnerabbiltajiet, kif ukoll proċeduri ta’ żvelar, biex b’hekk titlesta l-bażi stabbilita mid-Direttiva (EU) 2022/2555[34] (id-Direttiva NIS 2) u l-proposta għal Att dwar ir-Reżiljenza Ċibernetika[35];

73. Iqis li r-riċerkaturi jridu jkunu jistgħu jagħmlu riċerka dwar il-vulnerabbiltajiet, u jaqsmu r-riżultati tagħhom mingħajr responsabilità ċivili u kriminali skont, inter alia, id-Direttiva dwar iċ-Ċiberkriminalità u d-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Awtur;

74. Jistieden lill-parteċipanti ewlenin fl-industrija joħolqu inċentivi għar-riċerkaturi biex jipparteċipaw fir-riċerka dwar il-vulnerabbiltà, billi jinvestu fi pjanijiet ta’ trattament tal-vulnerabbiltà, prattiki ta’ żvelar fl-industrija u mas-soċjetà ċivili u jmexxu programmi ta’ ppremjar għas-sejbien tad-difetti;

75. Jistieden lill-Kummissjoni biex iżżid l-appoġġ u l-finanzjament tagħha għal premji għas-sejbien ta’ difetti u proġetti oħrajn immirati lejn it-tfittxija għal vulnerabbiltajiet fis-sigurtà u l-korrezzjoni tagħom, u biex twaqqaf approċċ koordinat għal żvelar obbligatorju tal-vulerabbilitajiet fost l-Istati Membri;

76. Jitlob li jkun hemm projbizzjoni fuq il-bejgħ ta’ vulnerabbiltajiet f’sistema għal kwalunkwe skop li ma jkunx it-tisħiħ tas-sigurtà ta’ dik is-sistema, u l-obbligu li jiġu żvelati r-riżultati tar-riċerka dwar il-vulnerabbiltà b’mod koordinat u responsabbli li jippromwovi s-sigurtà pubblika u jimminimizza r-riskju ta’ sfruttament tal-vulnerabbiltà;

77. Jistieden lil entitajiet pubbliċi u privati joħolqu punt ta’ kuntatt disponibbli pubblikament fejn il-vulnerabbiltajiet jistgħu jiġu rappurtati b’mod koordinat u responsabbli,  u biex l-organizzazzjonijiet li jirċievu informazzjoni dwar il-vulnerabbiltajiet fis-sistema tagħhom jaġixxu immedjatament biex jirranġawhom; iqis li, meta jkun hemm korrezzjoni disponibbli, l-organizzazzjonijiet jenħtieġ li jkollhom il-miżuri xierqa fis-seħħ biex jiżguraw użu rapidu u garantit, bħala parti minn proċess ta’ żvelar koordinat u responsabbli;;

78. Iqis li l-Istati Membri għandhom jallokaw biżżejjed riżorsi finanzjarji, tekniċi u umani għar-riċerka dwar is-sigurtà u l-korrezzjoni tal-vulnerabbiltajiet;

79. Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw proċessi ta’ ekwità ta’ vulnerabbiltà, stabbiliti bil-liġi, li jiddeterminaw li, b’mod awtomatiku, il-vulnerabbiltajiet iridu jiġu żvelati u mhux sfruttati, u li kwalunkwe deċiżjoni ta’ devjazzjoni minn dan għandha tkun eċċezzjoni u vvalutata skont ir-rekwiżiti għan-neċessità u l-proporzjonalità, inkluż il-kunsiderazzjoni dwar jekk l-infrastruttura affettwata mill-vulnerabbiltà tintużax minn parti kbira tal-popolazzjoni, u tkun soġġetta għal sorveljanza stretta minn korp indipendenti ta’ superviżjoni, kif ukoll għal proċeduri u deċiżjonijiet trasparenti;

Networks tat-telekomunikazzjoni

80. Jisħaq li l-liċenzja ta’ kwalunkwe fornitur ta’ servizz li jinstab li qed jiffaċilita aċċess illegali għal infrastruttura ta’ sinjalazzjoni tal-mobile nazzjonali u/jew internazzjonali tal-ġenerazzjonijiet kollha (bħalissa minn 2G sa 5G) għandha tiġi revokata;

81. Jisħaq li l-proċessi li permezz tagħhom atturi malizzjużi jistgħu joħolqu numri tat-telefon ġodda minn kwalunkwe post madwar id-dinja jenħtieġ li jkunu regolati biex l-attività illeċita ssir iktar diffiċli biex tinħeba;

82. Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-fornituri tat-telekomunikazzjoni jiżguraw li għandhom il-kapaċità li jidentifikaw użu ħażin potenzjali tal-aċċess, kontroll, jew użu aħħari effettiv tal-infrastruttura ta’ sinjalazzjoni li tkun inkisbet minn partijiet terzi permezz ta’ ftehimiet kummerċjali jew oħrajn fl-Istat Membru li huma joperaw fih;

83. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva NIS 2, jivvalutaw il-livell ta’ reżiljenza tal-fornituri tat-telekomunikazzjoni għal intrużjonijiet mhux awtorizzati;

84. Jistieden lill-fornituri tat-telekomunikazzjoni jieħdu azzjoni soda u li tista’ tiġi ppruvata biex itaffu  d-diversi forom ta’ imitazzjoni mingħajr awtorizzazzjoni tal-oriġinar ta’ traffiku tat-telekomunikazzjoni minn element tan-network sabiex jiksbu aċċess għal data jew servizz li kien maħsub għall-utent leġittimu, u attività oħra li tinvolvi l-manipulazzjoni tal-operazzjonijiet normali ta’ elementi u infrastruttura ta’ network mobbli għal skopijiet ta’ sorveljanza minn atturi malizzjużi, inkluż atturi fil-livell ta’ stat, kif ukoll gruppi kriminali;

85. Jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni biex jiżguraw li atturi statali mhux tal-UE li ma jirrispettawx id-drittijiet fundamentali ma jkollhomx kontroll jew użu finali effettiv tal-infrastruttura strateġika, jew influwenza fuq deċiżjonijiet relatati mal-infrastruttura strateġika fi ħdan l-Unjoni, inkluż infrastruttura tat-telekomunikazzjoni;

86. Jistieden lill-Istati Membri kollha biex jagħtu prijorità lil iktar investiment fil-protezzjoni tal-infrastruttura kritika, bħal sistemi tat-telekomunikazzjonijiet nazzjonali, biex jindirizzaw lakuni fil-protezzjoni kontra ksur tal-privatezza, żvelar tad-data u intrużjonijiet mhux awtorizzati, bil-għan li jiddefendu d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini;

87. Jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biex jippromwovu attivament it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-fornituri, kif ukoll il-kapaċitajiet ta’ risposta, biex jappoġġjaw aħjar l-identifikazzjoni ta’ persuni li jkunu fil-mira illegalment, in-notifika u r-rappurar ta’ inċidenti, sabiex tiġi pprovduta assigurazzjoni kostanti u li tista’ titkejjel u jittaffa l-isfruttar tan-nuqqas ta’ sigurtà minn atturi malizzjużi mhux tal-UE u domestiċi;

Privatezza Elettronika

88. Jitlob li r-Regolament dwar il-Privatezza Elettronika jiġi adottat malajr b’mod li jirrifletti bis-sħiħ il-każistika dwar ir-restrizzjonijiet għas-sigurtà nazzjonali u l-ħtieġa li jiġi evitat l-abbuż tat-teknoloġiji ta’ sorveljanza, li jsaħħaħ id-dritt fundamentali għall-privatezza u jipprevedi salvagwardji b’saħħithom u infurzar effettiv; jirrimarka li l-ambitu għal interċettazzjoni legali jenħtieġ li ma jmurx lil hinn mid-Direttiva (2002/58/KE);

89 Jitlob li tiġi protetta l-komunikazzjoni elettronika, il-kontenut u l-metadata kollha kontra l-abbuż ta’ data personali u komunikazzjoni privata minn kumpaniji privati u awtoritajiet tal-gvern; jirrimarka li għodod diġitali sikuri sa mid-disinn bħall-kriptaġġ minn tarf sa tarf jenħtieġ li ma jiġux imdgħajfa;

90. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika madwar l-UE, u biex tniedi proċeduri ta’ ksur fejn iseħħ ksur;

Ir-rwol tal-Europol

91. Jinnota li ittra mingħand il-Europol lill-President tal-Kumitat PEGA ta’ April 2023 tinforma lill-Kumitat li l-Europol ikkuntattjat lill-Greċja, l-Ungerija, il-Bulgarija, Spanja u l-Polonja biex tivverifika jekk hemmx xi investigazzjonijiet kriminali jew inkjesti oħrajn għaddejjin bħalissa jew ippjanati skont id-dispożizzjoijiet applikabbli tal-liġi nazzjonali, li jistgħu jiġu appoġġjati mill-Europol; jisħaq li l-offerta ta’ assistenza lil Stat Membru ma tikkostitwix il-bidu, it-twettiq jew il-koordinazjoni ta’ investigazzjoni kriminali kif stabbilit fl-Artikolu 6;

92. Jistieden lill-Europol biex tagħmel użu sħiħ mis-setgħat li għadha kemm kisbet taħt  l-Artikolu 6(1a) tar-Regolament (UE) 2022/991, li jippermettilha tipproponi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati jibdew, imexxu jew jikkoordinaw investigazzjoni, fejn rilevanti; jirrimarka li skont l-Artikolu 6 huwa f’idejn l-Istati Membri li jirrifjutaw tali proposta;

93. Jistieden lill-Istati Membri kollha jimpenjaw ruħhom mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill sabiex jinvolvu lill-Europol f’invesitgazzjonijiet dwar allegazzjonijiet ta’ użu illeġittimu ta’ software ta’ spjunaġġ fil-livell nazzjonali, b’mod partikolari meta ssir proposta skont l-Artikolu 6(1a) tar-Regolament (UE) 2022/991;

94. Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxi reġistru fi ħdan il-Europol  ta’ operazzjonijiet ta’ infurzar nazzjonali  li jinvolvu l-użu ta’ software ta’ spjunaġġ, fejn kull operazzjoni jenħtieġ li tiġi identifikata b’kodiċi u biex l-użu ta’ software ta’ spjunaġġ mill-gvernijiet jiġi inkluż fir-rapport annwali tal-Europol dwar il-Valutazzjoni tat-Theddid tal-Kriminalità Organizzata fuq l-Internet;

95. Huwa tal-fehma li trid titnieda riflessjoni dwar ir-rwol tal-Europol f’każijiet fejn l-awtoritajiet nazzjonali jonqsu jew jirrifjutaw li jinvestigaw u jkun hemm theddid ċar għall-interessi u s-sigurtà tal-UE;

Politiki ta’ żvilupp tal-Unjoni

96. Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE biex jimplimentaw mekkaniżmi ta’ kontroll iktar rigorużi biex jiżguraw li l-għajnuna għall-iżvilupp tal-Unjoni, inkluż l-għoti ta’ teknoloġija ta’ sorveljanza u taħriġ fl-użu ta’ software ta’sorveljanza ma tiffinanzjax jew ma tiffaċilitax għodod u attivitajiet li jistgħu jaffettwaw il-prinċipji tad-demokrazija, il-governanza tajba, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, jew li jippreżentaw theddida għas-sigurtà internazzjonali jew is-sigurtà essenzjali tal-Unjoni u l-Membri tagħha; jinnota li l-valutazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari r-Regolament Finanzjarju, jenħtieġ li jinkludu kriterji speċifiċi ta’ kontroll u mekkaniżmi ta’ infurzar biex jiġu evitati tali abbużi, inkluż is-sospensjoni temporanja possibbli ta’ proġetti speċifiċi jekk jinstab ksur ta’ dawn il-prinċipji;

97. Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE biex f’kull valutazzjoni tal-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali tinkludi proċedura ta’ monitoraġġ dwar l-abbuż tas-sorveljanza potenzjali, li tikkunsidra bis-sħiħ l-Artikolu 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fi żmien sena [wara l-pubblikazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-PEGA]; jisħaq li din il-proċedura għandha tiġi ppreżentata lill-Parlament u lill-Kunsill u li din il-valutazzjoni tal-impatt għandha titwettaq qabel ma jingħata kwalunkwe appoġġ lil pajjiżi mhux tal-UE;

98. Jistieden lis-SEAE biex jirrapporta dwar l-abbuż ta’ software ta’ spjunaġġ kontra difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fir-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija;

Regolamenti finanzjarji tal-Unjoni

99. Jisħaq li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem mis-settur finanzjarju jrid jissaħħaħ; jisħaq li r-rakkomandazzjonijiet 10+ tal-UNGPs iridu jiġu trasposti fid-dritt tal-Unjoni u li d-Direttiva dwar id-Diliġenza Dovuta jenħtieġ li tapplika bis-sħiħ għas-settur finanzjarju, biex jiġi żgurat ir-rispett għad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fis-settur finanzjarju;

100. Jinsab imħasseb dwar l-implikazzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-QĠUE dwar id-Direttiva (UE) 2018/843 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu[36], li fiha l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċċjarja ta’ entitajiet korporattivi u legali stabbiliti f’Reġistru tas-Sjieda Benefiċjarja (UBO) nazzjonali u aċċessibbli għall-pubbliku ġiet iddikjarata invalida[37]; jisħaq li, b’kont meħud tad-deċiżjoni tal-QĠUE, id-direttiva futura jenħtieġ li tippermetti kemm jista’ jkun l-aċċessibbiltà pubblika, sabiex isir iżjed diffiċli li jinħbew akkwisti jew bejgħ ta’ software ta’ sorveljanza permezz ta’ prokuri jew kumpaniji sensara;

Is-segwitu għar-riżoluzzjonijiet tal-Parlament

101. Jitlob li jsir segwitu urġenti tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-12 ta’ Marzu 2014 dwar il-programm ta’ sorveljanza tal-NSA tal-Istati Uniti, il-korpi ta’ sorveljanza f’diversi Stati Membri u l-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE u dwar il-kooperazzjoni transatlantika fil-Ġustizzja u l-Intern; jisħaq li r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin jeħtieġ li jitwettqu b’urġenza;

102. Jisħaq li, minkejja l-fatt li s-sorveljanza tal-attivitajiet tas-servizzi tal-intelligence jenħtieġ li tkun ibbażata kemm fuq il-leġittimità demokratika (qafas legali b’saħħtu, awtorizzazzjoni ex ante u verifika ex post) kif ukoll il-kapaċità u kompetenza teknika xierqa, il-maġġoranza tal-korpi ta’ sorveljanza attwali tal-UE u tal-Istati Uniti għandhom nuqqas drammatiku tat-tnejn li huma, b’mod partikolari l-kapaċitajiet tekniċi;

103. Jistieden, kif għamel fil-każ ta’ Echelon, lill-parlamenti nazzjonali kollha li għadhom ma għamlux dan biex jinstallaw sorveljanza sinifikanti tal-attivitajiet ta’ intelligence mill-membri parlamentari jew minn korpi esperti bis-setgħat legali li jinvestigaw; jistieden lill-parlamenti nazzjonali jiżguraw li dawn il-kumitati/korpi ta’ sorveljanza jkollhom biżżejjed riżorsi, kompetenza teknika u mezzi legali, inkluż id-dritt li jwettqu żjarat fuq il-post, biex ikunu jistgħu jeżerċitaw kontroll effikaċi fuq is-servizzi ta’ intelligence;

104. Jitlob li jiġi stabbilit Grupp ta’ Livell Għoli biex jipproponi, b’mod trasparenti u b’kollaborazzjoni mal-parlamenti, rakkomandazzjonijiet u iktar passi li jridu jittieħdu għal sorveljanza demokratika mtejba, inkluż is-sorveljanza parlamentari, tas-servizzi ta’ intelligence u l-kollaborazzjoni akbar fis-sorveljanza fl-UE, b’mod partikolari fir-rigward tad-dimensjoni transkonfinali tagħha;

105. Iqis li dan il-Grupp ta’ Livell Għoli għandu:

(a) jiddefinixxi standards jew linji gwida Ewropej minimi dwar is-sorveljanza ex ante u ex post tas-servizzi ta’ intelligence abbażi tal-aħjar prattiki eżistenti u r-rakkomandazzjonijiet minn korpi internazzjonali , bħan-NU u l-Kunsill tal-Ewropa, inkluż il-kwistjoni tal-korpi ta’ sorveljanza li jitqiesu bħala parti terza skont ir-“regola tal-parti terza”, jew il-prinċipju tal-“kontroll ta’ min joriġina”, dwar is-sorveljanza u l-obbligu ta’ rendikont tal-intelligence minn pajjiżi barranin;

(b) jiżviluppa kriterji dwar trasparenza mtejba, mibnija fuq il-prinċipju ġenerali ta’ aċċess għall-informazzjoni u l-hekk imsejħa “Prinċipji ta’ Tshwane”[38];

106. Biħsiebu jorganizza konferenza mal-korpi ta’ sorveljanza nazzjonali, kemm jekk parlamentari kif ukoll jekk indipendenti;

107. Jistieden lill-Istati Membri jisiltu l-aħjar prattiki sabiex itejbu l-aċċess mill-korpi ta’ sorveljanza tagħhom għall-informazzjoni dwar attivitajiet tal-intelligence, inkluż informazzjoni kklassifikata u informazzjoni minn servizzi oħra, u jistabbilixxu s-setgħa li jitwettqu żjarat fuq il-post, sett robust ta’ setgħat ta’ interrogazzjoni, riżorsi xierqa u kompetenza teknika, indipendenza stretta vis-à-vis il-gvernijiet rispettivi tagħhom, u obbligu ta’ rappurtar lill-parlamenti rispettivi tagħhom;

108. Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw il-kooperazzjoni fost il-korpi ta’ sorveljanza;

109. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta għal proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ sigurtà tal-Unjoni għad-detenturi tal-karigi kollha fl-Unjoni, peress li s-sistema attwali, li sserraħ fuq l-awtorizzazzjoni tas-sigurtà mwettqa mill-Istat Membru taċ-ċittadinanza, tipprevedi rekwiżiti u tulijiet tal-proċeduri differenti fi ħdan sistemi nazzjonali, li twassal għal trattament differenti tal-Membri tal-Parlament u l-persunal tagħhom abbażi taċ-ċittadinanza tagħhom;

110. Ifakkar fid-dispożizzjonijiet tal-ftehim interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar it-trażmissjoni lill-Parlament u t-trattament minnu ta’ informazzjoni klassifikata miżmuma mill-Kunsill dwar kwistjonijiet apparti dawk fil-qasam tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni, li jenħtieġ li jintużaw biex itejbu s-sorveljanza fil-livell tal-UE;

Programmi ta’ riċerka tal-Unjoni

111. Jitlob li jiġu implimentati mekkaniżmi ta’ kontroll iktar rigorużi u effettivi biex jiġi żgurat li l-fondi ta’ riċerka tal-Unjoni ma jiffinanzawx jew ma jiffaċilitawx għodod, inkluż software ta’spjunaġġ u għodod ta’ sorveljanza,  li jiksru l-valuri tal-UE; jinnota li l-valutazzjonijiet dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni jenħtieġ li jkun fihom kriterji speċifiċi ta’ kontroll biex jiġu evitati tali abbużi; jitlob li jintemmu l-fondi ta’ riċerka tal-Unjoni lil entitajiet li huma jew li kienu involuti fil-faċilitazzjoni diretta jew indiretta tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem b’għodod ta’ sorveljanza;

112. Jisħaq li l-finanzjament tal-UE għar-riċerka, bħal ftehimiet ta’ Orizzont Ewropa ma’ pajjiżi mhux tal-UE, ma għandux jintuża biex jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ software ta’ spjunaġġ u teknoloġiji ekwivalenti;

Laboratorju Teknoloġiku tal-Unjoni

113. Jistieden lill-Kummissjoni tibda mingħajr dewmien il-ħolqien ta’ istitut interdixxiplinari tar-riċerka Ewropew immexxi b’mod indipendenti, b’enfasi fuq ir-riċerka u l-iżvilupp fir-rabta tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, id-drittijiet fundamentali u s-sigurtà; jisħaq li dan l-istitut jenħtieġ li jaħdem ma’ esperti, l-akkademja u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, kif ukoll ikun miftuħ għall-parteċipazzjoni minn esperti u istituzzjonijiet tal-Istati Membri;

114. Jisħaq li l-istitut jikkontribwixxi għal iktar kuxjenza, attribuzzjoni u kontabbiltà fl-Ewropa u lil hinn minnha, kif ukoll jespandi l-bażi tat-talent Ewropea u l-fehim tagħna ta’ kif il-bejjiegħa tas-software ta’ spjunaġġ jiżviluppaw, iżommu, ibigħu u jwasslu s-servizzi tagħhom lil partijiet terzi;

115. Iqis li l-istitut għandu jingħata l-kompitu li jiskopri u jikxef l-użu illegali ta’ software għal finijiet ta’ sorveljanza illeċita, jipprovdi appoġġ legali u tekniku aċċessibbli u b’xejn, inkluż skrinjar tal-ismartphones għal indiviwdi li jissuspettaw li sfaw fil-mira ta’ software ta’ spjunaġġ u l-għodod meħtieġa għad-detezzjoni ta’ software ta’ spjunaġġ, it-twettiq ta’ riċerka analitika forensika għal investigazzjonijiet ġudizzjarji u jirrapporta regolarment dwar l-użu u l-użu ħażin ta’ software ta’ spjunaġġ fl-UE, filwaqt li jikkunsidra l-aġġornamenti teknoloġiċi; iqis li dan ir-rapport jenħtieġ li jkun magħmul disponibbli kull sena u jiġi trażmess lill-Kummissjoni, lill-Parlament u lill-Kunsill;

116. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni twaqqaf il-Laboratorju Teknoloġiku tal-UE f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Iskwadra ta’ Rispons f’Emerġenza relatata mal-Kompjuters għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE (CERT-EU) u l-ENISA u li tikkonsulta lill-esperti relevanti meta twaqqaf il-Laboratorju Teknoloġiku tal-UE bil-għan li titgħallem mill-aħjar prattiki fil-qasam akkademiku;

117. Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat finanzjament xieraq għal-Laboratorju Teknoloġiku tal-UE;

118. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tressaq skema ta’ ċertifikazzjoni għall-analiżi u l-awtentikazzjoni ta’ materjal forensiku;

119. Jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-kapaċità tas-soċjetà ċivili globalment sabiex issaħħaħ ir-reżiljenza kontra attakki b’software ta’ spjunaġġ u l-forniment ta’ għajnuna u servizzi liċ-ċittadini;

L-istat tad-dritt

120. Jisħaq li l-impatt tal-użu illeġittimu ta’ software ta’ spjunaġġ huwa ħafna iktar evidenti fl-Istati Membri fejn l-awtoritajiet li normalment jingħataw il-kompitu li jinvestigaw u jipprovdu rimedju lil persuni fil-mira u jiżguraw il-kontabbiltà, jinħatfu mill-istat u li fejn teżisti kriżi tal-istat tad-dritt u l-indipendenza tal-ġudikatura hija pperikolata, l-awtoritajiet nazzjonali ma jkunux jistgħu joqogħdu fuqhom;

121. Għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tiżgura implimentazzjoni effettiva  tas-sett ta’ għodod tagħha għall-Istat tad-dritt, b’mod partikolari billi:

(a) timplimenta monitoraġġ iktar komprensiv tal-Istat tad-dritt, inkluż rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż relatati mal-użu illegali ta’ software ta’ spjunaġġ mill-Istati Membri fir-Rapport Annwali dwar l-Istat tad-Dritt tal-Kummissjoni, tivvaluta r-rispons tal-istituzzjonijiet statali biex jipprovdu rimedju lil persuni fil-mira t, u billi jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Rapport Annwali tagħha dwar l-Istat tad-Dritt u jinkludi l-isfidi kollha għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet Fundamentali kif inklużi fl-Artikolu 2 tat-TUE, kif mitlub ripetutament mill-Parlament;

(b) tniedi  u tgħaqqad b’mod proattiv proċeduri ta’ ksur kontra l-Istati Membri għal nuqqasijiet fl-Istat tad-Dritt bħal theddid għall-indipendenza tal-ġudikatura u l-funzjonament effettiv tal-pulizija u tas-servizz prosekutorjali fil-kuntest ta’ kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali;

Fond ta’ litigazzjoni tal-Unjoni

122. Jitlob li jiġi stabbilit, mingħajr dewmien bla bżonn, Fond ta’ Litigazzjoni tal-Unjoni biex ikopri l-ispejjeż ta’ litigazzjoni attwali u jippermetti lil persuni fil-mira  ta’ software ta’ spjunaġġ biex ifittxu rimedju xieraq, inkluż danni għall-użu illegali ta’ software ta’ spjunaġġ kontrihom, f’konformità mal-Azzjoni Preparatorja adottata mill-Parlament fl-2017, li jinħoloq “fond tal-UE għall-appoġġ finanzjarju għal kawżi litigati relatati ma’ ksur tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali”;

Istituzzjonijiet tal-UE

123. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-Kummissjoni s’issa, u jħeġġiġha biex tagħmel użu sħiħ mis-setgħat kollha tagħha bħala gwardjana tat-Trattati, u biex twettaq investigazzjoni komprensiva u fil-fond dwar l-abbuż u l-kummerċ f’software ta’ spjunaġġ fl-Unjoni;

124. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex twettaq inkjesta sħiħa dwar l-allegazzjonijiet u s-suspetti kollha dwar l-użu ta’ software ta’ spjunaġġ kontra l-uffiċjali tagħha, u tirrapporta lill-Parlament, u lill-awtoritajiet responsabbli tal-infurzar tal-liġi fejn meħtieġ;

125. Jistieden lill-Kummissjoni biex twaqqaf taskforce speċjali, li tinvolvi lill-kummissjonijiet elettorali nazzjonali, iddedikata għall-protezzjoni tal-elezzjonijiet Ewropej tal-2024 madwar l-Unjoni; ifakkar li mhux biss  l-interferenza barranija iżda wkoll dik interna li huma ta’ theddida għall-proċessi elettorali Ewropej; jisħaq li fil-każ ta’ użu ħażin ta’ għodod ta’ sorveljanza pervażivi, bħal Pegasus, l-elezzjonijiet jistġħu jiġu affettwati;

126. Jinnota li l-Kumitat PEGA rċieva tweġiba kollettiva mill-Kunsill għall-mistoqsijiet tal-Parlament Ewropew lill-individwi kollha tal-Istati Membri biss lejliet il-pubblikazzjoni tal-abbozz ta’ rapport, madwar 4 xhur wara l-ittri tal-PE; jesprimi d-dispjaċir tiegħu għan-nuqqas ta’ azzjoni tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill tal-Ministri, u jitlob li jsir Summit tal-Kunsill Ewropew iddedikat, minħabba l-kobor tat-theddida għad-demokrazija fl-Ewropa;

127. Jistieden lill-Kunsill tal-UE jindirizza l-iżviluppi relatati mal-użu ta’ software ta’ spjunaġġ u l-impatt tiegħu fuq il-valuri minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE waqt is-seduti organizzati skont l-Artikolu 7(1) tat-TUE;

128. Jieħu l-pożizzjoni li l-Parlament jenħtieġ li jkollu s-setgħat kollha ta’ inkjesta, inkluż aċċess aħjar għal informazzjoni klassifikata u dik mhux klassifikata, is-setgħa li jsejjaħ xhieda, li jitlob formalment lix-xhieda jixhdu taħt ġurament u li jipprovdu l-informazzjoni mitluba fi żmien skadenzi speċifiċi; itenni l-pożizzjoni tal-Parlament fil-proposta tiegħu tat-23 ta’ Mejju 2012 għal regolament tal-Parlament Ewropew dwar id-dispożizzjonijiet dettaljati li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta’ inkjesta tal-Parlament Ewropew li jissostitwixxi d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (95/167/KE, Euratom, KEFA) tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni[39]; jistieden lill-Kunsill biex jieħu azzjoni immedjatament dwar din il-proposta għal regolament biex jippermetti dritt ta’ inkjesta xieraq għall-Parlament Ewropew;

129. Jirrikonoxxi l-isforzi tal-Parlament favur id-detezzjoni ta’ infezzjonijiet b’software ta’ spjunaġġ; iqis, madankollu, li l-protezzjoni tal-persunal jenħtieġ li tissaħħaħ, b’kunsiderazzjoni tal-privileġġi u l-immunitajiet ta’ dawk li fuqhom sar spjunaġġ; ifakkar li kwalunkwe attakk fuq id-drittijiet politiċi tal-Membri huwa attakk fuq l-indipendenza u s-sovranità tal-istituzzjoni, kif ukoll attakk fuq id-drittijiet tal-votanti;

130. Jitlob li l-Bureau tal-Parlament jadotta protokoll għall-każijiet fejn membri jew persunal tal-Kamra jkunu saru l-mira diretta jew indiretta ta’ software ta’ spjunaġġ u jenfasizza li l-każijiet kollha jridu jiġu rrappurtati mill-Parlament lill-awtoritajiet responsabbli tal-infurzar tal-liġi; jisħaq li l-Parlament jenħtieġ li jipprovdi assistenza legali u teknika f’tali każijiet;

131. Jiddeċiedi li jieħu l-inizjattiva biex iniedi konferenza interistituzzjonali li matulha l-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jridu jimmiraw għal riformi ta’ governanza li jsaħħu l-kapaċità istituzzjonali tal-Unjoni biex tirrispondi b’mod adegwat għall-attakki fuq id-demokrazija u l-istat tad-dritt minn ġewwa u biex jiżguraw li l-Unjoni jkollha metodi supranazzjonali effettivi għall-infurzar tat-Trattati u l-liġi sekondarja fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mill-Istati Membri;

132. Jitlob li l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri għal livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà fl-istituzzjonijiet, fil-korpi, fl-uffiċċji u fl-aġenziji tal-Unjoni (COM(2022)0122) tiġi adottata malajr u wara tiġi implimentata kif xieraq u infurzata b’mod strett, bil-għan li jitnaqqas ir-riskju ta’ infezzjonijiet b’software ta’ spjunaġġ tal-apparati u s-sistemi użati mill-persunal u l-politiċi tal-istituzzjonijiet tal-UE;

133. Jitlob li l-UE tirratifika l-Konvenzjoni 108+;

134. Jistieden lill-Ombusdman Ewropew biex jibda diskussjonijiet fi ħdan in-Network ta’ Ombudsmen Ewropew dwar l-impatt tal-użu ħażin ta’ sorveljanza pervażiva fuq il-proċessi demokratiċi u d-drittijiet taċ-ċittadini; jistieden lin-network jiżviluppa rakkomandazzjonijiet dwar rimedju effettiv u sinifikanti madwar l-UE;

Azzjoni leġiżlattiva

135. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq fil-pront proposti leġiżlattivi abbażi ta’ din ir-Rakkomandazzjoni;

°

° °

136. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Istati Membri, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Europol.

 

Aġġornata l-aħħar: 6 ta' Ġunju 2023
Avviż legali - Politika tal-privatezza