MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar it-tentattiv ta’ kolp ta’ stat fil-Gwatemala
12.12.2023 - (2023/3031(RSP))
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura
Leopoldo López Gil
f’isem il-Grupp PPE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0526/2023
B9‑0527/2023
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tentattiv ta’ kolp ta’ stat fil-Gwatemala
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Gwatemala u, b’mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Settembru 2023 dwar il-Gwatemala: is-sitwazzjoni wara l-elezzjonijiet, l-istat tad-dritt u l-indipendenza ġudizzjarja[1],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (VP/RGħ) tal-21 u t-28 ta’ Awwissu 2023 dwar l-elezzjoni presidenzjali fil-Gwatemala u tat-8 ta’ Diċembru 2023 dwar l-aħħar żviluppi fil-Gwatemala,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Segretarjat Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani tat-8 ta’ Diċembru 2023 li tikkundanna t-tentattiv ta’ kolp ta’ Stat fil-Gwatemala,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi fit-28 ta’ Awwissu 2023 it-Tribunal Elettorali Suprem tal-Gwatemala ħabbar ir-riżultati uffiċjali tal-elezzjonijiet paċifiċi u organizzati tajjeb, filwaqt li ddikjara lil Bernardo Arévalo u Karin Herrera mill-Movimiento Semilla bħala President u Viċi President eletti tal-Gwatemala;
B. billi Movimiento Semilla kien soġġett għal azzjonijiet legali u proċedurali selettivi u arbitrarji mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku;
C. billi fit-8 ta’ Diċembru 2023, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Gwatemala ddikjara li seħħew irregolaritajiet matul l-għadd tal-voti u l-ipproċessar tar-riżultati mit-Tribunal Elettorali Suprem;
D. billi bi tweġiba għal dawn id-dikjarazzjonijiet, it-Tribunal Elettorali Suprem afferma mill-ġdid li l-allegazzjonijiet ma jbiddlux ir-riżultati li juru li Bernardo Arévalo rebaħ;
E. billi l-prosekuturi talbu wkoll li titneħħa l-immunità ta’ Bernardo Arévalo;
F. billi Bernardo Arévalo ċaħad dawn l-allegazzjonijiet bħala tentattiv mill-prosekuturi biex jinvalidaw ir-rebħa elettorali tiegħu;
G. billi l-UE u sħab internazzjonali oħra ddenunzjaw dawn it-tentattivi biex jiġi annullat l-eżitu tal-elezzjonijiet, il-passi meħuda biex jiġu kriminalizzati operaturi ġudizzjarji indipendenti u l-istrumentalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji u tal-prosekuzzjoni;
1. Jirrifjuta l-isforzi kontinwi tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku biex jannulla r-riżultati tal-elezzjonijiet ġenerali u presidenzjali tal-Gwatemala permezz ta’ allegazzjonijiet mhux sostanzjati ta’ frodi u jitlob li dawn l-azzjonijiet jieqfu immedjatament;
2. Jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jirrispettaw ir-riżultati tal-elezzjoni, kif validati mit-Tribunal Elettorali Suprem, biex jiżguraw tranżizzjoni bla xkiel tal-presidenza għall-President il-ġdid Bernardo Arevalo fl-14 ta’ Jannar 2024, f’konformità max-xewqat taċ-ċittadini tal-Gwatemala kif espressi permezz tal-voti tagħhom;
3. Jirrifjuta kwalunkwe tentattiv biex l-awtoritajiet eletti ma jitħallewx jidħlu fil-kariga skont il-mandat demokratiku tagħhom;
4. Ifakkar li r-rispett għall-indipendenza tal-ġudikatura, il-pluraliżmu politiku u l-libertà tal-espressjoni huma drittijiet fundamentali u pilastri tad-demokrazija u l-istat tad-dritt;
5. Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Istati Membri u lid-Delegazzjoni tal-UE għall-Gwatemala jkomplu jimmonitorjaw is-sitwazzjoni fil-Gwatemala sakemm ikun hemm garanziji ċari u sodi li l-eżitu tal-elezzjonijiet ġenerali tal-25 ta’ Ġunju 2023 u dawk presidenzjali tal-20 ta’ Awwissu 2023 se jiġu rispettati;
6. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, lin-Nazzjonijiet Uniti, lill-awtoritajiet tal-Gwatemala u lill-Parlament tal-Amerika Ċentrali.
- [1]Testi adottati, P9_TA(2023)0322.