Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0500/2023Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0500/2023

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar 30 sena tal-kriterji ta’ Copenhagen - aktar impetu lill-politika tat-tkabbir tal-UE

8.12.2023 - (2023/2987(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Dacian Cioloş, Dacian Cioloş, Petras Auštrevičius, Nicola Beer, Bernard Guetta, Vlad Gheorghe, Nathalie Loiseau, Karen Melchior, Javier Nart, Dragoş Pîslaru, María Soraya Rodríguez Ramos, Ramona Strugariu, Dragoş Tudorache, Hilde Vautmans
f’isem il-Grupp Renew

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0500/2023

Proċedura : 2023/2987(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0500/2023
Testi mressqa :
B9-0500/2023
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B9‑0500/2023

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar 30 sena tal-kriterji ta’ Copenhagen - aktar impetu lill-politika tat-tkabbir tal-UE

(2023/2987(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-tkabbir tal-UE, il-Balkani tal-Punent u l-Ewropa tal-Lvant,

 wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikoli 2, 4(3), 7 u 49 tiegħu, u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-artikoli tiegħu relatati mar-rispett għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fl-Unjoni, u l-protezzjoni u l-promozzjoni tagħhom,

 wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew li saret f’Copenhagen fil-21 u t-22 ta’ Ġunju 1993, magħrufa wkoll bħala l-“Kriterji ta’ Copenhagen”,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali tad-29 u t-30 ta’ April 1997 dwar l-applikazzjoni tal-kundizzjonalità bil-għan li tiġi żviluppata strateġija koerenti tal-UE għar-relazzjonijiet mal-pajjiżi tar-reġjun tal-Balkani tal-Punent,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni adottata waqt is-Summit bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent, f'Salonka, fil-21 ta’ Ġunju 2003, dwar il-prospettiva tal-adeżjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mal-UE,

 wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tat-23 ta’ Novembru 2022 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà dwar l-istrateġija l-ġdida tal-UE għat-tkabbir[1],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Novembru 2023 dwar proposti tal-Parlament Ewropew għar-reviżjoni tat-Trattati[2],

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta’ Ġunju 2022, u tad-29 u t-30 ta’ Ġunju 2023,

 wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali tal-UE tal-2016, li tispeċifika li politika tat-tkabbir kredibbli tirrappreżenta investiment strateġiku fis-sigurtà u l-prosperità tal-Ewropa, u li diġà kkontribwiet ħafna għall-paċi f'żoni li qabel kienu mifnija bil-gwerra,

 wara li kkunsidra l-prinċipji fundaturi tal-Unjoni Ewropea, inkluż l-impenn għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem,

 wara li kkunsidra l-applikazzjoni tal-Ukrajna għas-sħubija mal-UE tat-28 ta’ Frar 2022, u l-għoti konsegwenti ta’ status ta’ kandidat mill-Kunsill Ewropew fit-23 ta’ Ġunju 2022,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Novembru 2023 bit-titolu “Komunikazzjoni tal-2023 dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE” (COM(2023)0690),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi t-tkabbir huwa wieħed mill-aktar politiki ta’ suċċess tal-Unjoni, li jirrappreżenta investiment ġeopolitiku strateġiku u orjentat lejn il-futur fil-paċi, is-sigurtà, l-istabbiltà, il-kooperazzjoni u l-prosperità fil-kontinent Ewropew;

B. billi aktar minn 30 sena ilu, fil-21 u t-22 ta’ Ġunju 1993, it-tnax-il Kap ta’ Stat u ta’ Gvern tal-UE ta’ dak iż-żmien iltaqgħu f’Copenhagen u adottaw sett ta’ kriterji għas-sħubija mal-UE, inkluż dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, ekonomija tas-suq u l-kapaċità li jiġi implimentat b’mod effettiv l-acquis tal-UE;

C. billi l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, li huma parti mill-kriterji ta’ Copenhagen u li l-Istati Membri kollha għandhom l-obbligu li jirrispettaw f’kull ħin; billi l-mekkaniżmu tal-istat tad-dritt tal-UE tfassal biex jiżgura l-protezzjoni effettiva u koerenti tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri kollha;

D. billi t-tkabbir huwa proċess li minnu jgawdi kulħadd li ppromwova b’mod effettiv riformi komprensivi u rawwem trasformazzjoni demokratika fil-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali; billi ċ-ċikli preċedenti ta’ tkabbir saħħew b’suċċess is-suq uniku, rawmu t-tkabbir ekonomiku u saħħew l-influwenza globali tal-UE;

E. billi l-UE jeħtiġilha titgħallem tagħlimiet importanti mit-tkabbir preċedenti, u dan jenfasizza l-ħtieġa ta’ kundizzjonalità msaħħa, l-implimentazzjoni sħiħa tar-riformi, mekkaniżmi ta’ monitoraġġ effettivi u l-allinjament sħiħ tal-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali mal-objettivi u l-azzjoni tal-politika estera u ta’ sigurtà tal-UE;

F. billi t-tkabbir u l-approfondiment tal-UE huma proċessi paralleli u huwa essenzjali li dawn jimxu id f’id; billi riforma tal-istrutturi ta’ governanza tal-UE, inkluż li jiġu ssimplifikati l-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet, diġà hija meħtieġa fil-kompożizzjoni attwali tal-UE u hija prekundizzjoni meħtieġa biex Unjoni Ewropea mkabbra tiffunzjona b’mod xieraq u effiċjenti; billi UE riformata u li tiffunzjona aħjar hija fl-interess kemm tal-Istati Membri attwali kif ukoll ta’ dawk futuri;

G. billi l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna biddlet b’mod sinifikanti x-xenarju ġeopolitiku u tat tifsira ġeostrateġika ġdida lit-tkabbir tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li kompliet issaħħaħ l-importanza u l-urġenza tal-politika tat-tkabbir tal-UE bħala għodda strateġika li tipproteġi u tippromwovi l-paċi, is-sigurtà, l-istabbiltà, il-kooperazzjoni u l-valuri demokratiċi fil-kontinent Ewropew;

H. billi l-kredibbiltà u l-effikaċja tal-politika tat-tkabbir jiddependu mir-rieda politika effettiva u l-impenn li juru l-pajjiżi kandidati, kif ukoll mill-kapaċità tal-UE li tiżgura proċess ta’ adeżjoni ġust, rigoruż u trasparenti filwaqt li jiġu rikonoxxuti ċ-ċirkostanzi uniċi u l-progress individwali ta’ kull pajjiż kandidat; billi dan għandu jikkombina enfasi qawwija fuq il-kwistjonijiet fundamentali – l-istat tad-dritt, l-istandards demokratiċi, id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u r-riformi ekonomiċi – kif ukoll fuq l-allinjament tal-politika barranija u l-orjentazzjoni tas-sigurtà mal-introduzzjoni gradwali tal-pajjiżi kandidati f’diversi setturi tal-UE, sabiex jinżamm il-momentum għar-riforma u ċ-ċittadini jkunu jistgħu jaraw minn kmieni l-benefiċċji tat-tkabbir; billi n-nuqqas ta’ progress għandu jagħmel l-introduzzjoni gradwali u settorjali reversibbli sabiex tissaħħaħ il-kredibbiltà tal-proċess;

I. billi n-negozjati tal-adeżjoni għandhom iqisu r-riflessjonijiet li għaddejjin dwar il-futur tal-politiki tal-UE, sabiex ir-riformi li jimplimentaw il-pajjiżi kandidati jkunu konsistenti u jgħinuhom jippreparaw b’mod adegwat għall-perspettiva fit-tul tal-politiki tal-UE;

J. billi, biex il-pubbliku jibqa’ jappoġġja l-proċess tat-tkabbir, huma kruċjali komunikazzjoni effettiva u permanenti maċ-ċittadini u sensibilizzazzjoni tagħhom kemm fl-Istati Membri tal-UE kif ukoll fil-pajjiżi kandidati;

K. billi l-kapaċità tal-UE li tindirizza sfidi bħat-tibdil fil-klima, ir-riskji taċ-ċibersigurtà u t-theddid għas-saħħa pubblika tissaħħaħ billi l-pajjiżi kandidati jiġu integrati fil-qafas ta’ politika Ewropew;

1. Jesprimi l-impenn qawwi tiegħu għall-politika tat-tkabbir bħala strument ewlieni li jippromwovi l-paċi, is-sigurtà, l-istabbiltà, il-kooperazzjoni u l-valuri kondiviżi fl-Ewropa u għall-kriterji ta’ Copenhagen, li huma s-sett ewlieni ta’ kriterji għas-sħubija mal-UE;

2. Jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu għas-sħubija tal-UE futura tal-pajjiżi kandidati; jemmen li t-tkabbir tal-UE jikkostitwixxi investiment ġeostrateġiku f’Ewropa magħquda u b’saħħitha;

3. Jilqa’ l-pakkett tat-tkabbir tal-Kummissjoni tal-2023 u r-rakkomandazzjoni pożittiva tal-Kummissjoni biex jinfetħu negozjati ta’ adeżjoni mal-Ukrajna u r-Repubblika tal-Moldova; jistieden lill-Kunsill Ewropew jagħmel l-istess u jiddeċiedi dwar il-ftuħ tan-negozjati ta’ adeżjoni maż-żewġ pajjiżi fil-laqgħa tiegħu ta’ Diċembru 2023; jilqa’ l-isforzi tal-awtoritajiet tal-pajjiżi kandidati biex javvanzaw l-aġenda ta’ riforma tagħhom u jħeġġiġhom jirduppjaw l-isforzi tagħhom sabiex isir progress lejn sħubija mal-UE, f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni;

4. Jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jsaħħu l-kapaċità tal-UE li taġixxi billi jirriformaw it-teħid tad-deċiżjonijiet, inkluż permezz tal-introduzzjoni ta’ votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata, u billi jiżguraw il-funzjonament effettiv ta’ Unjoni mkabbra kollha kemm hi, b’mod parallel man-negozjati tal-adeżjoni mal-pajjiżi kandidati, sabiex l-UE tkun lesta tilqa’ Membri ġodda f’perjodu ta’ żmien raġonevoli; jappella għal djalogu komprensiv u inklużiv fost l-Istati Membri tal-UE biex jiġu rikonċiljati d-differenzi bejn l-istati favur it-tkabbir u l-istati retiċenti, filwaqt li jitrawwem kunsens li jirrikonoxxi l-ħtieġa kemm għat-tkabbir kif ukoll għar-riforma tat-trattati;

5. Jissottolinja li l-adeżjoni mal-UE trid dejjem tkun proċedura bbażata fuq il-mertu fejn kull applikant jiġi vvalutat fuq il-mertu tiegħu stess biex jissodisfa l-kriterji ta’ Copenhagen, b’mod partikolari dawk li jiżguraw rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem, għad-demokrazija u għall-istat tad-dritt; jenfasizza l-prijorità assoluta li jissaħħaħ l-istat tad-dritt, li jibqa’ waħda mill-aktar kundizzjonijiet importanti għas-sħubija mal-UE, fil-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali kollha, biex jiġi żgurat li t-tkabbir tal-UE jsaħħaħ pjuttost milli jdgħajjef l-UE u s-suq uniku tagħha;

6. jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-effikaċja, il-ġustizzja u t-trasparenza kontinwi tal-proċess ta’ adeżjoni, inkluż fil-valutazzjoni tal-progress tal-kandidati biex jissodisfaw il-kriterji ta’ Copenhagen;

7. Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tivvaluta formalment il-pajjiżi tal-adeżjoni taħt il-mekkaniżmu tal-istat tad-dritt tal-UE bl-għan li tipprovdi stampa oġġettiva u ċara tas-sitwazzjoni attwali sabiex jiġu evitati nuqqas persistenti ta’ progress, nuqqasijiet serji u rigressjoni; fl-istess ħin itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex toħloq rabta diretta bejn ir-rapporti annwali dwar l-istat tad-dritt, fost sorsi oħra, u l-mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità tal-istat tad-dritt;

8. Jemmen bis-sħiħ li l-allinjament mal-objettivi u l-azzjoni tal-politika estera u ta’ sigurtà tal-UE huwa neċessità fundamentali għall-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali; jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jaċċelleraw l-integrazzjoni tal-pajjiżi li juru orjentazzjoni strateġika u impenn sod għar-riformi relatati mal-UE, il-konsolidazzjoni demokratika, il-valuri fundamentali u l-allinjament tal-politika estera u ta’ sigurtà;

9. Jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jinvolvu ruħhom b’mod attiv fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti u fil-promozzjoni ta’ relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat fir-reġjun tal-Balkani tal-Punent u tas-Sħubija tal-Lvant u jkomplu jiżvolġu rwol proattiv biex isolvu kwistjonijiet bilaterali pendenti u jippromwovu l-kooperazzjoni reġjonali fost il-pajjiżi kandidati;

10. Itenni l-appell tiegħu għal interazzjoni innovattiva, komplementari u flessibbli bejn l-implimentazzjoni tal-ftehimiet attwali, bħall-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni, u l-proċess ta’ negozjati għall-adeżjoni, li tippermetti l-integrazzjoni gradwali tal-pajjiżi kandidati fis-suq uniku tal-UE, ibbażata fuq pjan ta’ azzjoni prijoritarju u programmi settorjali rilevanti u li tipprovdi aċċess għall-fondi rilevanti tal-UE, b’mod li ċ-ċittadini tal-pajjiżi kandidati jkunu jistgħu jgawdu l-benefiċċji tal-adeżjoni matul il-proċess u mhux biss meta dan ikun tlesta; iqis li din l-adeżjoni gradwali mal-fondi u l-programmi tal-UE trid tkun reversibbli jekk pajjiż kandidat jonqos milli jżomm l-impenji tiegħu;

11. Jistieden lill-Kummissjoni tadatta n-negozjati tal-adeżjoni biex tqis ir-riflessjonijiet li għaddejjin bħalissa u l-perspettivi ta’ riforma fit-tul tal-politiki tal-UE;

12. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tesplora mekkaniżmi innovattivi għall-kooperazzjoni mal-pajjiżi kandidati, inklużi inizjattivi ta’ investiment konġunt, kollaborazzjoni fir-riċerka u skambji edukattivi, sabiex tindirizza sfidi komuni;

13. Jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jżidu b’mod sinifikanti l-involviment pubbliku u jtejbu l-isforzi ta’ komunikazzjoni strateġika biex jinfurmaw u jinvolvu liċ-ċittadini kemm fl-Istati Membri tal-UE kif ukoll fil-pajjiżi kandidati rigward il-benefiċċji u l-isfidi tal-politika tat-tkabbir; jistieden lill-awtoritajiet tal-pajjiżi tal-adeżjoni biex jikkontribwixxu bis-sħiħ għal dawn l-isforzi;

14. Jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jkomplu jappoġġjaw il-litteriżmu fil-media u l-indipendenza tal-media, kif ukoll is-soċjetà ċivili, fil-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali, u jappoġġjawhom fil-ġlieda tagħhom kontra l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-indħil barrani malizzjuż, sabiex isaħħu l-istituzzjonijiet u l-valuri demokratiċi;

15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi ta’ adeżjoni.

 

Aġġornata l-aħħar: 12 ta' Diċembru 2023
Avviż legali - Politika tal-privatezza