Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0490/2023Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0490/2023

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li ġġedded l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom, li jikkonsistu minn jew li huma prodotti mil-lift ġenetikament modifikat Ms8, Rf3 u Ms8 × Rf3 skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

4.12.2023 - (D092595/03 – 2023/2995(RSP))

imressqa skont l-Artikolu 112(2) u (3) tar-Regoli ta’ Proċedura

Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
Membri responsabbli: Martin Häusling, Anja Hazekamp, Sirpa Pietikäinen, Günther Sidl

Proċedura : 2023/2995(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0490/2023
Testi mressqa :
B9-0490/2023
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B9‑0490/2023

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li ġġedded l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom, li jikkonsistu minn jew li huma prodotti mil-lift ġenetikament modifikat Ms8, Rf3 u Ms8 × Rf3 skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(D092595/03 – 2023/2995(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li ġġedded l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom, li jikkonsistu minn jew li huma prodotti mil-lift ġenetikament modifikat Ms8, Rf3 u Ms8 × Rf3 skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (D092595/03),

 wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[1], u b’mod partikolari l-Artikolu 11(3) u l-Artikolu 23(3) tiegħu,

 wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni[2],

 wara li kkunsidra l-opinjoni adottata mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) fil-15 ta’ Marzu 2023, u ppubblikata fis-26 ta’ April 2023[3],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu li joġġezzjonaw għall-awtorizzazzjoni ta’ organiżmi ġenetikament modifikati (“OĠM”)[4],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 112(2) u (3) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

A. billi fit-8 ta’ Frar 2021, BASF SE, ibbażata fil-Ġermanja, f’isem BASF Agricultural Solutions Seed US LLC, ibbażata fl-Istati Uniti, issottomettiet applikazzjoni lill-Kummissjoni għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom, li jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mil-lift ġenetikament modifikat Ms8, Rf3 u Ms8 × Rf3;

B. billi fis-26 ta’ April 2023, l-EFSA ħarġet opinjoni xjentifika favorevoli;

C. billi l-lift ġenetikament modifikat ġie modifikat bl-inġinerija biex ikun tolleranti għall-glufosinate;

Nuqqas ta’ valutazzjoni tal-erbiċida komplementari

D. billi r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 503/2013[5] jirrikjedi valutazzjoni ta’ jekk il-prattiki agrikoli mistennija jinfluwenzawx l-eżitu tal-punti ta’ tmiem studjati; billi, skont dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, dan huwa speċjalment rilevanti għall-pjanti tolleranti għall-erbiċidi;

E. billi l-maġġoranza tal-għelejjel ġenetikament modifikati ġew modifikati ġenetikament biex ikunu tolleranti għal erbiċida “komplementari” wieħed jew iktar li jistgħu jintużaw tul il-kultivazzjoni tal-għalla ġenetikament modifikat, mingħajr ma l-għalla jmut, kif ikun il-każ għal għalla mhux tolleranti għall-erbiċida; billi għadd ta’ studji juru li l-għelejjel ġenetikament modifikati tolleranti għall-erbiċidi jirriżultaw f’użu ogħla ta’ erbiċidi komplementari, partikolarment minħabba l-emerġenza ta’ ħaxix ħażin tolleranti għall-erbiċidi[6];

F.  billi l-għelejjel ġenetikament modifikati tolleranti għall-erbiċidi jaqflu lill-bdiewa f’sistema ta’ ġestjoni tal-ħaxix ħażin li tiddependi fil-biċċa l-kbira jew kompletament mill-erbiċidi, u dan billi ż-żrieragħ ġenetikament modifikati jinbiegħu għal prezz ogħla li jista’ jiġi ġġustifikat biss jekk il-bdiewa li jixtru din iż-żerriegħa jbexxu wkoll bl-erbiċida komplementari; billi dipendenza akbar fuq id-dikamba fl-irziezet li jiżirgħu l-lift ġenetikament modifikat ser taċċelera l-emerġenza u t-tixrid ta’ ħaxix ħażin reżistenti għad-dikamba, u b’hekk tiskatta l-ħtieġa ta’ użu saħansitra akbar tal-erbiċidi, li huwa ċirku vizzjuż magħruf bħala “it-treadmill tal-erbiċida”; billi, b’konsegwenza ta’ dan, l-impatti negattivi li joriġinaw mid-dipendenza eċċessiva fuq l-erbiċidi ser jaggravaw is-saħħa tal-ħamrija, il-kwalità tal-ilma, u l-bijodiversità fuq u taħt l-art, kif ukoll se jwasslu għal esponiment akbar tal-bniedem u tal-annimali, potenzjalment anke permezz ta’ aktar residwi tal-erbiċidi fuq l-ikel u l-għalf;

G.  billi l-valutazzjoni tar-residwi tal-erbiċidi u l-metaboliti li jinsabu fuq il-pjanti ġenetikament modifikati titqies li taqa’ barra mill-mandat tal-Bord tal-EFSA dwar l-Organiżmi Ġenetikament Modifikati (“Bord tal-EFSA dwar l-OĠM”) u għalhekk ma ssirx bħala parti mill-proċess ta’ awtorizzazzjoni għall-OĠM;

H. billi l-impatti negattivi li jirriżultaw mid-dipendenza eċċessiva fuq l-erbiċidi ser jaggravaw is-saħħa tal-ħamrija, il-kwalità tal-ilma, u l-bijodiversità ta’ fuq u taħt l-art, kif ukoll iwasslu għal żieda fl-esponiment tal-bniedem u tal-annimali, potenzjalment ukoll permezz ta’ żieda fir-residwi tal-erbiċidi fuq l-ikel u l-għalf;

I. billi, bħala parti mill-valutazzjoni tas-sikurezza tal-OĠM, il-Bord tal-EFSA dwar l-OĠM ma kkunsidrax il-kundizzjonijiet fil-ħajja reali għat-tkabbir ta’ dawn il-pjanti, inkluż l-ammonti kbar ta’ erbiċidi li jiġu applikati fil-prattika, ir-residwi mill-bexx b’erbiċidi komplementari kif ukoll l-impatt ta’ bexx iktar intensiv fuq il-kompożizzjoni ġenerali tal-pjanta;

J.  billi l-glufosinate huwa kklassifikat bħala tossiku għar-riproduzzjoni 1B u għaldatstant jissodisfa “l-kriterji ta’ limitu” stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[7] billi l-approvazzjoni tal-glufosinate għall-użu fl-Unjoni skadiet fil-31 ta’ Lulju 2018;

Kummenti mill-partijiet ikkonċernati

K. billi analiżi dettaljata minn organizzazzjoni indipendenti tar-riċerka kkonkludiet li l-opinjoni tal-EFSA għandha tiġi rrifjutata minħabba difetti kbar u lakuni sostanzjali u evidenza ġdida li turi li l-opinjoni tal-EFSA mhijiex konklużiva;

Il-ħarsien tal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni

L.  billi rapport tal-2017 mir-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar id-dritt għall-ikel sab li, partikolarment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, il-pestiċidi perikolużi għandhom impatti katastrofiċi fuq is-saħħa[8]; billi l-Mira 3.9 tal-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDG) tan-NU għandha l-għan li sal-2030 jitnaqqas sostanzjalment in-numru ta’ mwiet u mard minn sustanzi kimiċi perikolużi u t-tniġġis u l-kontaminazzjoni tal-arja, l-ilma u l-ħamrija[9]; billi l-awtorizzazzjoni tal-importazzjoni tal-lift ġenetikament modifikat iżżid id-domanda għal din l-għalla, li hija maħsuba biex tiġi ttrattata bid-dikamba, u b’hekk iżżid l-esponiment tal-ħaddiema u tal-ambjent f’pajjiżi terzi; billi r-riskju ta’ esponiment akbar tal-ħaddiema u tal-ambjent huwa ta’ tħassib partikolari b’relazzjoni mal-għelejjel ġenetikament modifikati tolleranti għall-erbiċidi, minħabba l-volumi akbar ta’ erbiċidi użati;

M. billi l-Unjoni, bħala parti għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika tan-NU (“KDB tan-NU”), għandha r-responsabbiltà li tiżgura li l-attivitajiet li jaqgħu fil-ġuriżdizzjoni u l-kontroll tagħha ma jikkawżawx ħsara lill-ambjent ta’ Stati oħrajn[10];

N.  billi r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 jiddikjara li l-ikel jew l-għalf ġenetikament modifikat ma jridx ikollu effetti negattivi fuq is-saħħa umana, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent, u jirrikjedi li l-Kummissjoni tqis kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti tad-dritt tal-Unjoni u fatturi leġittimi oħrajn rilevanti għall-kwistjoni li tkun qed tiġi kkunsidrata meta tfassal id-deċiżjoni tagħha; billi dawn il-fatturi leġittimi għandhom jinkludu l-obbligi tal-Unjoni skont l-SDG tan-NU, il-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima u l-KDB tan-NU;

Teħid ta’ deċiżjonijiet mhux demokratiku

O.  billi l-votazzjoni tal-24 ta’ Ottubru 2023 tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf imsemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 ma ħarġet l-ebda opinjoni, li jfisser li l-awtorizzazzjoni ma kinitx appoġġjata minn maġġoranza kwalifikata tal-Istati Membri;

P.  billi l-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-fatt li d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-OĠM għadhom jiġu adottati mill-Kummissjoni mingħajr maġġoranza kwalifikata tal-Istati Membri favur, li hija verament l-eċċezzjoni għal awtorizzazzjonijiet għal prodott inġenerali iżda saret in-norma għat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-awtorizzazzjonijiet tal-ikel u l-għalf ġenetikament modifikati, huwa problematiku;

Q.  billi, fit-tmien leġiżlatura tiegħu, il-Parlament b’kollox adotta 36 riżoluzzjoni li joġġezzjonaw għat-tqegħid fis-suq ta’ OĠM għal ikel u għalf (33 riżoluzzjoni) u għall-kultivazzjoni ta’ OĠM fl-Unjoni (tliet riżoluzzjonijiet); billi, fid-disa’ leġiżlatura tiegħu, il-Parlament diġà adotta 36 oġġezzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ OĠM; billi ma kienx hemm maġġoranza kwalifikata ta’ Stati Membri favur l-awtorizzazzjoni tal-ebda minn dawk l-OĠM; billi r-raġunijiet għaliex l-Istati Membri ma jappoġġjawx l-awtorizzazzjonijiet jinkludu n-nuqqas ta’ rispett għall-prinċipju ta’ prekawzjoni fil-proċess tal-awtorizzazzjoni u tħassib xjentifiku relatat mal-valutazzjoni tar-riskju;

R.  billi minkejja r-rikonoxximent tagħha stess tan-nuqqasijiet demokratiċi, in-nuqqas ta’ appoġġ mill-Istati Membri u l-oġġezzjonijiet tal-Parlament, il-Kummissjoni tkompli tawtorizza l-OĠM;

S.  billi ma hija meħtieġa ebda bidla fil-liġi biex il-Kummissjoni ma tkunx tista’ tawtorizza l-OĠM meta ma jkunx hemm maġġoranza kwalifikata ta’ Stati Membri favur fil-Kumitat ta’ Appell[11];

1. Iqis li l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni jaqbeż is-setgħat ta’ implimentazzjoni previsti fir-Regolament (KE) Nru 1829/2003;

2. Iqis li l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni mhuwiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni, billi mhuwiex kompatibbli mal-għan tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 li, f’konformità mal-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[12], huwa li jipprovdi l-bażi biex, b’relazzjoni mal-ikel u l-għalf ġenetikament modifikati, jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni għall-ħajja u s-saħħa umana, is-saħħa u l-benesseri tal-annimali, u l-interessi tal-ambjent u tal-konsumaturi, filwaqt li jiżgura l-funzjonament effettiv tas-suq intern;

3. Jistieden lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tagħha u tippreżenta abbozz ġdid lill-kumitat;

4. Jerġa’ jħeġġeġ lill-Kummissjoni tqis l-obbligi tal-Unjoni taħt il-ftehimiet internazzjonali, bħall-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima, il-KDB tan-NU u l-SDG tan-NU; itenni l-appell tiegħu biex l-abbozzi tal-atti ta’ implimentazzjoni jkunu akkumpanjati minn memorandum ta’ spjegazzjoni li jispjega kif dawn jirrispettaw il-prinċipju ta’ “la tagħmilx ħsara”[13];

5. Jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni finalment irrikonoxxiet, f’ittra tal-11 ta’ Settembru 2020 lill-Membri, il-ħtieġa li tqis is-sostenibbiltà meta tieħu deċiżjonijiet dwar l-awtorizzazzjoni tal-OĠM[14]; jesprimi d-diżappunt profond tiegħu, madankollu, li minn dakinhar ’l hawn il-Kummissjoni kompliet tawtorizza l-importazzjoni tal-OĠM fl-Unjoni, minkejja oġġezzjonijiet li għadhom għaddejjin mill-Parlament u minkejja li l-maġġoranza tal-Istati Membri vvutaw kontra;

6. Jistieden lill-Kummissjoni ma tawtorizzax l-importazzjoni ta’ għelejjel ġenetikament modifikati tolleranti għall-erbiċidi minħabba ż-żieda fl-użu ta’ erbiċidi komplementari, u r-riskji assoċjati għall-bijodiversità, is-sikurezza tal-ikel u s-saħħa tal-ħaddiema;

7. Jenfasizza li l-emendi adottati mill-Parlament Ewropew fis-17 ta’ Diċembru 2020 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011[15], li ġew adottati fil-Parlament bħala bażi għan-negozjati mal-Kunsill, jiddikjaraw li l-Kummissjoni m’għandhiex tawtorizza l-OĠM meta ma jkunx hemm maġġoranza kwalifikata tal-Istati Membri favur; jinsisti li l-Kummissjoni tirrispetta din il-pożizzjoni u jistieden lill-Kunsill jipproċedi bil-ħidma tiegħu u jadotta approċċ ġenerali dwar dan il-fajl bħala kwistjoni ta’ urġenza;

8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

Aġġornata l-aħħar: 8 ta' Diċembru 2023
Avviż legali - Politika tal-privatezza