Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0062/2024Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0062/2024

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ix-xoljiment ippjanat ta’ strutturi essenzjali kontra l-korruzzjoni fis-Slovakkja u l-implikazzjonijiet tiegħu għall-istat tad-dritt

15.1.2024 - (2023/3021(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Vladimír Bilčík, Jeroen Lenaers, Tomas Tobé, Tomáš Zdechovský, Juan Ignacio Zoido Álvarez, Paulo Rangel, Javier Zarzalejos, Antonio López‑Istúriz White, Pilar del Castillo Vera, Isabel Benjumea Benjumea, Dolors Montserrat, Rosa Estaràs Ferragut, Gabriel Mato, Isabel Wiseler‑Lima, Frances Fitzgerald, Andrzej Halicki, Michaela Šojdrová, José Manuel Fernandes, Sandra Kalniete, Carlos Coelho, David Casa, Franc Bogovič, Karolin Braunsberger‑Reinhold, Radan Kanev, Rasa Juknevičienė, Pablo Arias Echeverría, Ana Collado Jiménez, Peter Pollák, Monika Hohlmeier, Siegfried Mureşan, Leopoldo López Gil
f’isem il-Grupp PPE
Domènec Ruiz Devesa, Matjaž Nemec, Juan Fernando López Aguilar, Evin Incir, Cyrus Engerer, Javier Moreno Sánchez
f’isem il-Grupp S&D
Sophia in ’t Veld, Moritz Körner
f’isem il-Grupp Renew
Sergey Lagodinsky
f’isem il-Grupp Verts/ALE
Konstantinos Arvanitis
f’isem il-Grupp The Left

Proċedura : 2023/3021(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0062/2024
Testi mressqa :
B9-0062/2024
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B9‑0062/2024

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ix-xoljiment ippjanat ta’ strutturi essenzjali kontra l-korruzzjoni fis-Slovakkja u l-implikazzjonijiet tiegħu għall-istat tad-dritt

(2023/3021(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 4, 6, 7 u 10 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 325 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra l-Artikoli 11, 12, 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta’ Marzu 2019 dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-UE, b’mod speċifiku f’Malta u fis-Slovakkja[1],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ April 2018 dwar il-protezzjoni tal-ġurnalisti investigattivi fl-Ewropa: il-każ tal-ġurnalist Slovakk Ján Kuciak u ta’ Martina Kušnírová[2],

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Lulju 2023 bit-titolu “Rapport dwar l-Istat tad-Dritt 2023 – Is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea” (COM(2023)0800),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

  1. billi matul dawn l-aħħar snin is-Slovakkja żiedet l-isforzi tagħha biex tiġġieled il-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata fil-livelli għolja, filwaqt li diversi ex uffiċjali għolja ġew akkużati b’reati ta’ tixħim u ttieħdu deċiżjonijiet ġudizzjarji finali fil-konfront tagħhom; billi l-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjali Slovakk, li beda l-attività tiegħu fl-1 ta’ Settembru 2004, u l-pulizija Slovakka kienu strumentali fil-ġestjoni ta’ każijiet marbuta ma’ korruzzjoni u reati serji, inklużi dawk relatati mal-użu ħażin tal-fondi tal-UE;
  2. billi l-għadd baxx ta’ każijiet investigati u n-nuqqas ta’ mekkaniżmu effettiv għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata fis-Slovakkja kienu r-raġunijiet ewlenin għall-ħolqien tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjali fis-Slovakkja; billi istitut speċjalizzat simili jeżisti f’diversi Stati Membri oħra, inkluż il-Prosekutur Ewropew speċjalizzat stabbilit reċentement fil-livell tal-UE, li s-Slovakkja approvat fil-Kunsill;
  3. billi l-gvern il-ġdid iddeċieda li jxolji l-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjali u li jnaqqas il-pieni kriminali għal reati serji, inklużi l-korruzzjoni u r-reati ambjentali, billi jemenda l-kodiċi kriminali permezz ta’ proċedura leġiżlattiva rapida fil-bidu tal-mandat tiegħu;
  4. billi l-proċedura mħaffa neħħiet il-possibbiltà ta’ dibattitu pubbliku sinifikanti jew ta’ proċess demokratiku dovut; billi aktar minn 20 000 ċittadin ripetutament ħarġu fit-toroq biex jipprotestaw kontra l-proposta kontroversjali; billi aktar minn 100 000 ċittadin iffirmaw b’mod konġunt żewġ petizzjonijiet kontra l-proposti tal-gvern u l-proċess leġiżlattiv rapidu; billi l-President Slovakk esprimiet tħassib serju dwar il-proposta u l-proċedura leġiżlattiva rapida u indikat li se tuża l-veto kontra l-liġi; billi fir-Rapport dwar l-Istat tad-Dritt 2023, il-Kummissjoni rrakkomandat li s-Slovakkja tiżgura konsultazzjoni pubblika effettiva u involviment tal-partijiet ikkonċernati fil-proċess tat-tfassil tal-liġijiet;
  5. billi matul il-proċess leġiżlattiv aċċelerat, il-Gvern Slovakk irrifjuta li jqis l-analiżi esperta u l-opinjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-Kummissjoni, inkluż it-tħassib kbir espress dwar kif il-bidliet proposti jimminaw il-ġlieda kontra l-korruzzjoni;
  6. billi, b’mod parallel, il-Ministru tal-Intern għamel bidliet sostanzjali fil-persunal u ħabbar bidliet strutturali u organizzattivi sinifikanti fil-pulizija Slovakka u f’istituzzjonijiet demokratiċi indipendenti oħra, inkluż fir-rigward ta’ investigaturi li kienu qed jaħdmu fuq każijiet kriminali serji u ta’ korruzzjoni fil-livelli għolja fl-Aġenzija Kriminali Nazzjonali tas-Slovakkja, u dan qajjem dubji dwar il-motivazzjonijiet għal tali bidliet; billi l-Gvern Slovakk issostitwixxa membri tal-Kunsill Ġudizzjarju tar-Repubblika Slovakka qabel tmiem il-mandat tagħhom u mingħajr ġustifikazzjoni xierqa;
  7. billi l-Gvern Slovakk ippropona leġiżlazzjoni lill-Parlament li telimina l-protezzjoni tal-informaturi għall-uffiċjali tal-pulizija, iddgħajjef il-libertà tal-espressjoni u tillimita d-drittijiet tal-persuni kollha fis-Slovakkja abbażi tal-introduzzjoni ta’ valutazzjoni arbitrarja u soġġettiva, li tmur kontra l-prinċipji tad-Direttiva tal-UE dwar l-Informaturi[3];
  8. billi l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) iddikjara, fit-18 ta’ Diċembru 2023, li xi emendi leġiżlattivi proposti mill-Gvern Slovakk dwar oqfsa legali u ta’ prosekuzzjoni fundamentali jistgħu joħolqu riskji għall-protezzjoni effettiva tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll għall-qafas tagħha kontra l-korruzzjoni, u ma jibqgħux jiżguraw li r-reati kontra l-baġit tal-UE jkunu punibbli b’sanzjonijiet kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi fis-Slovakkja; billi x-xoljiment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjali jista’ jimmina l-kollaborazzjoni u l-koordinazzjoni mal-UPPE, l-Aġenzija tal-UE għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali u l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi;
  9. billi l-Prim Ministru Slovakk spiss jirrikorri għal lingwaġġ diviżiv sabiex jippolarizza s-soċjetà Slovakka; billi skambju ta’ fehmiet rispettuż bejn il-mexxejja politiċi u ċ-ċittadini kollha, inklużi l-istudenti, huwa essenzjali għall-funzjonament tajjeb tad-demokrazija;
  10. billi fil-passat, attakki pubbliċi minn politiċi fis-Slovakkja kontra ġurnalisti, is-soċjetà ċivili u gruppi vulnerabbli ħolqu ambjent permissiv għal diskors ta’ mibegħda, li fih twettqu delitti vjolenti serji, inkluż il-qtil ta’ Ján Kuciak u Martina Kušnírová; billi Ján Kuciak speċjalizza fir-rapportar dwar l-evażjoni tat-taxxa, il-frodi tat-taxxa, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus fuq skala kbira, u wettaq investigazzjonijiet dwar diversi negozjanti b’rabtiet ma’ politiċi ta’ livell għoli; billi l-qtil ta’ Ján Kuciak u Martina Kušnírová huwa wieħed mill-aktar każijiet kumplessi li qed jiġu investigati u ssorveljati mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjali; billi hemm riskju li l-fajl jiġi ttrasferit lil prosekutur ġdid jekk l-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjali jiġi xolt;
  1. Jesprimi tħassib serju dwar il-proċess leġiżlattiv aċċelerat mhux ġustifikat tal-Gvern Slovakk, b’mod partikolari fir-rigward tal-emendi proposti tal-kodiċi kriminali u x-xoljiment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjali, billi dan jhedded l-integrità tal-proċessi ġudizzjarji, jimmina l-ġlieda tal-Unjoni Ewropea kontra l-frodi u jikkomprometti l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE u tal-ambjent naturali fis-Slovakkja; jistieden lill-Gvern Slovakk jikkunsidra mill-ġdid dawn l-emendi fid-dawl tal-konsegwenzi potenzjali tagħhom għall-istat tad-dritt, l-interessi finanzjarji tal-UE u l-qafas tal-UE kontra l-korruzzjoni; jistieden lill-Gvern Slovakk jirrispetta l-prinċipji vinkolanti tad-Direttiva tal-UE dwar l-Informaturi u jikkunsidra mill-ġdid il-bidliet proposti għall-protezzjoni tal-informaturi fis-Slovakkja; jesprimi tħassib partikolari dwar it-tneħħija retroattiva tal-protezzjoni tal-informaturi, li tirriżulta f’nuqqas ta’ ċertezza tad-dritt; jinnota li l-Uffiċċju Slovakk għall-Protezzjoni tal-Informaturi ssenjala dawn il-kwistjonijiet lill-Kummissjoni;
  2. Ifakkar li kwalunkwe riforma kriminali jrid ikun fiha salvagwardji suffiċjenti u adegwati biex jiġu żgurati l-kontinwazzjoni u l-effikaċja ta’ każijiet kriminali ġodda u li għadhom għaddejjin, speċjalment fir-rigward tal-korruzzjoni fil-livelli għolja, kif ukoll biex jiġu ggarantiti l-indipendenza tal-ġudikatura u l-awtonomija tas-servizz ta’ prosekuzzjoni f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni f’rapporti suċċessivi dwar l-istat tad-dritt; jesprimi tħassib li l-assenjazzjoni mill-ġdid tal-każijiet tal-Prosekutur Speċjali tista’ twassal għal dewmien konsiderevoli, u li xi każijiet jistgħu jitwaqqfu minħabba l-preskrizzjoni; iħeġġeġ lill-gvern jindirizza t-talba li ilha ssir għal riforma tal-paragrafu 363 tal-Liġi Proċedurali Kriminali Slovakka, u jintroduċi l-possibbiltà li tiġi kkontestata deċiżjoni tal-Prosekutur Ġenerali li ma ssirx prosekuzzjoni u miżuri jew salvagwardji oħra biex jiġi evitat l-użu ħażin ta’ din id-dispożizzjoni;
  3. Jenfasizza l-ħtieġa ta’ proċess pubbliku bir-reqqa li jqis l-opinjonijiet tal-esperti u l-istituzzjonijiet rilevanti, bħall-Kummissjoni ta’ Venezja, u jinkludi konsultazzjonijiet adegwati mal-partijiet ikkonċernati u pubbliċi fil-livell nazzjonali u tal-UE dwar kwalunkwe bidla fil-kodiċi kriminali attwali u fl-istrutturi inkarigati mill-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati serji, inklużi każijiet ta’ korruzzjoni fis-Slovakkja;
  4. Jappella għal livell aktar adegwat ta’ riżorsi umani u finanzjarji għal każijiet ta’ korruzzjoni u koordinazzjoni aħjar bejn l-investigaturi u l-prosekuturi tal-korruzzjoni, f’konformità mar-rakkomandazzjoni tal-UPPE, għall-investigazzjoni aktar effettiva ta’ reati relatati mal-korruzzjoni;
  5. Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib u tipprovdi informazzjoni dwar dawn l-iżviluppi, filwaqt li tieħu l-azzjonijiet meħtieġa biex tissalvagwardja l-istat tad-dritt u l-indipendenza ġudizzjarja, speċjalment fir-rigward ta’ każijiet ta’ korruzzjoni fil-livelli għolja, u tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-UE;
  6. Jirrikonoxxi u jappoġġja r-rwol u l-involviment importanti taċ-ċittadini u tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) fil-protezzjoni u l-promozzjoni tad-demokrazija u l-istat tad-dritt; jitlob li l-partijiet ikkonċernati jkunu involuti fil-proċess tat-tfassil tal-liġijiet, speċjalment b’rabta mal-użu ta’ proċeduri rapidi;
  7. Jagħti ġieħ lil Ján Kuciak sitt snin wara l-assassinju tiegħu u għall-ħidma essenzjali tiegħu bħala ġurnalist investigattiv; jistieden lill-awtoritajiet Slovakki jiżguraw li ssir ġustizzja;
  8. Iħeġġeġ lill-mexxejja politiċi kollha jinvolvu ruħhom b’mod kostruttiv u rispettuż maċ-ċittadini billi jirrispettaw il-prinċipji tad-dibattitu demokratiku u jirrispettaw l-istituzzjonijiet pubbliċi, l-istat tad-dritt u l-libertà akkademika; jistieden, għalhekk, lill-uffiċjali tal-gvern iżommu lura minn attakki verbali fuq individwi, ġurnalisti u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jissottolinja d-dmir tal-uffiċjali pubbliċi u tal-gvern li jservu liċ-ċittadini kollha, speċjalment f’pajjiż bi storja ta’ reati ta’ mibegħda u li fih inqatel ġurnalist;
  9. Jikkundanna r-rimarki mhux xierqa u irrispettużi tal-Prim Ministru, inkluż kontra student li kien parti minn inizjattiva biex jitħeġġeġ skambju akkademiku dwar l-istat tad-dritt fis-Slovakkja; jistieden lill-uffiċjali tal-gvern iżommu lura milli jqajmu dubji dwar il-leġittimità tad-deċiżjonijiet tal-qorti; huwa mħasseb ferm dwar il-pjanijiet imħabbra biex tiġi adottata leġiżlazzjoni li ddgħajjef l-ispazju ċiviku, inkluż billi tiġi ristretta l-ħidma tal-NGOs u billi jiġu stigmatizzati l-organizzazzjonijiet li jirċievu finanzjament barrani;
  10. Iwissi kontra kwalunkwe ndħil politika fl-indipendenza editorjali u l-integrità ġurnalistika; jinnota bi tħassib ir-ristrutturar ippjanat tar-Radju u t-Televiżjoni tas-Slovakkja, ix-xandar pubbliku ewlieni tal-pajjiż; jissottolinja l-importanza li tinżamm media ħielsa u indipendenti bħala pedament ta’ soċjetà demokratika;
  11. Jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni tal-Prim Ministru u ta’ diversi uffiċjali tal-gvern li jwaqqfu l-komunikazzjoni mal-organizzazzjonijiet ewlenin tal-media, filwaqt li jirrikonoxxi li dan huwa ostaklu sinifikanti għad-dritt tal-pubbliku li jirċievi informazzjoni rilevanti tal-gvern; jenfasizza li tali azzjonijiet inaqqsu l-libertà u t-trasparenza tal-media u jikkontribwixxu għat-tixrid ta’ diżinformazzjoni manipulattiva fl-ispazju pubbliku;
  12. Jistieden lill-Gvern Slovakk jirrispetta l-prinċipju tal-kooperazzjoni leali mal-istituzzjonijiet tal-UE;
  13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali u lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew.

 

Aġġornata l-aħħar: 16 ta' Jannar 2024
Avviż legali - Politika tal-privatezza