MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar it-tentattiv ta’ kolp ta’ stat fil-Gwatemala
12.12.2023 - (2023/3031(RSP))
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura
Miguel Urbán Crespo, Idoia Villanueva Ruiz
f’isem il-Grupp The Left
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0526/2023
B9‑0528/2023
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tentattiv ta’ kolp ta’ stat fil-Gwatemala
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Gwatemala u, b’mod partikolari, dawk tal-14 ta’ Settembru 2023 dwar il-Gwatemala: is-sitwazzjoni wara l-elezzjonijiet, l-istat tad-dritt u l-indipendenza ġudizzjarja[1], tal-14 ta’ Marzu 2019 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Gwatemala[2] u tas-7 ta’ April 2022 dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika tal-Gwatemala[3],
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tal-1948, il-Patti Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, u d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1998,
– wara li kkunsidra l-istqarrijiet tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tat-8 ta’ Diċembru 2023 u tal-21 u t-28 ta’ Awwissu 2023 dwar l-elezzjonijiet presidenzjali fil-Gwatemala,
– wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Missjoni ta’ Osservazzjoni Elettorali tal-Unjoni Ewropea fil-Gwatemala tat-13 ta’ Novembru 2023,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tad-9 ta’ Diċembru 2023 li tiddeplora t-tentattivi persistenti biex jiġi mminat l-eżitu tal-elezzjonijiet, u tas-27 ta’ Lulju 2023 li tesprimi tħassib serju dwar tentattivi biex jiġi mminat il-proċess elettorali fil-Gwatemala,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi fit-28 ta’ Awwissu 2023 it-Tribunal Elettorali Suprem tal-Gwatemala ħabbar ir-riżultati uffiċjali ta’ elezzjonijiet paċifiċi u organizzati tajjeb u ddikjara r-rebħa ċara ta’ Bernardo Arévalo u Karin Herrera tal-Movimiento Semilla, rispettivament bħala President u Viċi President eletti tal-Gwatemala;
B. billi fit-8 ta’ Diċembru, José Rafael Curruchiche, il-Prosekutur Speċjali Kontra l-Impunità, iddikjara li l-elezzjonijiet għandhom jiġu ddikjarati “nulli u bla effett”, minħabba anomaliji fir-reġistri elettorali; billi l-akkużi tal-prosekutur identifikaw ukoll lil Arévalo għal allegat ħasil tal-flus, fost reati oħra; billi l-president tat-Tribunal Elettorali Suprem ħabbar li r-riżultati kienu “vvalidati, uffiċjali u ma setgħux jinbidlu”;
C. billi kemm il-kandidat elett Bernardo Arévalo, kif ukoll diversi istituzzjonijiet internazzjonali ħarġu twissijiet dwar il-kolp ta’ stat li għaddej;
D. billi dan it-tentattiv huwa biss l-aħħar sforz tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, ta’ xi mħallfin u tal-Kungress tal-Gwatemala biex ibiddlu r-riżultati elettorali, minkejja l-fatt li l-liġi ma tippermettix li l-prosekutur pubbliku jinterferixxi fl-eżitu tal-elezzjonijiet; billi Volker Türk, il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, akkuża lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali tal-Gwatemala li “pprova jimmina l-elezzjonijiet” u ddikjara li l-azzjonijiet ġudizzjarji u politiċi mill-awtoritajiet tal-Gwatemala ilhom żmien twil “jimminaw l-istat tad-dritt u d-demokrazija”;
E. billi fit-2 ta’ Novembru, ir-reġistrazzjoni legali tal-Movimiento Semilla reġgħet ġiet sospiża mit-Tribunal Elettorali Suprem; billi dan ifisser li, fost affarijiet oħra, il-Movimiento Semilla mhux se jkun jista’ jifforma grupp politiku jew ikun irrappreżentat fil-kummissjonijiet tal-Kungress; billi minn Lulju 2023, il-Movimiento Semilla u l-membri tiegħu ġew soġġetti għal persekuzzjoni politika u istituzzjonali, użu strateġiku tal-liġi kontrihom, arresti arbitrarji u theddidiet ta’ qtil; billi l-Missjoni ta’ Osservazzjoni Elettorali tal-UE fil-Gwatemala ddeskriviet il-każ bħala parti minn mudell ta’ “persekuzzjoni ġudizzjarja”, “fastidju” u “intimidazzjoni” kontra l-Movimiento Semilla;
F. billi sa mill-bidu, l-elezzjonijiet kienu kkaratterizzati minn attakki fuq id-dritt tal-vot u sforzi biex il-kundizzjonijiet ma jkunux uniformi; billi l-awtoritajiet elettorali kienu preċedentement ipprojbixxew lill-kandidati presidenzjali tal-oppożizzjoni Thelma Cabrera, Roberto Arzú u Carlos Pineda permezz ta’ deċiżjonijiet politikament motivati; billi l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali nieda investigazzjoni kriminali arbitrarja dwar il-kandidat Edmond Mulet;
G. billi f’Settembru, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali talab lill-Qorti Suprema u lill-Kungress jirrevokaw l-immunità legali tal-maġistrati fit-Tribunal Elettorali, sabiex ikunu jistgħu jiġu investigati għal allegati “irregolaritajiet” fl-akkwist ta’ software għat-trażmissjoni tar-riżultati elettorali; billi fis-7 ta’ Novembru, il-Qorti Suprema rreferiet il-każ lill-Kungress; billi fit-30 ta’ Novembru, il-maġġoranza tal-Kungress ivvotat favur it-tneħħija tal-immunità tal-erba’ maġistrati; billi tlieta minnhom imbagħad telqu mill-pajjiż;
H. billi f’Novembru, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ħabbar investigazzjoni dwar dimostrazzjoni fil-biċċa l-kbira paċifika li kienet saret fl-2022 fl-Università ta’ San Carlos; billi l-prosekuturi talbu mandati ta’ arrest għal 27 persuna fosthom attivisti, studenti, akkademiċi, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem (DDB) u membru tal-Movimiento Semilla; billi l-uffiċċju talab ukoll lill-Qorti Suprema tirrevoka l-immunità ta’ Arévalo u Herrera, sabiex ikunu jistgħu jiġu investigati talli allegatament ippromwovew il-protesta tal-istudenti permezz ta’ posts fuq il-media soċjali;
I. billi d-DDB, il-ġurnalisti indipendenti, il-prosekuturi, l-ex membri tal-Kummissjoni Internazzjonali kontra l-Impunità fil-Gwatemala u l-imħallfin li jinvestigaw u jesponu l-korruzzjoni u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem ġew kriminalizzati fil-Gwatemala f’dawn l-aħħar snin; billi, mill-2019, aktar minn 50 DDB, ġurnalisti, avukati u mħallfin ġew imġiegħla jitilqu mill-Gwatemala, minħabba akkużi kriminali inġusti u nuqqas ta’ garanziji ġudizzjarji fil-proċessi kontrihom; billi José Rubén Zamora, ġurnalist magħruf għall-investigazzjonijiet tiegħu dwar il-korruzzjoni fil-pajjiż, ġie kkundannat għal sitt snin ħabs f’Ġunju 2023; billi t-Tieni Awla tal-Appelli annullat il-kundanna f’Ottubru, iżda Zamora għadu l-ħabs waqt li qed jistenna proċess ġdid;
J. billi l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u r-Rapporteur Speċjali dwar l-indipendenza tal-imħallfin u l-avukati nnotaw li ħafna mill-investigazzjonijiet dwar il-prosekuturi u l-imħallfin jiksru l-indipendenza ġudizzjarja u l-proċess ġust u jidhru li huma ritaljazzjoni għall-ħidma tagħhom kontra l-korruzzjoni;
K. billi t-tentattivi biex jiġu injorati r-riżultati elettorali pprovokaw protesti massivi li jinvolvu l-movimenti indiġeni, tal-istudenti u popolari, fost l-oħrajn; billi d-dimostranti talbu li r-riżultati tal-votazzjoni jiġu rispettati u appellaw għar-riżenja tal-Avukat Ġenerali Consuelo Porras u tal-Prosekutur Speċjali Kontra l-Impunità, li huma meqjusa responsabbli għall-kolp ta’ stat li għaddej bħalissa;
1. Jikkundanna bil-qawwa l-kolp ta’ stat li għaddej bħalissa u jitlob li tintemm kwalunkwe azzjoni legali u proċedurali selettiva u arbitrarja biex jinqaleb ir-riżultat tal-elezzjonijiet;
2. Jitlob li l-partiti politiċi, il-fergħat tal-gvern u l-istituzzjonijiet tal-Gwatemala, inklużi l-Qorti Suprema tal-Ġustizzja u l-Qorti Kostituzzjonali, jirrispettaw bis-sħiħ is-separazzjoni tas-setgħat u r-rieda tal-poplu tal-Gwatemala, kif espressa b’mod ċar fil-kaxxi tal-voti, u jitlob li jappoġġaw it-trasferiment paċifiku u legali tal-poter u l-inawgurazzjoni ta’ Bernardo Arévalo fl-14 ta’ Jannar 2024;
3. Jirrifjuta s-sospensjoni tal-istatus legali tal-Movimiento Semilla u jistieden lill-awtoritajiet tal-Gwatemala jwaqqfu immedjatament il-prosekuzzjonijiet kriminali arbitrarji u illegali kollha kontra l-membri tiegħu;
4. Jirrifjuta l-kriminalizzazzjoni li għaddejja tal-operaturi tal-ġustizzja, eks uffiċjali mill-Kummissjoni Internazzjonali kontra l-Impunità fil-Gwatemala, id-DDB, il-ġurnalisti u oħrajn involuti fid-difiża tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-impunità fil-Gwatemala; iħeġġeġ lill-awtoritajiet iżommu lura minn kwalunkwe tentattiv biex jikkriminalizzaw, jistigmatizzaw jew b’xi mod ieħor jostakolawlhom xogħolhom;
5. Jistieden lill-awtoritajiet jeħilsu minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lil dawk li ntbagħtu l-ħabs talli eżerċitaw id-dritt tagħhom tal-libertà tal-espressjoni jew talli ddefendew id-drittijiet tagħhom, bħal Virginia Laparra u l-ġurnalist José Rubén Zamora; jitlob li jiġi rtirati l-proċedimenti kriminali infondati kollha kontrihom;
6. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Gwatemala jwaqqfu l-atti kollha ta’ kriminalizzazzjoni kontra dawk kollha li jiddefendu d-dritt għal-libertà akkademika u l-awtonomija universitarja, ineħħu l-proċedimenti kriminali bla bażi kollha kontra l-persuni detenuti inġustament matul id-dimostrazzjonijiet paċifiċi fl-Università ta’ San Carlos u jirtiraw il-mandati ta’ arrest kontra l-bqija tal-21 persuna f’riskju ta’ arrest;
7. Jitlob li jittieħdu passi biex tiġi garantita l-indipendenza tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali tal-Gwatemala u l-fergħa ġudizzjarja tiegħu; jiddenunzja l-fatt li l-istrumentalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji u ta’ prosekuzzjoni tal-Gwatemala u l-attakki u l-kriminalizzazzjoni diretti kontra dawk li jinvestigaw jew jipprosegwixxu organizzazzjonijiet kriminali b’rabtiet ma’ uffiċjali għolja tal-istat u sidien ta’ negozji, mhumiex fenomeni ġodda; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipproteġu lil dawk li jaħdmu fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-kriminalità u jiżguraw ir-ritorn sikur ta’ dawk imġiegħla jitilqu mill-pajjiż;
8. Jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw li s-sistema ġudizzjarja ma tintużax bħala għodda għall-prosekuzzjoni tas-soċjetà ċivili u tal-komunitajiet u li l-każijiet kollha jirċievu proċess ġudizzjarju ġust u trasparenti;
9. Jitlob ir-rispett tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni, tal-għaqda u tal-assoċjazzjoni ggarantiti min-normi internazzjonali u t-trattati u l-konvenzjonijiet tan-NU;
10. Jikkundanna l-qtil ta’ DDB, il-ġurnalisti u s-soċjetà ċivili u l-mexxejja tal-komunità, u l-attakki fuqhom, u jesprimi t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni partikolari ta’ dawk li jiddefendu d-dritt għall-art u t-territorju, peress li jiffaċċjaw kriminalizzazzjoni u attakki kostanti fuq id-drittijiet tagħhom; jissottolinja li l-awtoritajiet tal-Gwatemala jeħtiġilhom jiggarantixxu li d-DDB ikunu jistgħu jagħmlu xogħolhom u, f’dak is-sens, iħeġġeġ lill-awtoritajiet jiżviluppaw politika pubblika għall-protezzjoni tad-DDB, itemmu l-impunità u jħarrku lil dawk responsabbli għall-attakki fuqhom;
11. Jinsab estremament imħasseb dwar id-deterjorament kontinwu tal-istat tad-dritt fil-Gwatemala; ifakkar li, skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Amerka Ċentrali, il-Gwatemala jeħtiġilha tirrispetta u tikkonsolida l-prinċipji tal-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl taċ-ċirkostanzi attwali, tissospendi minnufih l-applikazzjoni provviżorja tal-pilastru kummerċjali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Amerika Ċentrali fir-rigward tal-Gwatemala;
12. Jiddenunzja l-effetti negattivi tal-attivitajiet tal-“kumpaniji multinazzjonali” tal-UE fil-Gwatemala, bħat-tfaqqir ġenerali u l-ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem li ġejjin mill-isfruttament tar-riżorsi umani u naturali tagħha, u jikkundanna l-impunità li dawn il-kumpaniji jibbenefikaw minnha fil-Gwatemala; jappella lill-Istati Membri jiżguraw li l-kumpaniji li jaqgħu taħt il-liġi nazzjonali tagħhom ma jinjorawx id-drittijiet tal-bniedem jew l-istandards soċjali, tas-saħħa u ambjentali li japplikaw għalihom meta jiċċaqilqu lejn pajjiż mhux tal-UE jew meta jwettqu negozju fih; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni kontra l-kumpaniji bbażati fl-UE li ma jirrispettawx dawn l-istandards jew li ma jagħtux kumpens adegwat lill-vittmi ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem li għalihom ikunu direttament jew indirettament responsabbli;
13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Kungress tar-Repubblika tal-Gwatemala, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarjat għall-Integrazzjoni Ekonomika Ċentru Amerikana u lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana.
- [1] Testi adottati, P9_TA(2023)0322.
- [2] ĠU L 23, 21.1.2021, p. 92.
- [3] ĠU L 434, 15.11.2022, p. 71.