Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0531/2023Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0531/2023

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar it-tentattiv ta’ kolp ta’ stat fil-Gwatemala

12.12.2023 - (2023/3031(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Angel Dzhambazki, Hermann Tertsch
fʼisem il-Grupp ECR

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0526/2023

Proċedura : 2023/3031(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0531/2023
Testi mressqa :
B9-0531/2023
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B9‑0531/2023

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tentattiv ta’ kolp ta’ stat fil-Gwatemala

(2023/3031(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Gwatemala,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Missjoni ta’ Osservazzjoni Elettorali tal-UE tal-Gwatemala u tal-Missjoni ta’ Osservazzjoni Elettorali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi fl-20 ta’ Awwissu 2023, il-President tal-partit Movimiento Semilla, Bernardo Arévalo, rebaħ l-elezzjonijiet presidenzjali fil-Gwatemala; billi r-rebħa ġiet ikkonfermata mit-Tribunal Elettorali Suprem (TSE) fl-istess jum;

B. billi fl-istess jum ukoll, ir-reġistru elettorali ddeċieda li jissospendi l-istatus legali tal-Movimiento Semilla; billi fit-3 ta’ Settembru 2023, it-Tribunal Elettorali Suprem annulla s-sospensjoni tal-partit Movimiento Semilla, u witta t-triq biex Bernardo Arévalo jassumi uffiċjalment il-kariga ta’ president;

C. billi l-imġiba antidemokratika osservata fil-Gwatemala tmur kontra r-rieda ċara tal-poplu tal-Gwatemala u timmina l-impenji tal-Gwatemala favur il-Karta Demokratika Inter-Amerikana;

D. billi l-Istitut tal-Migrazzjoni tal-Gwatemala rrapporta li tliet imħallfin tat-Tribunal Elettorali Suprem telqu mill-pajjiż wara li l-Kungress iddeċieda li jirtira l-immunità tagħhom fil-qafas ta’ investigazzjoni kontra l-organizzazzjoni għax-xiri u l-użu frodulenti ta’ programm tal-kompjuter; billi t-Tribunal Elettorali Suprem saħaq li l-proċedura tal-irtirar tal-immunità tal-imħallfin kienet illegali, peress li huma qatt ma ġew innotifikati li huma partijiet fil-kawża;

E. billi t-Tribunal Elettorali Suprem iddenunzja l-persekuzzjoni politika mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, li qed ifittex li jannulla r-riżultati tal-aktar elezzjonijiet reċenti; billi t-Tribunal Elettorali Suprem iddikjara li r-riżultati tat-tellieqa presidenzjali ta’ din is-sena ma jistgħux jinbidlu wara li l-prosekuturi pubbliċi staqsew bil-miftuħ jekk għandhomx jannullaw il-votazzjoni;

F. billi t-Tribunal Elettorali Suprem wissa li jekk il-President elett, Bernardo Arévalo, u l-Viċi President eletta, Karin Herrera, ma jiħdux il-kariga fl-14 ta’ Jannar 2024, ikun hemm ksur tal-ordni kostituzzjonali; billi l-OAS ikkundannat ukoll id-dikjarazzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku bħala tentattiv ta’ kolp ta’ stat;

G. billi matul dawn l-aħħar snin, il-Gwatemala rat deterjorament fl-istat tad-dritt, ksur tad-drittijiet tal-bniedem, nuqqas ta’ indipendenza ġudizzjarja, u impunità fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, wieħed mill-fatturi ewlenin li wasslu għall-emigrazzjoni mill-Gwatemala;

1. Jisħaq li l-komunità internazzjonali u l-korpi ta’ osservazzjoni elettorali tagħha kkonfermaw ir-rieda tal-poplu tal-Gwatemala;

2. Jinsab imħasseb ħafna dwar l-azzjonijiet allarmanti u bla preċedent meħuda minn ċerti individwi u gruppi biex jimminaw ir-riżultati tal-elezzjoni ħielsa u ġusta tal-Gwatemala;

3. Jesprimi l-appoġġ tiegħu għat-tranżizzjoni politika paċifika tal-Gwatemala; iħeġġeġ lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku jieqaf jostakola t-trasferiment bla xkiel tal-poter lill-President elett, li impenja ruħu li jelimina l-korruzzjoni fil-Gwatemala;

4. Jistieden lill-partiti politiċi kollha tal-Gwatemala, lill-fergħat tal-gvern u lill-istituzzjonijiet jirrispettaw l-integrità tal-proċess elettorali u jiggarantixxu liċ-ċittadini tal-Gwatemala d-drittijiet ċivili u politiċi tagħhom, inkluża l-protezzjoni tal-uffiċjali eletti, f’konformità mal-istandards internazzjonali u reġjonali u l-liġijiet domestiċi;

5. Jinsab allarmat bit-tentattivi kontinwi biex l-uffiċjali tat-Tribunal Elettorali Suprem titneħħielhom l-immunità tagħhom u bir-rejds bla preċedent fl-uffiċċji u l-faċilitajiet ta’ ħżin tagħhom fejn jinżammu r-riżultati tal-elezzjoni; jestendi l-appoġġ tiegħu għall-ħidma li għaddejja mill-Missjoni Speċjali tal-OAS biex tassisti fit-tranżizzjoni presidenzjali, f’konformità mal-mandat tal-Kunsill Permanenti tal-OAS;

6. Jesprimi tħassib dwar id-detenzjoni arbitrarja ta’ prosekuturi, imħallfin, ġurnalisti indipendenti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

7. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Gwatemala jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa biex jissalvagwardjaw l-istat tad-dritt u r-rispett għall-prinċipji demokratiċi u r-rieda tal-poplu tal-Gwatemala;

8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-Aġent President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Gwatemala u lill-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Diċembru 2023
Avviż legali - Politika tal-privatezza