Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0348/2023Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0348/2023

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-istat tal-Unjoni tal-SMEs

10.7.2023 - (2023/2750(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Alex Agius Saliba, Dan Nica
f’isem il-Grupp S&D

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0346/2023

Proċedura : 2023/2750(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0348/2023
Testi mressqa :
B9-0348/2023
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B9‑0348/2023

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Istat tal-Unjoni tal-SMEs

(2023/2750(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jirreferi għas-suq intern, l-iżvilupp sostenibbli u l-ekonomija soċjali tas-suq,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Marzu 2020 bit-titolu “Strateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali” (COM(2020)0103),

 wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi tranżazzjonijiet kummerċjali[1] (id-Direttiva dwar il-Ħlas Tard),

 wara li kkunsidra d-diskors tal-2022 dwar l-Istat tal-Unjoni mill-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen fis-seduta plenarja tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Settembru 2022,

 wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-SMEs Ewropej 2022/2023 tas-27 ta’ Ġunju 2023,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) Ewropej iffaċċjaw sfidi u tbatija sinifikanti minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, bit-tnejn wasslu għal tfixkil fil-ktajjen tal-valur globali u inflazzjoni persistenti;

B. billi l-mikrointrapriżi jirrappreżentaw sehem konsiderevoli tal-SMEs Ewropej u bosta drabi jkollhom diffikultajiet biex jaċċessaw il-finanzi u jiksbu għarfien sħiħ tal-opportunitajiet disponibbli fil-livell Ewropew u f’dak nazzjonali; billi din il-kategorija ta’ intrapriżi ntlaqtet ħażin ħafna mill-kriżi tal-COVID-19 u, mingħajr preġudizzju għad-definizzjoni attwali tal-SMEs, din jistħoqqilha tirċievi aktar assistenza u tiġi promossa aħjar;

C. billi r-rapport annwali dwar l-SMEs Ewropej 2022/2023 enfasizza l-fatt li r-rati ta’ inflazzjoni kkawżaw żieda fir-rati tal-imgħax, li min-naħa tagħhom naqqsu l-aċċess għall-finanzi pubbliċi u privati; billi l-istess rapport irrakkomanda li l-miżuri biex itaffu l-impatti negattivi tal-inflazzjoni għandhom jiffukaw fuq aċċess imtejjeb għall-finanzi għall-SMEs; billi r-rapport issottolinja n-nuqqas ta’ ħaddiema tas-sengħa bħala ostaklu għall-SMEs fl-UE kollha;

D. billi matul id-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2022, il-President tal-Kummissjoni ħabbret li l-Kummissjoni kienet ser tipproponi pakkett ta’ għajnuna għall-SMEs; billi ħabbret ukoll li d-Direttiva dwar il-Ħlas Tard ser tiġi riveduta peress li kienx ġust li wieħed minn kull erba’ fallimenti fl-UE huma dovuti għal fatturi li ma jitħallsux fil-ħin;

E. billi l-Parlament Ewropew, li jirrappreżenta l-interessi taċ-ċittadini Ewropej, jirrikonoxxi r-rwol kruċjali tal-SMEs fit-trawwim tat-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi u l-koeżjoni soċjali;

1. Jappella għall-adozzjoni urġenti ta’ Direttiva riveduta dwar il-Ħlas Tard, li tipprovdi lill-SMEs b’qafas legali robust u prevedibbli biex jiġi indirizzat id-dewmien fil-pagamenti kemm fir-relazzjonijiet bejn in-negozji kif ukoll bejn in-negozji u l-gvern, filwaqt li jiġi żgurat approċċ ibbilanċjat li jippreserva l-libertà tal-kuntratti;

2. Jappoġġja l-istabbiliment ta’ osservatorju dwar il-ħlasijiet tard kif imħabbar fl-Istrateġija għall-SMEs; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġja l-użu mifrux ta’ għodod diġitali, bħall-fatturazzjoni elettronika u l-proċessi ta’ pagament awtomatizzati sabiex jiżdiedu t-trasparenza, is-sigurtà u l-effiċjenza;

3. Jilqa’ l-pubblikazzjoni tal-pakkett tal-Att dwar l-Elenkar; jagħraf il-potenzjal tiegħu li jiffaċilita l-aċċess għall-kapital għall-SMEs u jippermetti l-iskalabbiltà tagħhom; jirrikonoxxi l-opportunità li tiġi approfondita l-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU) sabiex jiżdiedu l-investimenti fl-SMEs madwar l-UE u jenfasizza l-ħtieġa li tingħata prijorità lill-finanzjament tal-ekwità għall-SMEs fi ħdan il-proġett tas-CMU;

4. Jieħu nota tal-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ pakkett ta’ investiment għall-konsumaturi li jista’ jiffaċilita l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament minn investituri fil-livell tal-konsumatur;

5. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li l-implimentazzjoni tal--Qafas Temporanju għall-Kriżijiet u t-Tranżizzjoni tinkludi bis-sħiħ l-SMEs; jappella lill-Kummissjoni tiżgura kompetizzjoni ġusta għall-SMEs u tipprevjeni distorsjonijiet fis-suq uniku kkawżati minn illaxkar temporanju ta’ regoli dwar l-għajnuna mill-Istat; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta reviżjoni possibbli tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat sabiex tevalwa kif l-interessi tal-SMEs jiġu salvagwardjati;

6. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-SMEs għall-kapital ta’ riskju; jiddispjaċih li ma hemm ebda proposta biex tissaħħaħ it-tieqa għall-SMEs f’InvestEU fir-rieżami tal-qafas finanzjarju pluriennali;

7. Jisħaq fuq l-importanza li l-SMEs jiġu involuti fi programmi u riżorsi ddedikati fil-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku, b’mod partikolari fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti;

8. Jappella għal aktar inċentivi biex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni tal-SMEs fis-sejħiet ta’ finanzjament ta’ Orizzont Ewropa, filwaqt li jiġi żgurat li s-sottopilastru dwar l-SMEs fil-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni jkollu l-flessibbiltà li jimmobilizza l-fondi malajr u li jżid il-baġit tiegħu meta jkun meħtieġ;

9. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni talloka parti mit-teknoloġiji strateġiċi proposti għall-Pjattaforma tal-Ewropa speċifikament għall-SMEs;

10. Itenni l-importanza li l-investimenti jiġu diretti lejn l-SMEs bħala kontribut għat-tnaqqis tal-inugwaljanzi soċjali;

11. Jappella biex tiġi aċċelerata l-ħidma fuq l-strateġija Ewropea dwar il-krediti għall-esportazzjoni għall-SMEs sabiex tiġi pprovduta ġabra ta’ garanziji ta’ kreditu għall-esportazzjoni li jkunu konsistenti u effettivi fl-UE kollha;

12. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu appoġġjati l-kumpaniji, b’mod partikolari l-SMEs, li jesperjenzaw diffikultajiet finanzjarji billi jiġi offrut appoġġ finanzjarju u mhux finanzjarju adegwat biex jiġi evitat il-falliment; jappella lill-Istati Membri jimplimentaw id-Direttiva dwar ir-Ristrutturar Preventiv[2];

13. Jesprimi tħassib dwar l-applikazzjoni inkonsistenti tat-test tal-SMEs matul il-valutazzjonijiet tal-impatt imwettqa mill-Kummissjoni; jisħaq li l-valutazzjonijiet tal-impatt għandhom jitwettqu qabel u wara l-abbozzar tal-abbozzi ta’ leġiżlazzjoni kollha; jappella biex it-test jiġi aġġornat matul il-proċess leġiżlattiv kollu; jirrakkomanda rieżami komprensiv tat-test tal-SMEs, bl-introduzzjoni tal-użu ta’ għodod xierqa biex jiġi ffaċilitat l-input tal-SMEs, ir-reviżjoni regolari tal-valutazzjonijiet tal-impatt u d-differenzjazzjoni bejn il-kategoriji tad-daqs differenti tal-SMEs;

14. Jappella għall-applikazzjoni konsistenti tal-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” f’deliberazzjonijiet interni u għat-tisħiħ tal-mekkaniżmi ta’ input tal-SMEs, bi spjegazzjoni tar-raġuni għan-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-input tagħhom jekk ikun debitament ġustifikat; jirrikonoxxi l-importanza tal-konsultazzjonijiet tal-bord tal-SMEs u jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ riżorsi li jillimita l-użu tagħhom;

15. Jappella għall-għażla ta’ punt uniku ta’ kuntatt fi ħdan il-Kummissjoni biex jipprovdi gwida u appoġġ ċari lill-SMEs; iħeġġeġ l-istabbiliment ta’ portal diġitali uniku li jservi bħala punt uniku ta’ servizz li jikkonsolida l-appoġġ, il-forom u l-informazzjoni finanzjarji u mhux finanzjarji rilevanti kollha għall-SMEs;

16. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkondividu l-aħjar prattiki u jiżviluppaw proċeduri komplementari fil-livell nazzjonali, b’mod partikolari dawk li huma ta’ benefiċċju għall-kumpaniji mikro u żgħar;

17. Jappoġġja l-introduzzjoni ta’ miżuri li jżidu l-parteċipazzjoni tal-SMEs fl-akkwist pubbliku, inklużi proċessi ta’ sejħiet għall-offerti simplifikati u li jżidu l-użu ta’ għodod diġitali għall-akkwist transfruntier;

18. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssegwi approċċ ambizzjuż għas-semplifikazzjoni u li tapplika l-prinċipju ta’ “one in, one out” fil-leġiżlazzjoni; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jissemplifikaw il-proċeduri u jimplimentaw il-prinċipji ta’ “darba biss” u “diġitali b’mod awtomatiku”, li b’hekk jiffaċilitaw il-proċessi amministrattivi għall-SMEs;

19. Jappella għat-tneħħija urġenti tal-ostakli għall-operazzjonijiet kummerċjali transfruntiera u għall-investimenti intra-UE sabiex jiġi stabbilit suq uniku sħiħ għall-attivitajiet ekonomiċi kollha;

20. Jisħaq fuq l-importanza li jiġu introdotti rekwiżiti simplifikati u perjodi ta’ riżerva għall-SMEs fil-proposti leġiżlattivi sabiex tiġi ffaċilitata l-konformità; jappella biex ikun hemm involviment sistematiku bejn il-Kummissjoni u l-Parlament fl-abbozzar ta’ leġiżlazzjoni sekondarja, li jiżgura rispons għall-ħtiġijiet tal-SMEs;

21. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi inkluża l-perspettiva tal-SMEs fil-VAT (taxxa fuq il-valur miżjud) fil-pakkett dwar l-Era Diġitali; jappella għall-iżvilupp ta’ linji gwida mfassla apposta għall-SMEs biex jappoġġjaw l-aċċess modest tagħhom għall-benefiċċji tas-suq uniku;

22. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippubblika sett ta’ għodod iddedikat għall-SMEs li jiddeskrivi l-miżuri u l-istrumenti disponibbli għall-Istati Membri biex jappoġġjaw lill-SMEs matul il-kriżi tal-enerġija; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jikkondividu l-aħjar prattiki, b’mod partikolari fir-rigward tal-politiki fiskali li jtaffu l-impatt tal-inflazzjoni u t-tfixkil fil-ktajjen tal-valur fuq l-SMEs;

23. Jenfasizza l-importanza tat-taħriġ tal-ħiliet, it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-impjegati tal-SMEs, b’mod partikolari matul is-Sena tal-Ħiliet 2023; iħeġġeġ l-implimentazzjoni ta’ inċentivi fiskali u tnaqqis tat-taxxa biex l-SMEs ikunu jistgħu jżommu forza tax-xogħol b’ħiliet; jissottolinja li inizjattivi bħall-Patt għall-Ħiliet, il-crash courses diġitali, in-network ta’ konsulenti dwar is-sostenibbiltà u ċ-ċentri tal-innovazzjoni diġitali, għandhom jagħtu prijorità lill-assistenza teknika lill-SMEs u lit-taħriġ tal-impjegati tagħhom; jappella biex il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa jindirizzaw b’mod adegwat il-ħtiġijiet speċifiċi tal-SMEs; huwa tal-fehma li l-litteriżmu diġitali, il-litteriżmu fl-akkwist pubbliku u l-edukazzjoni finanzjarja u l-ħiliet ta’ ġestjoni tal-katina tal-provvista huma essenzjali biex tiżdied il-kompetittività tal-SMEs;

24. Ifakkar fl-importanza tal-promozzjoni tad-djalogu soċjali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-SMEs, skont il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali;

25. Jiddispjaċih dwar il-fatt li d-differenza bejn il-ġeneri għadha tippersisti fl-intraprenditorija u l-aċċess għall-finanzjament għall-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju mmexxija min-nisa; jilqa’ l-inizjattiva ta’ finanzjament sensittiv għall-ġeneru; jappella lill-Kummissjoni tivvaluta l-ostakli li għadhom jipprevjenu lin-nisa milli jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal intraprenditorjali tagħhom u ssaħħaħ l-iskambju tal-aħjar prattiki fir-rigward tat-tisħiħ tal-ħiliet tan-nisa u l-fiduċja fihom infushom f’dan il-qasam;

26. Jenfasizza l-ħtieġa li jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u jiġi ssimplifikat ir-reklutaġġ ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi bi kwalifiki għall-SMEs, inkluż billi tiġi esplorata l-possibbiltà li l-industrija jew l-assoċjazzjonijiet tan-negozju jkunu jistgħu jaġixxu bħala impjegaturi ċċertifikati f’isem il-membri tal-SMEs tagħhom;

27. Jiddeplora l-fatt li r-rata tat-taxxa effettiva għall-intrapriżi multinazzjonali (MNEs) hija normalment ħafna aktar baxxa minn dik għall-SMEs[3]; jemmen li d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2022/2523 tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar l-iżgurar ta’ livell minimu globali ta’ tassazzjoni għal gruppi ta’ intrapriżi multinazzjonali u gruppi domestiċi fuq skala kbira fl-Unjoni[4] ser tgħin tnaqqas id-diskrepanza attwali; jappella lill-Kummissjoni toħroġ proposta li tiddefinixxi u tillimita r-rikors għall-ippjanar aggressiv tat-taxxa użat biex jitnaqqas in-nuqqas ta’ kundizzjonijiet ekwi bejn l-MNEs u l-SMEs fir-rigward tal-obbligi tat-taxxa;

28. Jenfasizza d-dipendenza tal-SMEs fuq pjattaformi diġitali kbar biex jaċċessaw il-klijenti; jinnota li dawn il-pjattaformi diġitali kbar huma regolarment esposti għal rata tat-taxxa effettiva baxxa[5]; jenfasizza li l-SMEs tradizzjonali qegħdin joperaw f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fil-kummerċ elettroniku li mhumiex ekwivalenti, b’mod partikolari minħabba spejjeż ogħla u differenza kbira fil-firxa ta’ ħinijiet tal-ftuħ tagħhom; jappella lill-Kummissjoni tinvestiga kif tippromwovi tassazzjoni aktar ġusta tal-kummerċ elettroniku li tippermetti kompetizzjoni aktar ġusta għall-SMEs;

29. Jitlob b’urġenza li ssir valutazzjoni bir-reqqa tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-ristrutturar u l-insolvenza; iħeġġeġ l-inklużjoni ta’ miżuri ta’ promozzjoni tat-trasferiment ta’ negozji fil-pakkett ta’ għajnuna għall-SMEs, bħall-faċilitazzjoni ta’ barometru Ewropew għat-trasferiment ta’ negozji;

30. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE.

 

 

Aġġornata l-aħħar: 12 ta' Lulju 2023
Avviż legali - Politika tal-privatezza