MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-effikaċja tas-sanzjonijiet tal-UE fuq ir-Russja
6.11.2023 - (2023/2905(RSP))
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura
Bernard Guetta, Petras Auštrevičius, Olivier Chastel, Katalin Cseh, Vlad Gheorghe, Karin Karlsbro, Georgios Kyrtsos, Nathalie Loiseau, Karen Melchior, Javier Nart, Urmas Paet, Dragoş Pîslaru, Dragoş Tudorache
f’isem il-Grupp Renew
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0453/2023
B9‑0454/2023
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-effikaċja tas-sanzjonijiet tal-UE fuq ir-Russja
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja u l-Ukrajna, b’mod partikolari mindu eskalat il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna fi Frar 2022,
– wara li kkunsidra l-kundanna internazzjonali wiesgħa tal-gwerra ta’ aggressjoni illegali tar-Russja kontra l-Ukrajna, u t-telf ta’ ħajjiet u l-qerda li ħolqot fl-Ukrajna,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2332 tat-28 ta’ Novembru 2022 dwar l-identifikazzjoni tal-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni bħala qasam ta’ kriminalità li jissodisfa l-kriterji speċifikati fl-Artikolu 83(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea[1],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi mill-24 ta’ Frar 2022, meta r-Russja varat mill-ġdid il-gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata, mhux ġustifikata u illegali tagħha kontra l-Ukrajna, is-sitwazzjoni ġeopolitika fl-Ewropa nbidlet fundamentalment;
B. billi l-forzi tar-Russja wettqu attakki indiskriminati kontra żoni residenzjali u infrastruttura ċivili, filwaqt li qatlu eluf ta’ persuni ċivili Ukreni, u ddeportaw bil-forza u impriġonaw illegalment ċittadini Ukreni fir-Russja u fit-territorji tal-Ukrajna okkupati mir-Russja u wettqu atti ta’ terroriżmu fil-pajjiż kollu;
C. billi mis-17 ta’ Marzu 2014, l-UE imponiet 11-il pakkett ta’ sanzjonijiet kontra r-Russja li kellhom l-għan li jdgħajfu l-bażi ekonomika tagħha u jnaqqsu l-kapaċità tagħha li twettaq gwerra, inklużi miżuri restrittivi kontra kważi 1 800 individwu u entità responsabbli għall-gwerra fl-Ukrajna jew involuti fiha, projbizzjoni fuq bosta prodotti u servizzi importati mir-Russja bħaż-żejt u l-materja prima, u projbizzjoni fuq l-esportazzjonijiet lejn ir-Russja ta’ kwalunkwe tagħmir jew komponent militari;
D. billi l-kejl tal-impatt tas-sanzjonijiet jippreżenta diversi sfidi, inkluż in-nuqqas ta’ ċifri u statistika affidabbli; billi l-impatt tas-sanzjonijiet tal-UE ma jistax jiġi sseparat faċilment mill-impatt tas-sanzjonijiet tal-Istati Uniti u ta’ sanzjonijiet oħra, mill-kontrosanzjonijiet Russi jew mill-impatt tal-gwerra tal-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna; billi, għalkemm is-sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja huma bla preċedent, l-impatt fuq l-ekonomija Russa s’issa jidher li huwa iżgħar milli inizjalment previst minn xi wħud mill-projezzjonijiet u hemm sinjali inkwetanti li l-effikaċja tas-sanzjonijiet qed tonqos; billi s-sanzjonijiet kontra r-Russja ġiegħlu u għadhom qed iġiegħlu l-miri tagħhom ifittxu b’mod permanenti għal soluzzjonijiet alternattivi li jiswew ħafna flus;
E. billi bejn Jannar 2022 u Jannar 2023, id-dħul tar-Russja mill-esportazzjoni taż-żejt u tal-gass naqas bi 38 %; billi s-sehem tar-Russja mid-domanda Ewropea għall-gass naqas minn 23 % fl-2022 għal inqas minn 10 % f’Jannar 2023; billi, skont is-Servizz tal-Istatistika tal-Istat Federali Russu (Rosstat), il-produzzjoni totali tal-gass fir-Russja naqset bi 12 % fl-2022, filwaqt li l-volum tal-produzzjoni tal-gass naturali likwifikat żdied bi 8,1 % għal-livelli rekord; billi, minkejja l-embargo tal-UE fuq l-industrija tal-faħam, il-produzzjoni tal-faħam Russa żdiedet b’0,3 % meta mqabbla mal-2021 u laħqet livell rekord;
F. billi, skont iċ-ċifri uffiċjali Russi, l-ekonomija Russa allegatament ċkienet bi 2,1 % biss fl-2022, ħafna inqas milli kien mistenni minkejja l-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna u s-sanzjonijiet internazzjonali; billi l-Fond Monetarju Internazzjonali jbassar, abbażi taċ-ċifri uffiċjali Russi, li l-ekonomija Russa se tikber bi 2,2 % fl-2023 u b’1,1 % fl-2024;
G. billi, fit-3 ta’ Diċembru 2022, il-Kunsill, flimkien mal-Istati Uniti, mar-Renju Unit, mal-Kanada, mal-Ġappun u mal-Awstralja, iddeċieda li jistabbilixxi limitu massimu tal-prezz taż-żejt ta’ USD 60 għal kull barmil; billi, f’Ottubru 2023, il-prezz medju fix-xahar taż-żejt mhux maħdum ta’ Urals, id-ditta ewlenija ta’ żejt għall-esportazzjoni tar-Russja, kien ta’ aktar minn USD 75 għal kull barmil, minkejja l-limitu massimu tal-prezz ta’ USD 60 tal-G7; billi d-dħul tar-Russja miż-żejt reġa’ tela’ fl-ewwel nofs tal-2023, u żdied għall-ogħla livell minn Novembru 2022;
H. billi r-Russja kienet kapaċi tidderieġi mill-ġdid l-esportazzjonijiet taż-żejt mhux maħdum mill-Ewropa lejn swieq alternattivi bħall-Indja, iċ-Ċina u t-Turkija; billi l-importazzjonijiet tal-UE mill-Indja u minn nazzjonijiet oħra ta’ prodotti tal-petroleum magħmula biż-żejt Russu żdiedu, u dan ħoloq rotta alternattiva għaż-żejt Russu u jimmina l-impatt tas-sanzjonijiet tal-UE;
I. billi x-xiri mill-Istati Membri tal-UE ta’ gass naturali likwifikat (LNG) Russu jew ta’ żejt ta’ oriġini Russa minn pajjiżi terzi mhuwiex ristrett u bħalissa qed jaqbeż sew il-livelli osservati qabel Frar 2022; billi r-Russja hija t-tieni l-akbar fornitur tal-LNG tal-UE, wara l-Istati Uniti biss; billi ż-żieda fl-importazzjonijiet tal-LNG mir-Russja tmur kontra l-għan tal-UE li ttemm id-dipendenza tagħha fuq il-fjuwils fossili Russi;
J. billi l-importazzjonijiet tal-UE mir-Russja naqsu minn Frar 2022; billi, minkejja s-sanzjonijiet, fil-prattika xi Stati Membri żiedu l-kummerċ mar-Russja minn Frar 2022;
K. billi serje ta’ kumpaniji tal-UE jgawdu minn derogi skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014[2] u, għalhekk, ikomplu jwettqu attivitajiet ta’ negozju ma’ entitajiet Russi li huma taħt sanzjonijiet finanzjarji u kummerċjali; billi l-kompetenza tal-għoti tad-derogi tappartjeni lill-awtoritajiet nazzjonali u l-istituzzjonijiet tal-UE huma sempliċiment infurmati dwar id-derogi mogħtija, mingħajr il-kapaċità li jikkontestawhom; billi l-Parlament u istituzzjonijiet oħra ma għandhomx aċċess għal dik l-informazzjoni essenzjali; billi din il-prattika ta’ deroga tnaqqas b’mod konsiderevoli l-impatt mixtieq tas-sanzjonijiet tal-UE, u b’hekk iċċaħħad waħda mill-għodod ewlenin tal-politika barranija tal-UE mill-effikaċja u mill-kredibbiltà;
L. billi, f’tentattiv biex tiġġieled is-sanzjonijiet, ir-Russja rrikorriet għand pajjiżi li ma imponewx sanzjonijiet fuqha biex tfittex teknoloġija u prodotti oħra; billi l-kummerċ tar-Russja maċ-Ċina laħaq rekord għoli fl-2022, żieda ta’ 30 % mill-2021, u kompla jikber b’36,5 % minn Jannar sa Lulju 2023; billi madwar nofs l-importazzjonijiet lejn ir-Russja issa jiġu miċ-Ċina, żieda minn kwart qabel il-gwerra; billi l-volum tal-kummerċ tar-Russja mal-Indja u mat-Turkija żdied ukoll b’mod sinifikanti;
M. billi diversi analiżijiet tal-armi Russi maqbuda wrew li r-Russja qed tkompli timporta komponenti kritiċi tal-Punent minħabba l-kapaċità tagħha li ssib fornituri alternattivi, bl-importazzjonijiet ta’ oġġetti ewlenin bħas-semikondutturi li saħansitra qed jilħqu livell li jaqbżu dawk ta’ qabel is-sanzjonijiet;
N. billi diversi pajjiżi li ma imponewx sanzjonijiet bħat-Turkija, il-Każakistan, il-Kirgistan, xi pajjiżi mill-Kawkasu tan-Nofsinhar u s-Serbja saru ċentri li permezz tagħhom il-kumpaniji privati jsibu rotta oħra għall-prodotti li jimportaw mill-UE lejn ir-Russja;
O. billi, fit-2 ta’ Diċembru 2022, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal Direttiva dwar id-definizzjoni ta’ reati kriminali u ta’ pieni għall-ksur ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni[3] bil-għan li jiġu ffaċilitati l-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u l-kastig ta’ ksur tas-sanzjonijiet tal-UE fl-Istati Membri kollha;
1. Itenni l-kundanna tiegħu bl-aktar mod qawwi għall-gwerra ta’ aggressjoni ta’ aggressjoni mhux provokata, illegali u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna; itenni l-appell tiegħu lir-Russja biex ittemm minnufih l-attivitajiet militari kollha fl-Ukrajna u tirtira mingħajr ebda kundizzjoni l-forzi u t-tagħmir militari kollha mit-territorju kollu rikonoxxut internazzjonalment tal-Ukrajna;
2. Ifakkar li l-effikaċja tas-sanzjonijiet internazzjonali tiddependi mis-sodezza, mill-koeżjoni, mill-kooperazzjoni, mill-onestà u mir-rispett għall-impenji tal-Istati li jkunu adottaw dawn is-sanzjonijiet;
3. Jitlob lill-Istati Membri jidentifikaw b’mod ċar l-assi barranin Russi ssanzjonati li qed jinżammu fil-ġuriżdizzjonijiet tagħhom u jiżguraw li dawn ma jitħallewx jintlaħqu b’mod effettiv mill-entitajiet Russi;
4. Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jsaħħu u jiċċentralizzaw, fil-livell tal-UE, is-sorveljanza tal-implimentazzjoni tas-sanzjonijiet u jiżviluppaw mekkaniżmu ta’ prevenzjoni u monitoraġġ tal-evażjoni tas-sanzjonijiet biex jillimitaw il-kapaċità tar-Russja li tevita s-sanzjonijiet; jistieden lill-awtoritajiet tal-Istati Membri jikkooperaw aktar mill-qrib dwar l-investigazzjonijiet ta’ ksur jew ta’ evażjoni ta’ sanzjonijiet u juru l-konsegwenzi ta’ tali ksur billi jipprevjenu u/jew jipprosegwixxu b’mod dinamiku u vigoruż il-ksur tas-sanzjonijiet tal-UE; jitlob, f’dan ir-rigward, lill-istituzzjonijiet tal-UE jilħqu ftehim malajr dwar direttiva ambizzjuża dwar id-definizzjoni ta’ reati u ta’ pieni għall-ksur ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni; jistieden lill-Kunsill Ewropew jadotta deċiżjoni li testendi s-setgħat tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew biex jinkludi r-reat ta’ ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni, li tagħti lok għal armonizzazzjoni akbar u infurzar konsistenti u uniformi ta’ tali reati madwar l-UE kollha;
5. Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jistabbilixxu sistemi li permezz tagħhom l-informazzjoni dwar it-tranżazzjonijiet tista’ tiġi kondiviża b’mod aktar effettiv sabiex jittejjeb l-infurzar tas-sanzjonijiet relatati ma’ oġġetti militari u b’użu doppju; jistieden lill-awtoritajiet tal-Istati Membri jipprovdu l-informazzjoni u l-assistenza meħtieġa lill-kumpaniji sabiex itejbu l-konformità mas-sanzjonijiet tal-UE u jikkollaboraw mal-kumpaniji li l-prodotti tagħhom qed jiġu esportati lejn ir-Russja sabiex jiġi mminimizzat ir-riskju li jiksru mingħajr ma jafu l-kontrolli tal-esportazzjoni;
6. Jistieden lill-Istati Membri jespandu l-kontrolli tal-esportazzjoni biex ikopru kategoriji usa’, jallinjaw il-kontrolli tal-esportazzjoni bejn il-ġuriżdizzjonijiet u jinfurzaw il-miżuri b’mod konsistenti biex jagħlqu l-lakuni;
7. Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jieħdu miżuri partikolari biex jipprevjenu li prodotti tat-teknoloġija avvanzata li qed jiġu esportati lejn pajjiżi terzi jispiċċaw fir-Russja, u jimmonitorjaw b’mod kostanti l-iżviluppi sabiex jidentifikaw kif jaħdmu l-iskemi ta’ evażjoni tas-sanzjonijiet u jadattaw ir-reġimi ta’ sanzjonijiet kif xieraq;
8. Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jsaħħu u jżidu l-koordinazzjoni dwar l-infurzar tas-sanzjonijiet eżistenti fuq l-esportazzjonijiet taż-żejt Russi; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jagħlqu bis-sħiħ is-suq tal-UE għall-fjuwils fossili ta’ oriġini Russa;
9. Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżguraw allinjament sħiħ bejn is-sanzjonijiet u r-regolamenti tal-UE dwar is-suq intern u jtejbu l-komunikazzjoni strateġika tal-UE dwar is-sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja u jiġġieldu kontra d-diżinformazzjoni dwarhom;
10. Iħeġġeġ lill-kumpaniji tal-pajjiżi Ewropej u tal-pajjiżi aderenti biex jirtiraw l-operazzjonijiet tagħhom mir-Russja; iqis li l-kumpaniji li jużaw derogi mill-applikazzjoni tas-sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja, u, bħala tali, iż-żamma ta’ attivitajiet ta’ negozju mar-Russja, ma għandhomx jibbenefikaw minn xi fondi tal-UE, jew minn assistenza teknika jew parteċipazzjoni fi proġetti ffinanzjati mill-UE; iqis li dawn il-kumpaniji għandhom jitqiegħdu awtomatikament fuq is-Sistema ta’ Identifikazzjoni Bikrija u ta’ Esklużjoni u li l-istatus tagħhom fuq l-għodda ta’ klassifikazzjoni tar-riskju Arachne għandu jiġi aġġornat kif xieraq;
11. Jemmen li l-istess prinċipju għandu japplika, mutatis mutandis, għall-akkwist pubbliku, fejn id-dipartimenti tal-gvern jew l-awtoritajiet lokali ma għandhomx jitħallew jixtru xogħol, oġġetti jew servizzi minn kumpaniji li jidderogaw mis-sanzjonijiet tal-UE skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014;
12. Jikkundanna l-imġiba tal-istati, tal-entitajiet, tal-fornituri tas-servizzi legali u tal-individwi li jgħinu lir-Russja tevita l-effetti tas-sanzjonijiet tal-UE; ifakkar li l-ksur tas-sanzjonijiet jirrappreżenta reat fil-livell tal-UE, u għandu impatt serju fuq l-interessi finanzjarji tal-UE; jitlob lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE, inkluż lill-Mibgħut Speċjali Internazzjonali għall-Implimentazzjoni tas-Sanzjonijiet tal-UE, biex jintensifikaw il-ħidma tagħhom ħalli jillimitaw l-evażjoni u ċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet tal-UE fuq ir-Russja; jisħaq li l-assi kkonfiskati bħala riżultat ta’ ksur tas-sanzjonijiet iridu jintużaw għall-kumpens tal-vittmi tal-aggressjoni Russa, kif ukoll għar-rikostruzzjoni u għar-riformi tal-infrastruttura (skont il-Faċilità għall-Ukrajna);
13. Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jivvalutaw mill-ġdid ir-relazzjonijiet tagħhom ma’ pajjiżi li ma jagħmlux biżżejjed sforzi biex jillimitaw l-evażjoni u ċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet tal-UE fuq ir-Russja, inkluża l-assistenza finanzjarja pprovduta lil dawn il-pajjiżi u kwalunkwe aċċess preferenzjali għas-swieq tal-UE;
14. Jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jżommu l-għaqda tal-UE u jagħmlu pressjoni akbar fuq ir-Russja u l-alleati tagħha, inkluż permezz ta’ pakketti ta’ sanzjonijiet ulterjuri li jkollhom l-għan li jillimitaw b’mod strateġiku l-kapaċità tar-Russja li tissostitwixxi t-tagħmir militari li jkun inqered tagħha u tiffinanzja l-kampanja ta’ gwerra tagħha;
15. Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jaħdmu mal-G7 biex inaqqsu l-limitu massimu tal-prezz fuq iż-żejt u l-prodotti tal-petroleum Russi, jimponu embargo fuq l-importazzjonijiet tal-LNG Russi fl-UE u fuq l-importazzjoni ta’ fjuwil u prodotti oħra tal-petroleum minn pajjiżi terzi jekk dawk il-prodotti jkunu ġew prodotti bl-użu taż-żejt Russu u jipprojbixxu l-vjeġġ ta’ esportazzjonijiet tal-LNG Russi mit-territorju tal-UE; jitlob lill-UE tintroduċi limiti massimi tal-prezzijiet u tal-volum fuq l-importazzjonijiet tal-fertilizzanti Russi u Belarussi fl-UE;
16. Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jimponu sanzjonijiet fuq il-kumpaniji taż-żejt Russi ewlenin kollha, fuq Gazprombank, fuq is-sussidjarji tagħhom u fuq il-bordijiet u l-maniġment tagħhom;
17. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jespandu s-sanzjonijiet biex jinkludu projbizzjoni sħiħa fuq il-kummerċjalizzazzjoni u l-qtugħ ta’ djamanti ta’ oriġini Russa jew esportati mill-ġdid mir-Russja fl-UE;
18. Jilqa’ t-tħabbira mill-Gvern Belġjan dwar it-tassazzjoni tar-rikavat miksub mill-assi immobbilizzati li huma proprjetà tar-Russja miżmuma minn Euroclear; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jsibu toroq legali li jippermettu l-konfiska tal-assi Russi ffriżati u l-użu tagħhom biex jiġu indirizzati d-diversi konsegwenzi tal-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, inklużi r-rikostruzzjoni tal-Ukrajna u l-kumpens għall-vittmi tal-aggressjoni tar-Russja;
19. Jappella biex jissaħħu l-miżuri restrittivi kontra r-reġim fil-Belarussja peress li r-reġim ta appoġġ politiku, finanzjarju, operazzjonali u loġistiku kontinwu lil Moska fl-aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna;
20. Itenni l-pożizzjoni tiegħu dwar iż-żamma ta’ kooperazzjoni trans-Atlantika robusta bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar is-sanzjonijiet, l-għeluq ta’ kwalunkwe lakuna li tista’ tippermetti lir-Russja tevita s-sanzjonijiet u tissimplifika l-kontrolli tal-esportazzjoni;
21. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-President, lill-Gvern u lill-Verkhovna Rada tal-Ukrajna, u lill-awtoritajiet Russi u Belarussi.
- [1] ĠU L 308, 29.11.2022, p. 18.
- [2] Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 tas-17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, ĠU L 78, 17.3.2014, p. 6.
- [3] Proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-definizzjoni ta’ reati kriminali u ta’ pieni għall-ksur ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni (COM(2022)0684).