Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0400/2023Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0400/2023

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fin-Nagorno-Karabakh wara l-attakk mill-Ażerbajġan u t-theddid kontinwu kontra l-Armenja

2.10.2023 - (2023/2879(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Markéta Gregorová, Viola von Cramon‑Taubadel, Jordi Solé, François Alfonsi, Damien Carême, Anna Cavazzini, David Cormand, Ignazio Corrao, Malte Gallée, Jakop G. Dalunde, Alice Kuhnke, Pär Holmgren, Bronis Ropė, Mounir Satouri, Francisco Guerreiro, Michèle Rivasi, Saskia Bricmont, Nicolae Ştefănuță, Tineke Strik
f’isem il-Grupp Verts/ALE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0393/2023

Proċedura : 2023/2879(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0400/2023
Testi mressqa :
B9-0400/2023
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B9‑0400/2023

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fin-Nagorno-Karabakh wara l-attakk mill-Ażerbajġan u t-theddid kontinwu kontra l-Armenja

(2023/2879(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ażerbajġan u l-Armenja,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-21 ta’ Settembru 2023 dwar l-iżviluppi fin-Nagorno-Karabakh,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, tal-President tad-Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-Kawkasu tan-Nofsinhar u tar-Rapporteurs Permanenti tal-Parlament Ewropew dwar l-Armenja u l-Ażerbajġan rigward l-attakk tal-Ażerbajġan fuq in-Nagorno-Karabakh tad-19 ta’ Settembru 2023,

 wara li kkunsidra l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: Rapport Finali tal-Kummissjoni tal-Esperti stabbilita skont ir-Riżoluzzjoni 780 tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-1992,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Almaty tal-1991,

 wara li kkunsidra l-Ordnijiet tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja ta’ Frar u ta’ Lulju 2023,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi, tliet snin wara t-Tieni Gwerra tan-Nagorno-Karabakh, l-Ażerbajġan reġa’ attakka lin-Nagorno-Karabakh fid-19 ta’ Settembru 2023, attakk li ddeskriva bħala “operazzjoni kontra t-terroriżmu”;

B. billi, skont sorsi Armeni, mill-inqas 200 ruħ inqatlu u aktar minn 400 ndarbu;

C. billi ġie ddikjarat waqfien mill-ġlied wara medjazzjoni mill-kontinġent Russu għaż-żamma tal-paċi fir-reġjun, u wara dan it-tmexxija de facto qablet li twaqqaf il-ġlied u tibda taħditiet dwar ir-“riintegrazzjoni” tan-Nagorno-Karabakh fl-Ażerbajġan;

D. billi t-tmexxija de facto tan-Nagorno-Karabakh iffirmat digriet biex ixxolji l-entità sal-1 ta’ Jannar 2024;

E. billi l-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni tan-Nagorno-Karabakh ħarbet lejn l-Armenja peress li beżgħet mill-kundizzjonijiet tal-għajxien taħt il-ħakma tal-Ażerbajġan;

F. billi l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jiddefinixxi t-tindif etniku bħala l-fatt li żona ssir etnikament omoġenja bl-użu tal-forza jew l-intimidazzjoni biex persuni ta’ grupp etniku jew reliġjuż ieħor jitneħħew minn żona partikolari, u dan jikser id-dritt internazzjonali;

G. billi, filwaqt li l-awtoritajiet tal-Ażerbajġan issa qed jiddikjaraw li d-drittijiet u s-sigurtà tan-nies se jkunu protetti fin-Nagorno-Karabakh, minn Diċembru sa nofs Settembru, l-awtoritajiet tal-Ażerbajġan b’mod persistenti ċaħħdu lill-popolazzjoni fin-Nagorno-Karabakh id-dritt tagħha għall-ikel u l-kura tas-saħħa u għal-libertà tal-moviment;

H. billi l-awtoritajiet tal-Ażerbajġan ħabbru r-reġistrazzjoni tar-residenti Armeni kollha tan-Nagorno-Karabakh;

I. billi tliet deċennji ta’ sforzi ta’ diplomazija u ta’ konsolidazzjoni tal-paċi min-naħa tal-OSKE, l-UE u atturi internazzjonali oħra ma rnexxilhomx jiskoraġġixxu l-użu tal-forza militari mill-Ażerbajġan;

1. Jikkundanna bil-qawwa l-attakk tal-Ażerbajġan kontra n-Nagorno-Karabakh u d-deċiżjoni tiegħu li għal darb’oħra jaqbad it-triq tal-vjolenza u t-tbatija biex jistabbilixxi bil-forza r-realtà mixtieqa tiegħu b’nuqqas totali ta’ rispett għall-ħajja tal-bniedem u d-dritt internazzjonali;

2. Jisħaq li l-kampanja militari tal-Ażerbajġan kontra n-Nagorno-Karabakh fid-19 ta’ Settembru wasslet għal eżodu immedjat tal-Armeni etniċi lejn l-Armenja, li huwa ekwivalenti għal tindif etniku kif definit mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u jikkostitwixxi, bħala tali, ksur tad-dritt internazzjonali;

3. Iħeġġeġ lill-Ażerbajġan jippermetti immedjatament id-dħul fin-Nagorno-Karabakh, inkluż permezz ta’ ftuħ mill-ġdid sħiħ tal-kuritur ta’ Lachin f’konformità mal-Ordnijiet tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja ta’ Frar u Lulju 2023, biex in-Nazzjonijiet Uniti u atturi umanitarji oħra jwettqu missjoni ta’ valutazzjoni tal-ħtiġijiet umanitarji kif ukoll jibdew jimmonitorjaw is-sitwazzjoni umanitarja fuq il-post;

4. Jisħaq li, skont id-dritt internazzjonali, l-Ażerbajġan huwa obbligat jiżgura b’mod urġenti l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fin-Nagorno-Karabakh; jitlob b’insistenza li l-Ażerbajġan jipprovdi assigurazzjonijiet ċari dwar id-drittijiet tal-bniedem lill-popolazzjoni Armena etnika li tibqa’ fir-reġjun u lil dawk li jistgħu jikkunsidraw li jirritornaw, speċjalment meta jitqies il-passat ġenerali diżastruż tal-Ażerbajġan fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob b’insistenza wkoll li l-Ażerbajġan jippermetti monitoraġġ internazzjonali f’kuntest multilaterali tal-proċess ta’ riintegrazzjoni kif ukoll l-arranġamenti ta’ governanza u tal-forzi tal-ordni li biħsiebu jintroduċi fir-reġjun;

5. Jissottolinja li filwaqt li ċ-ċivili bħalissa qed jitilqu min-Nagorno-Karabakh, l-Ażerbajġan huwa obbligat jippermettilhom li jirritornaw peress li d-dritt li wieħed jirritorna f’pajjiżu huwa prinċipju fundamentali tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

6. Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill jagħmlu pressjoni sostanzjali fuq l-awtoritajiet tal-Ażerbajġan u jitolbu b’insistenza li, minnufih, jeħilsu u jirripatrijaw lill-ex uffiċjali kollha tan-Nagorno-Karabakh, inkluż l-ex ministru tal-istat tan-Nagorno-Karabakh, Ruben Vardanyan, u lill-oħrajn kollha li nħatfu u ġew arrestati illegalment qabel u wara l-20 ta’ Settembru 2023;

7. Jisħaq li dan l-aħħar episodju ta’ aggressjoni militari tal-Ażerbajġan huwa eżempju ċar ta’ kif l-approċċ ipokrita li l-UE tadotta fil-konfront ta’ xi reġimi awtokratiċi, jiġifieri li filli tikkritika n-nuqqas ta’ rispett tagħhom tad-drittijiet tal-bniedem u d-diplomazija paċifika u filli tħabbar ftehimiet mingħajr kundizzjonijiet fil-qasam tal-enerġija, idgħajjef kwalunkwe influwenza li l-UE tixtieq li jkollha biex tiskoraġġixxi l-azzjoni militari jew tinkoraġġixxi d-demokratizzazzjoni bażika f’dawn il-pajjiżi;

8. Jiddispjaċih dwar kemm l-istituzzjonijiet tal-UE rreaġixxew bil-mod, billi r-Rappreżentant Għoli rrilaxxa dikjarazzjoni jumejn biss wara li l-Ażerbajġan beda l-attakk tiegħu kontra n-Nagorno-Karabakh;

9. Jinsisti li l-azzjoni militari mill-Ażerbajġan u l-ispostament furzat konsegwenti tal-popolazzjoni ċivili tan-Nagorno-Karabakh permezz ta’ intimidazzjoni militari se jiġu indirizzati b’rispons qawwi mill-UE;

10. Jistieden lill-Kummissjoni tirtira minnufih il-pjanijiet għall-intensifikazzjoni tar-relazzjonijiet kummerċjali tal-UE mal-Ażerbajġan fil-qasam tal-enerġija, kif imħabbar is-sena l-oħra mill-President von der Leyen, u tieħu azzjoni biex telimina għalkollox id-dipendenza tal-UE minn reġimi awtokratiċi biex tissodisfa l-ħtiġijiet tal-enerġija tagħha;

11. Jistieden ukoll lill-Kummissjoni tippreżenta rivalutazzjoni ġenerali tar-relazzjonijiet tal-UE mal-Ażerbajġan u jisħaq li l-Kummissjoni għandha tikkomunika b’mod ċar lill-Ażerbajġan liema konsegwenzi ulterjuri, inklużi sanzjonijiet immirati kontra l-awturi tal-aggressjoni, l-awtoritajiet se jissugraw f’każ ta’ passi militari addizzjonali;

12. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta mill-ġdid b’mod urġenti l-arkitettura diplomatika u ta’ sigurtà tal-UE u l-konfigurazzjonijiet ġeopolitiċi fir-reġjun usa’ tal-Kawkasu tan-Nofsinhar fid-dawl tal-fatti l-ġodda fuq il-post u l-interessi ta’ pajjiżi bħar-Russja, it-Turkija u l-Iran, iżda wkoll tiżviluppa strateġija b’reazzjoni għat-tendenza li qed tikber tar-reġimi awtokratiċi li jwarrbu l-isforzi diplomatiċi u minflok jużaw forza militari vjolenti;

13. Jitlob b’insistenza s-sospensjoni tal-ftehim ta’ faċilitazzjoni fil-qasam tal-għoti tal-viżi mal-Ażerbajġan;

14. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill isaħħu b’mod xieraq ir-riżorsi u l-mandat tal-Missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fl-Armenja biex tosserva u tirrapporta dwar is-sitwazzjoni tas-sigurtà tul in-naħa Armena tal-fruntiera internazzjonali mal-Ażerbajġan;

15. Jikkundanna l-kontinġent Russu għaż-żamma tal-paċi talli naqas milli jiddieskala s-sitwazzjoni fuq il-post qabel l-attakk tal-Ażerbajġan fid-19 ta’ Settembru u jitlob li ssir investigazzjoni indipendenti dwar ir-rwol tiegħu li wassal għall-vjolenza;

16. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill jimpenjaw ruħhom fl-Assemblea Ġenerali tan-NU u fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU rigward it-twettiq tal-istabbiliment ta’ missjoni tan-NU għaż-żamma tal-paċi fin-Nagorno-Karabakh u tul il-fruntiera internazzjonali bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan, minflok il-kontinġent unilaterali Russu għaż-żamma tal-paċi;

17. Iwissi li issa l-Ażerbajġan x’aktarx se jqawwi qalbu minħabba n-nuqqas ta’ sforzi serji ta’ deterrenza mill-komunità internazzjonali biex tkompli tibni fuq l-approċċ militari massimalista tagħha biex tiddefendi l-interessi tagħha relatati mal-konnessjoni tagħha ma’ Nakhchivan permezz tal-parti tan-Nofsinhar tal-Armenja u t-taqsimiet mhux demarkati tal-fruntiera internazzjonali tagħha mal-Armenja;

18. Iħeġġeġ lill-Ażerbajġan jafferma mill-ġdid l-impenn inekwivoku tiegħu rigward l-integrità territorjali tal-Armenja, f’konformità mad-Dikjarazzjoni ta’ Almaty tal-1991;

19. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lin-Nazzjonijiet Uniti u lil sħab internazzjonali oħra jikkollaboraw b’mod proattiv man-naħat kollha biex jipprevjenu kwalunkwe tixrid ulterjuri ta’ demm fir-reġjun u jinsistu li l-Ażerbajġan jerġa’ lura għad-diplomazija u l-multilateraliżmu biex isolvi n-nuqqas ta’ qbil territorjali;

20. Jitlob li, mill-aktar fis possibbli, jerġgħu jinbdew in-negozjati bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan dwar il-kwistjonijiet pendenti kollha bl-għan tal-konklużjoni ta’ trattat ta’ paċi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżguraw il-kapaċità tal-UE li tappoġġja b’mod kredibbli u effikaċi tali negozjati jekk naħa waħda jew iż-żewġ naħat ikunu interessati f’tali assistenza;

21. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu lill-Armenja assistenza umanitarja immedjata, inklużi akkomodazzjoni, ikel u kura medika, għall-għexieren ta’ eluf ta’ persuni spostati min-Nagorno-Karabakh li kellhom jaħarbu minn djarhom wara xhur ta’ tbatija taħt l-imblokk tal-Ażerbajġan;

22. Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-UE żżid l-appoġġ tagħha lill-Armenja fil-proċess ta’ riforma demokratika tagħha u fl-isforzi tagħha biex issaħħaħ ir-reżiljenza tagħha sabiex tipprevjeni kwalunkwe destabbilizzazzjoni interna;

23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lis-SEAE, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President, lill-Prim Ministru u lill-Parlament tal-Armenja, kif ukoll lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ażerbajġan.

 

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Ottubru 2023
Avviż legali - Politika tal-privatezza