Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0391/2023Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0391/2023

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dimensjonijiet standardizzati għall-bagalji tal-kabina

26.9.2023 - (2023/2774(RSP))

imressqa skont l-Artikolu 227(2) tar-Regoli ta’ Proċedura
Dolors Montserrat
f’isem il-Kumitat għall-Petizzjonijiet

Proċedura : 2023/2774(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0391/2023
Testi mressqa :
B9-0391/2023
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B9‑0391/2023

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar dimensjonijiet standardizzati għall-bagalji tal-kabina

(2023/2774(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Artikoli 24 u 227 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 91 u l-Artikolu 100(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità[1],

 wara li kkunsidra r-regoli dwar il-bagalji tal-passiġġieri tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru (IATA),

 wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) tat-18 ta’ Settembru 2014 fil-Kawża C-487/12[2] (minn hawn ’il quddiem, id-deċiżjoni tal-QĠUE fil-kawża C-487/12),

 wara li kkunsidra l-Petizzjoni 0837/2019,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 227(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi l-linji tal-ajru jistabbilixxu b’mod individwali r-regoli għan-numru ta’ biċċiet u d-daqs tal-bagalji tal-kabina tal-vjaġġaturi u kwalunkwe tariffa applikabbli;

B. billi r-rekwiżiti dwar id-daqs, il-piż u t-tip ta’ bagalji tal-kabina u dawk irreġistrati jvarjaw bejn il-linji tal-ajru; billi d-daqs tal-bagalji jiddependi wkoll mill-mudell tal-inġenju tal-ajru u l-konfigurazzjonijiet tiegħu;

C. billi r-Regolament (KE) Nru 889/2002[3], li jimplimenta l-Konvenzjoni ta’ Montreal tal-1999, jinkludi biss dispożizzjonijiet dwar il-ħsara jew it-telf tal-bagalji u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà għad-dewmien u mhux dispożizzjonijiet dwar id-daqs tal-bagalji;

D. billi l-linji tal-ajru kollha għandu jkollhom mill-inqas dimensjoni standard komuni minima għall-bagalji tal-kabina;

E. billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Diċembru 2020 bit-titolu “Strateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti – inqiegħdu t-trasport Ewropew fit-triq it-tajba għall-futur” (COM(2020)0789) tinkludi azzjonijiet biex jiġi rieżaminat ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008, kif ukoll biex jiġi rieżaminat il-qafas regolatorju tad-drittijiet tal-passiġġieri u l-Kodiċi ta’ Kondotta għal sistemi ta’ riżervazzjoni kompjuterizzata;

1. Itenni l-appoġġ tiegħu biex tiġi żgurata t-tlestija tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru bil-għan li jiżdiedu l-istandards ta’ protezzjoni u ta’ informazzjoni għall-passiġġieri, jissaħħu d-drittijiet tagħhom u jiġi żgurat li t-trasportaturi tal-ajru joperaw skont kundizzjonijiet armonizzati f’suq liberalizzat, u b’hekk tiġi ffaċilitata l-esperjenza tal-ivvjaġġar;

2. Ifakkar li, f’konformità mad-deċiżjoni tal-QĠUE[4] fil-Kawża C-487/12, il-bagalji tal-idejn (jiġifieri bagalji li ma jiġux irreġistrati) iridu jitqiesu li jikkostitwixxu “aspett meħtieġ” tat-trasport tal-passiġġieri bil-kundizzjoni li tali bagalji jissodisfaw “rekwiżiti raġonevoli” f’termini tal-piż u d-dimensjonijiet tagħhom, u li l-ġarr tagħhom ma jistax, għalhekk, ikun soġġett għal suppliment tal-prezz; iħeġġeġ lill-Istati Membri, għalhekk, jiżguraw li din id-deċiżjoni tiġi rispettata, u, sadanittant, jistinkaw għat-trasparenza fir-rigward tal-iżvelar ta’ kwalunkwe tariffa imposta għall-bagalji tal-kabina, kull meta tiġi pprovduta informazzjoni dwar il-prezz u l-iskeda ta’ titjira, sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumatur;

3. Jirrimarka li l-linji tal-ajru madwar id-dinja għandhom politiki u restrizzjonijiet differenti fir-rigward tad-daqs u l-piż tal-bagalji tal-idejn li l-passiġġieri jistgħu jtellgħu abbord, u dan spiss iwassal għal konfużjoni, inkonvenjent, esperjenzi ta’ vvjaġġar inqas komdi, dewmien u xi drabi tilwim bejn il-passiġġieri u l-persunal tal-linji tal-ajru;

4. Jirrikonoxxi li t-tħassib primarju għall-passiġġieri huwa l-politiki inkonsistenti fir-rigward tal-allowances tal-bagalji tal-idejn bejn linji tal-ajru differenti, li jistgħu jitqiesu bħala prattika abbużiva jew inġusta u li hija ta’ sfida għall-vjaġġaturi li ta’ spiss itiru ma’ linji tal-ajru differenti jew jieħdu titjiriet ta’ konnessjoni ma’ trasportaturi differenti, kif ukoll il-fatt li mhux it-trasportaturi kollha jikkonformaw mad-deċiżjoni tal-QĠUE fil-kawża C-487/12;

5. Jinnota li d-differenzi fir-regoli tal-linji tal-ajru dwar id-daqs tal-bagalji tal-kabina u dawk irreġistrati u t-tariffi imposti fuq il-passiġġieri joħolqu kostijiet moħbija meta passiġġier juża s-servizzi ta’ linji tal-ajru differenti jew ikollu jibdel il-linji tal-ajru għal raġunijiet mhux previsti jew prattiċi;

6. Ifakkar li l-“libertà tal-ipprezzar” tat-trasportaturi tal-ajru fir-rigward tan-nollijiet tal-ajru u r-rati tal-ajru, rikonoxxuta fl-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008, ma tinkludix l-ipprezzar tal-bagalji tal-idejn;

7. Iqis li l-kostijiet moħbija u addizzjonali jillimitaw il-possibbiltà li jitqabblu l-offerti li jsiru minn linji tal-ajru differenti, li konsegwentement jillimita l-kapaċità tal-passiġġier li jagħmel għażla infurmata dwar l-aħjar offerta;

8. Jinnota li l-verifiki fuq il-post tad-dimensjonijiet tal-bagalji tal-kabina mwettqa mill-impjegati tal-linji tal-ajru, li xi drabi japplikaw ir-regoli b’mod diskrezzjonali u arbitrarju, juru li hemm fluss eċċessiv ta’ allowances ta’ daqs differenti;

9. Jemmen li l-armonizzazzjoni madwar l-UE kollha tar-rekwiżiti dwar id-daqs, il-piż u t-tip ta’ bagalji tal-kabina u dawk irreġistrati għal-linji tal-ajru kollha li joperaw fl-Unjoni Ewropea ttejjeb it-trasparenza u l-protezzjoni tal-konsumatur għall-vjaġġaturi bl-ajru kollha;

10. Jinnota li anki meta jivvjaġġaw b’annimali domestiċi żgħar fil-kabina bħala bagalji tal-kabina, id-dimensjonijiet permessi tal-basktijiet tal-ivvjaġġar jew tat-trasportaturi jvarjaw xi ftit bejn linji tal-ajru differenti, u dan jikkawża inkonvenjenzi simili;

11. Jieħu nota tal-proċess ta’ rieżami tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008;

12. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta miżuri ta’ politika konkreti biex tintegra d-deċiżjoni tal-QĠUE fil-kawża C-487/12, fejn il-bagalji tal-kabina ma jridux ikunu soġġetti għal suppliment tal-prezz, u jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu deskritti l-kamp ta’ applikazzjoni u r-rekwiżiti speċifiċi tal-piż u d-dimensjonijiet “raġonevoli” tal-bagalji tal-kabina, u li tiġi indirizzata l-kumplessità tal-istandards tal-linji tal-ajru għall-bagalji fil-kuntest tar-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008;

13. Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fir-rieżami tagħha tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 proposti biex jiġu indirizzati kwistjonijiet li jwasslu għal kostijiet moħbija, bħall-allokazzjoni ta’ postijiet jew il-kumplessità tal-offerti tal-linji tal-ajru fir-rigward tal-politika dwar il-bagalji tagħhom, bil-għan li tiġi rregolata l-kompożizzjoni tal-prezz finali;

14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

Aġġornata l-aħħar: 27 ta' Settembru 2023
Avviż legali - Politika tal-privatezza