MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-Istat tal-Unjoni tal-SMEs
10.7.2023 - (2023/2750(RSP))
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura
Evžen Tošenovský
fʼisem il-Grupp ECR
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0346/2023
B9‑0349/2023
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Istat tal-Unjoni tal-SMEs
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Marzu 2020 bit-titolu “Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa” (COM(2020)0102),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Marzu 2020 bit-titolu “Strateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali” (COM(2020)0103),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Mejju 2021 bit-titolu “Aġġornament tal-Istrateġija Industrijali l-Ġdida tal-2020: Nibnu Suq Uniku aktar b’saħħtu għall-irkupru tal-Ewropa” (COM(2021)0350),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi tranżazzjonijiet kummerċjali[1] (id-Direttiva dwar il-Ħlas Tard),
– wara li kkunsidra r-rapport annwali dwar l-SMEs Ewropej 2022/2023 tas-27 ta’ Ġunju 2023,
– wara li kkunsidra l-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2023,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) huma s-sinsla tal-ekonomija tagħna, peress li jirrappreżentaw 99 % tan-negozji kollha fl-UE, jimpjegaw madwar 100 miljun persuna u jirrappreżentaw aktar minn nofs il-PDG tal-Ewropa;
B. billi l-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jirreferi għas-suq uniku, l-iżvilupp sostenibbli u l-ekonomija soċjali tas-suq;
C. billi l-SMEs Ewropej iffaċċjaw sfidi u tbatija sinifikanti minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, li t-tnejn ikkawżaw tfixkil fil-ktajjen tal-valur globali u inflazzjoni persistenti;
D. billi d-diġitalizzazzjoni hija kruċjali għall-SMEs u tikkontribwixxi għal tkabbir ekonomiku b’saħħtu u l-ħolqien tal-impjiegi fis-suq uniku;
E. billi l-SMEs jiffaċċjaw sfidi fl-aċċess għall-finanzi u jeħtieġu approċċ imfassal apposta fil-livelli Ewropej u nazzjonali;
F. billi hemm bżonn li jitnaqqsu b’mod sinifikanti l-piżijiet regolatorji u amministrattivi imposti fuq l-SMEs b’riżultat ta’ regolamentazzjoni żejda, proċeduri amministrattivi kumplessi u obbligi ta’ rappurtar;
G. billi l-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2023 jirreferi għall-preżentazzjoni ta’ Pakkett ta’ Eżenzjoni għall-SMEs u jiddikjara l-intenzjoni li d-Direttiva dwar il-Ħlas Tard tiġi riveduta biex jitnaqqsu l-piżijiet għall-SMEs;
1. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt tal-leġiżlazzjoni tal-UE fuq l-SMEs u tipproponi simplifikazzjonijiet fejn meħtieġ sabiex jinħolqu kundizzjonijiet favorevoli fl-UE biex l-SMEs jinħolqu, ikunu kompetittivi u jkunu jistgħu jikbru;
2. Itenni l-importanza li, matul il-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni, jiġi applikat it-test tal-SMEs sabiex jiġu analizzati l-effetti possibbli tal-proposti leġiżlattivi tal-UE fuq l-SMEs; jisħaq li, matul it-tħejjijiet tal-abbozzi ta’ leġiżlazzjoni kollha, għandhom jitwettqu valutazzjonijiet tal-impatt;
3. Jappoġġja b’saħħa ż-żieda mill-Kummissjoni ta’ “verifika tal-kompetittività” għat-tħejjijiet tagħha għal proposti leġiżlattivi ġodda bil-għan li ssaħħaħ il-kompetittività internazzjonali u r-reżiljenza tal-ekonomija Ewropea;
4. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssegwi approċċ ambizzjuż għas-simplifikazzjoni u li timmira li tapplika l-prinċipju ta’ “one in, one out” fil-leġiżlazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jissimplifikaw il-proċeduri u jimplimentaw il-prinċipji ta’ “darba biss” u “diġitali b’mod awtomatiku”, biex b’hekk jiffaċilitaw il-proċessi amministrattivi għall-SMEs u jnaqqsu l-burokrazija;
5. Jissottolinja l-ħtieġa li tiġi evitata l-burokrazija eċċessiva u r-regolamentazzjoni żejda u li jiġi minimizzat il-piż regolatorju għall-SMEs, filwaqt li jinżammu l-ogħla standards f’oqsma differenti;
6. Jenfasizza l-importanza li jiġu introdotti rekwiżiti simplifikati għall-SMEs fil-proposti leġiżlattivi sabiex tiġi ffaċilitata l-konformità; jappella biex ikun hemm involviment sistematiku bejn il-Kummissjoni u l-Parlament fit-tħejjijiet għal leġiżlazzjoni sekondarja, li jiżgura rispons għall-ħtiġijiet tal-SMEs;
7. Jenfasizza l-importanza tat-taħriġ tal-ħiliet, it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-impjegati tal-SMEs; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jaħdmu biex itejbu l-aċċess għall-ħaddiema tas-sengħa; jitlob li l-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa jindirizzaw b’mod adegwat il-ħtiġijiet speċifiċi tal-SMEs;
8. Jenfasizza l-importanza ta’ suq uniku effiċjenti għall-kapital sabiex jiġu mobilizzati l-fondi meħtieġa biex jiġu indirizzati l-isfidi immedjati u fit-tul tal-UE, u b’hekk tittejjeb ir-reżiljenza tal-ekonomija tal-UE; jenfasizza, b’mod partikolari, li l-unjoni tas-swieq kapitali ttejjeb l-opportunitajiet għall-SMEs biex ikollhom aċċess għall-finanzjament u għalhekk tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġija tal-UE għall-SMEs;
9. Jilqa’ l-proposti leġiżlattivi reċenti biex jiġi żgurat li s-suq għas-servizzi ta’ pagament jibqa’ adattat għall-iskop tiegħu u jkun kapaċi jadatta għat-trasformazzjoni diġitali li għaddejja bħalissa; iqis li s-suq integrat tal-pagamenti tal-UE għandu jħalli liċ-ċittadini u lin-negozji jagħmlu pagamenti transfruntiera b’mod faċli u sikur daqs kemm kieku jagħmlu f’pajjiżhom stess;
10. Jissottolinja l-importanza tal-adozzjoni f’waqtha ta’ Direttiva dwar il-Ħlasijiet Tard riveduta sabiex l-SMEs jingħataw qafas legali prevedibbli biex jiġi indirizzat id-dewmien fil-pagamenti; jinnota li l-ħlasijiet tard għadhom theddida kbira għas-sopravivenza tal-SMEs, b’mod partikolari fil-klima attwali ta’ inflazzjoni għolja u żieda fl-ispejjeż tal-enerġija;
11. Jitlob aktar inċentivi biex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni tal-SMEs fis-sejħiet ta’ finanzjament ta’ Orizzont Ewropa; ifakkar li l-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni huwa programm ta’ finanzjament Ewropew uniku biex jappoġġja t-tkabbir u l-espansjoni tan-negozji ġodda u l-SMEs Ewropej;
12. Jisħaq fuq l-importanza li l-SMEs jiġu involuti fi programmi u riżorsi ddedikati fil-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku, b’mod partikolari fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji nodfa;
13. Jitlob li l-prinċipju tal-innovazzjoni jiġi applikat għall-atti legali ġodda u riveduti kollha proposti mill-Kummissjoni sabiex jiġu mħeġġa l-attivitajiet ta’ innovazzjoni; ifakkar li l-prinċipju tal-innovazzjoni jinvolvi li l-Kummissjoni tanalizza l-impatt negattiv potenzjali ta’ atti legali ġodda proposti dwar l-iżvilupp u l-introduzzjoni tal-innovazzjonijiet fis-suq;
14. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
- [1] ĠU L 48, 23.2.2011, p. 1.