MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-istat tal-Unjoni tal-SMEs
10.7.2023 - (2023/2750(RSP))
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura
Martina Dlabajová
f’isem il-Grupp Renew
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0346/2023
B9‑0347/2023
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-istat tal-Unjoni tal-SMEs
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Marzu 2020 bit-titolu “Strateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali” (COM(2020)0103),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi tranżazzjonijiet kummerċjali[1] (id-Direttiva dwar il-Ħlas Tard),
– wara li kkunsidra d-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni mill-President tal-Kummissjoni von der Leyen fis-seduta plenarja tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Settembru 2022,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Ġunju 2023 bit-titolu “Rapport Annwali dwar l-SMEs Ewropej għall-2022/2023”,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) Ewropej iffaċċjaw sfidi u tbatija sinifikanti b’riżultat tal-pandemija tal-COVID-19 u l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, li wasslu għal tfixkil fil-ktajjen tal-valur globali u inflazzjoni persistenti;
B. billi r-rapport annwali għall-2022/2023 dwar l-SMEs Ewropej enfasizza li r-rati ta’ inflazzjoni kkawżaw żieda fir-rati tal-imgħax, li min-naħa tagħhom naqqsu l-aċċess għall-finanzi pubbliċi u privati; billi l-istess rapport irrakkomanda li l-miżuri mmirati biex itaffu l-impatti negattivi tal-inflazzjoni għandhom jiffukaw fuq aċċess imtejjeb għall-finanzi għall-SMEs; billi r-rapport enfasizza n-nuqqas ta’ ħaddiema tas-sengħa bħala ostaklu għall-SMEs fl-UE kollha;
C. billi l-President tal-Kummissjoni ħabbret, matul id-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2022, li l-Kummissjoni se tressaq pakkett ta’ għajnuna għall-SMEs; billi l-President ħabbret ukoll li d-Direttiva dwar il-Ħlas Tard se tiġi riveduta peress li mhuwiex ġust li wieħed minn kull erba’ fallimenti fl-UE huma dovuti għal fatturi li ma jitħallsux fil-ħin;
D. billi l-Parlament, li jirrappreżenta l-interessi taċ-ċittadini Ewropej, jirrikonoxxi r-rwol kruċjali tal-SMEs fit-trawwim tat-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi u l-koeżjoni soċjali;
1. Jappella għall-adozzjoni urġenti ta’ Direttiva riveduta dwar il-Ħlas Tard, li tipprovdi lill-SMEs b’qafas legali robust u prevedibbli biex jiġi indirizzat id-dewmien fil-pagamenti kemm fir-relazzjonijiet bejn in-negozji kif ukoll bejn in-negozji u l-gvern, filwaqt li jiġi żgurat approċċ ibbilanċjat li jippreserva l-libertà tal-kuntratti;
2. Jappoġġa l-ħolqien ta’ osservatorju dwar il-ħlasijiet tard kif imħabbar fl-istrateġija għall-SMEs; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġa l-użu mifrux ta’ għodod diġitali, bħall-fatturazzjoni elettronika u s-sistemi ta’ pagament awtomatizzati sabiex jiżdiedu t-trasparenza, is-sigurtà u l-effiċjenza;
3. Jilqa’ l-pubblikazzjoni tal-pakkett tal-Att dwar l-Elenkar; jirrikonoxxi l-potenzjal tiegħu li jiffaċilita l-aċċess għall-kapital għall-SMEs u li jippermetti l-iskalabbiltà tagħhom; jirrikonoxxi li dan il-pakkett se jipprovdi opportunità biex tiġi approfondita l-unjoni tas-swieq kapitali u jiżdiedu l-investimenti fl-SMEs fl-UE kollha; jenfasizza l-ħtieġa li tingħata prijorità lill-finanzjament mill-bejgħ ta’ ishma għall-SMEs fil-proġett tal-unjoni tas-swieq kapitali;
4. Jappella għall-iżvilupp ta’ pakkett ambizzjuż ta’ investiment għall-konsumaturi biex jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament minn investituri fil-livell tal-konsumatur;
5. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li l-Qafas Temporanju għall-Kriżi u t-Tranżizzjoni jinkludi bis-sħiħ lill-SMEs fl-implimentazzjoni tiegħu; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura kompetizzjoni ġusta għall-SMEs u tipprevjeni distorsjonijiet fis-suq uniku bħala riżultat ta’ regoli dwar l-għajnuna mill-Istat laxki temporanjament; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta l-possibbiltà li tirrevedi r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat biex tipprovdi aktar flessibbiltà għall-SMEs;
6. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi riveduta d-definizzjoni attwali tal-SMEs sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess tagħhom għall-kapital ta’ riskju; jiddispjaċih li t-tisħiħ tat-tieqa għall-SMEs InvestEU ma ġiex propost matul ir-rieżami tal-qafas finanzjarju pluriennali;
7. Jisħaq fuq l-importanza li l-SMEs jiġu involuti fi programmi u riżorsi ddedikati skont il-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku, b’mod partikolari fl-iżvilupp ta’ teknoloġija nadifa;
8. Jappella għal aktar inċentivi biex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni tal-SMEs fis-sejħiet ta’ finanzjament ta’ Orizzont Ewropa, filwaqt li jiġi żgurat li s-sottopilastru dwar l-SMEs fil-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni jkollu l-flessibbiltà li jimmobilizza l-fondi malajr u li jżid il-baġit tiegħu meta jkun meħtieġ;
9. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni talloka parti mit-teknoloġiji strateġiċi proposti għall-pjattaforma tal-Ewropa speċifikament għall-SMEs;
10. Jappella għall-ħidma fuq strateġija Ewropea għall-krediti għall-esportazzjoni tal-SMEs sabiex jiġu pprovduti garanziji ta’ kreditu għall-esportazzjoni konsistenti u effettivi fl-UE kollha;
11. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu appoġġati l-kumpaniji li jesperjenzaw diffikultajiet finanzjarji billi jiġi offrut appoġġ finanzjarju u mhux finanzjarju adegwat biex jiġi evitat il-falliment; jitlob lill-Istati Membri jimplimentaw id-Direttiva dwar ir-Ristrutturar Preventiv[2];
12. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-applikazzjoni inkonsistenti tat-Test tal-SMEs matul il-valutazzjonijiet tal-impatt imwettqa mill-Kummissjoni; jisħaq li l-valutazzjonijiet tal-impatt għandhom jitwettqu matul l-abbozzar tal-abbozzi ta’ leġiżlazzjoni kollha; jappella biex it-test jiġi aġġornat matul il-proċess leġiżlattiv kollu; jirrakkomanda rieżami komprensiv tat-Test tal-SMEs, inkluż l-użu ta’ għodod xierqa biex jiġi ffaċilitat l-input tal-SMEs, ir-reviżjoni regolari tal-valutazzjonijiet tal-impatt u d-differenzjazzjoni bejn il-klassijiet ta’ daqs differenti tal-SMEs;
13. Jappella għall-applikazzjoni konsistenti tal-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” f’deliberazzjonijiet interni meta jissaħħu l-mekkaniżmi ta’ input tal-SMEs, filwaqt li tiġi spjegata r-raġuni għan-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-input tagħhom jekk ikun debitament ġustifikat; jirrikonoxxi l-importanza tal-konsultazzjonijiet mal-bord tal-SMEs u jiddispjaċih għall-fatt li l-użu tagħhom huwa ristrett minħabba nuqqas ta’ riżorsi;
14. Jappella għall-identifikazzjoni ta’ interlokutur ta’ referenza uniku fi ħdan il-Kummissjoni biex jipprovdi gwida u appoġġ ċari lill-SMEs; iħeġġeġ l-istabbiliment ta’ portal diġitali uniku li jservi bħala punt uniku ta’ servizz, li jikkonsolida l-appoġġ, il-forom u l-informazzjoni finanzjarji u mhux finanzjarji rilevanti kollha għall-SMEs;
15. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkondividu l-aħjar prattiki u jiżviluppaw proċeduri komplementari fil-livell nazzjonali, b’mod partikolari dawk li huma ta’ benefiċċju għan-negozji mikro u żgħar;
16. Jappoġġa miżuri li għandhom l-għan li jżidu l-parteċipazzjoni tal-SMEs fl-akkwist pubbliku, inklużi proċessi ta’ sejħiet għall-offerti simplifikati u li jżidu l-użu ta’ għodod diġitali għall-akkwist transfruntier;
17. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssegwi approċċ ambizzjuż għas-simplifikazzjoni, bil-għan li jkun hemm approċċ ta’ “one in, one out” fil-leġiżlazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jissimplifikaw il-proċeduri u jimplimentaw il-prinċipji ta’ “darba biss” u “diġitali b’mod awtomatiku”, filwaqt li jiffaċilitaw il-proċessi amministrattivi għall-SMEs;
18. Iħeġġeġ it-tneħħija tal-ostakli għall-operazzjonijiet kummerċjali transfruntiera u għall-investimenti intra-UE sabiex jiġi stabbilit suq uniku sħiħ għall-attivitajiet ekonomiċi kollha;
19. Jisħaq fuq l-importanza li jiġu pprovduti rekwiżiti simplifikati u perjodi bafer għall-SMEs fil-proposti leġiżlattivi biex tiġi ffaċilitata l-konformità; jappella biex ikun hemm involviment sistematiku bejn il-Kummissjoni u l-Parlament fl-abbozzar ta’ leġiżlazzjoni sekondarja, biex b’hekk tiġi żgurata l-kapaċità ta’ rispons għall-ħtiġijiet tal-SMEs;
20. Jappoġġa l-iżvilupp tat-Tabella ta’ Valutazzjoni għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex tinħoloq sistema ta’ monitoraġġ li tkun kapaċi tittraċċa l-SMEs bħala benefiċjarji u tadotta soluzzjonijiet reattivi għal kwistjonijiet emerġenti jew mhux previsti; jisħaq fuq l-importanza li tinġabar data granulari biex jiġu evalwati l-SMEs f’setturi speċifiċi;
21. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi inkluża perspettiva tal-SMEs fil-pakkett dwar il-VAT fl-era diġitali; jappella għall-iżvilupp ta’ linji gwida mfassla apposta għall-SMEs biex jappoġġaw l-aċċess modest tagħhom għall-benefiċċji tas-suq uniku;
22. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippubblika sett ta’ għodod iddedikat li jiddeskrivi l-miżuri u l-istrumenti disponibbli għall-Istati Membri biex jappoġġaw lill-SMEs matul il-kriżi tal-enerġija; iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkondividu l-aħjar prattiki, b’mod partikolari fir-rigward tal-inċentivi fiskali li jtaffu l-impatt tal-inflazzjoni u t-tfixkil fil-ktajjen tal-valur fuq l-SMEs;
23. Jenfasizza l-importanza tat-taħriġ tal-ħiliet, it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-impjegati tal-SMEs, b’mod partikolari fil-qafas tas-Sena Ewropea tal-Ħiliet 2023; iħeġġeġ l-implimentazzjoni ta’ inċentivi fiskali u tnaqqis tat-taxxa biex l-SMEs ikunu jistgħu jżommu forza tax-xogħol b’ħiliet; jissottolinja li l-għodod, bħall-Patt għall-Ħiliet, il-crash courses diġitali, in-network ta’ konsulenti dwar is-sostenibbiltà u ċ-ċentri tal-innovazzjoni diġitali, għandhom jagħtu prijorità lill-assistenza teknika lill-SMEs u lit-taħriġ tal-impjegati tagħhom; jappella biex il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa jindirizzaw b’mod adegwat il-ħtiġijiet speċifiċi tal-SMEs;
24. Jenfasizza l-ħtieġa li jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u jiġi ssimplifikat ir-reklutaġġ ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi bi kwalifiki għall-SMEs, inkluż billi tiġi esplorata l-possibbiltà li l-industrija jew l-assoċjazzjonijiet tan-negozju jkunu jistgħu jaġixxu bħala impjegaturi ċċertifikati f’isem il-membri tal-SMEs tagħhom;
25. Jappella għall-implimentazzjoni ta’ inċentivi fiskali u politiki favorevoli biex jappoġġaw it-trażmissjoni tan-negozji tal-familja u jrawmu l-ispirtu intraprenditorjali tal-ġenerazzjoni li jmiss; iħeġġeġ valutazzjoni bir-reqqa tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Insolvenza; iħeġġeġ l-inklużjoni ta’ miżuri ta’ promozzjoni tat-trasferiment ta’ negozji fil-pakkett ta’ għajnuna għall-SMEs, bħall-faċilitazzjoni ta’ barometru mifrux fl-UE kollha għat-trasferiment ta’ negozji;
26. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE.
- [1] ĠU L 48, 23.2.2011, p. 1.
- [2] Id-Direttiva (UE) 2019/1023 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar oqfsa ta’ ristrutturar preventiv, dwar il-ħelsien mid-dejn u l-iskwalifiki, u dwar miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn, ĠU L 172, 26.6.2019, p. 18.