Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0453/2023Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0453/2023

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-effikaċja tas-sanzjonijiet tal-UE fuq ir-Russja

6.11.2023 - (2023/2905(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Pedro Marques, Tonino Picula, Thijs Reuten
f’isem il-Grupp S&D

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0453/2023

Proċedura : 2023/2905(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0453/2023
Testi mressqa :
B9-0453/2023
Dibattiti :
Testi adottati :

B9‑0453/2023

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-effikaċja tas-sanzjonijiet tal-UE fuq ir-Russja

(2023/2905(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna,

 wara li kkunsidra l-Karta tan-NU, b’mod partikolari l-Artikolu 41 tagħha dwar miżuri li ma jinvolvux l-użu ta’ forza armata,

 wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK tas-17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina[1], u l-emendi sussegwenti kollha,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi minn Frar 2022, l-UE adottat għadd għoli bla preċedent ta’ miżuri restrittivi, jew sanzjonijiet, relatati mal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, bil-għan li jtemmu l-gwerra, li jimminaw il-kapaċità ekonomika, finanzjarja u militari tar-Russja biex issostni l-isforz tal-gwerra, id-difiża tal-integrità territorjali tal-Ukrajna u s-sikurezza tal-popolazzjoni tagħha u li jiżguraw ir-rispett għad-dritt internazzjonali u l-prinċipji tal-Karta tan-NU;

B. billi l-ewwel sett ta’ sanzjonijiet, li jikkonsisti fi projbizzjoni li tiġi ffinanzjata l-Federazzjoni Russa, il-gvern tagħha u l-bank ċentrali, ġie adottat mill-Kunsill fit-23 ta’ Frar 2022 bħala reazzjoni għad-deċiżjoni tal-President tal-Federazzjoni Russa fil-21 ta’ Frar 2022 li jirrikonoxxi ż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern tal-oblasts ta’ Donetsk u Luhansk tal-Ukrajna bħala entitajiet indipendenti u d-deċiżjoni sussegwenti li jintbagħtu truppi Russi f’dawn iż-żoni;

C. billi l-Kunsill minn dak iż-żmien adotta għaxar pakketti addizzjonali ta’ sanzjonijiet fil-25 u fit-28 ta’ Frar 2022, fil-15 ta’ Marzu 2022, fit-8 ta’ April 2022, fit-3 ta’ Ġunju 2022, fil-21 ta’ Lulju 2022, fis-6 ta’ Ottubru 2022, fis-16 ta’ Diċembru 2022, fil-25 ta’ Frar 2023 u fit-23 ta’ Ġunju 2023; billi dawn il-miżuri restrittivi jinkludu: il-projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-iffriżar tal-assi li jaffettwaw kważi 1 800 individwu u entità; restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni u l-importazzjoni f’diversi setturi, inkluża projbizzjoni fuq l-importazzjonijiet taż-żejt mhux maħdum minn Diċembru 2022 u projbizzjoni fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-petroleum rraffinati minn Frar 2023, bl-eċċezzjoni ta’ prodotti relatati mas-saħħa, mal-farmaċewtiċi, mal-ikel u mal-agrikoltura; il-projbizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju kif ukoll oġġetti li jistgħu jikkontribwixxu għall-kapaċitajiet ta’ difiża u sigurtà tar-Russja; il-projbizzjoni ta’ finanzjament pubbliku jew assistenza finanzjarja għal kummerċ mar-Russja jew investiment fiha; sett ta’ projbizzjonijiet fis-settur tal-avjazzjoni inkluża l-projbizzjoni ta’ titjiriet li jgħaddu fuq l-ispazju tal-ajru tal-UE u l-aċċess għall-ajruporti tal-UE minn trasportaturi Russi; projbizzjoni fuq firxa ta’ interazzjonijiet u tranżazzjonijiet finanzjarji mar-Russja; il-projbizzjoni fuq it-tranżazzjonijiet kollha mal-Bank Ċentrali Russu; l-esklużjoni ta’ banek Russi ewlenin mis-sistema ta’ messaġġi finanzjarji SWIFT; is-sospensjoni tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni ta’ ċerti strumenti ta’ diżinformazzjoni Russi li huma proprjetà tal-Istat jew appoġġjati mill-Istat; u diversi pakketti oħra ta’ miżuri ekonomiċi settorjali u projbizzjonijiet finanzjarji u kummerċjali;

D. billi, barra minn hekk, il-Kunsill impona miżuri restrittivi fl-ambitu tar-Reġim Globali ta’ Sanzjonijiet tal-UE b’rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem fuq diversi individwi responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fil-Federazzjoni Russa u fit-territorji tal-Ukrajna li r-Russja okkupat temporanjament, u impona sanzjonijiet diplomatiċi bħas-sospensjoni tal-ftehim dwar il-faċilitazzjoni tal-viża bejn l-UE u r-Russja u ċ-ċaħda ta’ trattament tan-nazzjon l-aktar iffavorit għall-prodotti u għas-servizzi Russi fis-swieq tal-UE;

E. billi l-UE adottat ukoll sanzjonijiet addizzjonali kontra l-Belarussja, b’rispons għall-involviment tagħha fil-gwerra ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna, u l-Iran, fir-rigward tal-użu ta’ droni Iranjani fil-gwerra tar-Russja;

F. billi f’Mejju 2023, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà ppropona li jiġi stabbilit reġim orizzontali komuni ta’ sanzjonijiet kontra l-korruzzjoni għall-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) u ppreżenta proposta għal regolament tal-Kunsill dwar miżuri restrittivi kontra atti serji ta’ korruzzjoni; billi l-flussi finanzjarji illeċiti kontinwi, inklużi l-korruzzjoni ta’ livell għoli u l-ħasil tal-flus, huma parti integrali mill-politika estera u ta’ sigurtà tar-Russja u huma kritiċi għall-finanzjament tal-forzi militari tar-Russja;

G. billi, barra minn hekk, l-UE ddeċidiet li żżid il-ksur ta’ miżuri restrittivi mal-lista ta’ reati partikolarment serji, l-hekk imsejħa reati tal-UE, skont l-Artikolu 83(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni ppreżentat proposta għal Direttiva dwar id-definizzjoni ta’ reati kriminali u ta’ pieni għall-ksur ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni; billi din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi armonizzati dwar il-ksur ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni u tiżgura d-disponibbiltà ta’ pieni kriminali effettivi, dissważivi u proporzjonati għal reati serji f’dan il-qasam; billi l-Parlament għandu l-ambizzjoni li jikkonkludi n-negozjati mill-aktar fis possibbli;

H. billi l-miżuri restrittivi, jew is-sanzjonijiet, huma waħda mill-għodod disponibbli fil-PESK; billi dawn huma ġeneralment parti minn approċċ ta’ politika komprensiv li jinkludi d-djalogu politiku, il-koordinazzjoni multilaterali u l-isforzi diplomatiċi bl-għan li jiġu miġġielda ċerti politiki u attivitajiet u dawn ma għandhomx jiġu ppreżentati bħala miżura punittiva;

I. billi s-sanzjonijiet tal-UE ma għandhomx fil-mira tagħhom pajjiż jew popolazzjoni iżda politiki jew attivitajiet speċifiċi, il-mezzi biex jitwettqu u dawk responsabbli għalihom, bħal gvernijiet, entitajiet jew individwi, u jikkonformaw mal-obbligi skont id-dritt internazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

J. billi l-gwerra bla ħniena tar-Russja kontra l-Ukrajna, il-kapaċità apparenti tagħha li tixtri munizzjon, tagħmir u komponenti militari ġodda u l-kapaċità ekonomika, finanzjarja u militari kontinwa tagħha li ssostni l-isforz tal-gwerra jqajmu dubji dwar l-effikaċja tas-sanzjonijiet eżistenti kontra r-Russja, b’mod partikolari fir-rigward tal-eżenzjonijiet persistenti u l-lakuni mhux intenzjonati, in-nuqqas ta’ implimentazzjoni jew infurzar, l-evitar u l-possibbiltajiet li tissaħħaħ u titwessa’ l-koordinazzjoni internazzjonali;

1. Itenni l-kundanna tiegħu, bl-aktar mod qawwi, tal-gwerra ta’ aggressjoni mhux ipprovokata, illegali u mhux iġġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna u tal-involviment tar-reġim ta’ Lukashenka fil-Belarussja; jistieden lir-Russja ttemm immedjatament l-attivitajiet militari kollha fl-Ukrajna u tirtira kompletament u mingħajr kundizzjonijiet il-forzi, il-proxies u t-tagħmir militari kollha mit-territorju kollu tal-Ukrajna rikonoxxut internazzjonalment, ittemm id-deportazzjonijiet furzati tagħha ta’ ċivili Ukreni u teħles lill-Ukreni kollha detenuti u deportati, b’mod partikolari t-tfal;

2. Jenfasizza li s-sanzjonijiet tal-UE la jimmiraw lejn ir-Russja bħala pajjiż u lanqas lejn il-popolazzjoni tagħha, iżda għandhom l-għan li jtemmu l-gwerra mhux ipprovokata, illegali u mhux iġġustifikata ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna;

3. Jissottolinja li l-objettiv tas-sanzjonijiet tal-UE b’rispons għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna huwa li jdgħajfu b’mod strateġiku l-bażi ekonomika u industrijali Russa, b’mod partikolari l-kumpless militari-industrijali, sabiex tiddgħajjef il-kapaċità tal-Federazzjoni Russa li tkompli twettaq il-gwerra, tattakka l-popolazzjoni ċivili u tikser l-integrità territorjali tal-Ukrajna, kif ukoll li jfixklu l-aċċess tar-Russja għat-teknoloġiji u għall-komponenti militari u li jimmiraw l-eliti politiċi u ekonomiċi Russi biex jiġi mminat l-appoġġ tagħhom għar-reġim;

4. Jilqa’ l-adozzjoni b’ħeffa ta’ sanzjonijiet severi mill-Kunsill mill-bidu tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, li tirrifletti l-fatt li l-azzjonijiet tar-Russja jikkostitwixxu ksur serju tad-dritt internazzjonali u tal-Karta tan-NU u li jmorru kontra l-obbligi tagħha bħala membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, bħaż-żamma tal-paċi u s-sigurtà;

5. Jesprimi l-appoġġ tiegħu lill-Kunsill u lill-Istati Membri għall-11-il pakkett ta’ sanzjonijiet adottati s’issa u jistieden lill-Kunsill jibqa’ jinteressa ruħu fil-kwistjoni biex jirrieżamina u jkompli jsaħħaħ l-effikaċja tas-sanzjonijiet, b’enfasi fuq miżuri ta’ infurzar u kontra ċ-ċirkomvenzjoni; jistieden lill-Istati Membri kollha jikkontribwixxu b’mod attiv għaż-żamma tal-għaqda b’rabta mas-sanzjonijiet u għalhekk jappella għall-provvista sistemika ta’ perjodi ta’ tiġdid għar-reġimi ta’ sanzjonijiet relatati mal-azzjonijiet tar-Russja kontra l-Ukrajna ta’ mhux inqas minn tnax-il xahar; jitlob li jiġu riflessi s-sanzjonijiet imposti fuq ir-Russja kontra r-reġim illeġittimu ta’ Lukashenka fil-Belarussja peress li huwa kompliċi b’mod serju fil-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna;

6. Jinnota li l-pakketti ta’ sanzjonijiet tal-UE għadhom ma żviluppawx l-impatt sħiħ tagħhom fit-tul; jesprimi t-tħassib tiegħu li r-Russja xorta waħda għandha mnejn tkun tista’ tintensifika l-isforzi tal-gwerra tagħha kontra l-Ukrajna fuq perjodu ta’ żmien qasir, speċjalment matul l-istaġun tax-xitwa li ġej, u għalhekk jitlob biex ikun hemm miżuri restrittivi addizzjonali bħal li jitnaqqas il-limitu massimu tal-prezz taż-żejt u li l-kumpaniji tal-assigurazzjoni tal-UE jiġu pprojbiti milli jassiguraw bastimenti tal-vjeġġi li jittrasportaw iż-żejt u l-gass Russi, li jiġu pprojbiti totalment l-importazzjonijiet kollha tal-fjuwils fossili Russi inkluż il-gass naturali likwifikat (LNG) u l-fjuwils importati permezz ta’ pipeline jew vjeġġ, kif ukoll l-importazzjonijiet ta’ prodotti nukleari Russi, li jiġu armonizzati l-istandards dwar il-kontrolli tal-esportazzjoni, li jitwessgħu s-sanzjonijiet finanzjarji, li s-sanzjonijiet jiġu estiżi għall-metalli u li jiġu pprojbiti l-importazzjonijiet tad-djamanti Russi;

7. Itenni l-appell tiegħu li jinżamm approċċ koerenti fir-rigward tas-sanzjonijiet mingħajr ma ssir ebda eżenzjoni minħabba interessi settorjali jew nazzjonali; jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri jirrikonoxxu u jaċċettaw li sanzjonijiet severi kontra l-Federazzjoni Russa inevitabbilment jinvolvu effetti negattivi fuq is-sitwazzjoni ekonomika tagħhom stess;

8. Jenfasizza l-ħtieġa ta’ għaqda, konsistenza u effikaċja kontinwi tas-sanzjonijiet tal-UE fid-dawl tal-gwerra Russa ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna; jistieden lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà jkompli jikkontribwixxi għall-għaqda fit-tul u għal aktar effikaċja billi jagħmel użu kbir mid-dritt tiegħu li jressaq proposti;

9. Iħeġġeġ l-appoġġ għall-ħidma tal-Mibgħut Speċjali Internazzjonali tal-UE għall-Implimentazzjoni tas-Sanzjonijiet tal-UE kontra ċ-ċirkomvenzjoni, inkluż billi jsir użu sħiħ mill-miżuri ta’ kontra ċ-ċirkomvenzjoni adottati bħala parti mill-11-il pakkett ta’ sanzjonijiet tal-UE, sabiex tiġi pprevenuta r-riesportazzjoni sistematika ta’ oġġetti tal-UE ssanzjonati lejn ir-Russja, li ddgħajjef serjament l-effikaċja tas-sanzjonijiet tal-UE u tfixkel l-isforzi internazzjonali biex tintemm il-gwerra; iħeġġeġ lill-pajjiżi kandidati u lill-pajjiżi kandidati potenzjali kollha għall-adeżjoni mal-UE, f’dan ir-rigward, biex jallinjaw strettament mas-sanzjonijiet tal-UE b’rispons għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna bħala sinjal tat-tħejjija tagħhom biex jassumu l-obbligi tas-sħubija fl-UE;

10. Itenni l-appell tiegħu biex tiġi stabbilita bażi ġuridika għall-konfiska tal-assi pubbliċi Russi ffriżati skont is-sanzjonijiet tal-UE bil-għan li jiġu appoġġjati l-irkupru ekonomiku u soċjali u r-rikostruzzjoni tal-Ukrajna; jenfasizza l-ħtieġa ta’ approċċ aktar armonizzat u trasparenza akbar fir-rigward tal-post u tal-ammonti totali ta’ assi ffriżati;

11. Jappella għall-armonizzazzjoni tal-pieni għal reati kriminali serji li jikkonċernaw ksur tas-sanzjonijiet tal-UE; jissottolinja li l-pieni għandhom jibqgħu proporzjonati iżda ħorox biżżejjed biex ikollhom effett ta’ deterrent; jinsisti li l-ksur tas-sanzjonijiet tal-UE minħabba negliġenza serja għandu jitqies bħala reat kriminali serju u li l-assistenza umanitarja ma għandhiex tiġi affettwata mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva proposta dwar id-definizzjoni ta’ reati kriminali u ta’ pieni għall-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni;

12. Jistieden lill-Kunsill iħaffef il-ħidma tiegħu biex jintlaħaq ftehim għall-adozzjoni malajr tar-regolament propost dwar miżuri restrittivi kontra atti serji ta’ korruzzjoni; jistieden lill-Kunsill jimponi malajr sanzjonijiet fl-ambitu ta’ dan ir-reġim il-ġdid fuq persuni fiżiċi u ġuridiċi responsabbli għal atti ta’ korruzzjoni fil-kuntest tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u li għandhom l-għan li jappoġġjaw ir-reġim Russu;

13. Jistieden lill-Istati Membri jivvalutaw u jsaħħu l-kapaċitajiet amministrattivi tagħhom biex jiżguraw implimentazzjoni malajr u infurzar strett tas-sanzjonijiet tal-UE; jappella għal ittestjar armonizzat tal-oriġini tal-fjuwils fossili, tal-LNG u tal-importazzjonijiet ta’ fjuwils fossili raffinati biex tiġi pprevenuta r-riesportazzjoni tal-enerġija Russa lejn l-UE; jilqa’ l-kjarifiki u n-noti ta’ gwida indirizzati mill-Kummissjoni lin-negozji Ewropej biex jgħinuhom jidentifikaw u jevitaw l-evażjoni; jistieden lill-Istati Membri jinvestigaw bir-reqqa l-konformità tal-kumpaniji mar-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni għall-prodotti elenkati u jimponu penali dissważivi;

14. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi biex jinfurmaw lill-pubbliku ġenerali dwar il-miżuri restrittivi tal-UE kontra r-Russja, b’mod partikolari l-objettiv tagħhom, u jagħmel użu f’dan ir-rigward tal-esperjenza tal-Mibgħut Speċjali fi sħab, organizzazzjonijiet u industriji internazzjonali konvinċenti tal-ħtieġa li tiġi pprevenuta l-evażjoni tal-isforzi li għandhom l-għan li jnaqqsu d-dħul disponibbli għall-kontinwazzjoni tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna;

15. Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, flimkien mal-Kummissjoni, iwettaq rieżami komprensiv tas-sanzjonijiet tal-UE b’rispons għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u jippreżenta proposti dwar kif jistgħu jittejbu aktar it-tħejjija, iż-żamma, il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u tal-infurzar tas-sanzjonijiet tal-UE, u l-koordinazzjoni tagħhom mal-alleati trans-atlantiċi, mas-sħab tal-G7 u tal-G20, ma’ sħab oħra tal-istess fehma u mal-membri tan-NU b’mod ġenerali;

16. Jistieden lin-negozji kollha tal-UE jeżerċitaw diliġenza partikolari meta jesportaw oġġetti li l-esportazzjoni tagħhom lejn ir-Russja hija pprojbita; jenfasizza li l-kumpaniji tal-UE u s-sussidjarji tagħhom li jinstabu li qed jiksru l-miżuri restrittivi tal-UE jeħtiġilhom jiġu skwalifikati mill-offerti u minn forom oħra ta’ finanzjament bħala parti mill-Faċilità għall-Ukrajna u minn programmi oħra ta’ rikostruzzjoni fl-Ukrajna;

17. Jenfasizza li l-effikaċja limitata tas-sanzjonijiet tissottolinja l-ħtieġa ta’ approċċ aktar komprensiv fil-konfront tar-Russja; jitlob, għalhekk, li s-sanzjonijiet tal-UE b’rispons għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna jkunu inkorporati fi strateġija politika u diplomatika komprensiva fil-konfront tar-Russja li tinkludi wkoll appoġġ għall-oppożizzjoni, għas-soċjetà ċivili u għall-media indipendenti u għall-ġurnalisti tar-Russja li huma kontra l-gwerra, il-koordinazzjoni mas-sħab internazzjonali dwar il-ġlieda kontra l-interferenza tar-Russja fil-proċessi demokratiċi u fil-kunflitti internazzjonali, u l-kooperazzjoni multilaterali effettiva biex jiġi kkumpensat it-tfixkil jew l-abbuż tal-istituzzjonijiet jew tal-mekkaniżmi multilaterali min-naħa tar-Russja;

18. Jissottolinja li kemm l-effikaċja tas-sanzjonijiet tal-UE kif ukoll il-politika tal-UE dwar il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna qed juru li huma każ ta’ prova għall-effikaċja tal-politika barranija tal-UE b’mod ġenerali;

19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukrajna.

 

Aġġornata l-aħħar: 8 ta' Novembru 2023
Avviż legali - Politika tal-privatezza